52012PC0228

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar mibgħutin ikkonsenjati, inter alia, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea sew jekk le /* COM/2012/0228 final - 2012/0113 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1)         Kuntest tal-proposta

110 || · Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ("ir-Regolament bażiku") fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le.

120 || · Il-Kuntest Ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u tirriżulta minn investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku.

139 || · Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta - Ir-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li jimponi miżuri tal-antidumping fuq ċerti ħbula tal-azzar u kejbils li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. - Ir-Regolament (UE) Nru 400/2010, li jestendi d-dazju antidumping definittiv imsemmi hawn fuq għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea. - Ir-Regolament (UE) Nru 102/2012, li jsostni dawn il-miżuri wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

141 || · Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli.

2)         Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt

|| · Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

219 || L-applikanti u l-industrija tal-Unjoni ġew infurmati bis-sejbiet tal-istħarriġ u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom.

|| · Ġbir u użu ta' għarfien espert

229 || Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern.

230 || · Stima tal-impatt Din il-proposta tirriżulta mill-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.

3)         Elementi ġuridiċi tal-proposta

305 || · Sommarju tal-azzjoni proposta Bir-Regolament (KE) Nru 1858/2005, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ħbula tal-azzar u kejbils ("il-prodott ikkonċernat") li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Permezz tar-Regolament (UE) Nru 400/2010, il-Kunsill estenda d-dazju antidumping definittiv imsemmi hawn fuq għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea. Permezz tal-istess Regolament, l-importazzjonijiet minn ċerti kumpaniji Koreani elenkati speċifikament kienu eżentati minn din l-estensjoni tad-dazju. Bir-Regolament (UE) Nru 102/2012 u wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill żamm dawn il-miżuri. L-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku jagħti l-possibbiltà lill-produtturi esportaturi li jissodisfaw ċerti kriterji, li jkunu eżentati minn dazju residwali u jiksbu marġni individwali ta' dumping ("trattament ta' produttur esportatur ġdid"). L-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku jagħti l-possibbiltà lill-kumpaniji ta' pajjiż li għalih il-miżuri huma estiżi wara investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) biex jiġu eżentati minn din l-estensjoni tal-miżuri. Il-kumpanija Seil Wire & Cable ("Seil"), produttur esportatur Korean tal-prodott ikkonċernat, talbet reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni wriet li Seil kien produttur esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku u li seta' jissodisfa l-kriterji biex jingħata eżenzjoni għall-estensjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk ġie propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament, li żżid lil Seil mal-lista ta' produtturi Koreani eżentati mill-miżuri. Ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

310 || · Il-bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

329 || · Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

|| · Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

331 || – Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħallix lok għal deċiżjoni nazzjonali.

332 || – L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat mal-għan tal-proposta, mhix applikabbli.

|| · L-għażla tal-istrumenti

341 || L-istrumenti proposti: Regolament.

342 || Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja: – ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4)         Implikazzjoni baġitarja

409 || Il-proposta ma fiha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2012/0113 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar mibgħutin ikkonsenjati, inter alia, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea sew jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament bażiku"), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.        IL-MIŻURI EŻISTENTI

(1)       Bir-Regolament (KE) Nru 1858/2005[2], il-Kunsill impona miżuri tal-antidumping fuq ħbula u kejbils tal-azzar inklużi l-ħbula kolja, esklużi l-ħbula u l-kejbils magħmula minn azzar li ma jissaddadx, b'dimensjoni trażversali massima ta' aktar minn 3 mm ("ċerti ħbula u kejbils tal-azzar" jew "il-prodott ikkonċernat"), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7312 10 81, ex 7312 10 83, ex 7312 10 85, ex 7312 10 89 u ex 7312 10 98 u li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali). Il-miżuri fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet kienu jikkonsistu f'rata tad-dazju applikabbli għas-CIF nett, ħielsa minn prezz tal-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, ta' 60,4 %.

(2)       Fit-12 ta' Awwissu 2009 u wara talba mressqa mill-Kumitat Kollaborattiv tal-Industriji tal-Ħbula tal-Wajer tal-UE, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Dik l-investigazzjoni ġiet konkluża bir-Regolament (UE) Nru 400/2010, li permezz tiegħu l-Kunsill estenda d-dazju definittiv antidumping kontra ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea (il-miżuri estiżi). Permezz tal-istess Regolament, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkonsenjati minn ċerti kumpaniji Koreani msemmija speċifikament kienu esklużi minn dawn il-miżuri billi l-kumpaniji kkonċernati ma nstabux li kienu qed jevadu l-miżuri. Barra minn hekk, għalkemm xi kumpaniji Koreani kkonċernati kienu relatati ma' kumpaniji tar-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri oriġinali, ma kien hemm l-ebda evidenza li t-tali relazzjoni nħolqot jew intużat għall-evażjoni tal-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina[3].

(3)       Bir-Regolament (UE) Nru 102/2012[4] u wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill żamm dawn il-miżuri.

B.        BIDU TA' REVIŻJONI

(4)       Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 969/2011 tad-29 ta' Settembru 2011[5], il-Kummissjoni fetħet reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 400/2010 għall-fini tad-determinazzjoni tal-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawn il-miżuri lil esportatur Korean wieħed, Seil Wire & Cable ('l-applikant'), abbrogat id-dazju tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet mingħand l-applikant, u għamlet l-importazzjoni minnu soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(5)       Ir-reviżjoni nfetħet hekk kif il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie rigward l-allegazzjonijiet tal-applikant li hu kien produttur esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku u li seta' jissodisfa l-kriterji biex jingħata eżenzjoni għall-estensjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(6)       Għalhekk, sar eżami biex jiġi stabbilit jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji biex jingħata eżenzjoni għall-miżuri estiżi kif stipulat fil-premessi minn (5) sa (7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 969/2011, billi jiġi vverifikat li:

(i)         ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009;

(ii)        ma evitax il-miżuri applikabbli għal ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina; kif ukoll

(iii)       beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi.

(7)       Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-għan tad-determinazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji ta' hawn fuq. Dan il-proċess inkluda żjara ta' verifika fil-post tan-negozju tal-applikant.

C.        IS-SEJBIET

(8)       L-applikant ta biżżejjed evidenza biex jipprova li ssodisfa t-tliet kriterji msemmija fil-premessa (6) ta' hawn fuq. Tabilħaqq, dan jista' jipprova li i) ma esportax lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009, ii) ma evitax il-miżuri applikabbli għal ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina, u iii) beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea wara t-30 ta' Ġunju 2009. Għalhekk, l-eżenzjoni għandha tingħata lill-kumpanija kkonċernata.

D.        Il-modifika tal-lista ta' kumpaniji li jibbenefikaw minn eżenzjoni għall-miżuri estiżi

(9)       B'konsiderazzjoni tas-sejbiet tal-investigazzjoni kif indikat fil-premessa (8) ta' hawn fuq, ġie konkluż li l-kumpanija Seil Wire & Cable għandha tiżdied mal-lista ta' kumpaniji li huma eżentati mid-dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament (UE) Nru 102/2012 fuq importazzjonijiet ta' ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiża għall-importazzjonijiet ta' ċerti ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea. Għalhekk, Seil Wire & Cable għandha tiżdied mal-lista ta' kumpaniji msemmija individwalment skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012. Kif stipulat fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 400/2010, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għandha tkun bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jiġu ppreżentati b'fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta' dak ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tkun ippreżentata, id-dazju antidumping għandu jibqa' japplika.

(10)     L-applikant u l-Industrija tal-Unjoni ġew infurmati bis-sejbiet tal-investigazzjoni u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom. Il-kummenti tagħhom ittieħdu f'kunsiderazzjoni fejn xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella msemmija fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 għandha tinbidel bit-tabella li ġejja:

Pajjiż || Kumpanija || Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Korea || Bosung Wire Rope Co., Ltd, 568,Yongdeok-ri, Hallim-myeon, Gimae-si, Gyeongsangnam-do, 621-872 || A969

|| Chung Woo Rope Co., Ltd, 1682-4, Songjung-Dong, Gangseo-Gu, Busan || A969

|| CS Co., Ltd, 287-6 Soju-Dong Yangsan-City, Kyoungnam || A 969

|| Cosmo Wire Ltd, 4-10, Koyeon-Ri, Woong Chon-Myon Ulju-Kun, Ulsan || A969

|| Dae Heung Industrial Co., Ltd, 185 Pyunglim – Ri, Daesan-Myun, Haman – Gun, Gyungnam || A969

|| DSR Wire Corp., 291, Seonpyong-Ri, Seo-Myon, Suncheon-City, Jeonnam || A969

|| Kiswire Ltd, 20th Fl. Jangkyo Bldg, 1, Jangkyo-Dong, Chung-Ku, Seoul || A969

|| Manho Rope & Wire Ltd, Dongho Bldg, 85-2 4 Street Joongang-Dong, Jong-gu, Busan || A969

|| Seil Wire and Cable, 47-4, Soju-Dong, Yangsan-Si, Kyungsangnamdo || A994

|| Shin Han Rope Co., Ltd, 715-8, Gojan-Dong, Namdong-gu, Incheon || A969

|| Ssang YONG Cable Mfg. Co., Ltd, 1559-4 Song-Jeong Dong, Gang-Seo Gu, Busan || A969

|| Young Heung Iron & Steel Co., Ltd, 71-1 Sin-Chon Dong,Changwon City, Gyungnam || A969

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma b'dan mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 969/2011. M'għandu jinġabar ebda dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet irreġistrati b'dan il-mod.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2]               ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1.

[3]               Ara l-premessa (80) tar-Regolament (UE) Nru 400/2010.

[4]               ĠU L 36, 9.2.2012, p. 1.

[5]               ĠU L 254, 30.9.2011, p. 7.