52012PC0156

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali /* COM/2012/0156 final - 2012/0078 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Artikolu 51 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra[1] ("il-Ftehim"), jistabbilixxi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu, b'deċiżjoni, jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali stabbiliti f'dak l-Artikolu.

Il-kuntest ġenerali

L-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro fih dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tal-Montenegro. Tinħtieġ Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilita mill-Ftehim, sabiex il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 51 ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.

Għadd ta' Ftehimiet oħra ma' pajjiżi terzi jinkludu dispożizzjonijiet simili dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali. Din il-proposta hi parti mill-pakkett ta’ proposti li jinkludi proposti simili fir-rigward tal-Ftehimiet mal-Albanija, San Marino u t-Turkija. L-ewwel pakkett bi proposti simili fir-rigward tal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Iżrael, ġie adottat mill-Kunsill f'Ottubru 2010[2].

Sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni f'dan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, tinħtieġ Deċiżjoni mill-Kunsill.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri huma kkoordinati mir-Regolament (KE) Nru 883/2004[3] u r-Regolament ta' implimentazzjoni tiegħu (KE) Nru 987/2009[4].

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1231/2010[5] jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Dan ir-Regolament diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni miksuba minn ħaddiema Montenegrini fid-diversi Stati Membri rigward id-dritt għal ċerti benefiċċji, kif stabbilit fl-Artikolu 51(1)(a) tal-Ftehim mal-Montenegro.

Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Montenegro għandu bħala wieħed mill-miri tiegħu li jsostni l-isforzi tal-Montenegro biex tiżviluppa l-kooperazzjoni ekonomika u internazzjonali tagħha. Il-Ftehim huwa pass 'il quddiem lejn it-tħejjija tal-Montenegro għal adeżjoni mal-UE. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Artikolu 51 tal-Ftehim bejn l-UE u l-Montenegro se ttejjeb ir-relazzjoni speċjali mal-Albanija, kif previst fl-Artikolu 8 tat-TUE.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-proposta għal koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Istati Membri u l-Montenegro hi mfassla kważi b'mod identiku fuq il-pakkett ta' sitt abbozzi tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni rispettivament, fir-rigward tal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Iżrael, li fir-rigward tagħhom il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea ġiet deċiża mill-Kunsill f'Ottubru 2010. Fl-2010 fil-Kunsill saru negozjati dettaljati dwar il-kontenut ta' dawn id-deċiżjonijiet. Dawn in-negozjati ġew preċeduti minn diskussjoni intensiva mal-Istati Membri kollha fil-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

Ma kien hemm l-ebda bżonn ta' għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

L-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro fih il-prinċipji għal koordinazzjoni limitata bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tal-Montenegro. Barra minn hekk, għadd ta' ftehimiet oħra ma' pajjiżi terzi jinkludu dispożizzjonijiet simili dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali. Kollha kemm huma jeħtieġu Deċiżjoni tal-korp rilevanti, stabbilit permezz ta' dawk il-ftehimiet, sabiex il-prinċipji ta' koordinazzjoni jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.

L-għan tal-Artikoli dwar is-sigurtà soċjali f'dawn il-ftehimiet huwa li ħaddiem mill-pajjiż assoċjat ikkonċernat ikun jista' jirċievi ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li hu jew kien suġġett għaliha. Dan japplika wkoll, fuq bażi ta’ reċiproċità, għal ċittadin tal-UE li jaħdem fil-pajjiż assoċjat.

Billi d-dispożizzjonijiet fil-proposti inklużi fil-pakkett kurrenti tal-proposti fir-rigward ta’ erba' pajjiżi (l-Albanija, il-Montenegro, San Marino u t-Turkija) huma kważi identiċi – kif ukoll kważi identiċi għall-ewwel pakkett ta' sitt deċiżjonijiet fir-rigward tal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Iżrael adottat mill-Kunsill f'Ottubru 2010, dan se jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Jista’ jkun hemm xi implikazzjonijiet finanzjarji għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawn il-proposti, billi jridu jipprovdu, pereżempju, il-benefiċċji kif imniżżel fl-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro. Madankollu, dan l-Artikolu jikkonċerna biss lill-persuni li qed jikkontribwixxu jew ikkontribwixxew għas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Fi kwalunkwe każ, jista’ jkun diffiċli li f’dan l-istadju jitkejjel l-impatt preċiż ta’ dawn il-proposti fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Din il-proposta tikkonsisti f'Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim mal-Montenegro u, fl-Anness, ta' abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro għal Deċiżjoni ta' din ix-xorta, sabiex jiddaħħlu fis-seħħ il-prinċipji tas-sigurtà soċjali li jinsabu f'dak l-Artikolu. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' dawk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro li għadhom mhumiex koperti mir-Regolament (UE) Nru 1231/2010.

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar l-esportazzjoni ta’ benefiċċji u l-għoti ta’ benefiċċji għall-familja japplikaw ukoll, fuq bażi ta’ reċiproċità, għall-ħaddiema tal-UE impjegati b'mod legali fil-Montenegro u għall-membri tal-familja tagħhom li huma residenti b'mod legali fil-Montenegro.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 79(2)(b) tiegħu. B'konsegwenza, id-Danimarka mhijiex se tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni. La l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit mhuma se jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, sakemm ma jinnotifikawx ix-xewqa li jieħdu parti fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tagħha. In-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fid-deċiżjoni tal-Kunsill huwa mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-Ftehim mal-Montenegro jipprevedi l-prinċipji dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali li jridu jiġu applikati b'mod ugwali mill-Istati Membri kollha. L-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji għandha għalhekk tkun ippreżentata għal kundizzjonijiet uniformi, li jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-propozjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

L-Istati Membri għad għandhom il-kompetenza esklussiva fid-determinazzjoni, l-organizzazzjoni u l-iffinanzjar tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali tagħhom.

Il-proposta torganizza sa ċertu punt biss il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tal-Montenegro, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, il-proposta ma taffettwa l-ebda dritt u obbligu li jirriżulta minn ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà soċjali konklużi bejn l-Istati Membri u l-Montenegro fejn din tal-aħħar tipprovdi trattament aktar favorevoli lill-persuni kkonċernati.

Il-proposta tnaqqas il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali, minħabba li hija parti minn pakkett ta' proposti simili li jiżgura applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta' sigurtà soċjali li jinsabu fi Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

L-għażla tal-istrumenti

Strumenti proposti: Deċiżjoni tal-Kunsill (li fl-Anness tinkludi abbozz ta’ Deċizjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni).

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni li ġejja.

Ma hemm l-ebda għażla alternattiva għall-azzjoni proposta. L-Artikolu 51 tal-Ftehim jirrikjedi Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi Deċiżjoni tal-Kunsill bl-għan li jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'korp imwaqqaf permezz ta' ftehim, meta dak il-korp jintalab biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.           L-ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Simplifikazzjoni

Il-proposta se twassal għal simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u għal simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-partijiet privati.

Id-dispożizzjonijiet fil-proposta relatati mal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini Montenegrini huma kważi identiċi għal dawk taċ-ċittadini tal-pajjiżi assoċjati l-oħra. Dan se jwassal għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u għal anqas piżijiet amministrattivi għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

Il-persuni li jaqgħu taħt din il-proposta ma jridux jiffaċċjaw dispożizzjonijiet nazzjonali differenti fir-rigward tal-prinċipji tas-sigurtà soċjali li jinsabu fl-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro, u jistgħu għalhekk iserrħu fuq id-dispożizzjonijiet uniformi fil-Komunità.

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

A. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Montenegro fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Artikolu 1

Dan l-Artikolu jipprevedi l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-UE fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-UE u tal-Montenegro.

B. L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali inklużi fil-Ftehim.

Taqsima I: Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Dan l-Artikolu jiddefinixxi, għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u għall-fini tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, it-termini "Ftehim", "Regolament", "Regolament ta' implimentazzjoni", "Stat Membru", "ħaddiem", "membru tal-familja", "leġiżlazzjoni", "benefiċċji" u "benefiċċji esportabbli", u jirreferi għar-Regolament u r-Regolament ta' implimentazzjoni għat-termini l-oħra użati fid-Deċiżjoni annessa.

Artikolu 2

F’konformità mat-test tal-Artikolu 51 tal-Ftehim mal-Montenegro, dan l-Artikolu jiddefinixxi l-persuni koperti mid-Deċiżjoni annessa.

Artikolu 3

Dan l-Artikolu jipprevedi trattament mhux diskriminatorju għall-persuni kollha koperti mill-Ftehim fir-rigward tal-benefiċċji kollha tas-sigurtà soċjali koperti minnu.

Parti II

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Montenegro

Din il-Parti tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tkopri l-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 51(1)(b) tal-Ftehim mal-Montenegro kif ukoll il-klawżola ta' reċiproċità fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 51(2).

Artikolu 4

Dan l-Artikolu jinkludi l-prinċipju tal-esportazzjoni tal-benefiċċji fi flus kontanti kif previst fl-Artikolu 51(1)(b) tal-Ftehim mal-Montenegro u jagħmilha ċara li dan il-prinċipju huwa limitat għall-benefiċċji li jinsabu fl-Artikolu 1(1)(i) tad-Deċiżjoni annessa li telenka l-benefiċċji msemmija f'dan il-paragrafu.

Parti III

Dispożizzjonijiet mixxellanji

Artikolu 5

Dan l-Artikolu fih dispożizzjonijiet ġenerali għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom, fuq naħa, u l-Montenegro u l-istituzzjonijiet tagħha, fuq in-naħa l-oħra, kif ukoll bejn il-benefiċjarji u l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għal dawk tal-Artikolu 76 (3), (4), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, u (5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Artikolu 6

Dan l-Artikolu jistipula l-proċeduri għall-verifiki amministrattivi u l-eżamijiet mediċi simili għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. Barra minn hekk, dan jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni oħrajn f’dan il-qasam.

Artikolu 7

Dan l-Artikolu jirreferi għall-possibbiltà li tintuża l-proċedura ta' soluzzjoni tat-tilwim stabbilita fil-Ftehim.

Artikolu 8

Dan l-Artikolu jirreferi għall-Anness II tad-Deċiżjoni annessa li huwa simili għall-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u li huwa meħtieġ sabiex jiġu stipulati d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Montenegrina fir-rigward tad-Deċiżjoni annessa.

Artikolu 9

Permezz ta' dan l-Artikolu, il-proċeduri amministrattivi minn ftehimiet eżistenti bejn Stat Membru u l-Montenegro jkomplu japplikaw skont ċerti kundizzjonijiet.

Artikolu 10

Dan l-Artikolu jipprevedi l-possibbiltà li jiġu konklużi Ftehimiet amministrattivi supplimentari.

Artikolu 11

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji stipulati skont dan l-Artikolu huma simili għad-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Artikolu 87 (1), (3), (4), (6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Artikolu 12

Dan l-Artikolu jiċċara l-istat legali tal-Annessi tad-Deċiżjoni annessa u l-proċedura għall-emenda tagħhom.

Artikolu 13

Dan l-Artikolu jiċċara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni annessa.

2012/0078 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 79(2)(b) flimkien mal-Artikolu 218 (9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Artikolu 51 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra[6] ("il-Ftehim"), jistabbilixxi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu, b'deċiżjoni, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dak l-Artikolu.

(2)       Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [l-Irlanda][u][ir-Renju Unit] [innotifikat][innotifikaw], permezz ta' ittra[ittri] ta' […], ix-xewqa [tagħha][tagħhom] li [tieħu][jieħdu] sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(3)       Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, [l-Irlanda][ir-Renju Unit] [mhix tipparteċipa][mhumiex jipparteċipaw] fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u [mhix] [mhumiex] marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(4)       Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Ftehim, għandha tissejjes fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Jista' jintlaħaq qbil dwar xi tibdil żgħir fl-abbozz tad-deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, minħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.

Magħmula fi Brussel,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Abbozz

DEĊIŻJONI Nru .../…. TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TAL-UE U L-MONTENEGRO

ta' ...

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra[7], u b’mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 51 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), jipprevedi l-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Montenegro u tal-Istati Membri u jistabbilixxi l-prinċipji għal din il-koordinazzjoni.

(2) L-Artikolu 51 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jadotta Deċiżjoni għall-finijiet ta' implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dak l-Artikolu.

(3) Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, din id-Deċiżjoni ma għandha tagħti l-ebda dritt addizzjonali li jirriżulta minn ċerti fatti jew avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn dawn il-fatti jew avvenimenti ma jitqisux skont il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Parti Kontraenti, għajr id-dritt ta' esportazzjoni ta' ċerti benefiċċji.

(4) Bl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema Montenegrini għall-benefiċċji tal-familja għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu legalment ma' dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru fejn il-ħaddiema huma impjegati. Din id-Deċiżjoni ma għandha tagħti l-ebda dritt għall-benefiċċji tal-familja lill-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu fi stat ieħor, eżempju il-Montenegro.

(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1231/2010[8] diġà jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom. Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni miksuba mill-ħaddiema Montenegrini f’bosta Stati Membri fir-rigward tad-dritt għal ċerti benefiċċji, kif stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 51(1)(a) tal-Ftehim.

(6) Jista' jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-koordinazzjoni.

(7) Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tal-Montenegro, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Montenegro kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tal-Istat kompetenti.

(8) Id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jiġu adottati sabiex iħarsu l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni u biex jiżguraw li dawn ma jitilfux id-drittijiet b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.           Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni

(a)          "Ftehim" tfisser il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra;

(b)          "Regolament" tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali[9], kif applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(c)          "Regolament ta' implimentazzjoni" tfisser ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta’ sigurtà soċjali[10];

(d)          "Stat Membru" tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(e)          “ħaddiem” tfisser,

(i)      għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament;

(ii)      għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira ta' dik il-leġiżlazzjoni;

(f)           “membru tal-familja” tfisser,

(i)      għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, membru tal-familja skont it-tifsira tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament;

(ii)      għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, membru tal-familja skont it-tifsira ta’ dik il-leġiżlazzjoni;

(g)          “leġiżlazzjoni” tfisser,

(i)      b'rabta mal-Istati Membri, leġiżlazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament kif applikabbli għall-benefiċċji koperti b'din id-Deċiżjoni;

(ii)      b'rabta mal-Montenegro, il-leġiżlazzjoni rilevanti kif applikabbli fl-Montenegro relata mal-benefiċċji koperti b'din id-Deċiżjoni;

(h)          "benefiċċji" tfisser,

– pensjonijiet tal-irtirar,

– pensjonijiet għas-superstiti,

– pensjonijiet marbuta ma' inċidenti fuq ix-xogħol u ma' mard okkupazzjonali,

– pensjonijiet tal-invalidità marbuta ma' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma' mard okkupazzjonali,

– allowances tal-familja.

(i)           “benefiċċji esportabbli” tfisser,

(i)      b'rabta mal-Istati Membri:

– pensjonijiet tal-irtirar,

– pensjonijiet għas-superstiti,

– pensjonijiet marbuta ma' inċidenti fuq ix-xogħol u ma' mard okkupazzjonali,

– pensjonijiet tal-invalidità marbuta ma' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma' mard okkupazzjonali,

skont it-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif imniżżla fl-Anness X tar-Regolament;

(ii)      b'rabta mal-Montenegro, il-benefiċċji korrispondenti pprovduti skont il-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, bl-eċċezzjoni ta' benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

2.           Termini oħra użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira mogħtija lilhom:

(a)          b'rabta mal-Istati Membri, fir-Regolament u fir-Regolament ta' implimentazzjoni;

(b)          b'rabta mal-Montenegro, fil-leġiżlazzjoni rilevanti kif applikabbli fil-Montenegro.

Artikolu 2

Persuni koperti

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika:

(a)          għal ħaddiema li huma ċittadini Montenegrini u li huma jew li kienu legalment impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u s-superstiti tagħhom;

(b)          għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (a) bil-kundizzjoni li dawn il-membri tal-familja jkunu jew kienu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fi Stat Membru;

(c)          għal ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru u li huma jew li kienu legalment impjegati fit-territorju tal-Montenegro u li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, u s-superstiti tagħhom; u

(d)          għall-membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (c) bil-kundizzjoni li dawn il-membri tal-familja jkunu jew kienu residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fil-Montenegro.

Artikolu 3

Trattament Ugwali

1.           Il-ħaddiema li huma ċittadini Montenegrini u li huma impjegati legalment fi Stat Membru u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirrisjedi magħhom għandhom igawdu, fir-rigward tal-benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn dawn il-ħaddiema huma impjegati.

2.           Il-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat Membru u li huma impjegati legalment fil-Montenegro u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jirrisjedi magħhom għandhom igawdu, fir-rigward tal-benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, meta mqabbla maċ-ċittadini Montenegrini.

Parti II

RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-MONTENEGRO

Artikolu 4

Rinunzja tal-klawżoli ta’ residenza

1.           Il-benefiċċji esportabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) li għalihom għandhom dritt il-persuni kif imsemmija fl-Artikolu 2(a) u (c), ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju qiegħed jirrisjedi,

(i)           għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorju tal-Montenegro, jew

(ii)          għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġiżlazzjoni tal-Montenegro, fit-territorju ta' Stat Membru.

2.           Il-membri tal-familja ta' ħaddiem kif imsemmi fl-Artikolu 2(b) għandhom dritt għall-benefiċċji esportabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(i) bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta' ħaddiem li huwa ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat meta dawn il-membri tal-familja jirrisjedu fit-territorju tal-Montenegro.

3.           Il-membri tal-familja ta' ħaddiem kif imsemmi fl-Artikolu 2(d) għandhom dritt għall-benefiċċji esportabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(ii) bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta' ħaddiem li huwa ċittadin tal-Montenegro meta dawn il-membri tal-familja jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru.

PARTI III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Artikolu 5

Kooperazzjoni

1.           L-Istati Membri u l-Montenegro għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha dwar il-bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.           Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Montenegro għandhom joffru lil xulxin l-aħjar għajnuna li jistgħu u għandhom jaġixxu daqs li kieku qegħdin jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet imsemmija, għandha tkun bla ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Montenegro jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jitħallsu lura.

3.           L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Montenegro jistgħu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma' xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

4.           L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

5.           Il-persuni kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jew tal-Montenegro, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat kompetenti, u tal-Istat Membru ta' residenza jew tal-Montenegro, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat ta’ residenza, mill-aktar fis possibbli dwar kull tibdil fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għall-benefiċċji skont din id-Deċiżjoni.

6.           In-nuqqas ta’ rispett lejn l-obbligu ta’ tagħrif imsemmi fil-paragrafu 5, jista’ jwassal biex jiġu applikati miżuri proporzjonati f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet simili skont il-liġi domestika u ma għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli ż-żejjed fil-prattika għal dawk li jagħmlu t-talba li jeżerċitaw id-drittijiet konferiti lilhom minn din id-Deċiżjoni.

7.           L-Istati Membri u l-Montenegro jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-verifika tad-dritt għall-benefiċċji sabiex jitqies il-fatt li l-benefiċjarji jinsabu fuq żjara jew qed jirrisjedu barra t-territorju tal-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, ħielsa minn kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u konformi mal-prinċipji ta' din id-Deċiżjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi

1.           Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni kif imsemmija fl-Artikolu 2 u li jirċievu benefiċċji esportabbli kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(i), kif ukoll għall-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.           Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun fuq żjara jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fil-Montenegro, jew fil-Montenegro meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fi Stat Membru, l-eżami mediku għandu jsir, fuq it-talba ta’ dik l-istituzzjoni, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza tal-benefiċjarju, skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni.

              L-istituzzjoni debitriċi għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza dwar kwalunkwe ħtieġa speċjali li għandha tiġi segwita u, jekk meħtieġ, bil-punti li jridu jiġu koperti mill-eżami mediku.

              L-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha tressaq rapport lill-istituzzjoni debitriċi li tkun talbet l-eżami mediku.

              L-istituzzjoni debitriċi għandha tirriżerva d-dritt li titlob li l-benefiċjarju jkun eżaminat minn tabib tal-għażla tagħha, jew fit-territorju fejn il-benefiċjarju jew l-applikant tal-benefiċċju jkun fuq żjara jew jirrisjedi, jew fil-pajjiż fejn tkun tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss jekk huwa jista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu u jekk l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

3.           Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja tiegħu, ikun fuq żjara jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fil-Montenegro, jew fil-Montenegro meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fi Stat Membru, il-kontroll amministrattiv għandu jsir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza tal-benefiċjarju.

              L-istituzzjoni tal-post ta’ żjara jew ta’ residenza għandha tressaq rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet il-kontroll amministrattiv.

              L-istituzzjoni debitriċi għandha tirriżerva d-dritt li titlob li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tiġi eżaminata minn professjonista tal-għażla tagħha. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss jekk huwa jista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu u jekk l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

4.           Stat Membru wieħed jew aktar u l-Montenegro jistgħu jaqblu fuq id-dispożizzjonijiet amministrattivi, wara li jkunu infurmaw b'dan lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

5.           Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka mingħajr ħlas stabbilit fl-Artikolu 5(2) ta' din id-Deċiżjoni, l-ammont effettiv tal-ispejjeż tal-kontrolli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandu jitħallas lura lill-istituzzjoni li ntalbet twettaqhom mill-istituzzjoni debitriċi li talbithom.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-Artikolu 129 tal-Ftehim

L-Artikolu 129 tal-Ftehim għandu japplika f'każ li waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma kkonformatx mal-obbligi kif stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro

Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista', jekk meħtieġ, jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Montenegro fl-Anness II.

Artikolu 9

Proċeduri amministrattivi mill-ftehimiet bilaterali eżistenti

Il-proċeduri amministrattivi li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u l-Montenegro jistgħu jkomplu japplikaw b'kundizzjoni li dawn il-proċeduri ma jaffettwawx b'mod negattiv id-drittijiet jew l-obbligi tal-persuni kkonċernati stabbiliti b'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

Stat Membru wieħed jew aktar u l-Montenegro jistgħu jikkonkludu ftehimiet maħsuba biex jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, speċjalment fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji.

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.           L-ebda dritt ma għandu jinkiseb skont din id-Deċiżjoni għall-perjodu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2.           Suġġett għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb skont din id-Deċiżjoni anki jekk dan jirreferi għal kontinġenza li tqum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.           Kull benefiċċju li ma ngħatax jew li ġie sospiż minħabba raġuni ta' nazzjonalità jew post ta' residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta' din il-persuna, jingħata jew jitkompla b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, sakemm id-drittijiet li wasslu għall-benefiċċji li ngħataw qabel ma rriżultawx fi ħlas ta' somma waħda f'daqqa.

4.           Jekk it-talba msemmija fil-paragrafu 3 titressaq fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba b'konformità ma' din id-Deċiżjoni għandu jkollhom effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, u l-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Montenegro dwar ir-rinunzja jew il-limitazzjoni tad-drittijiet ma tistax tkun invokata kontra l-persuni kkonċernati.

5.           Jekk talba, kif imsemmija fil-paragrafu 3, titressaq wara li jiskadi l-perjodu ta' sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, id-drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux miżmuma biż-żmien għandu jkollhom effett mid-data li fiha tkun saret it-talba, suġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni aktar favorevoli skont il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Montenegro.

Artikolu 12

Annessi ma’ din id-Deċiżjoni

1.           L-Annessi ma’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu parti integrali minnha.

2.           Fuq talba tal-Montenegro jew tal-Unjoni Ewropea, l-Annessi jistgħu jkunu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

            Għall-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

            Il-President

ANNESS I

LISTA TA' BENEFIĊĊJI SPEĊJALI U TA' NATURA MHUX KONTRIBUTORJA, FI FLUS KONTANTI, TAL-MONTENEGRO

ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-MONTENEGRO

[1]               ĠU L 108, 29.4.2010, p.1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.10.

[3]               ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

[4]               ĠU L 284, 30.10.2009 p. 1.

[5]               ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1. Skont il-Protokolli Nri 21 u 22, id-Danimarka u r-Renju Unit mhumiex marbuta minn jew suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Madankollu, ir-Renju Unit jibqa' marbut minn u suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament preċedenti (KE) Nru 859/2003, ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

[6]               ĠU L 108, 29.4.2010, p.1.

[7]               ĠU L108, 29.4.2010, p.1.

[8]               ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1.

[9]               ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

[10]             ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.