52012PC0139

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropewgħall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILLdwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) /* COM/2012/0139 final - 2008/0241 (COD) */


2008/0241 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

L-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari. Il-Kummissjoni, hawn taħt, tistabbilixxi l-opinjoni tagħha rigward l-emenda proposta mill-Parlament.

2.           Sfond

Fit-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (Waste electrical and eletronic equipment - WEEE).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fl-11 ta' Ġunju 2009. Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fl-4 ta’ Diċembru 2009.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tal-ewwel qari tiegħu fit-3 ta' Frar 2011.

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar il-proposta fl-14 ta’ Marzu 2011 u adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fid-19 ta’ Lulju 2011.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari fis-19 ta' Jannar 2012.

Matul id-dibattitu plenari tat-18 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjonijiet sabiex tiċċara ċerti pożizzjonijiet u intenzjonijiet tal-Kummissjoni, bil-għan li tiffaċilita ftehim fit-tieni qari.

3.           Għan tal-Proposta tal-Kummissjoni

L-għanijiet speċifiċi tal-proposta ta' riformulazzjoni tal-WEEE (2008) kellhom iżidu l-użu effiċjenti ta' riżorsi u jiżguraw trattament xieraq ta' dan l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku billi jiġu stabbiliti għanijiet ġodda ta' ġbir adattati għar-realtà ta' kull Stat Membru. Għanijiet oħra kienu li jitnaqqsu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, u li tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, speċjalment billi jitreġġa’ lura l-piż ta’ prova dwar esportazzjoni ta’ tagħmir użat issuspettat li huwa WEEE.

4.           Kummenti tal-Kummissjoni

Fis-Sessjoni Plenarja tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012, il-Parlament Ewropew adotta pakkett ta' kompromessi li dwaru kien hemm qbil mal-Kunsill bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim fit-tieni qari.

L-emenda li fiha dan il-pakket ta’ kompromessi tikkonċerna essenzjalment:

– l-istabbiliment ta' miri ġodda ta' ġbir għal kull Stat Membru wara seba' snin li tidħol fis-seħħ; b'mira intermedjarja għal erba' snin wara li tidħol fis-seħħ;

– it-teħid lura minn negozji kbar ta’ bejgħ bil-grossa ta’ WEEE żgħir għajr meta jkun jista’ jintwera li skemi alternattivi għandhom tal-anqas l-istess effikaċja;

– it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni sabiex jinkludi kull tagħmir elettriku u elettroniku, sitt snin wara d-dħul fis-seħħ, b’eżenzjonijiet addizzjonali, u mbagħad għandha ssir reviżjoni mill-Kummissjoni;

– l-armonizzazzjoni ta’ rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u r-rapportar, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dawn ir-rekwiżiti huma, bi prinċipju, nazzjonali biex jippermettu infurzar effikaċi;

– l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi għal konsenji bil-baħar ta' tagħmir użat li huwa ssuspettat li huwa konsenji ta’ skart illegali, inkluż it-treġġigħ lura tal-piż ta’ prova, u derogi speċifiċi.

Il-Kummissjoni taċċetta l-pakkett ta' kompromessi peress li huwa f'konformità mal-għan globali u l-karatteristiċi ġenerali tal-proposta.

Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti minimi għal konsenji ma għandhomx ifixklu l-kummerċ legali ta' tagħmir użat. Meta jkun hemm suspett li l-konsenja hija de facto konsenja illegali ta’ skart, l-Anness VI jagħti lill-Istati Membri l-istrument legali biex jiċċaraw is-sitwazzjoni.

5.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari skont it-test ta' kompromess deskritt hawn fuq tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tadotta d-dikjarazzjonijiet stipulati fl-anness.

Anness: Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

Dikjarazzjoni dwar id-Disinn tal-Prodott (L-Artikolu 4 tad-WEEE)

Il-miżuri għall-ekodisinn jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri tad-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku b’konformità mal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (COM(2011)571). Il-Kummissjoni, jekk u meta tintroduċi miżuri ta’ implimentazzjoni ġodda dwar prodotti koperti wkoll mid-Direttiva WEEE, adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE, jew tkun qed tirrevedihom, ser tqis il-parametri għall-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ kif stipulat fl-Anness 1, il-parti 1 tad-Direttiva 2009/125/KE, u ser tivvaluta l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ rekwiżit dwar l-użu mill-ġdid, iż-żarmar faċli u r-reċiklaġġ ta’ prodotti bħal dawn.

Dikjarazzjoni dwar derogi speċifiċi mill-miri tal-ġbir (L-Artikolu 7 tad-WEEE)

Id-Direttiva WEEE il-ġdida fl-Artikolu 7(4) toħloq il-possibbiltà għal arranġamenti tranżizzjonali sabiex jindirizzaw diffikultajiet li jiffaċċja Stat Membru sabiex jilħaq il-miri tal-ġbir skont dak l-Artikolu, bħala riżultat ta' ċirkustanzi speċifiċi. Il-Kummissjoni tisħaq li miri għoljin ta’ ġbir għad-WEEE huma importanti għal Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi, u li l-arranġamenti tranżizzjonali jistgħu jiġu applikati biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Id-diffikultajiet iffaċċjati u ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fuqhom huma bbażati għandhom ikunu oġġettivi, dokumentati sew u jistgħu jiġu vverifikati.

Dikjarazzjoni dwar Nanomaterjali (L-Artikolu 8 u l-Anness VII tad-WEEE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jistiednu lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni dwar jekk trattament speċifiku jistax ikun bżonnjuż biex jindirizza nonomaterjali li jinsabu f’tagħmir elettriku u elettroniku. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis nanomaterjali bħala dawk li jaqgħu taħt id-definizzjoni stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 696/2011. Ir-riskji potenzjali li jista' jkollhom dawn in-nanomaterjali għandhom jiġu identifikati flimkien mal-għodod disponibbli taħt il-leġiżlazzjoni xierqa għal dan il-għan. Meta jintwera li nanomaterjali speċifiċi jkollhom riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk ikunx meħtieġ li tapplika trattament speċifiku u temenda l-Anness VII kif xieraq.

dikjarazzjoni dwar l-użu ta’ atti ta’ implimentazzjoni (L-Artikoli 7(5) u 23(4) tad-WEEE)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikoli 7(5) u 23(4) għandhom ikunu setgħat delegati, sabiex jirriflettu kif suppost in-natura tas-setgħat mogħtija, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Madankollu, fi spirtu ta’ kompromess, il-Kummissjoni mhux se topponi vot ta' maġġoranza kwalifikata favur it-test tal-Presidenza. Minkejja dan, dwar din il-kwistjoni speċifika, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt tagħha li tiddisponi mir-remedji legali provduti mit-Trattat bil-għan li tikseb kjarifika mill-Qorti dwar il-kwistjoni ta’ delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR IL-PROĊEDURA TA’ ADOZZJONI TA’ ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Il-Kummissjoni ssostni li huwa kontra l-kliem u t-tifsira tar-Regolament 182/2011 (ĠU L 55 tat-28.2.2011, p. 13) li tinvoka l-Artikolu 5 § 4, is-subparagrafu 2, il-punt (b) b'mod sistematiku. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu jittieħed f’każ ta’ ħtieġa speċifika li wieħed jiddevja mir-regola ta’ prinċipju li hija li l-Kummissjoni tista' tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni. Meta wieħed iqis li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita bl-Artikolu 5 § 4, ir-rikors għas-subparagrafu 2, il-punt (b) ma jistax jidher sempliċiment bħala "setgħa diskrezzjonali" tal-Leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b'mod ristrett u għaldaqstant għandu jiġi ġustifikat.