52012PC0135

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropewgħall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILLdwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali /* COM/2012/0135 final - 2009/0076 (COD) */


2009/0076 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

1.           daħla

L-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari. Il-Kummissjoni qed tagħti l-opinjoni tagħha hawn taħt dwar l-emendi proposti mill-Parlament.

2.           sfond

Fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali għall-adozzjoni permezz tal-proċedura tal-kodeċiżjoni kif stipulat fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Frar 2010.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tal-ewwel qari tiegħu fit-22 ta' Settembru 2010.

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar il-proposta fl-20 ta’ Diċembu 2010 u adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fil-21 ta’ Ġunju 2011.

COREPER ta l-qbil tiegħu dwar il-kompromess tat-tieni qari fit-23 ta' Novembru 2011.

Il-Parlament Ewropew adotta r-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tiegħu fit-tieni qari fid-19 ta' Jannar 2012.

3.           L-għan tal-Proposta tal-Kummissjoni

L-għan tar-Regolament propost huwa li jitjieb il-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti bijoċidali filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Il-proposta għandha l-għan li tirranġa għadd ta' djgħufijiet [in-nuqqasijiet] li ġew identifikati matul l-ewwel 8 snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE, li tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità, tantiċipa l-problemi tal-awtorizzazzjoni tal-prodott u tal-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku li ġejjin, u taġġorna u tadatta l-istrument għall-iżviluppi politiċi reċenti.

4.           L-opinjoni tal-kummissjoni dwar l-emendi proposti mill-parlament ewropew

Fis-Sessjoni Plenarja tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012, il-Parlament Ewropew adotta pakkett ta' kompromess li dwaru kien hemm qbil mal-Kunsill bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim fit-tieni qari.

Dawn l-emendi jikkonċernaw essenzjalment:

– il-kriterji għall-esklużjoni ta’ sustanzi attivi mill-proċess tal-approvazzjoni,

– il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ċentralizzata tal-UE għal prodotti bijoċidali,

– flessibbiltà akbar fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dejta u tat-tnaqqis fl-ittestjar ta’ annimali vertebri,

– ir-rekwiżiti tat-tikkettar għal oġġetti trattati,

– il-pubblikazzjoni ta’ rapporti u t-tixrid ta’ informazzjoni,

– il-kompiti attribwiti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-bażi għall-ħlas ta’ tariffi lil dik l-Aġenzija.

Il-Kummissjoni se taċċetta l-pakkett ta' kompromess peress li huwa b’mod ġenerali f'konformità mal-għan globali u l-karatteristiċi ġenerali tal-proposta. Dwar l-użu ta’ atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi li jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, id-definizzjoni ta’ nanomaterjali u t-tariffi għall-applikazzjonijiet għal rikonoxximent reċiproku, il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjonijiet li huma mehmuża ma’ din l-opinjoni.

5.           Konklużjoni

Skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni qed taċċetta l-emendi li l-Parlament Ewropew ivvota favurihom fit-tieni qari skont it-test tal-kompromess deskritt hawn fuq.

Anness: Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu stabbiliti t-tariffi

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-tariffi li għandhom jitħallsu lill-ECHA ma jistgħux jiġu determinati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Madankollu, bi spirtu ta’ kompromess, il-Kummissjoni se taċċetta t-test finali kif miftiehem bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Minkejja dan, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni speċifika, il-Kummissjoni se żżomm id-dritt li tiddisponi mir-rimedji legali pprovduti mit-Trattat bil-għan li tikseb kjarfika mill-Qorti dwar il-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ nanomaterjali

Filwaqt li l-Kummissjoni tista’ taċċetta t-test finali kif miftiehem bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, hija ssostni l-fehma tagħha li referenza diretta għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE fuq id-definizzjoni tan-nanomaterjali kienet tkun iktar adattata minħabba l-ħtieġa ta' definizzjoni armonizzata ta' nanomaterjali li tapplika fil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha u l-possibbiltà li tkun adattata faċilment għal żviluppi tekniċi u xjentifiċi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li dan ikun rifless fi kwalunkwe proposta fil-ġejjieni.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tariffa għall-applikazzjonijiet għal rikonoxximent reċiproku

Il-Kummissjoni, billi tagħmel il-proposta tagħha għal Regolament dwar it-tariffi skont l-Artikolu 80(1), għandha l-għan li tiżgura li l-livell tat-tariffa għall-applikazzjonijiet għal rikonoxximent reċiproku li għandha titħallas lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi se jqis il-livel ta' tariffi mħallsa fl-Istati Membri differenti, u ma jikkostitwixxix piż sproporzjonat għall-kumpaniji, partikolarment għall-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju.