52012PC0129

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port /* COM/2012/0129 final - 2012/0062 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (‘Maritime Labour Convention’ - MLC), 2006 ġiet adottata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (‘International Labour Organisation’ - ILO) b’vot kważi unanimu fit-23 ta’ Frar 2006 f’Ġinevra. Din tapplika għat-tbaħħir internazzjonali u tkopri suġġetti essenzjali bħar-rekwiżiti minimi għall-baħħara biex jaħdmu fuq bastiment (it-Titolu I tal-MLC), il-kundizzjonijiet tal-impjieg (it-Titolu II tal-MLC), l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb (it-Titolu III tal-MLC), il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, il-benesseri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali (it-Titolu IV) u l-konformità u l-infurzar (it-Titolu V) sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet deċenti ta’ xogħol u ta’ għajxien abbord il-bastimenti, kif ukoll proċeduri sabiex jiġu implimentati dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Konvenzjoni tista’ titqies bħala l-ewwel kodiċi marittimu dwar ix-xogħol għal iktar minn 1.2 miljun baħħar madwar id-dinja, kif ukoll għas-sidien tal-bastimenti u n-nazzjonijiet marittimi madwar id-dinja.

L-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni appoġġjaw ix-xogħol tal-ILO fuq dan is-suġġett sa mill-bidu nett. L-UE tara kontribut siewi fl-MLC li għandha l-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi fl-industrija marittima madwar id-dinja billi tistabbilixxi standards minimi komuni għall-bnadar u l-baħħara kollha. F’dan ir-rigward, l-UE diġà adottat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol[1]. Xi Stati Membri diġà rratifikawha (Spanja, il-Bulgarija, il-Lussemburgu, id-Danimarka, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi) filwaqt li oħrajn daqt se jagħmlu hekk. Dwar is-sustanza, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri ġeneralment huma iktar protettivi u dettaljati mill-istandards tal-ILO. Sabiex tinżamm il-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali u nazzjonali u sabiex tiġi rratifikata l-Konvenzjoni, il-prerekwiżit huwa li jsir skrinjar estensiv u li jieħu l-ħin tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

F’dan l-istadju, 22 pajjiż irratifikaw l-MLC u dawn jirrappreżentaw iktar minn 45 % tat-tunnellaġġ tal-flotta madwar id-dinja filwaqt li biex l-MLC tidħol fis-seħħ hemm bżonn ta’ 30 ratifika u 33 % tat-tunnellaġġ tal-flotta madwar id-dinja.

L-UE adottat ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE[2]. Id-Direttiva 2009/13/KE tikkostitwixxi kisba straordinarja fid-djalogu soċjali settorjali.

Għal dan il-għan, minn naħa waħda, huwa previst li l-Istati Membri jintalbu japplikaw id-Direttiva 2009/13/KE meta jeżerċitaw il-poteri tagħħom bħala Stati tal-bandiera. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, permezz tad-Direttiva 2009/13/KE, il-leġiżlazzjoni Ewropea ġiet konformi mal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-MLC. Din id-Direttiva ħadet id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-MLC u stabbilixxiet drittijiet għall-baħħara li jinsabu fit-Titoli I, II, III u IV tagħha msemmija aktar ’il fuq.

Madankollu, l-imsieħba soċjali Ewropej, li jixtiequ jimplimentaw il-ftehim tagħhom permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 155 tat-TFUE, ma għandhomx is-setgħa li jinkludu d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar li jinsabu fit-Titolu V tal-MLC fil-Ftehim tagħhom u talbu lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni f’dan ir-rigward. Din l-inizjattiva għandha l-għan preċiż li tagħmel dan fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-Istati tal-port.

Din l-inizjattiva hija parti mill-politika tal-UE dwar il-professjonijiet marittimi. Fil-fatt, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018[3], hemm interess ġenwin min-naħa tal-UE sabiex tagħmel il-professjonijiet marittimi aktar attraenti għall-Ewropej permezz ta’ azzjonijiet li jinvolvu, fejn ikun xieraq, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija nnifisha. Dan japplika bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tal-MLC li ttejjeb b’mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti. Il-Komunikazzjoni tenfasizza li l-ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta’ elementi ewlenin ta’ din il-Konvenzjoni huwa xhieda tal-appoġġ qawwi fl-industrija f’dan il-qasam u li, għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandha timmira sabiex:

– tersaq lejn ir-ratifika ta’ malajr tal-MLC mill-Istati Membri u lejn l-adozzjoni bikrija tal-proposti tal-Kummissjoni abbażi tal-ftehim tal-imsieħba soċjali għall-implimentazzjoni tal-elementi prinċipali tiegħu fil-liġi tal-UE.

– tiżġura l-infurzar effettiv tar-regoli l-ġodda permezz ta’ miżuri xierqa, inklużi r-rekwiżiti ta’ kontroll mill-Istati tal-bnadar u tal-port[4].

Il-White Paper dwar il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti[5] tenfasizza l-importanza ta’ aġenda soċjali għat-trasport marittimu kemm biex jiġu promossi l-impjiegi kif ukoll biex tissaħħaħ is-sigurtà, filwaqt li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-White Paper jipprevedi proposta sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-MLC.

Din il-proposta hija marbuta mill-qrib mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva 2009/13/KE.

1.1.        Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

Kif huwa ġeneralment rikonoxxut u ddikjarat b’mod espliċitu mill-ILO, l-industrija tat-tbaħħir hija “l-ewwel industrija tad-dinja li hija ġenwinament globali” li “teħtieġ risposta regolatorja internazzjonali xierqa - standards globali applikabbli għall-industrija kollha”.

L-MLC, li ġiet adottata fl-2006, tipprovdi drittijiet u protezzjoni komprensivi fuq ix-xogħol għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mill-bandiera tal-bastiment.

L-MLC għandha l-għan kemm li tikseb kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti għall-baħħara kif ukoll li tiżgura kompetizzjoni ġusta għas-sidien tal-bastimenti ta’ kwalità. Hi tistabbilixxi d-drittijiet tal-baħħara għal kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti, u tfasslet sabiex tkun applikabbli b’mod globali, tinftiehem b’mod faċli, tkun aġġornabbli u tiġi infurzata b’mod uniformi. Tfasslet ukoll sabiex issir strument globali magħruf bħala r-“raba’ pilastru” tar-reġim regolatorju internazzjonali għal tbaħħir ta’ kwalità, biex b’hekk iżżid mat-tliet Konvenzjonijiet prinċipali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO): il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL).

Fiha erba’ Titoli li jittrattaw id-drittijiet tal-baħħara: it-Titolu 1 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-baħħara sabiex jaħdmu fuq bastiment; it-Titolu 2 dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg; it-Titolu 3 dwar l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb; it-Titolu 4 dwar il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, il-benesseri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali.

Barra minn hekk, l-MLC, fit-Titolu 5 tagħha, fiha mekkaniżmi għat-titjib tas-superviżjoni fil-livelli kollha: il-bastiment, il-kumpanija, l-Istat tal-bandiera, l-Istat tal-port, l-Istat li jipprovdi l-ħaddiema u s-sistema tal-ILO għal konformità u verifika uniformi u globali. Tabilħaqq, flimkien ma’ korp ta’ regoli sod, kienet meħtieġa sistema ta’ infurzar u konformità iktar effettiva sabiex jiġu eliminati l-bastimenti li ma jilħqux l-istandard għall-finijiet tas-sikurezza u s-sigurtà tal-bastimenti u ta’ protezzjoni ambjentali.

Għaldaqstant, permezz tal-kontroll mill-Istati tal-bandiera u mill-Istati tal-port, l-UE trid tipprovdi mezzi sabiex jiġi żgurat li l-istandards rilevanti tax-xogħol marittimu tal-MLC jiġu applikati abbord il-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet tal-UE, indipendentement min-nazzjonalità tal-baħħara.

L-infurzar tal-istandards tal-MLC permezz tal-kontroll mill-Istati tal-bandiera u l-Istati tal-port għandu jitqies ukoll bħala mezz sabiex jiġi limitat id-dumping soċjali, li jgħarraq il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord u jippenalizza lis-sidien tal-bastimenti li joffru kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol li jikkonformaw mar-regoli tal-ILO.

1.2.        Ir-responsabbiltajiet tal-Istati tal-port tal-MLC

Ir-responsabbiltà li jiġi żgurat li l-bastimenti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti tistrieħ fuq is-sidien, il-kaptani u l-Istati tal-bandiera. Madankollu, uħud mill-Istati tal-bandiera jonqsu milli jinfurzaw dawn id-dispożizzjonijiet kif suppost. Għaldaqstant, dawn jonqsu milli jwettqu l-impenji tagħhom li jinsabu fi strumenti legali internazzjonali miftiehma jew mhumiex qed ikunu stretti biżżejjed fl-applikazzjoni tal-istandards tat-tbaħħir u għaldaqstant, xi bastimenti qegħdin ibaħħru f’kundizzjoni mhux sikura, u b’hekk huma ta’ theddida għall-ħajjiet u l-ambjent tal-baħar B’risposta għal dan il-fatt, ġie stabbilit il-kontroll mill-Istat tal-port.

L-Istati tal-port, bħala sistema ta’ proċeduri ta’ spezzjonijiet armonizzati, jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni fuq dawk il-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tagħhom u jikkostitwixxu “xibka tas-sigurtà” sabiex jinstabu l-vapuri li ma jilħqux l-istandard bil-għan ewlieni li dawn eventwalment jiġu eliminati. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati tal-bandiera u l-Istati tal-port huwa fundamentali.

Hekk kif inhuma l-affarijiet, diġà hemm spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istati tal-port li jkopru standards soċjali bbażati fuq il-konvenzjonijiet tal-ILO, b’mod partikolari taħt il-Konvenzjoni dwar it-Tbaħħir Merkantili (Standards Minimi), 1976 (Konvenzjoni tal-ILO Nru 147) li tirreferi għal:

_ Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);

_ Konvenzjoni (Riveduta) dwar l-Età Minima (Xogħol Marittimu), 1936 (Nru 58);

_ Konvenzjoni dwar l-Età Minima (Xogħol Marittimu), 1920 (Nru 7);

_ Konvenzjoni dwar l-Eżami Mediku (tal-Baħħara), 1946 (Nru 73);

_ Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tal-Aċċidenti (tal-Baħħara), 1970 (Nru 134) (l-Artikoli 4 u 7);

_ Konvenzjoni (Riveduta) dwar l-Akkomodazzjoni tal-Ekwipaġġi, 1949 (Nru 92);

_ Konvenzjoni dwar l-Ikel u s-Servizzi tal-Ikel u x-Xorb (tal-Ekwipaġġi tal-Bastimenti), 1946 (Nru 68) (l-Artikolu 5);

_ Konvenzjoni dwar iċ-Ċertifikati ta’ Kompetenza tal-Uffiċjali, 1936 (Nru 53) (l-Artikoli 3 u 4);

- Konvenzjoni dwar l-artikoli ta’ ftehim tal-baħħara, 1926 (Nru 22);

- Konvenzjoni dwar ir-Ripatrijazzjoni tal-Baħħara, 1926 (Nru 23);

- Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87);

- Konvenzjoni dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98).

Dawn il-konvenzjonijiet ġew ikkonsolidati fl-MLC, 2006, iżda għadhom fis-seħħ, peress li wħud mill-partijiet jista’ jkollhom ir-rieda li jibqgħu japplikawhom mingħajr ma jirratifikaw l-MLC.

L-MLC fiha dispożizzjonijiet dwar il-kontroll mill-Istat tal-port, li jeħtieġu verifiki ta’ konformità mar-rekwiżiti tagħha fuq il-bastimenti barranin li jidħlu fil-portijiet tal-partijiet tal-Istat. L-Istati tal-port jintervjenu bħala t-tieni linja ta’ difiża sabiex jinfurzaw l-MLC u sabiex jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tat-tbaħħir li ma jilħaqx l-istandard. Il-Konvenzjoni fiha anki klawżola ta’ “daqshekk trattament favorevoli”. Skont din il-klawżola, kull Stat parti għandu jimplimenta r-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-Konvenzjoni b’tali mod li jkun jista’ jiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ xi Stat li ma rratifikax il-Konvenzjoni ma jirċivux trattament aktar vantaġġjuż meta mqabbla mal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ xi Stat li rratifikaha. Din il-klawżola għandha tħeġġeġ l-uniformità f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispezzjonijiet u tikkontribwixxi b’mod effettiv għal kundizzjonijiet ekwi sodi għat-tbaħħir.

Fil-prattika, l-MLC tiddefinixxi proċedura speċifika u sempliċi. Titwettaq spezzjoni inizjali sabiex jiġu vverifikati d-dokumenti pprovduti mill-Istat tal-bandiera (iċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu u dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu) u sabiex issir żjara qasira fuq il-bastiment biex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ekwipaġġ u l-kundizzjoni tal-bastiment, inklużi l-kamra tal-magni u l-akkomodazzjoni u sabiex jiġi verifikat jekk dawn jissodisfawx l-istandards xierqa. Skont il-ġudizzju professjonali tal-ispetturi ta’ kontroll mill-Istat tal-port li jidentifikaw raġunijiet validi għalfejn il-kundizzjonijiet tal-bastimenti ma jilħqux l-istandards internazzjonali, jistgħu jitwettqu spezzjonijiet aktar dettaljati, speċjalment f’każijiet fejn in-nuqqasijiet ikunu jikkostitwixxu periklu ċar għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara kif huwa meħtieġ mill-MLC.

L-ilmenti kollha dwar il-kundizzjonijiet abbord se jiġu investigati fil-fond u se tittieħed azzjoni hekk kif jitqies meħtieġ mill-uffiċjal ta’ kontroll mill-Istat tal-port. Jekk ikun meħtieġ, il-bastiment jinżamm sakemm tittieħed azzjoni korrettiva xierqa.

L-ILO, l-istess bħall-IMO, hija organizzazzjoni li tfassal ir-regoli b’impatt universali permezz ta’ sistema kontinwa ta’ konvenzjonijiet, regoli, kodiċi u rakkomandazzonijiet internazzjonali. Madankollu, l-ILO ma għandha l-ebda awtorità diretta abbord il-bastimenti u kienet meħtieġa aktar leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

1.3         Leġiżlazzjoni attwali tal-UE

1.3.1      Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port[6]

Fil-livell tal-UE, id-Direttiva 2009/16/KE għandha l-għan li tgħin tnaqqas drastikament it-tbaħħir li ma jilħaqx l-istandard billi:

(a) iżżid il-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE relevanti dwar is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti tal-bnadar kollha;

(b) tistabbilixxi kriterji komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti mill-Istat tal-port u tarmonizza l-proċeduri dwar l-ispezzjoni u d-detenzjoni, mibnija fuq l-għarfien espert u l-esperjenza skont il-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi (MoU ta’ Pariġi[7]);

(c) timplimenta sistema ta’ kontroll mill-Istat tal-port fl-UE abbażi tal-ispezzjonijiet imwettqa ġewwa l-Unjoni u r-reġjuni tal-MoU ta’ Pariġi, bil-għan li jiġu spezzjonati l-bastimenti kollha bi frekwenza li tiddependi fuq il-profil ta’ riskju tagħhom, bil-bastimenti bl-ogħla riskju jkunu soġġetti għal spezzjoni iktar iddettaljata mwettqa f’intervalli iktar frekwenti.

1.3.2      Id-Direttiva 2009/13/KE

Wara l-ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-UE, id-Direttiva 2009/13/KE timplimenta ċerti standards tal-MLC fil-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-anness tagħha inkluda l-elementi rilevanti tat-Titoli 1, 2, 3 u 4 tal-MLC dwar ir-rekwiżiti minimi għal xogħol fuq il-bastimenti (ċertifikat mediku, età minima, taħriġ u kwalifiki), il-kundizzjonijiet tal-impjieg (il-ftehimiet ta’ impjieg tal-baħħara, ir-ripatrijazzjoni, il-kumpens għat-telf jew l-għarqa tal-bastiment, l-għadd ta’ ħaddiema fuq il-bastiment, l-iżvilupp tal-karriera u tal-ħiliet u l-opportunitajiet għall-impjieg tal-baħħara), id-dispożizzjonijiet dwar l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel, is-servizz tal-ikel u x-xorb, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika u l-benesseri inklużi r-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti u l-aċċess għall-faċilitajiet disponibbli fuq l-ixtut u fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ lment abbord.

Ħlief fejn huwa stipulat mod ieħor, id-Direttiva 2009/13/KE tapplika għall-bastimenti kollha kemm jekk ikunu propjetà pubblika jew privata, li jkunu involuti b’mod ordinarju f’attivitajiet kummerċjali, minbarra l-bastimenti involuti fis-sajd jew f’attivitajiet simili u l-bastimenti ta’ għamla tradizzjonali bħal iġfna u ġanks.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

L-Istati Membri tal-UE ipparteċipaw b’mod attiv fin-negozjati tal-MLC flimkien mal-Kummissjoni li organizzat il-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE. Fl-2006, l-Istati Membri kollha tal-UE adottaw l-MLC.

Barra minn hekk, konsultazzjoni pubblika sħiħa offriet opportunità lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom f’Ġunju 2011.

Kien hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa li tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni relatata mal-Istat tal-bandiera u l-Istat tal-port sabiex jiġu infurzati r-rekwiżiti tal-MLC.

L-effetti pożittivi speċifiċi li ġew enfasizzati kienu t-tisħiħ tas-sigurtà marittima, it-titjib tat-tbaħħir ta’ kwalità u li jsiru iktar ġusti l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-UE u mhux tal-UE u bejn il-bnadar tal-UE u mhux tal-UE.

Il-partijiet interessati semmew ukoll il-kwalità aħjar tal-impjiegi għall-baħħara kollha, b’mod partikolari għall-baħħara mill-UE li jaħdmu abbord bastimenti li jtajru bandiera tal-UE, għall-baħħara mill-UE li jaħdmu abbord bastimenti li ma jtajrux bandiera tal-UE, anki lil hinn mill-UE u għall-baħħara li mhumiex mill-UE li jaħdmu abbord bastimenti li ma jtajrux bandiera tal-UE.

It-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittimi, korp indipendenti mwaqqaf mill-Viċi President Siim Kallas f’Lulju 2010, li ffinalizzat ix-xogħol tagħha f’Ġunju 2011 u ħarġet Rapport[8] li fih rakkomandazzjonijiet politiċi dwar kif għandha tiġi promossa l-professjoni tat-tbaħħir fl-Ewropa, irrakkomandat l-infurzar tal-MLC.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1         Kontenut tal-Proposta

3.1.1      Emenda tad-Direttiva dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port

Filwaqt li d-Direttiva 2009/16/KE diġà tirreferi għall-MLC (il-premessa 5) u għall-istandards tal-ILO (l-Anness IV), hemm bżonn li tiġi aġġornata sabiex tqis id-dokumenti u l-arranġamenti l-ġodda li ġabet magħha l-MLC.

Għalhekk, il-proposta temenda d-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port sabiex:

- tinkludi ċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu fost id-dokumenti li għandhom jiġu vverifikati mill-ispetturi;

- testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet għal elementi ġodda (pereżempju, l-eżistenza ta’ kuntratt tax-xogħol adegwat li jkun iffirmat miż-żewġ partijiet għal kull baħħar flimkien mal-klawżoli meħtieġa fil-kuntratt);

- testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni fil-każ ta’ lmenti u tipprevedi l-proċedura xierqa.

3.1.2      Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-Artikolu 1 fih l-emendi kollha li għandhom jiddaħħlu fid-Direttiva 2009/16 sabiex din tikkonforma mar-rekwiżiti tal-MLC.

Kien jeħtieġ li għadd ta’ Artikoli tad-Direttiva 2009/16/KE attwali (l-Artikoli 2;19) u l-Annessi I; IV; V; X jiġu kkomplimentati biex it-tnejn li huma jagħmlu referenza għall-MLC fost il-lista ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u sabiex isemmu d-dokumenti l-ġodda li joħorġu mill-MLC, jiġifieri ċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu.

Dwar is-sustanza, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ilmenti ġew stabbiliti mill-MLC bi proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti u li huma ftit differenti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/16 li huma applikabbli għal firxa usa’ ta’ suġġetti meta mqabbla mal-istandards soċjali. L-għan mhuwiex li tinbidel is-sistema attwali ta’ lmenti li hija ddefinita fid-Direttiva 2009/16, iżda li minflok tiżdied magħha proċedura adattata għall-ilmenti relatati mal-MLC. Għaldaqstant, fil-proposta ddaħħlu dispożizzjonijiet speċifiċi (l-Artikolu 1 (7)).

Barra minn hekk, hemm emendi relatati mal-fatt li d-Direttiva 2009/16/KE qiegħda tiġi emendata għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; kien hemm il-ħtieġa li jiġu introdotti r-regoli l-ġodda dwar is-setgħat ta’ implimentazzjoni u dawk delegati.

3.1.3      Dokumenti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni

Wara d-Dikjarazzjonijiet Politiċi Konġunti, (ĠU 2011/C 369/02; ĠU 2011/C 369/03), il-Kummissjoni issa qiegħda tikkunsidra l-bżonn għal dokumenti ta’ spjegazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ. Minħabba l-prinċipju tal-proporzjonalità, id-dokumenti ta’ spjegazzjoni ma tqisux ġustifikati f’din il-proposta peress li din timmodifika biss għadd limitat ta’ obbligi legali ta’ direttiva eżistenti. Għaldaqstant, din il-proposta ma tinkludix il-premessa dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni.

3.2         Bażi legali

L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.3         Prinċipju tas-sussidjarjetà

Regoli armonizzati dwar l-infurzar madwar l-UE għandhom jikkontribwixxu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi biex jiġu evitati kemm distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern għad-detriment tas-sikurezza marittima kif ukoll sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. B’mod partikolari nstab li l-esperjenza tal-kontroll mill-Istat tal-port fil-livell tal-UE hija effiċjenti sabiex tiżgura sorveljanza aħjar tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-UE billi tiġbor flimkien ir-riżorsi u tiskambja l-informazzjoni.

3.4         Prinċipju tal-proporzjonalità

L-infurzar tal-MLC permezz tal-kontroll mill-Istat tal-port li huwa soġġett għar-regoli tal-UE jidher li huwa l-aktar mod effettiv biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dik il-Konvenzjoni billi jintużaw għodod eżistenti.

3.5         Għażla ta’ strumenti

F’kuntest ta’ standards minimi li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri permezz ta’ miżuri fis-sistemi nazzjonali tagħhom stess u fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-istrument xieraq huwa direttiva.

3.6         Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

2012/0062 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 (il-Konvenzjoni), bix-xewqa li jinħoloq strument wieħed u koerenti li jiġbor fih kemm jista’ jkun possibbli l-istandards aġġornati kollha tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu internazzjonali eżistenti, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’Konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn dwar ix-xogħol.

(2)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007[11] awtorizzat lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni. L-Istati Membri għandhom jirratifikawha malajr kemm jista’ jkun.

(3)       Il-Konvenzjoni tistabbilixxi standards tax-xogħol marittimu għall-baħħara kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u mill-bandiera tal-bastimenti.

(4)       Parti sostanzjali mill-Istandards tal-Konvenzjoni huma implimentanti fil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 u d-Direttiva 1999/63/KE. Dawk l-istandards tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/13/KE u/jew tad-Direttiva 1999/63/KE għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri f’konformità mad-Direttivi msemmija.

(5)       Il-Konvenzjoni fiha dispożizzjonijiet ta’ infurzar li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet tal-Istati tal-port. Sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni minn kull bastiment li jidħol fil-portijiet tagħhom, indipendentement mill-Istat li ġew irreġistrati fih.

(6)       Il-kontroll mill-Istat tal-Port huwa rregolat mid-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll mill-Istat tal-port[12], li għandha tinkludi l-Konvenzjoni mal-konvenzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom hija vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membri fil-portijiet tal-Unjoni.

(7)       Ir-regoli tal-Unjoni għandhom jirriflettu anki l-proċeduri stabbiliti fil-Konvenzjoni rigward il-ġestjoni tal-ilmenti li huma relatati mas-suġġetti ttrattati minnha.

(8)       Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata sabiex tagħti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-użu ta’ format elettroniku armonizzat għar-rapportar u s-segwitu ta’ ilmenti bħal dawn minn awtoritajiet tal-Istat tal-port, kif ukoll għall-istabbiliment tal-kriterji tal-profil ta’ riskju tal-bastimenti bbażati fuq l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/16/KE. Fil-fatt dan huwa eżerċizzju ferm tekniku li għandu jitwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-kriterji li ġew stabbiliti minn dik id-Direttiva. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[13].

(9)       Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Anness VI għad-Direttiva 2009/16/KE li fih lista ta’ ‘Struzzjonijiet’ adottati mill-MoU ta’ Pariġi, bil-ħsieb li jinżammu l-proċeduri applikabbli u infurzabbli fit-territorju tal-Istati Membri, f’konformità ma’ dawk miftiehma fuq livell internazzjonali. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li taġġorna malajr dawn il-proċeduri tikkontribwixxi għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi globali għat-tbaħħir. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(10)     Parti mill-obbligi li jinsabu f’din id-Direttiva mhux se jkunu applikabbli għall-Istati Membri mingħajr xtut tal-baħar u portijiet tal-baħar. Konsegwentement, l-uniċi obbligi li sejrin ikunu applikabbli għall-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Lussemburgu u s-Slovakkja huma dawk l-obbligi li jikkonċernaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dawk l-Istati Membri, mingħajr ħsara għad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri sabiex jiżguraw kontinwità bejn is-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku marittimu u ta’ traffiku modali ieħor.

(11)     Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(12)     Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/16/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(13)     Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Id-Direttiva 2009/16/KE hija emendata kif ġej:

(1)        L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)        fil-punt 1, għandu jiżdied il-punt (i) li ġej:

‘(i) il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006;’

(b)        fil-punt 3, għandu jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem is-sentenza:

‘jew il-verżjoni aġġornata tagħha’.

(c)        fil-punt 18, għandu jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem is-sentenza:

‘fil-verżjoni aġġornata tiegħu’.

(d)        fil-punt 21, għandu jiżdied il-kliem li ġej fi tmiem is-sentenza:

‘fil-verżjoni aġġornata tiegħu’.

(e)        għandhom jiżdiedu l-punti 23 u 24 li ġejjin:

‘(23) ‘Ċertifikat tax-xogħol marittimu’ tfisser iċ-ċertifikat imsemmi fir-Regolament 5.1.3 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu.’

(24) ‘Dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu’ tfisser id-dikjarazzjoni msemmija fir-Regolament 5.1.3 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu.’

(f)         għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘Ir-referenzi kollha għall-Konvenzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva, inklużi għaċ-ċertifikati u dokumenti oħra, għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dawk il-Konvenzjonijiet fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom’.

(2)        Fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

"5. L-applikazzjoni u/jew l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom jikkostitwixxu raġuni sabiex jiġġustifikaw tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema taħt il-leġiżlazzjoni soċjali tal-Unjoni.”

(3)        Fl-Artikolu 8, għandu jitħassar il-paragrafu 4.

(4)        Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘3. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-parametri ta’ riskju storiċi u ġeneriċi previsti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).’

(5)        Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ spezzjoni estiża, inklużi l-oqsma ta’ riskju li għandhom jiġu koperti, huwa stabbilit fl-Anness VII. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-karatteristiċi dettaljati li għandhom jiġu vverifikati fl-oqsma ta’ riskju indikati f’dan l-Anness. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3)’.

(6)        Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina fid-dettall dawk il-modalitajiet armonizzati tad-dħul fis-seħħ tal-proċeduri deskritti fl-Istruzzjonijiet imsemmija fl-Anness VI, inkluż fir-rigward tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).’

(7)        Għandu jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

            ‘Artikolu 18a

Ilmenti relatati mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

1.           Meta lment relatat ma’ suġġetti koperti mill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ma jkunx ġie solvut abbord il-bastiment, l-uffiċjal ta’ kontroll mill-Istat tal-port għandu jinnotifika minnufih lill-Istat tal-bandiera filwaqt li, fi żmien stipulat, ifittex parir jew pjan korrettiv ta’ azzjoni. Rapport tal-ispezzjoni għandu jintbagħat b’mezz elettroniku lill-bażi tad-dejta ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

2.           Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbilment ta’ format u proċedura elettroniċi armonizzati għar-rapportar tal-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).

(8)        Fl-Artikolu 19, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘11. Dwar suġġetti koperti mill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf minnufih anki lill-organizzazzjonijiet xierqa ta’ sidien tal-bastimenti u ta’ baħħara fl-Istat tal-port fejn twettqet l-ispezzjoni.”.

(9)        Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘5. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli armonizzati għar-rapportar ta’ anomaliji mill-bdoti u mill-awtoritajiet tal-port u r-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, u l-modalitajiet u l-istrumenti tekniċi li għandhom jintużaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(3).’

(10)      Fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu ta’ hawn fuq, il-kriterji għall-aggregazzjoni tad-dejta rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ konsulenza msemmija fl-Artikolu 31(2).’

(11)      Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 30a u 30b li ġejjin

‘Artikolu 30a

Atti ddelegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b, rigward l-emendi għall-Anness VI għal din id-Direttiva, sabiex mal-lista stabbilita f’dak l-Anness tkun tista’ żżid aktar struzzjonijiet relatati mal-kontroll mill-Istat tal-port adottati mill-Organizzazzjoni MoU ta’ Pariġi.

Artikolu 30b

Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indefinit mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 30a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(12)      L-Artikolu 31 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 31

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (COSS – ‘Committee on Safe Seas and the Prevention of Pollution from Ships’) stabbilit mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4. Fejn, fil-każijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ hawn fuq, l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi ddeterminata mingħajr riżultat meta, fit-terminu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew meta dan jintalab minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.’.

(13)      L-Artikolu 32 għandu jitħassar.

(14)      Fil-punt II 2B tal-Anness I, għandhom jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

‘- Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li ma rratifikax waħda jew iktar mill-Konvenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2, il-punt 1.’;

‘- Il-bastimenti li d-dokumentazzjoni tagħhom ma turi l-ebda prova li ġie implimentat pjan miftiehem ta’ azzjoni sabiex issir rettifika tan-nuqqasijiet ta’ konformità kif imsemmi fl-Istandard A5.2.1(6) tal-MLC.’.

(15)      Fl-Anness IV, għandhom jiżdiedu l-punti 45 u 46 li ġejjin:

‘45. Ċertifikat tax-xogħol marittimu (ara l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO (MLC));

46. Dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol (MLC tal-ILO)’.

(16)      Fl-Anness V, il-punt A, għandhom jiżdiedu l-punti 16, 17 u 18 li ġejjin:

‘16. Id-dokumenti meħtieġa mill-MLC mhumiex ippreżentati jew miżmuma jew inkella jinżammu b’mod falz jew id-dokumenti ppreżentati ma fihomx it-tagħrif meħtieġ mill-MLC jew inkella mhumiex validi b’xi mod ieħor.

17. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fuq il-bastiment ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-MLC.

18. Il-bastiment ikun biddel il-bandiera sabiex jevita milli jikkonforma mal-MLC.’

(17)      Fil-punt 3.10. tal-Anness X, għandhom jiżdiedu l-punti 8 u 9 li ġejjin:

‘8. Il-kundizzjonijiet abbord huma ta’ periklu b’mod ċar għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara;

9. In-nuqqas ta’ konformità jikkostitwixxi ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-MLC (inklużi d-drittijiet tal-baħħara).’

Artikolu 2

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tinkiseb konformità mad-Direttiva sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni dak it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 161, 22.06.2007, p.63.

[2]           ĠU L 124, 20.05.2009, p.30.

[3]               COM (2009) 8.

[4]               Ara l-paragrafu 3 tal-Komunikazzjoni.

[5]               COM (2011)144 finali.

[6]               ĠU L131, 28.05.2009, p.57.

[7]               L-organizzazzjoni tikkonsisti minn 27 Amministrazzjoni marittima parteċipanti u tkopri l-ilmijiet tal-Istati kostali Ewropej u l-baċir tal-Atlantiku tat-Tramuntana mill-Amerika ta’ Fuq sal-Ewropa. L-Istati membri attwali tar-reġjun tal-MoU ta’ Pariġi huma l-Belġju, il-Bulgarija, il-Kanada, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit.

[8]               Ippubblikat fl-20 ta’ Lulju 2011: http://ec.europa.eu/transport/maritime/seafarers/doc/2011-06-09-tfmec.pdf

[9]               ĠU C […], […], p. […].

[10]               ĠU C […], […], p. […].

[11]               ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63.

[12]               ĠU L131, 28.5.2009, p. 57.

[13]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.