Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' tikkettar tal-effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini jemenda r-Regolament (KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju /* COM/2012/0109 final - 2012/0049 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008
jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-programm
għat-tagħmir tal-uffiċċju Energy Star (kompjuters, skrins,
printers, kopjaturi, skeners, eċċ) fl-Unjoni Ewropea. Il-programm
Energy Star huwa implimentat fl-UE abbażi ta’ Ftehim bejn il-Gvern
tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta'
programmi ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir
tal-uffiċċju[1]
li skadew f’Diċembru 2011. Fit-12 ta’ Lulju 2011
il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza l-Kummissjoni li tinnegozja
qbil ġdid ta’ 5 snin u n-negozjati ġew konklużi
fid-29 ta’ Novembru 2011. L-għan ta’ din il-proposta
għal emenda tar-Regolament (KE) 106/2008 huwa li tiġi adattata
l-implimentazzjoni tal-programm tal-Energy Star għal qbil ġdid.
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-firma u
l-konklużjoni tal-Ftehim il-ġdid tal-Energy Star qed titressaq
quddiem il-Kunsill ma’ din il-proposta ta' emenda tar-Regolament (KE) 106/2008. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Il-proposti dwar
il-Ftehim il-ġdid u l-emenda tar-Regolament (KE) 106/2008 iqisu
l-esperjenza miksuba tul l-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni tal-programm
tal-Energy Star fl-UE bejn l-2001 u l-2010, kif ukoll il-konsultazzjonijiet
tal-Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea. Ir-raġunijiet
dettaljati għaliex għandu jitkompla l-programm tal-Energy Star
għat-tielet perjodu ta’ ħames snin jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar
l-implimentazzjoni tal-programm tal-Energy Star tul il-perjodu 2006-2010[2] u
fir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jinfetħu negozjati
dwar it-tieni Ftehim tal-Energy Star. Il-punti ewlenin huma mqassra hawn
taħt: –
L-Energy Star kienet effettiva ħafna
fit-tmexxija tas-suq tat-tagħmir tal-uffiċċju lejn aktar
effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Irnexxielha
tnaqqas il-konsum tal-elettriku għal tagħmir tal-uffiċċju
mibjugħ fl-aħħar 3 snin b’madwar 11 TWH, iġifieri
b’madwar 16%. Bħala riżultat tfaddlu aktar minn EUR 1.8bn fuq
kontijiet tal-enerġija u ġew evitati 3.7 Mt ta' emissjonijiet
ta' CO2. –
Tipprovdi qafas ta’ politika flessibli u dinamiku,
adattat ferm b’mod partikolari għal prodotti li qed jevolvu b’mod
mgħaġġel bħall-ICT. –
L-UE u l-Istati Uniti għandhom ikomplu
jikkooperaw fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott
bl-istess livell ta’ rekwiżiti jkunu introdotti madwar l-istess żmien
miż-żewġ entitajiet. –
Minħabba l-intenzjoni tal-Istati Uniti sabiex
tintroduċi ċertifikazzjoni minn parti terza għall-programm,
il-ftehim għandu jkompli skont żewġ sistemi distinti
tar-reġistrazzjoni tal-prodott biċ-ċertifikazzjoni minnha stess
applikata fl-UE u ċ-ċertifikazzjoni minn parti terza applikata
fl-Istati Uniti. It-tmiem tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku
mhux mistenni li jkollu impatt negattiv fuq il-manifatturi li qed
jipparteċipaw fil-programm tal-UE għaliex huma qed jiffukaw
primarjament fuq is-suq tal-UE. –
Il-manifatturi indikaw ir-rekwiżit
għall-awtoritajiet tal-gvern ċentrali għax-xiri ta’ tagħmir
tal-uffiċċju mill-inqas effiċjenti daqs l-Energy Star bħala
l-fattur primarju għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm.
Barra minn hekk, minħabba li proporzjon sinifikanti minnhom
jipparteċipaw f’offerti pubbliċi fi Stati Membri li fihom mhumiex
stabbiliti, għandu jkun ikkunsidrat rinforz tad-dispożizzjonijiet
dwar l-akkwist pubbliku. Raġuni
addizzjonali għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar
l-akkwist pubbliku hija provduta fil-Valutazzjoni tal-Impatt[3] li
takkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza
fl-Enerġija[4]. –
Għalkemm id-dejta disponibbli turi livell
għoli ta' konformità, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom
jikkooperaw mill-qrib fuq l-infurzar qawwi tal-programm u għandhom
jirrevedu l-effettività ta' dan l-infurzar mhux aktar tard minn 18-il xahar
wara l-konklużjoni tal-ftehim. F’dan
il-każ l-obbligi rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward
l-infurazar tal-programm għandhom jiġu ċċarati. –
Il-Kummissjoni se tibqa’ timmoniterja l-impatt
tal-bidliet proposti mill-Istati Uniti u tal-Programm Energy Star dwar
l-iffrankar tal-enerġija, il-manifatturi u l-konformità. Mill-anqas
sentejn qabel l-iskadenza tal-Ftehim il-ġdid se tanalizza
l-għażliet possibbli sabiex tindirizza l-konsum tal-enerġija
tat-tagħmir tal-uffiċċju, inkluż it-tibdil tal-Energy Star
bi strumenti ta' politika alternattivi. 3. L-ASPETTI LEGALI
TAL-PROPOSTA L-għan ta' din il-proposta
għall-emenda tar-Regolament (KE) 106/2008 huwa l-adattament
tal-implimentazzjoni tal-programm tal-Energy Star għall-Ftehim
il-ġdid bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar
il-koordinazzjoni tal-programmi ta’ tikkettar tal-effiċjenza
fl-enerġija għat-tagħmir tal-uffiċċju. L-unika emenda sostantiva għall-proposta
huwa t-tħassir tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 106/2008, li,
jiddikjara li "Prodotti ta' tagħmir għall-uffiċċju li
għalihom ingħata l-użu tal-Logo Komuni mill-USEPA għandhom
jitqiesu li huma konformi ma' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm xhieda
tal-kuntrarju". Sa issa l-programm fl-UE u l-Istati Uniti huwa bbażat
fuq ċertifikazzjoni minnu nnifsu mill-manifatturi. Is-suċċess
tal-programm fl-UE huwa meqjus li hu bbażat parzjalment fuq tali
proċeduri ħfief tar-reġistrazzjoni tal-prodott. Madanakollu,
l-Istati Uniti ddeċidiet li timxi għal ċertifikazzjoni fuq parti
terza għal prodott mqiegħed fis-suq tal-Istati Uniti. Tali
approċċ mhux rakkomandat għas-suq tal-UE. Jista' iħalli
effett negattiv fuq il-programm u jqiegħed lill-SMEs fi
żvantaġġ fir-rigward ta’ manifatturi kbar. Għalhekk skont
il-ftehim il-ġdid il-programm se jkollu jiffunzjona skont żewġ
sistemi separati għar-reġistrazzjoni tal-prodott. Il-prodotti
mqiegħda fis-suq tal-UE se jkollhom jiġu reġistrati
mal-Kummissjoni Ewropea waqt li l-prodotti mqiegħda fis-suq Amerikan se
jkollhom jiġu reġistrati permezz ta’ terzi persuni akkreditati skont
il-Programm Amerikan tal-Energy Star. Dan ifisser li l-prinċipju ta’
rikonoxximent reċiproku ma jibqax aktar applikabbli: Emendi oħra għandhom l-għan li
jaġġornaw ir-referenzi għal leġislazzjoni eżistenti
(fl-Artikolu 4) u għall-ftehim il-ġdid (fl-Artikolu 11),
kif ukoll li jaġġornaw l-isem tal-Bord tal-Energy Star
(fl-Artikolu 8). L-Artikolu 12 jipprovdi kjarifika tar-responsabbiltajiet
tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għar-rinforz tal-Programm.
L-Artikoli 4 u 7, kif ukoll l-Artikoli 13 u 14 huma magħqudin. Il-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni
tal-programm tal-Energy Star fil-perjodu 2006-2010 ikkonkludiet li għandha
tingħata konsiderazzjoni lejn it-tisħiħ
tad-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku. Madanakollu minħabba
li l-implimentazzjoni f’waqtha tal-programm Energy Star skont il-ftehim
il-ġdid tiddependi fuq l-adozzjoni mgħaġġla tar-regolament
emendat mhux qed ikunu proposti bidliet sostanzjali fit-test. Minflok, l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar
l-akkwist pubbliku se jkun kopert mill-proposta għal Direttiva dwar
l-Effiċjenza Enerġetika[5] li tindirizza l-akkwist pubbliku b’mod komprensiv. Ir-Regolament emendat għandu jqis
id-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni se tibqa’ timmoniterja l-impatt
tal-bidliet proposti mill-Istati Uniti u tal-Programm tal-Energy Star dwar
l-iffrankar tal-enerġija, il-manifatturi u l-konformità. Mill-anqas
sentejn qabel l-iskadenza tal-Ftehim il-ġdid se tanalizza
l-għażliet possibbli sabiex tindirizza l-konsum tal-enerġija
tat-tagħmir tal-uffiċċju, inkluż it-tibdil tal-Energy Star
bi strumenti ta' politika alternattivi. 4. L-IMPLIKAZZJONIJIET
BAĠITARJI Il-proposta għandha l-għan li
tkompli l-implimentazzjoni ta' programm eżistenti u għalhekk ma
għandha l-ebda impatt fuq l-approprjazzjonijiet operattivi u
amministrattivi u fuq ir-riżorsi umani. 2012/0049 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' tikkettar tal-effiċjenza
tal-enerġija għat-tagħmir fl-uffiċini jemenda r-Regolament
(KE) Nru 106/2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar
tal-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta li saret
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att
leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni, Jaġixxu f'konformità mal-proċedura
leġislattiva ordinarja, Billi: (1) Ir-Regolament (KE)
Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-programmi ta’ tikkettar dwar
l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju[6] jimplimenta l-Programm Energy Star fl-Unjoni fuq il-bażi ta'
Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Komunità Ewropea dwar
il-koordinazzjoni ta programmi ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza
enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju[7]. Dan il-Ftehim jiskadi fit-28 ta’ Diċembru 2011 u
l-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-Kummissjoni sabiex
tinnegozja ftehim ġdid għal ħames snin mal-Istati Uniti.
In-negozjati rigward il-ftehim il-ġdid ġew konklużi
fid-29 ta' Novembru 2011. Għalhekk, ir-referenza
għall-ftehim il-ġdid għandha tiddaħħal (2) Huwa meħtieġ ukoll
l-aġġornament tar-referenzi għal skemi ta' tikkettar jew
ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-Unjoni stabbiliti permezz
tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxu qafas
għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn ta' prodotti li jużaw
l-enerġija[8],
id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni mit-tikkettar u
l-informazzjoni standard fuq il-prodott tal-konsum tal-enerġija u
riżorsi oħra minn prodotti relatati mal-enerġija[9] u bir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-Ecotikketta tal-UE[10]. (3) Ir-Regolament tal-emenda
jipprovdi opportunità siewja għall-inklużjoni ta' isem ġdid
tal-Bord tal-Energy Star. (4) L-Artikolu 4(4)
għandu jitħassar sabiex jittieħed inkonsiderazzjoni
Artikolu VI tal-ftehim il-ġdid li jipprovdi għal żewġ
skemi separati taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti mqiegħda fis-suq
tal-Unjoni u ċertifikazzjoni ta’ parti terza għal prodotti
imqiegħda fis-suq tal-Istati Uniti). (5) Ir-rabta
mad-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva […./../UE] tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija u li tħassar
id-Direttiva 2004/8/KE u 2006/32/KE[11] għandha tkun iċċarata fl-Artikolu 6. (6) Għandhom jiġu
ċċarati l-obbligi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri
għall-infurzar tal-Programm tal-Energy Star stabbilit
fl-Artikolu 12(3). (7) L-istima tal-Programm
għandha tinkludi konsiderazzjoni ta’ għażliet alternattivi
tal-politika u tipprovdi żmien biżżejjed għal
deċiżjoni infurmata dwar tiġdid possibbli tal-ftehim. (8) Għaldaqstant,
ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 għandu jkun emendat kif xieraq, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008
għandu jkun emendat kif ġej: (1)
L-Artikolu 4 huwa sostwit b’dan li ġej: "Artikolu 4 Prinċipji Ġenerali 1.
Il-Programm tal-Energy Star għandu jkun
koordinat, kif xieraq, ma’ arranġamenti oħra ta’ tikkettar jew
ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ma’ skemi, b’mod
partikolari, bħall-iskema tal-għotja l-Ekotikketta, stabbilita
bir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-indikazzjoni l-indikazzjoni permezz ta’
tikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum
tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti relatati mal-enerġija,
stabbilita bid-Direttiva 2010/30/EC u l-miżuri li jimplimentaw
id-Direttiva 2009/125/KE. Din il-koordinazzjoni għandha tinkludi
l-iskambju ta’ evidenza, u jekk xieraq, it-twaqqif ta’ livelli komuni ta’
speċifikazzjonijiet u rekwiżiti tul l-iskemi differenti. 2.
Skemi volontarji ta' tikkettar oħra u
eżistenti dwar l-effiċjenza enerġetika għal prodotti
tat-tagħmir tal-uffiċċju fl-Istati Membri jistgħu
jeżistu flimkien mal-programm tal-Energy Star. 3.
Il-Logo Komuni jista’ jintuża
mill-parteċipanti tal-programm fuq il-prodotti tat-tagħmir
tal-uffiċċju tagħhom u fil-materjal promozzjonali
assoċċjat. 4.
Il-parteċipazzjoni fil-programm tal-Energy
Star għandha tkun fuq bażi volontarja. 5.
Mingħajr preġudizzju lejn l-ebda regola
tal-Unjoni Ewropea dwar l-istima tal-konformità u l-immarkar ta' konformità
u/jew għal xi ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u
pajjiżi terzi għar-rigward ta' aċċess għas-suq
tal-Komunità, prodotti koperti minn dan ir-Regolament li huma mqiegħda
fis-suq tal-Komunità jistgħu jiġu ttestjati mill-Kummissjoni jew
mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità tagħhom
mal-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament. (2)
L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 6 Promozzjoni ta' kriterji ta'
effiċjenza enerġetika 1.
Għat-tul ta' żmien tal-validità
tal-Ftehim, l-awtoritajiet tal-gvern ċentrali fis-sens
tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' proċeduri
għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi,
kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi
pubbliċi[12], għandhom,
mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u
għal-liġijiet nazzjonali, u għall-kriterji ekonomiċi,
jispeċifikaw rekwiżiti ta' effiċjenza enerġetika mhux inqas
eżiġenti mill-Ispeċifikazzjonijiet għal kuntratti ta'
provvista pubblika ta' valur ugwali għal, jew li jeċċedi,
il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva. Dan
l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju
għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u
l-Anness III(f) tad-Direttiva […./../UE] tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika u li jħassru
d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE[13]. 2.
Għaż-żmien tal-Ftehim il-Kummissjoni
u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għandhom, mingħajr
preġudizzju lejn l-Unjoni u l-liġi nazzjonali u l-kriterji
eknomiċi, jispeċifikaw rekwiżiti għall-użu
effiċjenti tal-enerġija mhux anqas eżiġenti
mill-Ispeċifikazzjonijiet Komuni għall-kuntratti ta’ provvista
pubblika ta’ valur ugwali għal, jew li jeċċedi, il-limiti
massimi stipulati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE. (3)
L-Artikolu 7 jitħassar. (4)
L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 8 Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea 1. Il-Kummissjoni għandha
tistabbilixxi Bord tal-Energy Star tal-Unjoni Ewropea (BESUE) li jkun magħmul
minn rappreżentanti nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 9 u minn
rappreżentanti tal-partijiet interessati. Il-BESUE għandu jirrivedi
l-implimentazzjoni tal-programm tal-Energy Star fi ħdan il-Komunità u
għandu jipprovdi lill-Kummissjoni konsulenza u assistenza, kif xieraq,
biex jippermettilha twettaq il-funzjoni tagħha bħala Entità
Amministrattiva, kif jingħad fl-Artikolu IV tal-Ftehim. 2. Il-Kummissjoni għandha
tiżgura li, safejn possibbli fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħha,
il-BESUE josserva, fir-rigward ta' kull grupp ta' prodotti ta' tagħmir
għall-uffiċċju, parteċipazzjoni bilanċjata
tal-partijiet rilevanti interessati kollha li huma konċernati minn dak
il-grupp ta' prodotti bħal manifatturi, bejjiegħa bl-imnut,
importaturi, gruppi ta' protezzjoni tal-ambjent u organizzazzjonijiet
tal-konsumatur. 3. Il-Kummissjoni, assistita
mill-BESUE, għandha timmonitorja d-dħul fis-suq ta' prodotti li
jkollhom il-Logo Komuni u l-iżvilupp tal-effiċjenza enerġetika
ta' tagħmir tal-uffiċċji bil-għan li ssir reviżjoni
f'waqtha tal-Ispeċifikazzjonijiet Komuni. 4. Il-Kummissjoni għandha
tistabbilixxi l-proċedura tar-regoli tal-BESUE, filwaqt li tqis il-fehmiet
tar-rappreżentanti nazzjonali fil-BESUE. " (5)
L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li
ġej: "Artikolu 11 Proċeduri preparatorji
għar-reviżjoni ta' kriterji tekniċi 1. Sabiex issir il-preparazzjoni
għar-reviżjoni tal-Ispeċifikazzjonijet Komuni u tal-gruppi
tal-prodotti tat-tagħmir tal-uffiċċju koperti mill-Anness C
mal-Ftehim, u qabel jiġi preżentat abbozz ta' proposta jew
tingħata risposta lill-USEPA skont il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim
u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill […] ta’ […] dwar
il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka u
l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ tikkettar dwar
l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju[14], għandhom jittieħdu l-passi stipulati fil-paragrafi 2
sa 5. 2. Il-Kummissjoni tista’ titlob
lill-BESUE biex iħejji proposta għal reviżjoni tal-Ftehim jew
tal-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott. Il-Kummissjoni tista’
tressaq proposta quddiem il-BESUE għar-reviżjoni
tal-Ispeċifikazzjonjiet Komuni għal prodott jew tal-Ftehim. Il-BESUE
jista' ukoll iressaq proposta lill-Kummissjoni fuq inizjattiva tiegħu
stess. 3. Il-Kummissjoni għandha
tikkonsulta mal-BUESE kull meta tirċievi proposta għal reviżjoni
tal-Ftehim mill-APAIU. 4. Meta l-membri tal-BUESE
jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni, huma għandhom
iqisu r-riżultati tal-istudji ta' fattibbiltà u tas-suq, u
t-teknoloġija disponibbli għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija. 5. Il-Kummissjoni għandha
tikkunsidra b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi
Speċifikazzjonijiet Komuni f’livell ambizzjuż, kif previst
fl-Artikolu I, paragrafu 3, tal-Ftehim, bl-għan li jitnaqqas
il-konsum tal-enerġija u għandha tqis kif dovut it-teknoloġija
disponibbli u l-ispejjeż relatati. B'mod partikolari, qabel ma tagħti
l-opinjonijiet tagħha dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Komuni, il-BUESE
għandu jqis l-aħħar riżultati tal-istudji tal-ekodisinn.
" (6)
L-Artikoli 12 u 13 huma sostitwiti b’dan
li ġej: "Artikolu 12 Is-sorveljanza tas-suq u l-kontroll
tal-abbuż 1. Il-Logo Komuni għandu
jintuża biss inkonnessjoni mal-prodotti koperti mill-Ftehim u fi qbil
mal-linji gwida għall-utenti tal-Logo Komuni, li jinsabu fl-Anness B
tal-Ftehim. 2. Kull pubbliċità falza
jew qarrieqa, jew kull użu ta' kwalunkwe tikketta jew logo li jwassal
għal konfużjoni biex jintgħaraf il-Logo Komuni, għandu jkun
projbit. 3. Il-Kummissjoni għandha
tiżgura l-użu korrett tal-Logo Komuni billi tieħu jew tikkoordina
l-azzjoni kif deskritta fl-Artikolu IX, paragrafi 2, 3 u 4,
tal-Ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni adegwata,
deskritta prinċipalment fl-Artikolu IX, paragrafu 5, tal-Ftehim
biex jiżguraw il-konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament
fit-territorju tagħhom stess u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni.
L-Istati Membri jistgħu jirriferu l-prova ta' nuqqas ta' konformità minn
parteċipanti tal-programm lill-Kummissjoni għal azzjoni inizjali. "Artikolu 13 Reviżjoni Qabel mal-Partijiet għall-Ftehim
jiddiskutu t-tiġdid tiegħu skont l-Artikolu XIV,
paragrafu 2 tiegħu il-Kummissjoni għandha tevalwa l-effettività
tal-programm tal-Energy Star għat-titjib tal-effiċjenza
fl-enerġija fit-tagħmir għall-uffiċċju u waqt li
jipprovdi opportunitajiet fis-suq għall-manifatturi, u jistima
għażliet alternattivi ta’ politika bħal dawk ipprovduti
mil-lesġislazzjoni tal-Unjoni, speċjalment
id-Direttiva 2009/125/KE u 2010/30/KE. Ir-riżultati ta’ tali
evalwazzjoni u stima għandhom jiġu rrappurtati lill-Parlament Ewropew
u lill-Kunsill mill-anqas sentejn l-iskadenza tal-Ftehim." (7)
L-Artikolu 14 tħassar Artikolu 2 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni
tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmula fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠUL 381, 28.12.2006, p.26. [2] COM(2011)337 finali [3] SEC(2011)
779 finali [4] SEC(2011) 370 finali [5] COM(2011) 370 finali [6] ĠU L
39, 13.2.2008, p. 1. [7] ĠU L
381, 28.12.2006, p. 26. [8] ĠU
L 285, 31.10.2009, p. 10. [9] ĠU
L 153, 18.6.2010, p. 1. [10] ĠU
L 27, 30.1.2010, p. 1. [11] ĠU
L […], […], p. […]. [12] ĠU L
134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE)
Nru 1422/2007 (ĠU L 317, 5.12.2007, p. 34). [13] ĠU L […], […], p. […]. [14] ĠU L […], […], p. […].