Brussell, 28.2.2012

COM(2012) 67 final

This document was downgraded/declassified
Date : 25.08.2017
By : K. Vandenberghe
Authority : DG RTD

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra għall-Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013)


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.B’ittra tal-14 ta’ Marzu 2011, l-Isvizzera esprimiet l-interess tagħha li tassoċja ruħha mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet tat-taħriġ (2012-2013) 1 .

2.Il-Konfederazzjoni Svizzera (minn hawn ’il quddiem l-Isvizzera) ilha assoċjata mal-qasam tematiku tal-fużjoni tal-programmi qafas Euratom mill-1979 abbażi tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1978, bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam tal-fużjoni termonukleari kkontrollata u l-fiżika tal-plażma 2 .

3.Fit-8 ta' Jannar 1986, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkludew Ftehim Qafas dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Konfederazzjoni Svizzera (minn hawn ’il quddiem l-Isvizzera) 3 . L-Artikolu 6 tal-Ftehim Qafas jiddikjara li l-kooperazzjoni xjentifika u teknika għandha titwettaq permezz ta’ ftehimiet xierqa. 

4.L-Isvizzera assoċjat ruħha mas-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) dwar ir-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2007-2011) 4 abbażi ta’ ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika li ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2007, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Dan il-ftehim kien mingħajr preġudizzju għat-termini tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1978, bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-qasam tal-fużjoni termonukleari kkontrollata u l-fiżika tal-plażma.

5.Fis-7 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ssottomettiet proposta dwar il-pakkett leġiżlattiv rigward il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) 5 .

6.Fir-rigward tal-attivitajiet ta' riċerka tal-Euratom dwar l-enerġija, saru diskussjonijiet esploratorji sabiex jidentifikaw il-potenzjal tar-riċerka u l-interess reċiproku tal-assoċjazzjoni tal-Isvizzera mal-programm qafas ta' riċerka tal-Euratom (2012-2013).

7.Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, skont l-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom, mal-Konfederazzjoni Svizzera l-ftehim dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Nukleari (Euratom) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013).

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra għall-Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2012 - 2013) 6 ;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 li tikkonċerna l-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimentaw il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2012 - 2013) 7 ;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimentaw il-Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2012 - 2013) 8 ;

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati ta' riċerka (2012 - 2013) 9 ;

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni;

BILLI

(1)Il-Konfederazzjoni Svizzera esprimiet l-interess tagħha li tassoċja ruħha mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar ir-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2012 - 2013);

(2)Huwa fl-interess tal-Kummissjoni li tassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2012-2013);

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni b'dan qed tiġi awtorizzata tinnegozja ftehim f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013). 

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta' negozjar stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill infurmat dwar l-istat tal-progress tan-negozjati.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

ANNESS

DIRETTIVI TA' NEGOZJAR

1. Il-ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem "Euratom"), minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim"), se jipprovdi għall-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) 10 , kollu kemm hu, mingħajr preġudizzju għat-termini tal-Ftehim ta' Fużjoni tal-1978.

2. Sabiex il-Konfederazzjoni Svizerra tkun tista' tipparteċipa, mill-aktar fis possibbli, fil-Programm Qafas tal-Euratom kollu kemm hu bħala pajjiż assoċjat, il-Ftehim għandu jipprovdi għal applikazzjoni provviżorja u retroattiva mill-1 ta' Jannar 2012. Il-Ftehim se jkun fih dispożizzjoni rigward ir-rimbors ta' fondi u konsegwenzi legali għal proġetti u attivitajiet li jinsabu għaddejjin u li nbdew matul l-applikazzjoni provviżorja, f'każ ta' nuqqas ta' konklużjoni minn waħda min-naħat. 

3. It-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Euratom għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE stabbiliti fil-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra 11 .

4. It-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim se jkunu koerenti mar-Regolament tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-Regoli għall-Parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati ta' riċerka (2012-2013) 12 .

5. Il-Ftehim għandu jipprovdi għal protezzjoni xierqa tal-interessi finanzjarji li jkopru l-komunikazzjoni tad-dejta finanzjarja, l-awditi u l-investigazzjonijiet amministrattivi kontra l-frodi li jsiru fuq il-post, l-assistenza amministrattiva u l-irkupru ta' flus. Safejn ikun meħtieġ, il-Ftehim għandu jipprevedi wkoll l-eliminazzjoni ta' ostakli marbuta mat-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni transkonfinali ta' riċerkaturi fi proġetti tar-riċerka taħt il-Ftehim, b'mod partikolari l-persunal taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka rregolat mir-regolamenti tal-persunal tal-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU L …..
(2) ĠU L 242, 04.09.1978, p. 2.
(3) ĠU L 313, 22.11.1985, p. 6.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60.
(5) COM(2011)71, COM(2011)72, COM(2011)73, COM(2011)74
(6) Ref. Kunsill 17503/11 – għandu jiġi ppubblikat fil-ĠU
(7) Ref. Kunsill 17504/11 – għandu jiġi ppubblikat fil-ĠU
(8) Ref. Kunsill 17505/11 – għandu jiġi ppubblikat fil-ĠU
(9) Ref. Kunsill 17506/11 – għandu jiġi ppubblikat fil-ĠU
(10) Ref. Kunsill 17503/11 – għandu jiġi ppubblikat fil-ĠU
(11) ĠU L 189, 20.07.2007, p. 24-39.
(12) Ref. Kunsill 17506/11 – għandu jiġi ppubblikat fil-ĠU