52012PC0061

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li timmodifika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea /* COM/2012/061 final - 2012/0024 (CNS) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2010 li timmodifika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kollettività Franċiża ta' Saint-Barthélemy, li qabel kienet reġjun ultraperiferali tal-Unjoni Ewropea, fl-1 ta' Jannar 2012 saret pajjiż u territorju extra-Ewropew assoċjat mal-Unjoni Ewropea.

Skont l-Artikolu 203 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej assoċjati mal-Unjoni Ewropea jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li dan jaġixxi b'mod unanimu. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejħa "id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar") daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Diċembru 2001 u se tiskadi fl-aħħar tal-2013.

Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill trid tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-modifika fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea introdotta permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta' Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea u li tipprevedi l-evoluzzjoni ta' din il-kollettività Franċiża biex mill-1 ta' Jannar 2012 'l hemm, tikseb l-istatus ta' pajjiż u territorju extra-Ewropew assoċjat mal-UE.

2012/0024 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li timmodifika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta' Ottubru 2010, li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea[1], timmodifika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Anness II tiegħu, billi tinkludi l-gżira ta’ Saint-Barthélemy fil-lista tal-pajjiżi u tat-territorji extra-Ewropej li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-raba' parti tat-Trattat.

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea[2], tistabbilixxi l-qafas legali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (minn issa 'l quddiem imsejħa "l-PTLHB") u għaż-żieda fir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni Ewropea. L-Anness I A tad-Deċiżjoni 2001/822/KE jistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar (PTLHB) koperti mill-assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni msemmija.

(3) Id-Deċiżjoni 2001/822/KE tibqa' tapplika sal-31 ta' Diċembru 2013. Għaldaqstant, l-Anness I A tagħha jrid jiġi mmodifikat bil-għan li jieħu inkunsiderazzjoni l-bidla fl-istatus tal-gżira ta' Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, li mill-1 ta' Jannar 2012 'l hemm saret pajjiż u territorju extra-Ewropew.

(4) Id-Deċiżjoni 2010/718/UE tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012. Għaldaqstant, jaqbel li jiġu applikati għall-gżira ta' Saint-Barthélemy, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2001/822/KE li huma favorevoli għall-PTLHB u li ma jimponux fuqhom xi obbligi partikolari, minbarra dawk relatati mal-kooperazzjoni fil-finanzjament għall-iżvilupp. F'dan ir-rigward, Franza tikkommetti ruħha li ma titlobx l-intervent tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-gżira ta' Saint-Barthélemy skont l-ipprogrammar tal-perjodu 2007-2013,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IA tad-Deċiżjoni 2001/822/KE hu mmodifikat kif ġej: jiddaħħal inċiż bejn dak li jikkonċerna lil Saint Pierre u Miquelon u dak li jikkonċerna lill-Aruba, li għandu jinqara kif ġej:

"− Saint-Barthélemy,".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1 sa 9, 34, 35, 38, 39(1) u (7), 45(1), (2) il-punt a) u (3), 57 u 58 tad-Deċiżjoni 2001/822/KE japplikaw għall-gżira ta' Saint-Barthélemy mill-1 ta' Jannar 2012.

Magħmula fi Brussel,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.

[2]               ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.