Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ proposti għal emendi tal-Annessi II u III għall-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali, u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja fis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti /* COM/2012/047 final - 2012/0021 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI (1)
L-għan tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni
tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun tal-Kosta Mediterranja
(il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) huwa li tipprevjeni, ittaffi, tissielet u
kemm jista' jkun tnaqqas it-tniġġis taż-Żona tal-Baħar
Mediterranju u li tħares u ttejjeb l-ambjent tal-baħar f'dik
iż-żona sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli
tagħha. Il-Konvenzjoni hija trattat intergovernattiv adottat bħala
Programm Reġjonali tal-Ibħra taħt il-patroċinju
tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent. L-Unjoni Ewropea, sa
mill-1977 kienet Parti fil-Konvenzjoni ta’ Barċellona[1], u fl-1999 ikkonkludiet
il-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità
bijoloġika fil-Mediterran, flimkien mal-annessi għaliha (il-Protokoll)[2]. (2)
Il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti hija l-korp
li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni bis-setgħa li
jadotta, jirrevedi u jemenda kif meħtieġ l-annessi
għall-Konvenzjoni jew għall-protokolli tagħha, abbażi ta’
emendi proposti mill-Partijiet Kontraenti. Saru għadd ta’ proposti
għall-emendi tal-Annessi II u III għall-Protokoll. Dawn
il-proposti kienu ppreżentati għal evalwazzjoni fil-laqgħa
tal-Punti Fokali Nazzjonali li saret f’Marsilja (Franza) mis-17 sal-20 ta' Mejju 2011,
bil-għan li jiġu adottati fis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet
Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Barċellona u l-Protokolli
tagħha, li se issir f’Pariġi (Franza) mit-8
sal-10 ta' Frar 2012. (3)
Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni u skont
l-Artikolu 14(1) tal-Protokoll, emenda tal-Annessi għall-Protokoll
tidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha hekk kif
jiskadi perjodu deċiż mill-Partijiet Kontraenti konċernati meta
tiġi adottata l-emenda, għajr għal dawk il-Partijiet Kontraenti
li jagħmlu riżerva b’notifika bil-miktub lid-Depożitarju.
Għalhekk jeħtieġ li l-Kunsill jieħu deċiżjoni
msejsa fuq l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE), bil-għan li jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li
għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni waqt is-sbatax-il laqgħa
tal-Partijiet Kontraenti. Matul il-laqgħa tiegħu tal-punti fokali
fl-2011 f'Marsilja (Franza), is-Segretarjat tal-Konvenzjoni ressaq proposta
sabiex għaxar speċijiet tal-klieb il-baħar jiġu avanzati u
ttrasferiti mill-Anness III għall-Anness II. Tnejn minn dawn
l-għaxar speċijiet, (Galeorinus galeus u Isurus oxirhincus)
għandhom jibqgħu fl-Anness III, peress li l-ICCAT se jirrivedu
l-istatus tal-istokk tagħhom matul il-laqgħa annwali tagħha li
jmiss. Barra minn hekk, iż-żewġ speċijiet ta’ rebekkini li
fadal (Leucoraja circularis u L. melitensis) għandhom ukoll
jinżammu fl-Anness III iżda jixirqilhom attenzjoni
speċjali. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex tinġabar
aktar dejta dwar ir-rebekkini bil-għan li jkun hemm parir xjentifiku
preċiż li jikkunsidra mill-ġdid il-possibbiltà tat-trasferiment
vantaġġjuż tagħhom għall-Anness II fi stadju
aktar tard. (4)
Il-proposti għal emendi ma jeħtieġu
l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni. Ma jmorrux kontra d-Direttivi
tal-Għasafar[3]
u l-Ħabitats[4]
jew tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[5].
L-Unjoni għandha tappoġġja dawn il-proposti abbażi
tal-konsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) huma xjentifikament validi; (2)
għal raġunijiet ta’ konsistenza bejn l-azzjoni interna u esterna; u
(3) l-UE hija impenjata favur il-kooperazzjoni internazzjonali
għall-protezzjoni tal-bijodiversità, skont l-Artikolu 5
tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika,
il-ftehimiet li saru matul l-aħħar Konvenzjoni dwar id-Diversità
Bijoloġika f’Nagoya, fl-2010 u l-mira miftiehma fis-Samit Dinji dwar
l-Iżvilupp Sostenibbli "sabiex sal-2010 titnaqqas b'mod sinifikanti
r-rata attwali tat-telf tal-bijodiversità". Fid-dawl tal-preċedenti, fis-sbatax-il
Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’
Barċellona, l-Unjoni għandha tappoġġja l-adozzjoni
tal-emenda għall-Annessi. 2012/0021 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tkun adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ proposti
għal emendi tal-Annessi II u III għall-Protokoll dwar
Żoni Protetti b’mod Speċjali, u d-Diversità Bijoloġika
fil-Mediterran tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent
tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja fis-sbatax-il laqgħa
tal-Partijiet Kontraenti IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1),
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea[6], Billi: (1) L-UE hija Parti Kontraenti
fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u
tar-Reġjun tal-Kosta Mediterranja[7]
(minn issa ’l quddiem ‘il-Konvenzjoni ta’ Barċellona’) u hija Parti
għall-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità
bijoloġika fil-Mediterran u l-annessi għalih[8].(minn issa ’l quddiem ‘il-Protokoll’). (2) Il-laqgħa tal-Partijiet
Kontraenti hija l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni,
u fost is-setgħat mogħtija lilu hemm inkluża l-kapaċità li
jemenda kif meħtieġ l-annessi għall-Konvenzjoni u għall-protokolli
tagħha. Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Barċellona u
skont l-Artikolu 14(1) tal-Protokoll, emenda tal-Annessi
għall-Protokoll tidħol fis-seħħ għall-Partijiet
Kontraenti kollha għall-Protokoll hekk kif jiskadi perjodu deċiż
mill-Partijiet Kontraenti konċernati meta tiġi adottata l-emenda,
għajr għal dawk li jagħmlu riżerva b’notifika bil-miktub
lid-Depożitarju li huma ma jistgħux japprovaw l-emenda. (3) Għas-sbatax-il
laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona
u l-Protokolli tagħha, li se ssir f'Pariġi (Franza) mit-8
sal-10 ta’Frar 2012, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni ppreżenta
proposti li jipprovdu protezzjoni akbar għal diversi speċijiet
addizzjonali billi jemendaw l-Annessi II u III għall-Protokoll. (4) Il-proposti għal emendi
ma jeħtieġu l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni. (5) L-UE għandha
tappoġġja uħud minn dawn il-proposti għaliex huma
xjentifikament validi, konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u
mal-impenn tal-Unjoni favur il-kooperazzjoni internazzjonali
għall-protezzjoni tal-bijodiversità, u għaliex huma f'konformità
mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità
Bijoloġika[9]
kif ukoll mal-mira miftiehma waqt il-Konvenzjoni dwar id-Diversità
Bijoloġika tal-2010, sabiex sal-2020 titnaqqas b’mod sinifikanti r-rata
attwali tat-telf tal-bijodiversità, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Fis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet
Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli
tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta
l-pożizzjoni li ġejja tal-Unjoni Ewropea dwar il-votazzjoni fuq
il-proposti sabiex tingħata protezzjoni lil għadd ta’ speċijiet
billi dawn jiġu avanzati u ttrasferiti mill-Anness III
għall-Anness II tal-Protokoll. Il-Kummissjoni Ewropea għandha
tappoġġja ż-żieda tal-ispeċijiet li ġejjin
mal-Anness II għall-Protokoll u t-tħassir rispettiv tagħhom
mill-Anness III: (a)
Lamna nasus (Bonnaterre, 1788); (b)
Rhinobatos cemiculus (Saint-Hilaire, 1817); (c)
Rhinobatos rhinobatos (Linnaeus, 1758); (d)
Sphyrna lewini (Griffith
& Smith, 1834); (e)
Sphyrna mokarran (Rüppell,
1837); (f)
Sphyrna zygaena
(Linnaeus, 1758). Artikolu 2 Din
id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ [ ....]. Magħmula fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President
[...] [1] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi
l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis u l-Protokoll għall-prevenzjoni
tat-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn
bastimenti u vetturi tal-ajru, ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1. [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE
tat-22 ta' Ottubru 1999 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll
li jikkonċerna żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità
bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni tal-annessi
għal dak il-Protokoll (il-Konvenzjoni ta' Barċellona), ĠU L 322,
14.12.1999, p. 1. [3] Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/147/KE
tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni
tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 20, 26.1.2010,
p. 7-25. [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE
tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat
naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992,
p. 7. [5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002
tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u
l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar
is-Sajd, ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. [6] ĠU C […], […], p. […]. [7] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi
l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis u l-Protokoll għall-prevenzjoni
tat-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn
bastimenti u vetturi tal-ajru, ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1. [8] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE
tat-22 ta' Ottubru 1999 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll
li jikkonċerna żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità
bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni tal-annessi
għal dak il-Protokoll (il-Konvenzjoni ta' Barċellona), ĠU
L 322, 14.12.1999, p. 1. [9] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar
il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika, ĠU L
309, 13.12.1993, p. 1.