52012PC0041

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea /* COM/2012/041 final - 2012/0019 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (“DSB”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ("WTO") adotta r-Rapport tal-Korp tal-Appell u r-Rapport tal-Bord kif immodifikat permezz tar-Rapport tal-Korp tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri Definittivi ta’ Anti-dumping fuq Ċerti Qfieli tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina”[1] (“Ir-Rapporti”).

Fir-Rapporti nstab, inter alia, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping”)[2] kien inkonsistenti mal-Artikoli 6.10, 9.2 u 18.4 tal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping tad-WTO u l-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim tad-WTO. L-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-dumping jistipula li produtturi esportaturi individwali f’pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq li ma jirċevux trattament ta’ ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping se jkunu soġġetti għal rata ta' dazju fil-pajjiż kollu sakemm dawn l-esportaturi ma jistgħux juru li huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet għat-trattament individwali stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping (“is-sejba tad-DSB dwar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping”).

Fit-18 ta’ Awwissu 2011 l-Unjoni Ewropea nnotifikat lid-DSB li biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB f’din it-tilwima b’mod li tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tad-WTO.

Fid-19 ta’ Jannar 2012 l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina qablu li l-perjodu raġonevoli ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB tkun 14-il xahar u ġimgħatejn minn dakinhar li d-DSB jadotta r-rapporti. Il-perjodu raġonevoli ta’ żmien għalhekk se jiskadi fit-12 ta’ Ottubru 2012.

L-għan ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tad-DSB u d-deċiżjonijiet dwar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

Din il-proposta temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, ir-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping li kien ibbażat fuq id-dispożizzjoni ekwivalenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jiġifieri l-Artikolu 133.

· Il-Prinċipju tas-Sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

· Il-Prinċipju tal-Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

· L-Għażla tal-Istrumenti

L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Mhux applikabbli.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Mhux applikabbli.

2012/0019 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji.

Wara li kkunsidraw il-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abozz tal-att leġiżlattiv ingħadda lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (“DSB”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ("WTO") adotta r-Rapport tal-Korp tal-Appell u r-Rapport tal-Bord kif immodifikat permezz tar-rapport tal-Korp tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri Definittivi ta’ Anti-dumping fuq Ċerti Qfieli tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina”[3] (“Ir-Rapporti”).

(2) Fir-Rapporti nstab, inter alia, li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009[4] dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping”) kien inkonsistenti mal-Artikoli 6.10, 9.2 u 18.4 tal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping tad-WTO u l-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim tad-WTO (“is-sejba tad-DSB dwar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping”). L-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-dumping jistipula li produtturi esportaturi individwali f’pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq li ma jirċevux trattament ta’ ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping se jkunu soġġetti għal rata ta' dazju fil-pajjiż kollu sakemm dawn l-esportaturi ma jistgħux juru li huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet għat-trattament individwali (“TI”) stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping.

(3) Il-Korp tal-Appell sab li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping stabbilixxa preżunzjoni li l-produtturi esportaturi qed joperaw f’pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq mhumiex intitolati għal trattament individwali, iżda sabiex jikkwalifikaw għal trattament bħal dan, dawn iġorru l-piż li juru li huma jissodisfaw il-kriterji ta’ dan it-test. Skont il-Korp tal-Appell, l-ebda bażi legali għal tali preżunzjoni ma hija prevista fil-ftehimiet koperti tad-WTO.

(4) Madankollu, il-Korp tal-Appell ċċara li biex jiġi stabbilit jekk marġni tad-dumping wieħed u dazju ta’ anti-dumping wieħed għal numru ta’ esportaturi huwiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6,10 u 9.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO, dan jiddependi mill-eżistenza ta’ numru ta’ sitwazzjonijiet li jkunu jindikaw li, għalkemm distinti legalment, tnejn jew aktar mill-esportaturi jkunu f’tali relazzjoni li dawn għandhom jiġu ttrattati bħala entità unika. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jinkludu: (i) l-eżistenza ta’ konnessjonijiet korporattivi u strutturali bejn l-esportaturi, bħalma huma kontroll, sjieda t’ishma u ġestjoni komuni; (ii) l-eżistenza ta’ konnessjonijiet korporattivi u strutturali bejn l-Istat u l-esportaturi, bħalma huma kontroll, sjieda t’ishma u ġestjoni komuni; u (iii) kontroll jew influwenza materjali mill-Istat fir-rigward tal-ipprezzar u l-produzzjoni. F’dan ir-rigward, it-termini fl-emendi proposti li jirriflettu dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-kjarifiki tal-Korp tal-Appell mingħajr preġudizzju għat-termini bl-użu ta’ formulazzjoni l-istess jew simili f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping.

(5) Fit-18 ta’ Awwissu 2011 l-Unjoni Ewropea nnotifikat lid-DSB li biħsiebha timplimenta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB f’din it-tilwima b’mod li tirrispetta l-obbligi tagħha fir-rigward tad-WTO.

(6) Għal dak l-iskop, huwa neċessarju li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku dwar l-Anti-Dumping,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 9, il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"5. Dazju ta' anti-dumping jiġi impost f'ammonti xierqa f'kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta' prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta' dumping u li kkawża l-ħsara, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati garanziji skont it-termini ta' dan ir-Regolament.

Ir-Regolament li jimponi miżuri ta’ anti-dumping għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan ma jkunx prattikabbli, il-pajjiż fornitur ikkonċernat. Fornituri li huma legalment distinti minn fornituri oħra jew li huma legalment distinti mill-Istat jistgħu madankollu jkunu kkunsidrati bħala entità waħda għall-għan tal-ispeċifikar dazju. Għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, jistgħu jitqiesu fatturi bħalma huma l-eżistenza ta’ konnessjonijiet strutturali jew korporattivi bejn il-fornituri u l-Istat jew bejn il-fornituri, il-kontroll jew l-influwenza materjali mill-Istat fir-rigward tal-ipprezzar u l-produzzjoni, jew l-istruttura ekonomika tal-pajjiż fornitur. "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ [fit-…] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jgħodd għall-investigazzjonijiet kollha mibdija skont ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 wara d-data tal-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               WTO, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, AB-2011-2,          WT/DS397/AB/R, il-15 ta’ Lulju 2011. WTO, ir-Rapport tal-Bord,               WT/DS397/R, id-29 ta’ Settembru 2010. Ir-rapporti jistgħu jitniżżlu minn fuq il-websajt tad-WTO (http://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/cases_e/ds397_e.htm)

[2]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[3]               WTO, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, AB-2011-2,          WT/DS397/AB/R, il-15 ta’ Lulju 2011. WTO, ir-Rapport tal-Bord,               WT/DS397/R, id-29 ta’ Settembru 2010. Ir-rapporti jistgħu jitniżżlu minn fuq il-websajt tad-WTO (http://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/cases_e/ds397_e.htm)

[4]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.