52012PC0029

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina /* COM/2012/029 final - 2012/0015 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           Kuntest tal-proposta

110 || · Raġunijiet u għanijiet tal-proposta B’segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet imsejħa “Open Skies”, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni[1] (il-“mandat orizzontali”). L-għanijiet ta’ ftehimiet ta’ dan it-tip huma li jagħtu aċċess mhux diskriminatorju lit-trasportaturi kollha tal-ajru tal-Unjoni Ewropea għar-rotot tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi, u sabiex il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jinġiebu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

120 || · Kuntest ġenerali Ir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi tradizzjonalment kienu rregolati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Annessi għal dawn il-ftehimiet u arranġamenti bilaterali jew multilaterali relatati oħra. Il-klawżoli tradizzjonali ta’ nomina fil-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri dwar is-servizzi tal-ajru jiksru l-liġi tal-Unjoni. Dawn jippermettu lil pajjiż terz jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' trasportatur tal-ajru li jkun ġie nnominat minn Stat Membru iżda li sostanzjalment ma jkunx proprjetà ta’ dak l-Istat Membru u kkontrollat effettivament minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi Komunitarji stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru iżda li jkunu proprjetà ta' Stati Membri oħra u kkontrollati miċ-ċittadini tagħhom. Dan imur kontra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' Stati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom tal-istabbiliment l-istess trattament fl-Istat Membru ospitanti bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Hemm kwistjonijiet oħra, bħat-tassazzjoni jew it-tariffi fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni introdotti minn trasportaturi tal-ajru minn pajjiżi terzi fuq rotot fi ħdan l-UE, fejn għandha tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-liġi tal-Unjoni billi jiġu emendati jew ikkomplementati d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

130 || · Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post jew jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fi 15-il ftehim bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

140 || · Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni Il-Ftehim se jaqdi mira fundamentali tal-politika tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni esterna billi jġib il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru konformi mal-liġi tal-Unjoni.

2.           Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

|| · Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

211 || Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu Sew l-Istati Membri kif ukoll l-industrija ġew ikkonsultati matul in-negozjati.

212 || Sommarju tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati Il-kummenti li saru mill-Istati Membri u mill-industrija ġew ikkunsidrati.

3.           Elementi legali tal-proposta

305 || · Sommarju tal-azzjoni proposta Skont il-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għall-“mandat orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jissostitwixxi l-klawżoli tradizzjonali ta’ nomina bi klawżola ta’ nomina tal-UE, li tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE jibbenefikaw mid-dritt tal-istabbiliment. L-Artikolu 4 jikkonċerna t-tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni, kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u partikolarment l-Artikolu 14(2) tagħha. L-Artikolu 5 jsolvi kunflitti potenzjali mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

310 || · Bażi legali L-Artikoli 100(2), 218(6)(a) u (8) tat-TFUE

329 || · Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta tissejjes kollha kemm hi fuq il-“mandat orizzontali" mogħti mill-Kunsill b'kunsiderazzjoni għall-kwistjonijiet koperti mil-liġi tal-Unjoni u l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru.

|| · Prinċipju tal-proporzjonalità Il-Ftehim ser jemenda jew jikkomplementa d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru safejn ikun meħtieġ biss sabiex tkun żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

|| · Għażla ta’ strumenti

342 || Il-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa l-istrument l-iktar effiċjenti sabiex il-ftehimiet bilaterali kollha eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jinġiebu konformi mal-liġi tal-Unjoni.

4.           Implikazzjoni baġitjarja

409 || Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           Tagħrif addizzjonali

510 || · Simplifikazzjoni

511 || Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

512 || Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina se jieħdu post, inkella se jiġu kkomplementati b'dispożizzjonijiet fi ftehim wieħed uniku tal-Unjoni.

570 || · Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta F’konformità mal-proċedura standard għall-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, il-Kunsill huwa mitlub japprova d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jinnomina l-persuni awtorizzati biex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

2012/0015 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u 218(8) l-ewwel paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

(1)       Bid-Deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti permezz ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni,

(2)       F'isem l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru mar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim") f'konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2003,

(3)       Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fi […], suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, f'konformità mad-Deċiżjoni …/…/UE tal-Kunsill fi […][4],

(4)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1) Il-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’dan qed jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(2) It-test tal-Ftehim jinsab anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna awtorizzata biex tipproċedi f’isem l-Unjoni Ewropea, sabiex tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim biex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li ser tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

FTEHIM

dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

L-UNJONI EWROPEA,

(minn hawn ’il quddiem "l-Unjoni")

min-naħa l-waħda, u

IL-GVERN TAR-REĠJUN AMMINISTRATTIV SPEĊJALI TAL-MAKAW TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA (minn hawn 'il quddiem “ir-RAS tal-Makaw”), billi ġie awtorizzat kif suppost biex jikkonkludi dan il-Ftehim mill-Gvern Ċentrali tal-Poplu tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

min-naħa l-oħra

(minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”)

FILWAQT LI JINNOTAW li ġew konklużi ftehimiet bilaterali bejn diversi Stati Membri tal-Unjoni u r-RAS tal-Makaw dwar is-servizzi tal-ajru li fihom dispożizzjonijiet kontra l-liġi tal-Unjoni,

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ diversi aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn Stati Membri tal-Unjoni u partijiet terzi,

FILWAQT LI JINNOTAW li, skont il-liġi tal-Unjoni, it-trasportaturi tal-ajru Komunitarji stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-partijiet terzi,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu għall-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ dan it-tip isiru proprjetarji ta’ trasportaturi tal-ajru lliċenzjati skont il-liġi tal-Unjoni,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-RAS tal-Makaw, li huma kontra l-liġi tal-Unjoni, għandhom jinġiebu f’konformità magħha biex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni u r-RAS tal-Makaw u biex tiġi ppreservata l-kontinwità ta’ servizzi tal-ajru ta’ dan it-tip,

FILWAQT LI JINNOTAW li, skont il-liġi tal-Unjoni, it-trasportaturi tal-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u li jkollhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-RAS tal-Makaw li i) jeħtieġu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn il-kumpaniji, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ kumpaniji jew prattiki miftiehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru fir-rotot rilevanti; jew ii) isaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma ta’ dan it-tip; jew iii) jiddelegaw lit-trasportaturi tal-ajru jew l-operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru fir-rotot rilevanti li jistgħu jagħmlu ineffettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-kumpaniji.

FILWAQT LI JINNOTAW li dan il-Ftehim la għandu l-għan li jżid il-volum totali tat-traffiku tal-ajru bejn l-Unjoni u r-RAS tal-Makaw, la li jaffettwa l-bilanċ bejn trasportaturi tal-ajru Komunitarji u trasportaturi tal-ajru tar-RAS tal-Makaw, u lanqas li jinnegozja emendi għad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru fir-rigward ta' drittijiet tat-traffiku.

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

(1) Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, "Stati Membri" għandha tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u "Trattati tal-UE" għandha tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2) Referenzi f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 għal ċittadini tal-Istat Membru li jkun parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu li jirreferu għal ċittadini tal-Istati Membri.

(3) Ir-referenzi f’kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru tal-Istat Membru li huwa parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għat-trasportaturi tal-ajru jew għal-linji tal-ajru nnominati minn dak l-Istat Membru.

ARTIKOLU 2

Nomina minn Stat Membru

(1) Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam man-nomina ta' trasportatur tal-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tiegħu mogħtija mir-RAS tal-Makaw, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi tat-trasportatur tal-ajru, rispettivament.

(2) Malli jirċievi nomina mingħand Stat Membru, ir-RAS tal-Makaw għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-anqas dewmien proċedurali, sakemm:

(a) it-trasportatur tal-ajru jkun ġie stabbilit, skont it-Trattati tal-UE, fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jinnomina u li jkollu Liċenzja biex Jopera valida f’konformità mal-liġi tal-Unjoni; u

(b) jiġi eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru mill-Istat Membru responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta' Operatur tal-Ajru, u l-awtorità ajrunawtika rilevanti tkun identifikata b'mod ċar fin-nomina; u

(c) it-trasportatur tal-ajru jkun proprjetà ta’, direttament jew permezz tal-akbar sehem azzjonarju, u jkun effettivament ikkontrollat mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tal-Istati Membri, u/jew mill-Istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ stati oħra ta’ dan it-tip.

(3) Ir-RAS tal-Makaw jista’ jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur tal-ajru nnominat minn Stat Membru meta:

(a) it-trasportatur tal-ajru ma jkunx stabbilit, skont it-Trattati tal-UE, fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jinnominah jew ma jkollux Liċenzja biex Jopera valida skont il-liġi tal-Unjoni;

(b) ma jiġix eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur tal-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta' Operatur tal-Ajru, jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tkunx identifikata b'mod ċar fin-nomina; jew

(c) it-trasportatur tal-ajru ma jkunx proprjetà, direttament jew permezz tal-akbar sehem azzjonarju, u ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tal-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew minn ċittadini ta' stati oħra ta’ dan it-tip.

Huwa u jeżerċita d-dritt tiegħu skont dan il-paragrafu, ir-RAS tal-Makaw ma għandux jiddiskrimina bejn trasportaturi tal-ajru Komunitarji abbażi tan-nazzjonalità.

ARTIKOLU 3

Sikurezza

(1) Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2(c).

(2) Meta Stat Membru jkun innomina trasportatur tal-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu jkun imħaddem u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-RAS tal-Makaw taħt id-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li jkun nnomina t-trasportatur tal-ajru u r-RAS tal-Makaw għandhom japplikaw b’mod ugwali fir-rigward tal-adozzjoni, it-tħaddim jew iż-żamma tal-istandards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ dak it-trasportatur tal-ajru.

ARTIKOLU 4

Tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni

(1) Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2(d).

(2) Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm Stat Membru milli jimponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, miżati jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f'inġenju tal-ajru ta' trasportatur tal-ajru nnominat mir-RAS tal-Makaw li jopera bejn punt fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

ARTIKOLU 5

Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

(1) Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f’kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 ma għandu (i) jeħtieġ jew jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu jew jgħawġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma ta’ dan it-tip; jew (iii) jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà biex jittieħdu miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

(2) Id-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati.

ARTIKOLU 6

Annessi għall-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.

ARTIKOLU 7

Reviżjoni jew emenda

Il-Partijiet jistgħu, f’kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim permezz ta’ kunsens reċiproku.

ARTIKOLU 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

(1) Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom li huma meħtieġa biex jidħol fis-seħħ tlestew.

(2) Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop tlestew.

(3) Dan il-Ftehim għandu japplika għall-ftehimiet u l-arranġamenti kollha elenkati fl-Anness 1 inklużi dawk li fid-data tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim ikunu għadhom ma daħlux fis-seħħ u li ma jkunux qed jiġu applikati b’mod provviżorju.

ARTIKOLU 9

Terminazzjoni

(1) Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-ftehim ikkonċernat elenkat fl-Anness 1 għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.

(2) Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim għandu jiġi tterminat fl-istess ħin.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, awtorizzati kif inhu xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [….] f’żewġ kopji, f'dan il-[…] jum ta’ […, …] bil-lingwa Bulgara, Ċiniża, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, u Svediża, fejn it-testi kollha huma ugwalment awtentiċi.

GĦALL-UNJONI EWROPEA            GĦAR-REĠJUN AMMINISTRATTIV SPEĊJALI TAL-MAKAW TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA       

Anness 1

Lista ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

Ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru u arranġamenti oħra bejn ir-RAS tal-Makaw u l-Istati Membri, kif emendati jew modifikati, li, dakinhar tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati jew inizjalati:

– Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern Federali Awstrijak u l-Gvern tal-Makaw magħmul fi Vjenna fl-4 ta’ Novembru 1994, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – l-Awstrija” fl-Anness 2;

– Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Makaw magħmul fi Brussell fis-16 ta’ Novembru 1994, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Belġju" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħmul fi Praga fil-25 ta' Settembru 2001, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw - ir-Repubblika Ċeka" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern tal-Makaw magħmul f’Oslo fit-12 ta’ Diċembru 1996, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – id-Danimarka" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern tal-Makaw magħmul fil-Makaw fid-9 ta' Settembru 1994, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Finlandja” fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħmul f’Pariġi fit-23 ta' Mejju 2006, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw - Franza" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tal-Makaw, magħmul f'Bonn fil-5 ta' Settembru 1996, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Ġermanja” fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina inizjalat fil-Makaw fis-17 ta' Frar 2006, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Greċja" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-servizzi tal-ajru bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tal-Makaw magħmul fil-Makaw fl-14 ta’ Diċembru 1994, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Lussemburgu” fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Makaw, bejn u lil hinn mit-Territorji rispettivi tagħhom, magħmul f'The Hague fis-16 ta’ Novembru 1994, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Pajjiżi l-Baxxi” fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-servizzi tal-ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tal-Makaw magħmul f’Varsavja fit-22 ta’ Ottubru 1999, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Polonja" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Portugiża u l-Gvern tal-Makaw magħmul f'Lisbona fil-31 ta' Awwissu 1995, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – il-Portugall” fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Slovakka u l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina inizjalat fil-Makaw fit-3 ta' Marzu 2006, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – Slovakk" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern tal-Makaw magħmul f’Oslo fit-12 ta’ Diċembru 1996, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw – l-Isvezja" fl-Anness 2;

– Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq magħmul f’Londra fid-19 ta' Jannar 2004, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim tar-RAS tal-Makaw - ir-Renju Unit" fl-Anness 2.

Anness 2

Lista tal-artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ dan il-Ftehim

(a) Nomina minn Stat Membru:

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-l-Awstrija;

– l-Artikolu 3 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Repubblika Ċeka;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-id-Danimarka;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Ġermanja;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Lussemburgu;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Polonja;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Portugall;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-l-Isvezja.

(b) Ir-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-permessi:

– l-Artikolu 5 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-l-Awstrija;

– l-Artikolu 6 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Belġju;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Repubblika Ċeka;

– l-Artikolu 5 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-id-Danimarka;

– l-Artikolu 4 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Finlandja;

– l-Artikolu 5 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Lussemburgu;

– l-Artikolu 5 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Pajjiżi l-Baxxi;

– l-Artikolu 5 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Polonja;

– l-Artikolu 6 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Portugall;

– l-Artikolu 5 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-l-Isvezja.

(c) Sikurezza:

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Repubblika Ċeka;

– l-Artikolu 9 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-Franza;

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Greċja;

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Lussemburgu;

– l-Artikolu 6 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Repubblika Slovakka;

– l-Artikolu 14 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Renju Unit;

(d) Tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni:

– l-Artikolu 8 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-l-Awstrija;

– l-Artikolu 11 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Belġju;

– l-Artikolu 8 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Repubblika Ċeka;

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-id-Danimarka;

– l-Artikolu 6 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Finlandja;

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Ġermanja;

– l-Artikolu 9 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Lussemburgu;

– l-Artikolu 10 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Pajjiżi l-Baxxi;

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Polonja;

– l-Artikolu 10 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-il-Portugall;

– l-Artikolu 7 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-l-Isvezja;

– l-Artikolu 8 tal-Ftehim tar-RAS tal-Makaw-ir-Renju Unit;

Anness 3

Lista ta’ stati oħrajn imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a) Ir-Repubblika tal-Islanda (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b) Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c) Ir-Renju tan-Norveġja (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d) Il-Konfederazzjoni Svizzera (skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera).

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta’ Ġunju 2003 (dokument ristrett)

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU C , , p. .