Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2004/40/KE fuq il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (It-18-il Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) /* KUMM/2012/015 finali - 2012/0003 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.1.
Raġunijiet għall-proposta u
l-għanijiet tagħha
Din il-proposta għandha l-għan li
tipposponi sat-30 ta’ April 2014 l-iskadenza
għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġijiet minimi
għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-espożizzjoni ta’
ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi
(qawwiet elettromanjetiċi) (It-18-il Direttiva individwali fis-sens
tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE). Fl-2006, il-komunità medika għarrfet
lill-Kummissjoni dwar it-tħassib tagħha rigward l-implimentazzjoni
ta' din id-Direttiva, filwaqt li qalet li l-valuri limitu ta’ espożizzjoni
stabbiliti minn din jillimitaw b’mod sproporzjonat l-użu u l-iżvilupp
tal-applikazzjonijiet mediċi ta' reżonanza manjetika (MR), meqjusin
illum bħala strument indispensabbli għad-dijanjożi u
t-trattament ta’ numru ta' mard. Għaldaqstant xi setturi industrijali
oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-impatt tad-Direttiva
fuq l-attivitajiet tagħhom. Il-Kummissjoni ħadet numru ta’
miżuri bħala rispons għal dan it-tħassib. Sabiex il-Kummissjoni twettaq analiżi
profonda tal-impatt u tipproponi emendi, l-iskadenza
għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tressqet mit-30 ta’ April 2008
għat-30 ta’ April 2012 bid-Direttiva 2008/46/KE[2] tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li temenda d-Direttiva
2004/40/KE dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u
s-sigurtà fir-rigward tal-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji
li jiġu minn aġenti fiżiċi (qawwiet elettromanjetiċi). Il-Kummissjoni eżaminat is-sitwazzjoni
kollha kemm hi, analizzat l-aħħar studji xjentifiċi, inkluż
dak imniedi mill-Kummissjoni dwar l-impatt negattiv li jista' jkollhom
il-valuri limitu ta' espożizzjoni stabbiliti bid-Direttiva fuq l-użu
mediku tat-teknoloġiji tal-immaġni li jużaw ir-reżonanza
manjetika (MR). Wara bosta konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u
bil-konsiderazzjoni xierqa tal-aħħar rakkomandazzjonijiet
xjentifiċi[3],
fl-14 ta' Ġunju 2011 il-Kummissjoni adottat il-proposta ta'
COM(2011) 348 għal Direttiva ġdida biex temenda u tissostitwixxi
d-Direttiva 2004/40/KE, bil-ħsieb li jkun garantit livell għoli ta'
protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema u
fl-istess waqt tippermetti attivitajiet mediċi u oħrajn industrijali
li jużaw il-qawwiet elettromanjetiċi biex jissoktaw u
jiżviluppaw. Madanakollu l-adozzjoni ddewmet primarjament minħabba
l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali l-ġodda fuq
l-espożizzjoni tal-ħaddiema u l-pubbliku għall-qawwiet
elettromanjetiċi, ġew ippubblikati biss f'Diċembru 2010,
minflok fl-2009, kif kien mistenni. Barra minn hekk, il-proposta ta'
COM(2011) 348 għandha l-għan li taġġorna u ttejjeb
numru sinifikanti ta' dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva
2004/40/KE; din tintroduċi wkoll xi elementi ġodda biex
tagħmilha iktar faċli għall-impjegaturi, speċjalment
għal negozji żgħar, biex jimplimentaw il-miżuri. Meta l-proposta tal-Kummissjoni kienet
ġiet adottata, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bdew jaħdmu
mill-aktar fis bil-ħsieb li jemendaw id-Direttiva 2004/40/KE qabel
it-30 ta' April 2012. Madanakollu, minħabba ·
il-kumplessità teknika tas-suġġett
inkwistjoni li jeħtieġ diskussjonijiet fit-tul mal-esperti
nazzjonali, u ·
l-opinjonijiet tassew diverġenti fuq uħud
mid-dispożizzjonijiet ewlenin tal-proposta, x'aktarx il-Parlament Ewropew u l-Kunsill mhux
se jiffinalizzaw il-proċess ta' adozzjoni qabel
it-30 ta' April 2012. F'dawn iċ-ċirkostanzi, hemm
il-ħtieġa ta' Direttiva ġdida li tipposponi għat-tieni darba
l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE. Hemm bżonn
ta' prevenzjoni milli tinħoloq sitwazzjoni legali inċerta wara
t-30 ta' April 2012, meta l-Istati Membri kollha jkollhom
jittrasponu d-Direttiva 2004/40/KE attwali, jekk ma tittiħidx iżjed
azzjoni. Din l-inċertezza legali jkollha
żewġ konsegwenzi: –
il-Kummissjoni jkollha fil-prinċipju tniedi
proċedimenti ta' ksur minħabba nuqqas ta' komunikazzjoni
tal-miżuri tat-traspożizzjoni kontra kwalunkwe Stat Membri li jkun
għadu ma trasponiex id-Direttiva. –
id-Direttiva 2004/40/KE jibda jkollha effett
vertikali dirett fl-ordni ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri kollha, u
ċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu l-gvern tagħhom
il-qorti minħabba li dan ma jkunx implimenta d-Direttiva. Jidhrilna li huwa xieraq li tiġi posposta
l-iskadenza tat-traspożizzjoni b'sentejn ħalli jingħata ħin
biżżejjed lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jiddiskutu u
jilħqu kompromess abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 348
għal Direttiva ġdida, li taġġorna u ttejjeb
id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/40/KE filwaqt li tħassar u
tissostitwixxi d-Direttiva ta' qabilha.
1.2.
Id-Direttiva 2004/40/KE
Id-Direttiva 2004/40/KE hija t-18-il Direttiva
individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE
tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri
sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa
tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Din għandha x'taqsam mal-effetti
negattivi fuq is-saħħa f'perjodu qasir tal-ħaddiema esposti
għal qawwiet elettromanjeti waqt xogħolhom. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma
r-rekwiżiti minimi, iżda kull Stat Membru jista' jadotta regolamenti
aktar stretti. Id-Direttiva tistabbilixxi l-valuri limitu ta'
espożizzjoni għall-qawwiet elettriċi, manjetiċi u
elettromanjetiċi li jvarjaw mal-ħin bi frekwenzi ta' bejn 0 u
300 GHz[4].
L-ebda ħaddiem ma jista' jkun espost għal valuri li jaqbżu dawn
il-limiti, li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet bijoloġiċi u
tal-impatt fuq is-saħħa. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll valuri ta'
azzjoni għall-qawwiet statiċi u li jvarjaw mal-ħin. Dawn
il-valuri jistgħu jitkejlu direttament u jindikaw livell limitu li meta
jinqabeż l-impjegaturi jkollhom jieħdu waħda jew iżjed
mill-miżuri stipulati fid-Direttiva. Il-konformità ma' dawn il-valuri ta'
azzjoni tiżgura l-konformità mal-valuri limitu rilevanti ta'
espożizzjoni. Il-limiti imposti mid-Direttiva ġew
stabbiliti abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li nħarġu mill-ICNIRP
fl-1998, l-organizzazzjoni li internament hija rikonoxxuta bħala
l-awtorità li tivvaluta l-impatti fuq is-saħħa ta' din it-tip ta'
radjazzjoni. L-ICNIRP taħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet
internazzjonali relevanti kollha, bħad-WHO, l-ILO, l-IRPA, l-ISO,
is-CENELEC, l-IEC, is-CIE u l-IEEE. Id-Direttiva hija bbażata fuq
il-filosofija ta' prevenzjoni li diġà hija stabbilità f'termini iżjed
ġenerali fid-Direttiva Qafas 89/391/KEE: –
il-protezzjoni tal-ħaddiema kollha,
irrispettivament mis-settur tal-attività tagħhom, billi ħaddiema li
huma esposti għall-istess riskji għandhom l-istess dritt
tal-protezzjoni; –
l-obbligu tal-impjegaturi li jiddeterminaw u
jivvalutaw ir-riskji; –
it-tneħħija jew, fejn possibbli,
it-tnaqqis tar-riskji identifikati; –
tagħrif u taħriġ speċifiċi
għall-ħaddiema inkwistjoni u konsultazzjoni magħhom. –
is-sorveljanza medika xierqa. Id-Direttiva tapplika għas-setturi kollha
tal-attività mingħajr eċċezzjoni u għandha tiġi
trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa mhux aktar tard
mit-30 ta' April 2012 sakemm ma tittiħidx iżjed
azzjoni. Matul id-diskussjonijiet ta' qabel l-adozzjoni
tagħha, il-każ speċifku tal-immaġni bir-reżonanza
fil-mediċina ġie diskuss fid-dettall kemm mill-Kunsill kif ukoll
mill-Parlament Ewropew. L-esperti nazzjonali mill-istituzzjonijiet
bħan-National Radiation Protection Board (NRPK, ir-Renju Unit), l-Institut
national de recherche et de sécurité (INRS, Franza), il-Finnish Institute
of Occupational Health (FIOH, il-Finlandja) u l-Bundesamt für Strahlenschutz
(BfS, il-Ġermanja) taw appoġġ tekniku għan-negozjati
fil-Kunsill. Il-Presidenza tal-Kunsill talbet, f'bosta okkażjonijiet,
l-opinjoni tal-ICNIRP. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza ta' impatt
li mhuwiex mixtieq, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva,
b'ċerti emendi fil-valuri li kienu proposti oriġinarjament
mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu li ma jiġix stabbilit valur limitu ta'
espożizzjoni għall-qawwiet manjetiċi statiċi, komponent
essenzjali tal-MRI, minħabba li dan il-valur kien qed jiġi emendat
fid-dawl tal-aħħar sejbiet xjentifiċi, li saru disponibbli waqt
l-adozzjoni tad-Direttiva.
1.3.
Proposta ta' COM(2011) 348 għal Direttiva
ġdida
Il-proposta t'hawn fuq għandha
l-għan li taġġorna u ttejjeb id-dispożizzjonijiet
tad-Direttiva 2004/40/KE filwaqt li tħassarha u tissostitwiha. Din
iżżomm għadd ta' prinċipji u dispożizzjonijiet importanti
tad-Direttiva 2004/40/KE. L-iżjed bidliet importanti li l-proposta
tintroduċi, filwaqt li jiġu kkonsidrati l-aħħar sejbiet
xjentifiċi f'dan il-qasam, huma: –
definizzjonijiet iżjed ċari, b'mod
partikolari għall-effetti negattivi fuq is-saħħa
(l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/40/KE); –
tiddaħħal s-sistema riveduta
għall-valuri limitu u ta' referenza li jvarjaw mill-valuri limitu attwali
u l-valuri attwali ta' azzjoni fil-firxa ta' bejn 0 u 100 kHz (din se
taffettwa l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/40/KE kif ukoll l-Anness
tagħha); –
jiddaħħlu indikaturi biex
jiffaċilitaw il-kejl u l-kalkoli (l-Artikolu 3(3)) u biex jiggwidaw
dwar il-konsiderazzjoni ta' inċertezzi fil-kejl.
Il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott stabbilita
bid-Direttivi 1999/5/KE u 2006/95/KE tiżgura li l-pubbliku, inklużi
l-ħaddiema, mhuwiex espost għal livelli ogħla minn dawk
stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KEE, sakemm il-prodotti qed
jintużaw kif suppost. Peress li l-livelli stabbiliti għall-pubbliku
huma iktar baxxi minn dawk stabbiliti għall-ħaddiema u jinkludu
l-protezzjoni kontra effetti fit-tul, il-konformità ma' dawn id-Direttivi
tistabbilixxi protezzjoni biżżejjed f'dawn is-sitwazzjonijiet; –
tiddaħħal daqsxejn gwida sabiex tkun
żgurata valutazzjoni tar-riskju simplifikata iżda iktar
effiċjenti (l-Artikolu 4), sabiex tkun faċilitata l-ħidma
tal-evalwazzjoni u tillimita l-piż fuq l-SMEs; –
tiddaħħal flessibbiltà limitata iżda
xierqa billi jiġi propost qafas ikkontrollat għal derogi limitati
għall-industrija mill-valuri limitu u ta' azzjoni. Il-proposta tinkludi
żewġ derogi speċifiċi, waħda
għall-applikazzjonijiet mediċi ta' reżonanza manjetika (MR), u
oħra għall-forzi armati. It-tielet deroga hija għal
sitwazzjonijiet okkażjonali, soġġetta għal kontroll u
awtorizzazzjoni stretta mill-Istati Membri; segwita minn evalwazzjoni. L-Istati
Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe
awtorizzazzjoni mogħtija. Dawn it-tliet derogi, imfassla wara
konsultazzjonijiet intensi mal-partijiet interessati kollha u definiti sew
fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, jassiguraw livell għoli ta'
protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà filwaqt li jiżguraw li
l-attivitajiet mediċi u industrijali ma jkunux imfixkla; –
jiddaħħal razzjonal għas-sorveljanza
medika (l-Artikolu 8); –
tingħata attenzjoni speċjali
lill-każ speċifiku tal-applikazzjonijiet mediċi li jużaw
ir-reżonanza manjetika u attivitajiet relatati; –
dispożizzjoni għal miżuri
kumplimentari li ma jorbtux bħal gwida prattika li ma torbotx.
2.
KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
2.1.
Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati
Il-Konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv
dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol Ir-rappreżentanti tal-imsieħba
soċjali u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tas-27 Stat Membru
fil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post
tax-Xogħol, li ltaqgħu fil-plenarja nhar
l-1 ta' Diċembru 2011, qablu li tiġi posposta d-data
ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE fil-ordni
ġuridiku nazzjonali ta' kull Stat Membru sabiex tkun evitata sitwazzjoni
ta' inċertezza legali wara t-30 ta' April 2012, u sabiex
jitħalla biżżejjed żmien lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill biex jilħqu kompromess dwar il-proposta tal-Kummissjoni
COM(2011) 348. Il-konsultazzjoni mal-imsieħba
soċjali tal-UE Minħabba n-natura tal-proposta, li
taffettwa biss id-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva mingħajr ma
temenda d-dispożizzjonijiet infushom, u wara konsultazzjoni mas-Servizz
Legali u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, ġie deċiż
li f'dan il-każ m'hemmx bżonn ta' konsultazzjoni formali
mal-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, u dan skont
l-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Madanakollu, l-imsieħba soċjali transindustrijali tal-UE ġew
infurmati bil-proposta permezz ta' ittra mingħand il-Kummissarju Andor u
ġew mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom.
2.2.
It-trażmissjoni ta' din il-proposta
lill-parlamenti nazzjonali
L-abbozzi tal-atti leġiżlattivi,
inklużi proposti mingħand il-Kummissjoni, li ntbagħtu
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu
lill-parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol
tal-Parlamenti nazzjonali fil-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattati. Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll,
għandhom jgħaddu tmien ġimgħat minn meta l-abbozz tal-att
leġiżlattiv ikun disponibbli għall-parlamenti nazzjonali
sad-data ta' meta jitqiegħdu fuq aġenda proviżorja
għall-Kunsill għall-adozzjoni tiegħu jew għall-adozzjoni
ta' pożizzjoni taħt proċedura leġiżlattiva. Madanakollu, skont l-Artikolu 4
għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet
ta' urġenza, li r-raġuni għalihom għandhom jiġu
dikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill. L-adozzjoni ta' din
il-proposta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunill għandha tkun
ikkonsidrata bħala każ ta' urġenza assoluta
għar-raġunijiet li jissemmew hawn fuq, u li jistgħu
jitniżżlu fil-qosor kif ġej. Il-proposta tal-Kummissjoni
COM(2011) 348, li bħalissa qed tiġi diskussa mill-Parlament
Ewropew u mill-Kunsill, għandha l-ħsieb li taġġorna u
ttejjeb id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/40/KE filwaqt li
tħassarha u tissostitwiha, qabel it-30 ta' April 2012.
Għaldaqstant, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ma
trasponewx id-Direttiva 2004/40/KE, u qed jistennew l-adozzjoni tad-Direttiva
l-ġdida aġġornata bbażata fuq il-proposta t'hawn fuq. Madanakollu, minħabba l-kumplessità
tas-suġġett inkwistjoni u l-opinjonijiet tassew diverġenti
fil-Kunsill, jidher mhux possibbli li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill
jiffinalizzaw il-proċess tal-adozzjoni qabel id-data tal-iskadenza
tat-30 ta' April 2012. Għalhekk il-proposta, li l-għan
waħdieni tagħha huwa li tipposponi b'sentejn id-data tal-iskadenza
għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE, trid tiġi adottata
b'urġenza fil-perjodu qasir ħafna ta' żmien li baqa'. Jekk il-proposta
ma tiġix adottata sad-data tal-iskadenza
tat-30 ta' April 2012, jista' jkun hemm konsegwenzi legali
negattivi fl-ordinijiet ġuridiċi interni ta' xi Stat Membru li
għadu ma trasponiex id-Direttiva (ara s-Sezzjoni 1.1 t'hawn fuq).
2.3.
Valutazzjoni tal-Impatt
Minħabba l-urġenza tal-proposta u
l-impatt limitat tagħha, il-prosposta m'għandhiex inkluża
magħha Valutazzjoni tal-Impatt separata. Jekk ma jsir xejn f'dan l-istadju, l-Istati
Membri li għadhom ma trasponewx id-Direttiva 2004/40/KE
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jkunu qed jiġu obbligati biex
jagħmlu hekk u biex jinfurzawha f'perjodu qasir ħafna ta' żmien,
jiġifieri sad-data attwali tal-iskadenza
tat-30 ta' April 2012, b'konsegwenzi potenzjalment serji għall-kontinwità
tas-servizzi tal-kura tas-saħħa li jużaw l-MRI. Ċerti
attivitajiet industrijali jistgħu wkoll jiġu affettwati b'mod
negattiv. Fi kwalunkwe Stat Membru li ma trasponiex
id-Direttiva sal-iskadenza, tista' tinħoloq sitwazzjoni legali tassew
inċerta. Skont il-prinċipju tal-effett dirett vertikali tad-direttivi
tal-UE, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċittadini
tagħhom jistgħu jressqu azzjonijiet kontrihom fil-qrati nazzjonali
minħabba li ma jkunux implimentaw id-Direttiva. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni jkollha, fil-prinċipju, tippreżenta proċeduri ta'
ksur kontra dawk l-Istati Membri minħabba li ma jkunux ikkomunikaw
il-miżuri tat-traspożizzjoni. Il-posponiment tad-data
tat-traspożizzjoni ma jimpedix mingħajr mistħoqq l-użu
tal-MRI jew attivitajiet industrijali oħra. Fl-istess waqt, il-posponiment
jagħti biżżejjed żmien biex id-Direttiva, b'mod partikolari
l-valuri limitu ta' espożizzjoni, tkun aġġornata u mtejba,
permezz ta' Direttiva ġdida bbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni
COM(2011) 348. Minħabba li din tirrifletti sejbiet xjentifiċi
ġodda, din tassigura livell għoli ta' protezzjoni
għall-ħaddiema u l-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-bdil propost jaffettwa biss l-obbligazzjoni
tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva
sat-30 ta' April 2012, u jestendiha sat-30 ta' April 2014.
Il-bdil ma jaffettwax lis-sustanza tad-Direttiva inkwistjoni u għalhekk ma
jimponix xi obbligazzjonijiet addizzjonali fuq in-negozji.
3.
L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
3.1.
Sommarju tal-miżuri proposti
Il-proposta temenda l-Artikolu 13(1)
tad-Direttiva 2004/40/KE billi tipposponi d-data tat-traspożizzjoni
għat-30 ta' April 2014.
3.2.
Il-bażi legali
L-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
3.3.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika
peress li l-proposta għandha x'taqsam ma' qasam — il-protezzjoni
tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol —
li ma jaqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux
jintlaħqu kif inhu xieraq mill-Istati Membri, peress li
d-dispożizzjonijiet tad-direttivi ma jistgħux jiġu emendati jew
imħassra fuq livell nazzjonali. L-għanijiet tal-proposta jistgħu
jintlaħqu biss b'azzjoni tal-UE, peress li din il-proposta temenda att
tal-liġi tal-UE li qiegħed fis-seħħ, u din ma tistax issir
mill-Istati Membri nnifishom. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà li huwa
osservat f'dik il-proposta jemenda l-leġiżlazzjoni eżistenti
tal-UE.
3.4.
Il-prinċipju tal-proporzjonalità
Il-proposta hija konformi tal-prinċipju
tal-proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin: Din ma tibdilx is-sustanza
tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE: din tipposponi biss id-data
tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE
sat-30 ta' April 2014, sabiex tkun evitata sitwazzjoni ta'
inċertezza legali wara li skadiet id-data attwali tal-iskadenza u sabiex
jitħalla biżżejjed żmien lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill biex jiddiskutu u jilħqu kompromess dwar il-proposta
tal-Kummissjoni COM(2011) 348, li tfittex li taġġorna u ttejjeb
id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/40/KE filwaqt li tħassarha u
tissostitwiha.
3.5.
L-għażla tal-istrumenti
L-istrument(i) propost(i): id-direttiva. L-ebda strument ieħor ma kien ikun
xieraq. Peress li din hija direttiva emendata, l-uniku mezz xieraq huwa li
tiġi adottata direttiva oħra.
4.
IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
–
Il-proposta m'għandhiex
implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-UE.
5.
TAGĦRIF IEĦOR
·
Simplifikazzjoni Il-proposta ma tissimplifikax il-qafas
leġiżlattiv. Din għandha l-għan biss li tipposponi d-data
tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE għat-30 ta' April 2014. ·
Titħassar il-leġiżlazzjoni
eżistenti L-adozzjoni tal-proposta ma jfissirx li
għandha titħassar il-leġiżlazzjoni eżistenti. ·
Iż-Żona Ekonomika Ewropea L-istrument abbozz għandu x'jaqsam ma'
suġġett kopert fil-Ftehim taż-ŻEE u għalhekk
għandu jiġi estiż sabiex ikopri ż-Żona Ekonomika
Ewropea. ·
Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta skont
il-kapitlu jew skont l-artikolu Il-proposta tipposponi d-data
tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE
għat-30 ta' April 2014. Dawn is-sentejn żejda
għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma ġġustifikati
bit-tħassib espress — u f'xi każi kkonfermat — li l-valuri limitu ta'
espożizzjoni stipulati fid-Direttiva jista' jkollhom impatt sproporzjonat
fuq il-kontinwità tal-proċeduri mediċi li jużaw l-immaġni
tar-reżonanza manjetika. Il-posponiment sa jagħti biżżejjed
żmien biex id-Direttiva, u partikolarment l-espożizzjoni tal-valuri
limitu, tkun aġġornata u tittejjeb, permezz ta' Direttiva ġdida
bbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 348, li
bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew u li
għandha l-għan li tassigura livell għoli ta' protezzjoni
għall-ħaddiema u l-kontinwità tal-proċeduri mediċi u
attivitajiet ekonomiċi oħrajn. Il-posponiment ta' sentejn se jevita
wkoll kwalunkwe konsegwenza legali negattiva fl-ordnijiet ġuridiċi
tal-Istati Membri li għadhom ma trasponewx id-Direttiva. L-Artikolu 1 tal-proposta jemenda
l-Artikolu 13(1) "It-Transposizzjoni" tad-Direttiva 2004/40/KE
kif xieraq. 2012/0003 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2004/40/KE fuq
il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward
tal-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn
aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (It-18-il Direttiva
individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[6], Jaġixxu f'konformità mal-proċedura
leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva
2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tad-29 ta’ April 2004 fuq il-ħtiġijiet minimi
għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward tal-espożizzjoni ta’
ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi
(kampi elettromanjetiċi)[7],
il-partijiet interessati esprimew tħassib serju, b'mod partikolari
fil-komunità medika, dwar l-impatt potenzjali tal-implimentazzjoni
tad-Direttiva dwar l-użu tal-proċeduri mediċi bbażati fuq
l-immaġni mediċi. Ġie espress tħassib ukoll dwar l-impatt
tad-Direttiva fuq ċerti attivitajiet industrijali. (2)
Il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti li ressqu
l-partijiet interessati u ddeċidiet li terġa' tikkonsidra xi
dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/40/KE, abbażi ta' evidenza
xjentifika ġdida. (3)
Għalhekk id-data tal-iskadenza
għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE ġiet posposta
sat-30 ta' April 2012 bid-Direttiva 2008/46/KE
tat-23 ta' April 2008[8],
sabiex titħalla l-adozzjoni ta' direttiva ġdida bbażata fuq
l-iżjed evidenza riċenti. (4)
Fl-14 ta' Ġunju 2011,
il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva ġdida biex tieħu
post id-Direttiva 2004/40/KE. Id-Direttiva l-ġdida għandha
tiżgura kemm livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u
s-sigurtà għall-ħaddiema kif ukoll il-kontinwazzjoni u
l-iżvilupp ta' attivitajiet mediċi u oħrajn industrijali li
jużaw il-qawwiet elettromanjetiċi. Għaldaqstant,
il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom ma trasponewx
id-Direttiva 2004/40/KE, u allura twaqqfet l-adozzjoni tad-Direttiva
l-ġdida. (5)
Madanakollu, minħabba l-kumplessità teknika
tas-suġġett inkwistjoni, x'aktarx id-Direttiva l-ġdida ma
tiġix adotatta qabel l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva
2004/40/KE. (6)
Għaldaqstant, l-iskadenza għandha
tiġi estiża. (7)
Fid-dawl ta' dan kollu u minħabba li ftit li
xejn baqa' żmien qabel il-limitu ta' żmien
tat-30 ta' April 2012, għandu jkun żgurat li din
id-Direttiva tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill b'urġenza
u li tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien. (8)
Għaldaqstant, fir-rigward
tat-trażmissjoni lill-Parlamenti nazzjonali skont
il-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni
Ewropea, l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti stabbilita
fl-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll ġiet applikata f'dan il-każ
fir-rigward tat-tmien ġimgħat li għandhom jgħaddu minn meta
l-abbozz tal-att leġiżlattiv ikun disponibbli għall-Parlamenti
nazzjonali sad-data ta' meta jitqiegħdu fuq aġenda proviżorja għall-Kunsill
għall-adozzjoni tiegħu jew għall-adozzjoni ta' pożizzjoni
taħt proċedura leġiżlattiva. ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva
2004/40/KE, id-data "it-30 ta' April 2012" tinbidel
permezz ta' "it-30 ta' April 2014". Artikolu 2 Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din
id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 184, 24.5.2004, p. 23. [2] ĠU L 114, 26.4.2008, p. 88. [3] B'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet
mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni
Mhux Jonizzanti (ICNIRP) għall-qawwa manjetika statika (April 2009) u
għall-qawwa manjetika u elettrika fil-firxa bejn 1 Hz u 100 kHz
(Diċembru 2010). [4] 300 GHz: il-frekwenza ta'
300 biljun hertz jew ċiklu fis-sekonda. Il-hertz (imqassra Hz)
hija l-unità internazzjonali tal-frekwenza. [5] ĠU C […], […], p. […]. [6] ĠU C […], […], p. […]. [7] ĠU L 184, 24.5.2004, p. 1. [8] ĠU L 114, 26.4.2008, p. 88-89.