52012PC0010

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta /* COM/2012/010 final - 2012/0010 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jispjega aktar fid-dettall l-approċċ għall-qafas legali l-ġdid għall-protezzjoni ta’ dejta personali fl-UE kif ippreżentat fil-Komunikazzjoni COM (2012)9 finali. Il-qafas legali jikkonsisti f’żewġ proposti leġiżlattivi:

– proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta), u

– proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta.

Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jikkonċerna l-proposta leġiżlattiva tal-aħħar.

Il-qofol tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, id-Direttiva 95/46/KE[1], ġie adottat fl-1995 b’żewġ objettivi: li jiġi protett id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta u li jkun iggarantit il-fluss liberu ta’ dejta personali bejn l-Istati Membri. Hija kienet ikkumplimentata minn diversi strumenti li jipprovdu regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[2] (dak li kien it-tielet pilastru), inkluża d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI[3].

Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-funzjonament tal-istrumenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u sabiex tippreżenta, fejn ikun meħtieġ, aktar inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi[4]. Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stokkolma, il-Parlament Ewropew[5] laqa’ skema komprensiva għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE u fost l-oħrajn sejjaħ għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma[6], il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jkun assigurat li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali jiġi applikat b’mod konsistenti fil-kuntest tal-politiki kollha tal-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni enfasizza li “f'soċjetà globali kkaratterizzata minn tibdil teknoloġiku mgħaġġel, fejn l-iskambju ta' informazzjoni ma jafx b'konfini, huwa importanti b'mod partikolari li għandha titħares il-privatezza. L-Unjoni għandha tara li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta jkun applikat b'mod konsistenti. Għandna bżonn insaħħu l-pożizzjoni tal-UE fil-ħarsien tad-dejta personali tal-individwu fil-kuntest tal-linji politiċi kollha tal-UE, inkluż l-infurżar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità kif ukoll fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħna.”

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea”[7], il-Kummissjoni kkonkludiet li l-UE teħtieġ politika iżjed komprensiva u koerenti dwar id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali.

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat, billi tapplika biss għall-ipproċessar ta’ dejta transkonfinali u mhux għall-attivitajiet ta’ pproċessar mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji fuq livell purament nazzjonali. Dan jista’ joħloq diffikultajiet għall-pulizija u awtoritajiet kompetenti oħra fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija. Dawn mhux dejjem ikunu jistgħu jiddistingwu faċilment bejn ipproċessar purament domestiku u pproċessar transkonfinali jew li jbassru jekk ċerta dejta personali tistax issir l-oġġett ta’ skambju transkonfinali fi stadju aktar tard (ara t-Taqsima 2 aktar 'l isfel). Aktar minn hekk, minħabba n-natura u l-kontenut tagħha, id-Deċiżjoni Qafas tħalli ħafna lok għal manuvri tal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, ma fiha l-ebda mekkaniżmu jew grupp konsultattiv simili għall-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 li jappoġġja interpretazzjoni komuni tad-dispożizzjonijiet tagħha, u ma tipprevedi l-ebda setgħa ta’ implimentazzjoni għall-Kummissjoni sabiex tassigura approċċ komuni fl-implimentazzjoni tagħha.

L-Artikolu 16 (1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Barra minn hekk, bl-Artikolu 16 (2) TFUE, it-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali li tapplika wkoll għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija. L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jinkludi l-protezzjoni tad-dejta personali bħala dritt fundamentali. L-Artikolu 16 TFUE jitlob li l-leġiżlatur jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali anki fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, li jkopru l-ipproċessar kemm transkonfinali kif ukoll domestiku ta’ dejta personali. Dan se jippermetti li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali, filwaqt li fl-istess ħin ikun assigurat l-iskambju ta’ dejta personali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Dan għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità fl-Ewropa.

Minħabba n-natura speċifika tal-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, fid-Dikjarazzjoni 21[8] ġie rikonoxxut li jistgħu jkunu meħtieġa regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali u l-moviment liberu ta’ din id-dejta fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija abbażi tal-Artikolu 16 TFUE.

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din l-inizjattiva hija r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati prinċipali kollha dwar reviżjoni tal-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-dejta personali, li kienu jinkludu żewġ fażijiet ta’ konsultazzjoni pubblika:

– - Mid-9 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2009, il-Konsultazzjoni dwar il-qafas legali għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali. Il-Kummissjoni rċeviet 168 tweġiba, 127 mingħand individwi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tan-negozju u 12 mingħand awtoritajiet pubbliċi. Il-kontribuzzjonijiet mhux kunfidenzjali jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni[9].

– Mill-4 ta’ Novembru 2010 sal-15 ta’ Jannar 2011, il-Konsultazzjoni dwar l-istrateġija komprensiva tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rċeviet 305 tweġibiet, li 54 minnhom kienu mingħand ċittadini, 31 mingħand awtoritajiet pubbliċi u 220 mingħand organizzazzjonijiet privati, b’mod partikolari assoċjazzjonijiet tan-negozju u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Il-kontribuzzjonijiet mhux kunfidenzjali jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni[10].

Filwaqt li dawk il-konsultazzjonijiet iffukaw l-aktar fuq ir-reviżjoni tad-Direttiva 95/46/KE, tmexxew konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet interessati fl-infurzar tal-liġi; b’mod partikolari, fid-29 ta’ Ġunju 2010 ġie organizzat workshop mal-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-awtoritajiet pubbliċi, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Barra minn hekk, fit-2 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni organizzat workshop mal-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex tiddiskuti l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u, b’mod iżjed ġenerali, kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

Iċ-ċittadini tal-UE ġew ikkonsultati permezz ta’ stħarriġ tal-Eurobarometer li sar f’Novembru-Diċembru 2010[11]. Kienu mnedija wkoll numru ta’ studji[12]. Il-“Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29”[13] ipprovda diversi opinjonijiet u input siewi lill-Kummissjoni[14]. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ħareġ ukoll opinjoni komprensiva dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2010[15].

Bir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2011, il-Parlament Ewropew approva rapport li jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni għar-riforma tal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta[16]. Fl-24 ta’ Frar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta konklużjonijiet li fihom jappoġġja b’mod ġenerali l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirriforma l-qafas tal-protezzjoni tad-dejta u jaqbel ma’ bosta elementi fl-approċċ tal-Kummissjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew appoġġja bl-istess mod l-ispinta ġenerali tal-Kummissjoni sabiex tassigura applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-Istati Membri kollha u reviżjoni xierqa tad-Direttiva 95/46/KE[17].

Bi qbil mal-politika tagħha dwar “Regolamentazzjoni aħjar”, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi ta’ politika[18]. Il-valutazzjoni tal-impatt kienet ibbażata fuq it-tliet objettivi ta’ politika li tittejjeb id-dimensjoni tas-suq intern tal-protezzjoni tad-dejta, li l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta mill-individwi jsir iżjed effettiv u li jinħoloq qafas komprensiv u koerenti li jkopri l-oqsma kollha tal-kompetenza tal-Unjoni, inklużi l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Fir-rigward b’mod partikolari tal-objettiv tal-aħħar, kienu valutati żewġ għażliet ta’ politika: l-ewwel waħda li bażikament testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta f’dan il-qasam u tindirizza n-nuqqasijiet u kwistjonijiet oħra mqajma bid-Deċiżjoni Qafas, u t-tieni waħda iżjed komprensiva b’regoli preskrittivi u stretti ħafna, li tinvolvi wkoll l-emenda immedjata tal-istrumenti l-oħra kollha ta’ "dak li kien it-tielet pilastru". It-tielet għażla "minimalistika" bbażata prinċipalment fuq Komunikazzjonijiet interpretattivi u miżuri ta’ appoġġ għall-politika, bħal programmi ta’ finanzjament u strumenti tekniċi, b’intervent leġiżlattiv minimu, ma kinitx ikkunsidrata bħala xierqa sabiex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati f’dan il-qasam fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta.

Skont il-metodoloġija stabbilita tal-Kummissjoni, kull għażla ta’ politika ġiet valutata, bil-għajnuna ta’ grupp ta’ tmexxija b’rappreżentazzjoni minn diversi servizzi, għall-effettività tagħha biex tilħaq l-objettivi tal-politika, l-impatt ekonomiku tagħha fuq il-partijiet interessati (inkluż fuq il-baġit tal-istituzzjonijiet tal-UE), l-impatt soċjali tagħha u l-effett fuq id-drittijiet fundamentali. Ma kinux osservati impatti ambjentali.

L-analiżi tal-impatt globali wasslet għall-iżvilupp tal-għażla politika preferuta li hija inkorporata fil-proposta preżenti. Skont il-valutazzjoni, l-implimentazzjoni tagħha se twassal għal aktar tisħiħ tal-protezzjoni tad-dejta f’dan il-qasam ta’ politika b’mod partikolari billi tinkludi l-ipproċessar intern tad-dejta, b'hekk tkabbar ukoll iċ-ċertezza legali għall-awtoritajiet kompetenti fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija.

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) ħareġ opinjoni dwar l-abbozz ta’ valutazzjoni tal-impatt fid-9 ta’ Settembru 2011. Wara l-opinjoni tal-IAB, saru b’mod partikolari l-bidliet li ġejjin fil-valutazzjoni tal-impatt:

– Ġew iċċarati l-objettivi tal-qafas legali preżenti (safejn intlaħqu u safejn ma ntlaħqux), kif ukoll l-objettivi tar-riforma prevista;

– Ġew miżjuda aktar evidenza u spjegazzjonijiet/kjarifiki addizzjonali fis-sezzjoni tad-definizzjoni tal-problemi.

Il-Kummissjoni ħejjiet ukoll Rapport dwar l-Implimentazzjoni relatat mad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, ibbażat fuq l-Artikolu 29(2) tagħha, li għandu jiġi adottat bħala parti mill-pakkett preżenti dwar il-protezzjoni tad-dejta[19]. Ir-riżultati tar-rapport, ibbażati fuq l-input mingħand l-Istati Membri, iddaħħlu wkoll fil-preparazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi Legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) TFUE, li huwa bażi legali speċifika ġdida introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona għall-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, u mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, u r-regoli relatati mal-moviment liberu ta’ dik id-dejta.

Il-proposta għandha l-objettiv li tassigura livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tad-dejta f’dan il-qasam, u b’hekk iżżid il-fiduċja reċiproka bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri differenti u tiffaċilita l-fluss liberu tad-dejta u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji.

3.2. Sussidjarjetà u proporzjonalità

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (Artikolu 5(3) TUE), azzjoni fuq livell tal-Unjoni għandha tittieħed biss jekk u sa fejn l-objettivi previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar mill-Unjoni. Fid-dawl tal-problemi deskritti hawn fuq, l-analiżi tas-sussidjarjetà tindika l-ħtieġa ta’ azzjoni fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

– Id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 16(1) TFUE, jitlob l-istess livell ta’ protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni kollha. Hija jitlob l-istess livell ta’ protezzjoni għad-dejta skambjata u d-dejta pproċessata fuq livell domestiku.

– Hemm ħtieġa dejjem tikber għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri li jipproċessaw u jiskambjaw b’rati li qegħdin jiżdiedu malajr għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transnazzjonali. F’dan il-kuntest, regoli ċari u konsistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta fuq livell tal-UE se jgħinu biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet.

– Barra minn hekk, hemm sfidi prattiċi għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom, li jeħtieġ li jiġu organizzati fuq livell tal-UE biex tkun assigurata l-unità ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. F’ċerti sitwazzjonijiet, l-UE qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tassigura b’mod effettiv u konsistenti l-istess livell ta’ protezzjoni lill-individwi meta d-dejta personali tagħhom tiġi trasferita lil pajjiżi terzi.

– L-Istati Membri waħedhom ma jistgħux inaqqsu l-problemi fis-sitwazzjoni preżenti, b’mod partikolari dawk ikkawżati mill-frammentazzjoni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Għaldaqstant, hemm bżonn speċifiku li jiġi stabbilit qafas armonizzat u koerenti li jippermetti t-trasferiment mingħajr problemi ta’ dejta personali bejn il-fruntieri fi ħdan l-UE filwaqt li jassigura protezzjoni effettiva għall-individwi kollha madwar l-UE.

– L-azzjoni leġiżlattiva proposta tal-UE hija probabbli li tkun iżjed effettiva minn azzjonijiet simili fil-livell tal-Istati Membri minħabba n-natura u l-iskala tal-problemi, li mhumiex limitati għal-livell ta’ Stat Membru wieħed jew diversi.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li kwalunkwe intervent ikun immirat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi. Dan il-prinċipju mexxa t-tħejjija ta’ din il-proposta, mill-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-għażliet alternattivi ta’ politika sat-tfassil tal-proposta leġiżlattiva.

Għalhekk, Direttiva hija l-aħjar strument biex tkun assigurata armonizzazzjoni fuq livell tal-UE f’dan il-qasam filwaqt li fl-istess ħin titħalla l-flessibbiltà meħtieġa lill-Istati Membri meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-prinċipji, ir-regoli u l-eżenzjonijiet tagħhom fuq livell nazzjonali. Minħabba l-kumplessità tar-regoli nazzjonali preżenti għall-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, u l-objettiv ta’ armonizzazzjoni komprensiva ta’ dawn ir-regoli permezz ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu dokumenti ta’ spjegazzjoni li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali sabiex tkun tista’ twettaq id-dmir tagħha li tissorvelja t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.3. Sommarju tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali

Id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali huwa stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE[20], id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali mhuwiex dritt assolut, iżda jrid jiġi kkunsidrat f’relazzjoni mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà[21]. Il-protezzjoni tad-dejta hija marbuta mill-qrib mar-rispett għall-ħajja privata u familjari kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta. Dan huwa rifless fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46/KE, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali.

Drittijiet fundamentali oħra li jistgħu jiġu affettwati, inklużi fil-Karta, huma l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fost l-oħrajn ibbażati fuq ir-razza, l-oriġini etnika, il-karatteristiċi ġenetiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, id-diżabbiltà jew l-orjentazzjoni sesswali (Artikolu 21); id-drittijiet tat-tfal (Artikolu 24) u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u għal proċess imparzjali (Artikolu 47).

3.4. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta 3.4.1. KAPITOLU I – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett tad-Direttiva, jiġifieri r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ dejta personali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u jistabbilixxi l-objettiv doppju tad-Direttiva, jiġifieri li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ sigurtà pubblika, u li tassigura l-iskambju ta’ dejta personali bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva mhuwiex limitat għall-ipproċessar ta’ dejta transkonfinali iżda japplika għall-attivitajiet kollha ta’ pproċessar li jitwettqu mill-'awtoritajiet kompetenti' (kif definiti fl-Artikolu 3(14)) għall-finijiet tad-Direttiva. Id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Unjoni, u lanqas għall-ipproċessar minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, li jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta’ leġiżlazzjoni speċifika oħra.

L-Artikolu 3 fih id-definizzjonijiet tat-termini użati fid-Direttiva. Filwaqt li xi definizzjonijiet huma meħuda mid-Direttiva 95/46/KE u mid-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, oħrajn huma modifikati, kumplimentati b’elementi addizzjonali jew imdaħħla ġodda. Id-definizzjonijiet ġodda huma dawk ta’ ‘ksur tad-dejta personali’, ‘dejta ġenetika’ u ‘dejta bijometrika’, ‘awtoritajiet kompetenti’ (ibbażata fuq l-Artikolu 87 TFUE u l-Artikolu 2(h) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI) u, tat-‘tfal’, ibbażata fuq il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal[22].

3.4.2. KAPITOLU II – PRINĊIPJI

L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ dejta personali li jirriflettu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, filwaqt li jaġġustahom għall-kuntest partikolari ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 5 jitlob id-distinzjoni, kemm jista’ jkun; bejn id-dejta personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-dejta. Din hija dispożizzjoni ġdida, li mhijiex inkluża fid-Direttiva 95/46/KE u lanqas fid-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, iżda li kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni fil-proposta oriġinali tagħha għad-Deċiżjoni Qafas[23]. Hija ispirata mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (87)15. Diġà jeżistu regoli simili għall-Europol[24] u l-Eurojust[25].

L-Artikolu 6 dwar gradi differenti ta’ preċiżjoni u affidabbiltà jirrifletti l-prinċipju 3.2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (87)15. Regoli simili, kif inklużi wkoll fil-proposta tal-Kummissjoni għad-Deċiżjoni Qafas, jeżistu għall-Europol[26].

L-Artikolu 7 jistabbilixxi r-raġunijiet għall-ipproċessar legali, meta jkun meħtieġ għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq minn awtorità kompetenti bbażata fuq il-liġi nazzjonali, sabiex ikun konformi ma’ obbligu legali, li għalih ikun soġġett il-kontrollur tad-dejta, sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew persuna oħra jew sabiex tiġi evitata theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika. Ir-raġunijiet l-oħra għall-ipproċessar legali fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE mhumiex adatti għall-ipproċessar fil-qasam tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-projbizzjoni ġenerali tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta personali u l-eċċezzjonijiet minn din ir-regola ġenerali, billi jibni fuq l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE u jżid id-dejta ġenetika, billi jsegwi l-ġurisprudenza tal-QEDB[27].

L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ miżuri bbażati biss fuq ipproċessar tad-dejta personali awtomatizzat jekk ma jkunux awtorizzati b’liġi li tipprovdi salvagwardji xierqa, bi qbil mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

3.4.3. KAPITOLU III - DRITTIJIET TAS-SUĠĠETT TAD-DEJTA

L-Artikolu 10 jintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jassiguraw informazzjoni aċċessibbli faċilment u li tinftiehem, ispirat b’mod partikolari mill-prinċipju 10 tar-Riżoluzzjoni ta’ Madrid fuq standards internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza[28], u sabiex il-kontrolluri jkunu obbligati jipprovdu proċeduri u mekkaniżmi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet għas-suġġetti tad-dejta. Dan jinkludi r-rekwiżit li l-eżerċizzju tad-drittijiet għandu jkun fil-prinċipju bla ħlas.

L-Artikolu 11 jispeċifika l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jassiguraw l-informazzjoni lejn is-suġġett tad-dejta. Dawn l-obbligi qed jibnu fuq l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE, mingħajr artikoli separati li jiddefferenzjaw jekk l-informazzjoni tinġabarx mis-suġġett tad-dejta jew le, u li jżidu l-informazzjoni li għandha tinġabar. Huwa jistabbilixxi eżenzjonijiet mill-obbligu li jinfurmaw, meta dawk l-eżenzjonijiet ikunu proporzjonati u meħtieġa f’soċjetà demokratika sabiex jitwettqu l-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti (ispirat mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI).

L-Artikolu 12 jipprovdi l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jassiguraw id-dritt tal-aċċess tas-suġġetti tad-dejta għad-dejta personali tagħhom. Huwa jsegwi l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE, filwaqt li jżid elementi ġodda għall-informazzjoni dwar is-suġġetti tad-dejta (dwar il-perjodu ta’ ħażna, id-drittijiet tagħhom għal rettifika, tħassir, jew restrizzjoni u biex jippreżentaw ilment).

L-Artikolu 13 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw id-dritt tal-aċċess jekk meħtieġ min-natura speċifika tal-ipproċessar ta’ dejta fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali, u fuq l-infurmar tas-suġġett tad-dejta dwar restrizzjoni tal-aċċess, skont l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

L-Artikolu 14 jintroduċi r-regola li f’każijiet fejn l-aċċess dirett ikun ristrett, is-suġġett tad-dejta jrid jiġi infurmat dwar il-possibbiltà ta’ aċċess indirett permezz tal-awtorità ta’ superviżjoni, li għandha teżerċita d-dritt f’ismu u trid tinforma lis-suġġett tad-dejta dwar l-eżitu tal-verifiki tagħha.

L-Artikolu 15 dwar id-dritt għal rettifika jsegwi l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46/KE, u, fir-rigward tal-obbligi fil-każ ta’ rifjut, l-Artikolu 18(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

L-Artikolu 16 dwar id-dritt għal tħassir isegwi l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46, u, fir-rigward tal-obbligi fil-każ ta’ rifjut, l-Artikolu 18(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI. Huwa jintegra wkoll id-dritt li l-ipproċessar jiġi mmarkat f’ċerti każijiet, filwaqt li jibdel it-terminoloġija ambigwa "imblokk", użata mill-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

L-Artikolu 17 dwar ir-rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar fi proċedimenti ġudizzjarji jipprovdi kjarifika bbażata fuq l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

3.4.4. KAPITOLU IV – KONTROLLUR U PROĊESSUR 3.4.4.1. SEZZJONI 1 OBBLIGI ĠENERALI

L-Artikolu 18 jiddeskrivi r-responsabbiltà tal-kontrollur biex jikkonforma mad-Direttiva u biex tiġi żgurata konformità, inkluż l-adozzjoni ta’ politiki u mekkaniżmi għall-iżgurar tal-konformità.

L-Artikolu 19 jistabbilixxi li l-Istati Membri jridu jassiguraw l-konformità tal-kontrollur mal-obbligi li joħorġu mill-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta bid-disinn u b’mod awtomatiku.

L-Artikolu 20 dwar il-kontrolluri konġunti jiċċara l-istatus tal-kontrolluri konġunti fir-rigward tar-relazzjoni interna tagħhom.

L-Artikolu 21 jiċċara l-pożizzjoni u l-obbligu tal-proċessuri, billi jsegwi parzjalment l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 95/46/KE, u jżid elementi ġodda, fosthom li proċessur li jipproċessa dejta lil hinn mill-istruzzjonijiet tal-kontrollur għandu jitqies bħala kokontrollur.

L-Artikolu 22 dwar l-ipproċessar taħt l-awtorità tal-kontrollur u tal-proċessur isegwi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 95/46/KE.

L-Artikolu 23 jintroduċi l-obbligu għall-kontrolluri u l-proċessuri li jżommu dokumentazzjoni tas-sistemi u proċeduri ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

L-Artikolu 24 jirrigwarda ż-żamma ta’ reġistri, skont l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977, filwaqt li jipprovdu aktar kjarifiki.

L-Artikolu 25 jiċċara l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur rigward il-kooperazzjoni mal-awtorità ta’ superviżjoni.

L-Artikolu 26 jirrigwarda l-każijiet fejn il-konsultazzjoni mal-awtorità ta’ superviżjoni tkun obbligatorja qabel l-ipproċessar, ibbażat fuq l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

3.4.4.2. SEZZJONI 2 SIGURTÀ TAD-DEJTA

L-Artikolu 27 dwar is-sigurtà tal-ipproċessar huwa bbażat fuq l-Artikolu 17(1) preżenti tad-Direttiva 95/46 dwar is-sigurtà tal-ipproċessar, u l-Artikolu 22 tad-Direttiva Qafas 2008/977/ĠAI, filwaqt li jestendi l-obbligi relatati għall-proċessuri, irrispettivament mill-kuntratt mal-kontrollur.

L-Artikoli 28 u 29 jintroduċu obbligu ta’ notifika ta’ ksur tad-dejta personali, ispirat min-notifika ta’ ksur tad-dejta personali fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/KE, billi jiċċara u jissepara l-obbligi li jinnotifika lill-awtorità ta’ superviżjoni (l-Artikolu 28) u li jikkomunika, f’ċirkustanzi kwalifikati, lis-suġġett tad-dejta (l-Artikolu 29). L-Artikolu 29 jipprovdi wkoll għal eżenzjonijiet billi jirreferi għall-Artikolu 11(4).

3.4.4.3. SEZZJONI 3 UFFIĊJAL TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA

L-Artikolu 30 jintroduċi obbligu għall-kontrollur li jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta obbligatorju li għandu jwettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 32. Meta diversi awtoritajiet kompetenti jkunu qegħdin jaġixxu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità ċentrali, li tiffunzjona bħala kontrollur, tal-anqas din l-awtorità ċentrali għandha taħtar tali uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta. L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46/KE pprovda l-possibbiltà li l-Istati Membri jintroduċu tali rekwiżit bħala sostitut għar-rekwiżit ta’ notifika ġenerali ta’ dik id-Direttiva.

L-Artikolu 31 jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta.

L-Artikolu 32 jipprovdi l-kompiti prinċipali tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta.

3.4.5. KAPITOLU V – TRASFERIMENT TA’ DEJTA PERSONALI LIL PAJJIŻI TERZI JEW LIL ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

L-Artikolu 33 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta’ dejta lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, inklużi t-trasferimenti ulterjuri. Jiċċara li t-trasferimenti lil pajjiżi terzi jistgħu isiru biss jekk it-trasferiment ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali.

L-Artikolu 34 jistabbilixxi li jistgħu isiru trasferimenti lil pajjiż terz li fir-rigward tiegħu il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza skont ir-Regolament …./../201X jew b’mod speċifiku fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, jew, fin-nuqqas ta’ dawn id-deċiżjonijiet, fejn ikun hemm salvagwardji xierqa. Sakemm id-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza ma jkunux jeżistu, id-Direttiva tassigura li t-trasferimenti jistgħu jibqgħu isiru fuq il-bażi tas-salvagwardji u d-derogi xierqa. Barra minn hekk hi tistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ livell adegwat jew livell mhux adegwat ta’ protezzjoni, u jinkludi b’mod espliċitu l-istat tad-dritt, ir-rimedju ġudizzjarju u s-superviżjoni indipendenti. L-artikolu jipprovdi wkoll għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tivvaluta l-livell ta’ protezzjoni mogħti minn territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan pajjiż terz. Huwa jintroduċi li deċiżjoni ġenerali ta’ adegwatezza li tiġi adottata, skont il-proċeduri fl-Artikolu 38 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, għandha tkun applikabbli fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. B’mod alternattiv, deċiżjoni ta’ adegwatezza tista’ tiġi adottata mill-Kummissjoni esklużivament għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 35 jiddefinixxi s-salvagwardji xierqa meħtieġa qabel it-trasferimenti internazzjonali, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza mill-Kummissjoni. Dawn is-salvagwardji jistgħu jinġiebu minn strument legalment vinkolanti bħal ftehim internazzjonali. B’mod alternattiv, il-kontrollur tad-dejta jista’ jikkonkludi li jeżistu fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi marbuta mat-trasferiment.

L-Artikolu 36 jispjega d-derogi għat-trasferiment ta’ dejta fuq il-bażi tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

L-Artikolu 37 jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu li l-kontrollur jinforma lir-riċevitur ta’ kwalunkwe restrizzjoni ta’ pproċessar u jieħu l-passi raġonevoli kollha meħtieġa biex jassigura li dawn ir-restrizzjonijiet jiġu soddisfatti mir-riċevituri tad-dejta personali fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Artikolu 38 jipprovdi b’mod espliċitu għal mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ dejta personali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk meqjusa li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni, meta titqies ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-Kooperazzjoni Transkonfinali fl-Infurzar ta’ Liġijiet li Jipproteġu l-Privatezza tat-12 ta’ Ġunju 2007 .

KAPITOLU VI - AWTORITAJIET TA’ SUPERVIŻJONI NAZZJONALI

3.4.5.1. SEZZJONI 1 STATUS INDIPENDENTI

L-Artikolu 39 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu awtoritajiet ta’ superviżjoni, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, u jkabbru l-missjoni ta’ dawn l-awtoritajiet sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tad-Direttiva fl-Unjoni kollha, li tista’ tkun l-awtorità ta’ superviżjoni stabbilita taħt ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

L-Artikolu 40 jiċċara l-kundizzjonijiet għall-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, billi jimplimenta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE[29], ispirat ukoll mill-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001[30].

L-Artikolu 41 jipprovdi kundizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni, billi jimplimenta l-ġurisprudenza rilevanti[31], ispirat ukoll mill-Artikolu 42(2)-(6) tar-Regolament (KE) 45/2001.

L-Artikolu 42 jistabbilixxi regoli dwar it-twaqqif tal-awtorità ta’ superviżjoni, fosthom dwar il-kundizzjonijiet għall-membri tagħha, li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri bil-liġi.

L-Artikolu 43 dwar is-segretezza professjonali tal-membri u l-persunal tal-awtorità ta’ superviżjoni jsegwi l-Artikolu 28(7) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 25(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

3.4.5.2. SEZZJONI 2 DMIRIJIET U SETGĦAT

L-Artikolu 44 jistabbilixxi l-kompetenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 25(1) Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI. Il-qrati, meta jkunu qegħdin jaġixxu fl-awtorità ġudizzjarja tagħhom, huma eżentati mis-sorveljanza mill-awtorità ta’ superviżjoni, iżda mhux mill-applikazzjoni tar-regoli sostantivi dwar il-protezzjoni tad-dejta.

L-Artikolu 45 jipprovdi l-obbligu tal-Istati Membri sabiex jipprovdu għad-dmirijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, inkluż is-smigħ u l-investigazzjoni tal-ilmenti u l-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet. Dmir partikolari tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, fejn l-aċċess dirett ikun miċħud jew ristrett, huwa li jeżerċitaw id-dritt tal-aċċess f’isem is-suġġetti tad-dejta u li jivverifikaw il-legalità tal-ipproċessar tad-dejta.

L-Artikolu 46 jipprovdi s-setgħat tal-awtorità ta’ superviżjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE, l-Artikolu 25(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI. L-Artikolu 47 jobbliga lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni li jfasslu rapporti annwali dwar l-attivitajiet, fuq il-bażi tal-Artikolu 28(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

3.4.6. KAPITOLU VII – KOOPERAZZJONI

L-Artikolu 48 jintroduċi regoli dwar assistenza konġunta obbligatorja filwaqt li l-Artikolu 28 (6)2 tad-Direttiva 95/46/KE jipprovdi biss obbligu ġenerali għal kooperazzjoni, mingħajr ma jispeċifika aktar.

L-Artikolu 49 jipprovdi li l-Bord Konsultattiv Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, stabbilit mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, jeżerċita l-kompiti tiegħu wkoll fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ pproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Sabiex tipprovdi appoġġ komplimentari, il-Kummissjoni se titlob il-parir tar-rappreżentanti ta’ awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ pieni kriminali tal-Istati Membri, kif ukoll tar-rappreżentanti tal-Europol u l-Eurojust, permezz ta’ grupp ta’ esperti dwar l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta relatati mal-infurzar tal-liġi.

3.4.7. KAPITOLU VIII - RIMEDJI, RESPONSABBILTÀ U SANZJONIJIET

L-Artikolu 50 jipprovdi d-dritt ta’ kwalunkwe suġġett tad-dejta sabiex iressaq ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46/KE, u jirrigwarda kwalunkwe ksur tad-Direttiva fir-rigward ta’ min iressaq l-ilment. Huwa jispeċifika wkoll il-korpi, l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jressqu lment f’isem is-suġġett tad-dejta u wkoll f’każ ta’ ksur tad-dejta personali indipendentement mill-ilment ta’ suġġett tad-dejta.

L-Artikolu 51 jirrigwarda d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra awtorità ta’ superviżjoni. Huwa jibni fuq id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE u jipprovdi speċifikament li s-suġġett tad-dejta jista’ jibda azzjoni fil-qorti biex jobbliga lill-awtorità ta’ superviżjoni biex taġixxi dwar ilment.

L-Artikolu 52 jirrigwarda d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra kontrollur jew proċessur, fuq il-bażi tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

L-Artikolu 53 jintroduċi regoli komuni għall-proċeduri fil-qorti, fosthom id-drittijiet tal-korpi, l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet sabiex jirrappreżentaw lis-suġġetti tad-dejta quddiem il-qrati, u d-dritt tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni sabiex jipparteċipaw fi proċeduri legali. L-obbligu tal-Istati Membri sabiex jassiguraw azzjonijiet rapidi fil-qorti huwa ispirat mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 2000/31/KE[32].

L-Artikolu 54 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għad-dritt għal kumpens. Huwa jibni fuq l-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, jestendi dan id-dritt fuq id-danni kkawżati mill-proċessuri u jiċċara r-responsabbiltà tal-kokontrolluri u tal-koproċessuri.

L-Artikolu 55 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu regoli dwar il-pieni, sabiex jissanzjonaw ksur tad-Direttiva, u sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni tagħhom.

3.4.8. KAPITOLU IX – ATTI DELEGATI U ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

L-Artikolu 56 jinkludi dispożizzjonijiet standard għall-eżerċizzju ta’ delegi bi qbil mal-Artikolu 290 TFUE. Dan jippermetti lil-leġiżlatur li jiddelega s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv (atti kważi leġiżlattivi).

L-Artikolu 57 jinkludi d-dispożizzjoni għall-proċedura ta’ Kumitat li hija meħtieġa sabiex jiġu konferiti s-setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni f’każijiet fejn, skont l-Artikolu 291 TFUE, ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni. Il-proċedura ta’ eżami tapplika.

3.4.9. KAPITOLU X – DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 58 jirrevoka d-Direttiva Qafas 2008/977/ĠAI.

L-Artikolu 59 jistabbilixxi li dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali f’atti tal-Unjoni, li jirregolaw l-ipproċessar ta’ dejta personali jew l-aċċess għas-sistemi tal-informazzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u adottati qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, jibqgħu mhux affettwati.

L-Artikolu 60 jiċċara r-relazzjoni ta’ din id-Direttiva ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi qabel mill-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija.

L-Artikolu 61 jipprovdi għall-obbligu tal-Kummissjoni li tevalwa u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, sabiex tivvaluta l-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 59 adottati qabel jiġu allinjati ma’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 62 jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom u jinnotifikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet li jiġu adottati skont id-Direttiva.

L-Artikolu 63 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

L-Artikolu 64 jistabbilixxi d-destinatarji ta’ din id-Direttiva.

4.         IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tkopri l-impatti baġitarji għar-Regolament u din id-Direttiva.

2012/0010 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta’ att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[33],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu li kull persuna għandu jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta’ dejta personali li tirrigwardaha.

(2) L-ipproċessar tad-dejta personali huwa maħsub sabiex jaqdi lill-bniedem; il-prinċipji u r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza tal-persuni fiżiċi, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan għandu jikkontribwixxi għall-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(3) L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-globalizzazzjoni ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-dejta personali. L-iskala tal-ġbir u tal-qsim tad-dejta żdiedet b’mod impressjonanti. It-teknoloġija tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu użu minn dejta personali fuq skala mingħajr preċedenti sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom.

(4) Dan jitlob li jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ dejta bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni u t-trasferiment lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jkun assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali. Dawn l-iżviluppi jitolbu li jinbena qafas b’saħħtu u iżjed koerenti għall-protezzjoni tad-dejta fl-Unjoni, appoġġjat minn infurzar b’saħħtu.

(5) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[34] tapplika għall-attivitajiet kollha ta’ pproċessar ta’ dejta personali fl-Istati Membri kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll f’dawk privati. Madankollu, hija ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ dejta personali “fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità”, bħal attivitajiet fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

(6) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[35] tapplika fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija f’materji kriminali u dik ġudizzjarja. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għall-ipproċessar ta’ dejta personali trażmessa jew magħmula disponibbli bejn l-Istati Membri.

(7) L-assigurazzjoni ta’ livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali ta’ individwi u l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ dejta personali bejn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri hija kruċjali sabiex tkun assigurata l-kooperazzjoni effettiva ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija. Għal dak il-għan, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, irid ikun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Il-protezzjoni effettiva tad-dejta personali madwar l-Unjoni titlob li jiġu msaħħa d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw dejta personali, iżda wkoll setgħat ekwivalenti sabiex tiġi sorveljata u assigurata l-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-Istati Membri.

(8) L-Artikolu 16(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu tad-dejta personali.

(9) Fuq dik il-bażi, ir-Regolament UE …../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) jistabbilixxi regoli ġenerali għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u sabiex ikun assigurat il-moviment liberu ta’ dejta personali fi ħdan l-Unjoni.

(10) Fid-Dikjarazzjoni 21 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-Konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta fl-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawn l-oqsma.

(11) Għalhekk, Direttiva distinta għandha tissodisfa n-natura speċifika ta’ dawn l-oqsma u tistabbilixxi r-regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali.

(12) Sabiex ikun assigurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-individwi permezz ta’ drittijiet li jistgħu jiġu infurzati legalment madwar l-Unjoni kollha u sabiex jiġu evitati diverġenzi li jxekklu l-iskambju ta’ dejta personali bejn l-awtoritajiet kompetenti, id-Direttiva għandha tipprovdi regoli armonizzati għall-protezzjoni u l-moviment liberu ta’ dejta personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija.

(13) Din id-Direttiva tippermetti li jiġi meqjus il-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva.

(14) Il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva għandha tirrigwarda l-persuni fiżiċi, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali.

(15) Il-protezzjoni tal-individwi għandha tkun teknoloġikament newtrali u ma tiddependix fuq it-tekniki użati; inkella din tista’ toħloq riskju serju ta’ ksur. Il-protezzjoni tal-individwi għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali b’mezzi awtomatizzati kif ukoll għall-ipproċessar manwali, jekk id-dejta titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f’sistema ta’ arkivjar. Fajls jew settijiet ta’ fajls kif ukoll il-qoxriet ta’ barra tagħhom, li ma jkunux strutturati skont kriterji speċifiċi, m’għandhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali, jew għad-dejta pproċessata mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni, bħall-Europol jew l-Eurojust.

(16) Il-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Sabiex jiġi determinat jekk persuna fiżika tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktarx jintużaw mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra biex jiġi identifikat l-individwu. Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta m’għandhomx japplikaw għal dejta li tkun saret anonima b’mod li s-suġġett tad-dejta ma jkunx aktar identifikabbli.

(17) Id-dejta personali relatata mas-saħħa għandha tinkludi b’mod partikolari d-dejta kollha li għandha x’taqsam mal-istatus tas-saħħa ta’ suġġett tad-dejta, informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-individwu għall-provvediment ta’ servizzi tas-saħħa; informazzjoni dwar il-ħlasijiet jew l-eliġibbiltà għall-kura tas-saħħa fir-rigward tal-individwu; in-numru, is-simbolu jew partikolari assenjat lill-individwu għall-identifikazzjoni unika tal-individwu għall-finijiet tas-saħħa; kull informazzjoni dwar l-individwu miġbura fil-kors tal-għoti ta’ servizzi tas-saħħa lill-individwu; informazzjoni miġbura mill-ittestjar jew l-eżaminazzjoni ta’ parti mill-ġisem jew sustanza tal-ġisem, inklużi kampjuni bijoloġiċi; l-identifikazzjoni ta’ persuna bħala fornitur ta’ kura tas-saħħa lill-individwu; jew kwalunkwe informazzjoni dwar, pereżempju; marda, diżabilità, ir-riskju ta’ mard, l-istorja medika, il-kura klinika, jew l-istat fiżjoloġiku jew bijomediku attwali tas-suġġett tad-dejta indipendentement mis-sors tiegħu, pereżempju mingħand tabib jew professjonista mediku ieħor, sptar, apparat mediku, jew test dijanjostiku in vitro.

(18) Kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali jrid ikun ġust u legali fir-rigward tal-individwi kkonċernati. B’mod partikolari, l-objettivi speċifiċi tal-ipproċessar tad-dejta għandhom ikunu espliċiti.

(19) Għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jżommu u jipproċessaw dejta personali, li tkun miġbura fil-kuntest ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi lil hinn minn dak il-kuntest tal-iżvilupp ta' ftehim ta’ fenomeni u tendenzi kriminali, ta’ ġbir ta’ intelliġenza dwar netwerks ta’ kriminalità organizzata, u ta’ rabtiet li jsiru bejn reati differenti individwati.

(20) Id-dejta personali m’għandhiex tiġi pproċessata għal objettivi inkompatibbli mal-objettiv li għalih tkun inġabret. Id-dejta personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva għall-objettivi li għalihom tiġi pproċessata d-dejta personali; Għandu jittieħed kull pass raġonevoli sabiex jiġi assigurat li d-dejta personali li ma tkunx eżatta għandha tiġi rettifikata jew imħassra.

(21) Il-prinċipju tal-preċiżjoni tad-dejta għandu jiġi applikat billi jitqiesu n-natura u l-objettiv tal-ipproċessar ikkonċernat. B’mod partikolari fi proċeduri ġudizzjarji, id-dikjarazzjonijiet li jkun fihom dejta personali huma bbażati fuq il-perċezzjoni suġġettiva tal-individwi u f’xi każijiet mhux dejjem ikunu verifikabbli. Konsegwentement, ir-rekwiżit tal-preċiżjoni m’għandux jirrigwarda l-preċiżjoni ta’ dikjarazzjoni iżda sempliċement il-fatt li tkun saret dikjarazzjoni speċifika.

(22) Fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, għandhom jiġu meqjusa l-ispeċifiċitajiet tas-settur, inklużi l-objettivi speċifiċi segwiti.

(23) Huwa inerenti għall-ipproċessar ta’ dejta personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija li tiġi pproċessata dejta personali relatata ma’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-dejta. Għalhekk, kemm jista’ jkun għandha ssir distinzjoni ċara bejn dejta personali ta' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-dejta bħal suspettati, persuni kkundanati b’reat kriminali, vittmi u partijiet terzi, bħal xhieda, persuni b’informazzjoni rilevanti jew kuntatti u assoċjati ta’ suspettati u kriminali misjuba ħatja.

(24) Kemm jista’ jkun, id-dejta personali għandha tiġi distinta skont il-livell ta’ preċiżjoni u affidabbiltà tagħha. Il-fatti għandhom jiġu magħżula mill-valutazzjonijiet personali, sabiex ikunu assigurati kemm il-protezzjoni tal-individwi kif ukoll il-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti.

(25) Sabiex ikun legali, l-ipproċessar ta’ dejta personali għandu jkun meħtieġ għal konformità ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku minn awtorità kompetenti bbażata fuq il-liġi jew sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra, jew għall-prevenzjoni ta’ theddida serja u immedjata għas-sigurtà pubblika.

(26) Dejta personali li, min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-privatezza, inkluża d-dejta ġenetika, tixirqilha protezzjoni speċifika. Tali dejta m’għandhiex tiġi pproċessata, sakemm l-ipproċessar ma jkunx awtorizzat speċifikament b’liġi li tipprovdi għal miżuri xierqa sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta; jew l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra; jew l-ipproċessar ikun jikkonċerna dejta li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-dejta.

(27) Kull persuna fiżika għandu jkollha d-dritt li ma tkunx soġġetta għal miżura li tkun ibbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat jekk dan jipproduċi effett legali negattiv għal dik il-persuna, sakemm ma tkunx awtorizzata bil-liġi u soġġetta għal miżuri xierqa biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta.

(28) Sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, kwalunkwe informazzjoni għas-suġġett tad-dejta għandha tkun aċċessibbli faċilment u faċli biex tinftiehem, inkluż l-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi.

(29) Għandhom jiġu pprovduti modalitajiet sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta taħt din id-Direttiva, fosthom mekkaniżmi sabiex jitolbu, mingħajr ħlas, b’mod partikolari l-aċċess għad-dejta, ir-rettifika u t-tħassir. Il-kontrollur għandu jkun obbligat li jirrispondi għat-talbiet tas-suġġett tad-dejta mingħajr dewmien bla bżonn.

(30) Il-prinċipju ta’ pproċessar ġust jitlob li s-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu infurmati b’mod partikolari bl-eżistenza tal-operazzjoni ta’ pproċessar u l-objettivi tagħha, iż-żmien kemm se ddum maħżuna d-dejta, dwar l-eżistenza tad-dritt tal-aċċess, rettifika jew tħassir u dwar id-dritt li jressqu lment. Fejn id-dejta tinġabar mis-suġġett tad-dejta, is-suġġett tad-dejta għandu jiġi infurmat ukoll dwar jekk huwiex obbligat jipprovdu d-dejta u dwar il-konsegwenzi, f’każijiet li ma jipprovdux dik id-dejta.

(31) L-informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali relatata mas-suġġet tad-dejta għandha tingħatalhom fil-ħin tal-ġbir, jew, meta d-dejta ma tinġabarx mingħand is-suġġett tad-dejta, fil-ħin tar-reġistrazzjoni jew f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara l-ġbir meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-dejta.

(32) Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt tal-aċċess għal dejta li tinġabar dwarhom, u li teżerċita dan id-dritt faċilment, sabiex tkun konxja u tivverifika l-legalità tal-ipproċessar. Kull suġġett tad-dejta għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni b’mod partikolari dwar l-objettivi li għalihom id-dejta tkun qed tiġi pproċessata, għal liema perjodu ta’ żmien, liema riċevituri jirċievu d-dejta, inklużi l-pajjiżi terzi. Is-suġġetti tad-dejta għandhom jitħallew jirċievu kopja tad-dejta personali tagħhom li tkun qed tiġi pproċessata.

(33) L-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra informazzjoni dwar is-suġġetti tad-dejta jew l-aċċess għad-dejta peronali tagħhom safejn u sakemm tali restrizzjoni parzjali jew sħiħa tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kunsiderazzjoni xierqa għall-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, sabiex jiġi evitat it-tfixkil f’inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali, sabiex ikun evitat li jiġu preġudikati l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, sabiex jiġu mħarsa s-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, jew, sabiex jiġi protett is-suġġett tad-dejta jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra.

(34) Kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess għandu jsir bil-miktub lis-suġġett tad-dejta, fosthom ir-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni.

(35) Fejn l-Istati Membri jkunu adottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw b’mod sħiħ jew parzjali d-dritt tal-aċċess, is-suġġett tad-dejta għandu jkollu d-dritt li jitlob li l-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali kompetenti tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar. Is-suġġett tad-dejta għandu jkun infurmat b’dan id-dritt. Meta l-aċċess jiġi eżerċitat mill-awtorità ta’ superviżjoni f’isem is-suġġett tad-dejta, is-suġġett tad-dejta għandu jiġi infurmat mill-awtorità ta’ superviżjoni li tal-anqas ikunu saru l-verifiki kollha neċessarji mill-awtorità ta’ superviżjoni u dwar ir-riżultat fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.

(36) Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li jkollha d-dejta personali mhux preċiża dwarha rettifikata u d-dritt ta’ tħassir meta l-ipproċessar ta’ dik id-dejta ma jkunx konformi mal-prinċipji ewlenin stabbiliti f’din id-Direttiva. Meta d-dejta personali tiġi pproċessata fil-kors ta’ investigazzjoni u proċedimenti kriminali, ir-rettifika, id-drittijiet tal-informazzjoni, l-aċċess, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar jistgħu jitwettqu skont ir-regoli nazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji.

(37) Għandha tiġi stabbilita r-responsabbiltà komprensiva tal-kontrollur għal kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali li jitwettaq mill-kontrollur jew f’isem il-kontrollur. B’mod partikolari, il-kontrollur għandu jassigura l-konformità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar bir-regoli adottati skont din id-Direttiva.

(38) Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-dejta fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali titlob li għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jassiguraw li jintlaħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva. Sabiex tiġi assigurata konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, il-kontrollur għandu jadotta politiki u jimplimenta miżuri xierqa, li jilħqu b’mod partikolari l-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta fid-disinn u l-protezzjoni tad-dejta b’mod awtomatiku.

(39) Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-dejta kif ukoll ir-responsabbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri titlob attribuzzjoni ċara tar-responsabbiltajiet taħt din id-Direttiva, inkluż fejn kontrollur jistabbilixxi l-objettivi, il-kundizzjonijiet u l-mezzi tal-ipproċessar flimkien ma’ kontrolluri oħra jew meta operazzjoni ta’ pproċessar titwettaq f’isem kontrollur.

(40) L-attivitajiet ta’ pproċessar għandhom jiġu dokumentati mill-kontrollur jew mill-proċessur, sabiex tiġi sorveljata l-konformità ma’ din id-Direttiva. Kull kontrollur u proċessur għandu jkun obbligat li jikkoopera mal-awtorità ta’ superviżjoni u jagħmel din id-dokumentazzjoni disponibbli meta tintalab, sabiex tkun tista’ sservi għas-sorveljanza tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar.

(41) Sabiex tiġi assigurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-dejta permezz ta’ azzjonijiet preventivi, il-kontrollur jew il-proċessur għandhom jikkonsultaw mal-awtorità ta’ superviżjoni f’ċerti każi qabel l-ipproċessar.

(42) Ksur tad-dejta personali, jekk ma jiġix indirizzat b’mod adegwat u fil-ħin, jista’ jagħmel ħsara, inkluża ħsara fir-reputazzjoni għall-individwu kkonċernat. Għalhekk, hekk kif il-kontrollur isir konxju li seħħ dan il-ksur, għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar il-ksur. L-individwi li d-dejta personali jew il-privatezza tagħhom tista’ tiġi affettwata ħażin mill-ksur għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien bla bżonn sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Ksur għandu jitqies li jaffettwa ħażin id-dejta personali jew il-privatezza ta’ individwu meta dan ikun jista’ jwassal, pereżempju, għal serq ta’ identità jew frodi, ħsara fiżika, umiljazzjoni sinifikanti jew ħsara għar-reputazzjoni b’rabta mal-ipproċessar ta’ dejta personali.

(43) Waqt l-iffissar ta’ regoli dettaljati dwar il-format u l-proċeduri applikabbli għan-notifika ta’ ksur ta’ dejta personali, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkustanzi tal-ksur, inkluż jekk id-dejta personali kinitx protetta b’miżuri xierqa ta’ protezzjoni teknika, li jnaqqsu b’mod effettiv il-probabbiltà ta’ użu ħażin. Barra minn hekk, dawn ir-regoli u proċeduri għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-awtoritajiet kompetenti f’każijiet fejn l-iżvelar bikri jista’ jxekkel mingħajr bżonn l-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ ksur.

(44) Il-kontrollur jew il-proċessur għandhom jaħtru persuna li tassisti lill-kontrollur jew lill-proċessur sabiex jissorveljaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva. Uffiċjal għall-protezzjoni tad-dejta jista’ jinħatar b’mod konġunt minn diversi entitajiet tal-awtorità kompetenti. L-uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta jridu jkunu f’pożizzjoni li jwettqu d-dmirijiet u l-kompiti tagħhom b’mod indipendenti u effettiv.

(45) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li trasferiment lil pajjiż terz isir biss jekk dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-kontrollur fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali jkun awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-Direttiva. Trasferiment jista’ jsir f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jassiguraw livell adegwat jew protezzjoni, jew meta jkunu nġiebu salvagwardji xierqa.

(46) Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi b’effett għall-Unjoni kollha li ċerti pajjiżi terzi, jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, joffru livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta, u b’hekk jipprovdu ċertezza legali u uniformità madwar l-Unjoni rigward il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali li huma kkunsidrati li jipprovdu dan il-livell ta’ protezzjoni. F’dawn il-każijiet, it-trasferimenti ta’ dejta personali lil dawn il-pajjiżi jistgħu isiru mingħajr il-ħtieġa li tinkiseb xi awtorizzazzjoni ulterjuri.

(47) Bi qbil mal-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kummissjoni għandha tqis il-mod kif l-istat tad-dritt, l-aċċess għall-ġustizzja, kif ukoll in-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, f’dak il-pajjiż huma rrispettati.

(48) Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tirrikonoxxi wkoll li pajjiż terz, jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, ma joffrux livell adgwat ta’ protezzjoni tad-dejta. Għaldaqstant, it-trasferiment ta’ dejta personali lejn dak il-pajjiż terz ma għandux ikun permess ħlief meta jkun ibbażat fuq ftehim internazzjonali, salvagwardji xierqa jew deroga. Għandu jsir provvediment għal proċeduri għall-konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u dawn il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun mingħajr ħsara għall-possibbiltà li jsiru trasferimenti fuq il-bażi ta’ salvagwardji xierqa jew fuq il-bażi ta’ deroga stabbilita fid-Direttiva.

(49) Trasferimenti li mhumiex ibbażati fuq din id-deċiżjoni ta’ adegwatezza għandhom jiġu permessi biss fejn jinġiebu salvagwardji xierqa fi strument legalment vinkolanti, li jassiguraw il-protezzjoni tad-dejta personali jew fejn il-kontrollur jew il-proċessur jevalwa ċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-operazzjoni tat-trasferiment tad-dejta jew is-sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta u, fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, jikkunsidra li jeżistu salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali. F’każijiet fejn ma jkunx hemm raġunijiet biex jiġi permess trasferiment, għandhom ikunu permessi derogi jekk dawn ikunu meħtieġa, sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra, jew sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta meta l-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-dejta personali tipprovdi dan, jew meta jkun meħtieġ għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew f’każijiet individwali għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew’f’każijiet individwali għat-twaqqif, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.

(50) Meta d-dejta personali tgħaddi bejn il-fruntieri, hija tista’ tpoġġi f’riskju akbar il-ħila tal-individwi li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ protezzjoni tad-dejta sabiex jipproteġu lilhom infushom mill-użu jew l-iżvelar illegali ta’ dik id-dejta. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jistgħu jsibu li ma jistgħux isegwu lmenti jew iwettqu investigazzjonijiet relatati mal-attivitajiet barra mill-fruntieri tagħhom. L-isforzi tagħhom biex jaħdmu flimkien f’kuntest transkonfinali jistgħu jkunu mxekkla wkoll minn setgħat preventivi jew ta’ rimedju insuffiċjenti u sistemi legali inkonsistenti. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi promossa kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta biex tgħinhom fl-iskambju ta’ informazzjoni mal-kontropartijiet barranin tagħhom.

(51) L-istabbiliment ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni fl-Istati Membri, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, huwa komponent essenzjali tal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont din id-Direttiva u jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tagħha madwar l-Unjoni, sabiex jiġu protetti persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni.

(52) L-Istati Membri jistgħu jafdaw awtorità ta’ superviżjoni diġà stabbilita fl-Istati Membri taħt ir-Regolament (UE)…./2012 bir-responsabilità għall-kompiti li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni li għandhom jiġu stabbiliti taħt din id-Direttiva.

(53) L-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu aktar minn awtorità ta’ superviżjoni waħda biex jirriflettu l-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tingħata riżorsi finanzjarji u umani, bini u infrastruttura adegwati, li huma meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħhom, inkluż għall-kompiti relatati mal-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ superviżjoni oħra madwar l-Unjoni.

(54) Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi f’kull Stat Membru u b’mod partikolari għandhom jipprovdu li dawk il-membri għandhom jinħatru mill-parlament jew mill-gvern tal-Istat Membru, u jinkludu regoli dwar il-kwalifiki personali tal-membri u l-pożizzjoni ta’ dawk il-membri.

(55) Filwaqt li din id-Direttiva tapplika wkoll għall-attivitajiet tal-qrati nazzjonali, il-kompetenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ dejta personali meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-indipendenza tal-imħallfin fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħhom. Madankollu, din l-eżenzjoni għandha tkun limitata għal attivitajiet ġudizzjarji ġenwini f’kawżi fil-qorti u ma tapplikax għal attivitajiet oħra fejn l-imħallfin jistgħu jkunu involuti skont il-liġi nazzjonali.

(56) Sabiex jiġu assigurati sorveljanza u infurzar konsistenti ta’ din id-Direttiva fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandu jkollhom l-istess dmirijiet u setgħat effettivi f’kull Stat Membru, fosthom setgħat ta’ investigazzjoni, interventi, deċiżjonijiet u sanzjonijiet legalment vinkolanti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ lmenti minn individwi, u li jipparteċipaw fi proċeduri legali.

(57) Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ l-ilmenti mressqa minn kwalunkwe suġġett tad-dejta u għandha tinvestiga l-każ. L-investigazzjoni wara lment għandha titwettaq, soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja, safejn ikun xieraq fil-każ speċifiku. L-awtorità ta’ superviżjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-dejta dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment fi żmien raġonevoli. Jekk il-każ ikun jeħtieġ aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità ta’ superviżjoni oħra, għandha tingħata informazzjoni intermedja lis-suġġett tad-dejta.

(58) L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u jipprovdu assistenza reċiproka, sabiex jassiguraw l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

(59) Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta li ġie stabbilit bir-Regolament (UE)…./2012 għandu jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta’ din il-Direttiva madwar l-Unjoni, fosthom billi jagħti parir lill-Kummissjoni u jippromwovi l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni madwar l-Unjoni.

(60) Kull suġġett tad-dejta għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni fi kwalunkwe Stat Membru u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju jekk iħoss li d-drittijiet tiegħu taħt din id-Direttiva jkunu miksura jew fejn l-awtorità ta’ superviżjoni ma tirreaġixxix għal ilment jew ma tiħux azzjoni meta dik l-azzjoni tkun neċessarja sabiex ikunu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta.

(61) Kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li jkollha l-għan li tipproteġi d-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-dejta fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta tagħhom u li tkun kostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru, għandu jkollha d-dritt li tressaq ilment jew teżerċita d-dritt għal rimedju ġudizzjarju f’isem is-suġġetti tad-dejta jekk ikollha mandat xieraq mingħandhom, jew li tressaq indipendentement mill-ilment ta’ suġġett tad-dejta, ilment tiegħu stess meta jħoss li jkun seħħ ksur tad-dejta personali.

(62) Kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtorità ta’ superviżjoni fir-rigward tagħha. Il-proċeduri kontra awtorità ta’ superviżjoni għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità ta’ superviżjoni.

(63) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-azzjonijiet legali, sabiex ikunu effettivi, jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri għal rimedju jew jimpedixxu l-ksur ta’ din id-Direttiva.

(64) Kwalunkwe ħsara li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar illegali għandha tiġi kkumpensata mill-kontrollur jew mill-proċessur, li jistgħu jkunu eżentati mir-responsabbiltà jekk huma jġibu provi li ma jkunux responsabbli għall-ħsara, b’mod partikolari meta huma jistabbilixxu nuqqas min-naħa tas-suġġett tad-dejta jew f’każ ta’ forza maġġuri.

(65) Għandhom jiġu imposti pieni fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, sew jekk regolati b’liġi privata kif ukoll jekk bil-liġi pubblika, li tonqos milli tikkonforma ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jridu jieħdu l-miżuri kollha sabiex jimplimentaw il-pieni.

(66) Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali u li jkun assigurat l-iskambju liberu ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun delegata lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandhom ikunu adottati atti delegati fir-rigward tan-notifiki ta’ ksur tad-dejta personali lill-awtorità ta’ superviżjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha. Meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tassigura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(67) Sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tad-dokumentazzjoni mill-kontrolluri u l-proċessuri, is-sigurtà tal-ipproċessar, speċjalment fir-rigward ta’ standards ta’ kriptaġġ, in-notifika ta’ ksur tad-dejta personali lill-awtorità ta’ superviżjoni, u l-livell adegwat ta’ protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[36].

(68) Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri fir-rigward tad-dokumentazzjoni mill-kontrolluri u l-proċessuri, is-sigurtà tal-ipproċessar, in-notifika ta’ ksur tad-dejta personali lill-awtorità ta’ superviżjoni, u l-livell adegwat ta’ protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, minħabba li dawk l-atti għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali.

(69) Il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati ma’ pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li ma tassigurax livell ta’ protezzjoni adegwat, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jitolbu hekk.

(70) Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali u li jkun assigurat l-iskambju liberu ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjaretà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(71) Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandha tiġi rrevokata b’din id-Direttiva.

(72) Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali f’atti tal-Unjoni li ġew adottati qabel id-dejta tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, li jirregolaw l-ipproċessar ta’ dejta personali bejn l-Istati Membri jew l-aċċess ta’ awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati, għandhom jibqgħu mhux affettwati. Il-Kummissjoni għandha tevalwa s-sitwazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-atti adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva li jirregolaw l-ipproċessar ta’ dejta personali bejn l-Istati Membri jew l-aċċess ta’ awtoritajiet magħżula tal-Istati Membri għas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati, sabiex tivvaluta l-ħtieġa tal-allinjament ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ma’ din id-Direttiva.

(73) Sabiex tiġi assigurata protezzjoni komprensiva u koerenti tad-dejta personali fl-Unjoni, ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għandu jiġi emendat skont din id-Direttiva.

(74) Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għar-regoli kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal kif stabbiliti fid-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011[37].

(75) F’konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kif anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandhomx ikunu marbuta minn regoli stabbiliti f’din id-Direttiva meta r-Renju Unit u l-Irlanda ma jkunux marbuta b’regoli li jirregolaw forom ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jew ta’ kooperazzjoni tal-pulizija li jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(76) F’konformità mal-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex marbuta b’din id-Direttiva jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Direttiva tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(77) Rigward l-Islanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif previst mill-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja rigward l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[38].

(78) Rigward l-Isvizzera, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif previst mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[39]..

(79) Rigward il-Liechtenstein, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif previst mill-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[40].

(80) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif imħaddna fit-Trattat, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Il-limitazzjonijiet imposti fuq dawn id-drittijiet huma skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta billi huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra.

(81) F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom ma’ dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala ġustifikata.

(82) Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jimplimentaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta dwar l-informazzjoni, l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tad-dejta personali tagħhom ipproċessata fil-kors ta’ proċeduri kriminali, u r-restrizzjonijiet possibbli tagħhom għalihom, fir-regoli nazzjonali dwar il-proċedura kriminali.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Suġġett u objettivi

1.           Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali.

2.           Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)     jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali; u

(b)     jassiguraw li l-iskambju ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni ma jkunx ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali.

Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni

1.           Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-objettivi imsemmija fl-Artikolu 1(1).

2.           Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ dejta personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

3.           Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali:

(a)     fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali;

(b)     mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1) 'suġġett tad-dejta' tfisser persuna fiżika identifikata jew persuna fiżika li tista’ tkun identifikata, direttament jew indirettament, b’mezzi li raġonevolment aktarx se jintużaw mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni, dejta dwar il-lok, identifikaturi onlajn jew għal fattur speċifiku wieħed jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;

(2) 'dejta personali' tfisser kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ suġġett tad-dejta;

(3) 'ipproċessar' tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq dejta personali jew settijiet ta’ dejta personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-addattament jew il-bdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allinjament jew taħlita, tħassir jew distruzzjoni;

(4) 'restrizzjoni tal-ipproċessar' tfisser l-immarkar ta’ dejta personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(5) 'sistema ta’ arkivjar' tfisser kwalunkwe sett strutturat ta’ dejta personali li jkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(6) 'kontrollur' tfisser l-awtorità pubblika kompetenti li waħedha jew flimkien ma’ oħrajn tiddetermina l-objettivi, il-kundizzjonijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ dejta personali; meta l-objettivi, il-kundizzjonijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istati Membri, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jiġu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew bil-liġi ta’ Stat Membru;

(7) 'proċessur' tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li jipproċessa dejta personali f’isem il-kontrollur;

(8) 'riċevitur' tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li lilu tiġi żvelata d-dejta pubblika;

(9) 'ksur ta’ dejta personali' tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bdil, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal, dejta personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor;

(10) ‘dejta ġenetika’ tfisser id-dejta kollha, ta’ kwalunkwe tip, li tirrigwarda l-karatteristiċi ta’ individwu li jintirtu jew jinkisbu waqt l-iżvilupp bikri ta’ qabel it-twelid.

(11) 'dejta bijometrika' tfisser kwalunkwe dejta relatata mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta’ individwu li tippermetti l-identifikazzjoni unika tiegħu, bħall-immaġni tal-wiċċ, jew dejta dattiloskopika;

(12) ‘dejta dwar is-saħħa’ tfisser kwalunkwe informazzjoni li għandha x’taqsam mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ individwu, jew mal-għoti ta’ servizzi tas-saħħa lill-individwu;

(13) ‘minorenni’ tfisser kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena;

(14) 'awtoritajiet kompetenti’ tfisser kull awtorità pubblika kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(15) 'awtorità ta’ superviżjoni’ tfisser awtorità pubblika li tkun stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 39.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI

Artikolu 4 Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ dejta personali

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li d-dejta personali għandha tkun:

(a)     ipproċessata b’mod ġust u skont il-liġi;

(b)     miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata ulterjorment b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

(c)     adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

(d)     eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun assigurat li dejta personali li ma tkunx eżatta, meħud kont tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien;

(e)     miżmuma b’mod li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-dejta għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-dejta personali;

(f)      ipproċessata taħt ir-responsabbiltà tal-kontrollur, li għandu jassigura konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva;

.

Artikolu 5 Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-dejta

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, safejn ikun possibbli, il-kontrollur jagħmel distinzjoni ċara bejn dejta personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-dejta; bħal:

(a)     persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu se jwettqu reat kriminali;

(b)     persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali;

(c)     vittmi ta’ reat kriminali, jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali;

(d)     partijiet terzi għar-reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjonijiet b’rabta ma’ reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, jew persuna li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatt jew assoċjat ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b); u

(e)     persuni li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kategoriji msemmija hawn fuq.

Artikolu 6 Gradi differenti ta’ preċiżjoni u affidabbiltà tad-dejta personali

1.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, safejn ikun possibbli, issir distinzjoni skont il-livell ta’ eżatezza u affidabbiltà, bejn il-kategoriji differenti ta’ dejta personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

2.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, kemm jista’ jkun, issir distinzjoni bejn dejta personali bbażata fuq il-fatti u dejta personali bbażata fuq valutazzjonijiet personali.

Artikolu 7 Legalità tal-ipproċessar

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-ipproċessar ta’ dejta personali jkun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ:

(a) biex issir ħidma minn awtorità kompetenti, fuq il-bażi tal-liġi għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1); jew

(b) biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

(c) biex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra; jew

(d) għall-prevenzjoni ta’ periklu serju u immedjat għas-sigurtà pubblika;

Artikolu 8 Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta personali

1.           L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ dejta personali li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-sħubija fi trade union, ta’ dejta ġenetika jew ta’ dejta dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali.

2.           Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn:

(a)     l-ipproċessar ikun awtorizzat b’liġi li tipprovdi salvagwardji xierqa; jew

(b)     l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ xi persuna oħra; jew

(c)     l-ipproċessar huwa relatat ma’ dejta li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-dejta.

Artikolu 9 Miżuri bbażati fuq profilar u pproċessar awtomatizzat

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li miżuri li jipproduċu effett legali ħażin għas-suġġett tad-dejta jew li jaffettwah b’mod konsiderevoli u li huma bbażati unikament fuq ipproċessar ta’ dejta personali awtomatizzat maħsub biex jevalwa ċerti aspetti personali relatati mas-suġġett tad-dejta għandhom ikunu pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati minn liġi li tistabbilixxi wkoll miżuri għas-salvagwardja tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta.

2.           L-ipproċessar awtomatizzat ta’ dejta personali maħsub sabiex jevalwa ċerti aspetti personali relatati mas-suġġett tad-dejta m’għandux ikun ibbażat unikament fuq il-kategoriji speċjali ta’ dejta personali msemmija fl-Artikolu 8.

KAPITOLU III

DRITTIJIET TAS-SUĠĠETT TAD-DEJTA

Artikolu 10 Modalitajiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jieħu l-passi kollha raġonevoli biex ikollu politiki trasparenti u faċilment aċċessibbli fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta.

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kwalunkwe informazzjoni u kwalunkwe komunikazzjoni relatata mal-ipproċessar ta’ dejta personali għandha tiġi pprovduta mill-kontrollur lis-suġġett tad-dejta b’mod li tinftiehem, billi jintuża lingwaġġ ċar u trasparenti.

3.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jistabbilixxi proċeduri għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 u għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta msemmija fl-Artikoli 12 sa 17.

4.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-dejta dwar is-segwitu mogħti fuq talba tiegħu mingħajr dewmien bla bżonn.

5.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-informazzjoni u kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur wara talba msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ikunu mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet ikunu vessatorji, b’mod partikolari minħabba l-karattru ripetittiv tagħhom, jew id-daqs jew il-volum tat-talba, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa għall-għoti tal-informazzjoni jew għat-teħid tal-azzjoni mitluba, jew il-kontrollur jista’ ma jiħux l-azzjoni mitluba. F’dak il-każ, il-kontrollur għandu jerfa’ r-responsabbiltà li jagħti prova tal-karattru vessatorju tat-talba.

Artikolu 11 Informazzjoni lis-suġġett tad-dejta

1.           Fejn tinġabar dejta personali relatata ma’ suġġett tad-dejta, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kontrollur jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lis-suġġett tad-dejta:

(a)     l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta;

(b)     l-objettivi tal-ipproċessar li għalih id-dejta personali tkun maħsuba ;

(c)     il-perjodu li matulu d-dejta personali tkun se tinħażen ;

(d)     l-eżistenza tad-dritt li jintalab mingħand il-kontrollur l-aċċess għal u r-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-dejta personali dwar is-suġġett tad-dejta;

(e)     id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 39 u d-dettalji ta’ kuntatt tagħha;

(f)      ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-dejta personali, inkluż f’pajjiżi terzi jew f’organizzazzjonijiet internazzjonali;

(g)     kwalunkwe informazzjoni oħra sakemm dik l-informazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa sabiex tiggarantixxi pproċessar ġust fir-rigward tas-suġġett tad-dejta, billi jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-dejta personali.

2.           Fejn id-dejta personali tinġabar mis-suġġett tad-dejta, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-dejta, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, dwar jekk l-għoti ta’ dejta personali jkunx obbligatorju jew volontarju, kif ukoll il-konsegwenzi possibbli jekk ma tingħatax dik id-dejta.

3.           Il-kontrollur għandu jagħti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

(a)     fil-ħin meta tinkiseb id-dejta personali mis-suġġett tad-dejta, jew

(b)     fejn id-dejta personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-dejta, fil-mument tar-reġistrazzjoni jew fi żmien perjodu raġonevoli wara l-ġbir, billi jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom tkun inġabret id-dejta jew inkella ġiet ipproċessata.

4.           L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-dejta safejn, u sakemm, tali restrizzjoni parzjali jew kompleta tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata:

(a) biex ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b) biex ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c) biex tipproteġi s-sigurtà pubblika;

(d) biex tipproteġi s-sigurtà nazzjonali;

(e) biex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

5.           L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kategoriji ta’ pproċessar tad-dejta li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt l-eżenzjonijiet tal-paragrafu 4.

Artikolu 12 Dritt ta’ aċċess għas-suġġett tad-dejta

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-dejta li jikseb mingħand il-kontrollur konferma jekk dejta personali dwaru tkunx qed tiġi pproċessata. Fejn dejta personali bħal din tkun qed tiġi pproċessata, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)     l-objettivi tal-ipproċessar;

(b)     il-kategoriji tad-dejta personali inkwistjoni;

(c)     ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun żvelata d-dejta personali, b’mod partikolari r-riċevituri f’pajjiżi terzi;

(d)     il-perjodu li għalih id-dejta personali tkun se tinħażen ;

(e)     l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur ir-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ dejta personali dwar is-suġġett tad-dejta;

(f)      id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità ta’ superviżjoni;

(g)     komunikazzjoni tad-dejta personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta’ kull informazzjoni disponibbli dwar l-oriġini tagħha;

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-dejta li jikseb mingħand il-kontrollur kopja tad-dejta personali li tkun qed tiġi pproċessata.

Artikolu 13 Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess

1. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-dejta sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata:

(a) biex ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b) biex ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c) biex tipproteġi s-sigurtà pubblika;

(d) biex tipproteġi s-sigurtà nazzjonali;

(e) biex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu bil-liġi kategoriji ta’ pproċessar tad-dejta li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt l-eżenzjonijiet tal-paragrafu 1.

3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jinforma bil-miktub lis-suġġett tad-dejta dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess, dwar ir-raġunijiet għar-rifjut u dwar il-possibbiltajiet li jitressaq ilment quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni u li jinstab rimedju ġudizzjarju. L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni tista’ titħalla barra meta l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jimmina speċifikament għan skont il-paragrafu 1.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kontrollur jiddokumenta r-raġunijiet għaliex il-komunikazzjoni dwar ir-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni titħalla barra.

Artikolu 14 Modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-dejta li jitlob, b’mod partikulari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13, li l-awtorità ta’ superviżjoni tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar.

2.           L-Istat Membru għandu jipprovdi li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-dejta dwar id-dritt li jitlob l-intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni skont il-paragrafu 1.

3.           Meta jiġi eżerċitat id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-dejta mill-anqas li l-verifiki kollha meħtieġa mill-awtorità ta' superviżjoni jkunu saru, u dwar l-eżitu fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.

Artikolu 15 Dritt għal rettifika

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-dejta li jikseb mingħand il-kontrollur ir-rettifika ta’ dejta personali dwaru li ma tkunx eżatta. Is-suġġett tad-dejta għandu jkollu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-dejta personali mhux kompluta, b’mod partikolari permezz ta’ stqarrija ta’ korrezzjoni.

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jinforma bil-miktub lis-suġġett tad-dejta dwar kwalunkwe rifjut tar-rettifika, dwar ir-raġunijiet għar-rifjut u dwar il-possibbiltajiet li jitressaq ilment quddiem l-awtorità ta' superviżjoni u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 16 Dritt għal tħassir

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-dejta li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ dejta personali relatata miegħu meta l-ipproċessar ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikoli 4 (a) sa (e), 7 u 8 ta’ din id-Direttiva.

2. Il-kontrollur għandu jwettaq it-tħassir mingħajr dewmien.

3. Minflok it-tħassir, il-kontrollur għandu jimmarka l-ipproċessar ta’ dejta personali fejn:

(a) l-preċiżjoni tiġi kkontestata mis-suġġett tad-dejta, għal perjodu li jippermetti lill-kontrollur li jivverifika l-preċiżjoni tad-dejta;

(b) id-dejta personali tkun trid tinżamm għal objettivi ta’ prova;

(c) is-suġġett tad-dejta jopponi t-tħassir tagħha u minflok jitlob ir-restrizzjoni tal-użu tagħha

4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jinforma bil-miktub lis-suġġett tad-dejta dwar kwalunkwe rifjut tat-tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, dwar ir-raġunijiet għar-rifjut u dwar il-possibbiltajiet li jitressaq ilment lill-awtorità ta’ superviżjoni u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 17 Drittijiet tas-suġġett tad-dejta f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-drittijiet għal informazzjoni, aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar imsemmija fl-Artikoli 11 sa 16 jitwettqu skont ir-regoli nazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji fejn id-dejta personali tkun qiegħda f’deċiżjoni jew reġistru ġudizzjarju pproċessat fil-kors ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji.

KAPITOLU IV KONTROLLUR U PROĊESSUR

TAQSIMA 1 OBBLIGI ĠENERALI

Artikolu 18 Responsabbiltà tal-kontrollur

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jadotta politiki u jimplimenta miżuri xierqa biex jassigura li l-ipproċessar ta’ dejta personali jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

2.           Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)     iż-żamma tad-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23;

(b)     il-konformità mar-rekwiżiti għall-konsultazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 26;

(c)     l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà tad-dejta stabbiliti fl-Artikolu 27;

(d)     l-ħatra ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta skont l-Artikolu 30.

3.           Il-kontrollur għandu jimplimenta mekkaniżmi biex jassigura l-verifika tal-effettività tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Jekk ikun proporzjonat, din il-verifika għandha titwettaq minn awdituri interni jew esterni indipendenti.

Artikolu 19 Protezzjoni tad-dejta bid-disinn u b’mod awtomatiku

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, wara li jikkunsidra l-aħħar żviluppi u l-kost tal-implimentazzjoni, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri u proċeduri tekniċi u organizzattivi xierqa b’mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u jassigura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta.

2.           Il-kontrollur għandu jimplimenta mekkaniżmi biex jassigura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss dik id-dejta personali li tkun meħtieġa għall-objettivi tal-ipproċessar.

Artikolu 20 Kontrolluri konġunti

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta kontrollur jiddetermina l-objettivi, il-kundizzjonijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ dejta personali flimkien ma’ oħrajn, il-kontrolluri konġunti jridu jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi għall-konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri u l-mekkaniżmi għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta, permezz ta’ arranġament bejniethom.

Artikolu 21 Proċessur

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta operazzjoni ta’ pproċessar issir f’isem kontrollur, il-kontrollur għandu jagħżel proċessur li jagħti garanziji suffiċjenti li jimplimenta miżuri u proċeduri tekniċi u organizzattivi xierqa b’mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u jassigura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li t-twettiq ta’ pproċessar permezz ta’ proċessur għandu jkun regolat permezz ta’ att legali li jżomm lill-proċessur responsabbli lejn il-kontrollur u li jistipula partikolarment illi l-proċessur għandu jaġixxi biss fuq struzzjonijiet tal-kontrollur, b’mod partikolari, meta t-trasferiment tad-dejta personali użata jkun ipprojbit.

3. Jekk proċessur jipproċessa dejta personali għajr kif ordnat mill-kontrollur, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta’ dak l-ipproċessar u għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-kontrolluri konġunti stipulati fl-Artikolu 20.

Artikolu 22 Ipproċessar bl-awtorità tal-kontrollur u tal-proċessur

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-proċessur u kull persuna li taġixxi bl-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur, li jkollhom aċċess għal dejta personali, jistgħu jipproċessawha biss fuq struzzjonijiet mill-kontrollur jew fejn ikun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 23 Dokumentazzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull kontrollur u proċessur iżomm dokumentazzjoni tas-sistemi u l-proċeduri kollha ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

2.           Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)     l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur, jew kwalunkwe kontrollur jew proċessur konġunt;

(b)     l-objettivi tal-ipproċessar;

(c)     ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-dejta personali;

(d)     it-trasferimenti ta’ dejta lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali;

3.           Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jagħmlu d-dokumentazzjoni disponibbli, meta jiġu mitluba biex jagħmlu dan, lill-awtorità ta’ superviżjoni.

Artikolu 24 Żamma ta’ reġistri

1.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jinżammu reġistri tal-anqas tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li ġejjin: ġbir, tibdil, konsultazzjoni, żvelar, taħlit jew tħassir. Ir-reġistri ta’ konsultazzjoni u żvelar għandhom juru b’mod partikolari l-għan, id-dejta u l-ħin ta’ kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet u safejn possibbli l-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat id-dejta personali.

2.           Ir-reġistri għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta, awtomonitoraġġ u sabiex tiġi assigurata l-integrità tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta.

Artikolu 25 Kooperazzjoni mal-awtorità ta’ superviżjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur u l-proċessur għandhom jikkooperaw, meta jintalbu, mal-awtorità ta’ superviżjoni fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha, b’mod partikolari billi jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja għall-awtorità ta’ superviżjoni biex twettaq id-dmirijiet tagħha.

2.           B’risposta għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtorità ta’ superviżjoni skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 46, il-kontrollur u l-proċessur għandhom iwieġbu lill-awtorità ta’ superviżjoni fi żmien raġonevoli. It-tweġiba għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri meħuda u r-riżultati miksuba, b’risposta għall-kummenti tal-awtorità ta’ superviżjoni.

Artikolu 26 Konsultazzjoni minn qabel mal-awtorità ta’ superviżjoni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kontrollur jew il-proċessur jikkonsulta lill-awtorità ta’ superviżjoni qabel l-ipproċessar ta’ dejta personali li tkun ser tifforma parti minn sistema ġdida ta’ arkivjar li tkun ser tinħoloq fejn:

(a)     iridu jiġu pproċessati kategoriji speċjali ta’ dejta msemmija fl-Artikolu 8;

(b)     it-tip ta’ pproċessar, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, jinvolvi riskji speċifiċi mod ieħor għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u partikolarment il-protezzjoni tad-dejta personali, tas-suġġetti tad-dejta.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtorità ta’ superviżjoni tistabbilixxi lista tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li huma soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel skont il-paragrafu 1.

TAQSIMA 2 SIGURTÀ TAD-DEJTA

Artikolu 27 Sigurtà tal-ipproċessar

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur u l-proċessur jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jassiguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskji rappreżentati mill-ipproċessar u n-natura tad-dejta li trid tiġi protetta, waqt li jitqiesu l-aħħar żviluppi u l-kost tal-implimentazzjoni tagħhom.

2.           Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta, kull Stat Membru għandu jipprovdi li l-kontrollur jew il-proċessur, wara evalwazzjoni tar-riskji, jimplimenta miżuri mfasslin sabiex:

(a) jiċħdu l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati għat-tagħmir li jipproċessa d-dejta użat għall-ipproċessar ta’ dejta personali (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir);

(b) jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati tal-medja tad-dejta (kontroll tal-medja tad-dejta);

(c) jimpedixxu d-dħul mhux awtorizzat ta’ dejta u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ dejta personali maħżuna (kontroll tal-ħażna);

(d) jimpedixxu l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ dejta minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-dejta (kontroll tal-utent);

(e) jassiguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar ta’ dejta ikollhom aċċess biss għad-dejta koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll tal-aċċess għad-dejta);

(f) jassiguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi tkun intbagħtet jew saret disponibbli jew tista’ tintbagħat jew issir disponibbli dejta personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-dejta (kontroll tal-komunikazzjoni);

(g) jassiguraw li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema dejta personali ddaħħlet f’sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar tad-dejta u meta u minn min iddaħħlet id-dejta (kontroll tad-dħul);

(h) jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ dejta personali waqt it-trasferiment tad-dejta personali jew waqt it-trasportazzjoni tal-medja tad-dejta (kontroll tat-trasport);

(i) jassiguraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati (irkupru);

(j) jassiguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu, li s-sejbien ta’ żbalji fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat (affidabbiltà) u li d-dejta maħżuna ma tistax tiġi korrotta permezz ta’ funzjonament ħażin tas-sistema (integrità).

3.           Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għal diversi sitwazzjonijiet, speċjalment standards ta’ kriptaġġ. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

Artikolu 28 Notifika ta’ ksur tad-dejta personali lill-awtorità ta’ superviżjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li f’każ ta’ ksur tad-dejta personali, il-kontrollur jinnotifika, mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn possibbli, mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li jkun sar jaf bih, il-ksur tad-dejta personali lill-awtorità ta’ superviżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi, jekk mitlub, ġustifikazzjoni raġunata lill-awtorità ta’ superviżjoni f’każijiet fejn in-notifikazzjoni ma ssirx fi żmien 24 siegħa.

2.           Il-proċessur għandu jiġbed l-attenzjoni u jinforma immedjatament lill-kontrollur meta jinduna bi ksur tad-dejta personali.

3.           In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha mill-anqas:

(a)     tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-dejta personali, fosthom il-kategoriji u n-numru ta’ suġġetti tad-dejta kkonċernati u l-kategoriji u n-numru ta’ reġistri tad-dejta kkonċernati;

(b)     tagħti l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta msemmi fl-Artikolu 30 jew punt ta’ kuntatt ieħor fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni;

(c)     tirrakkomanda miżuri sabiex itaffu l-effetti ħżiena possibbli tal-ksur tad-dejta personali;

(d)     tiddeskrivi l-konsegwenzi possibbli tal-ksur tad-dejta personali;

(e)     tiddeskrivi l-miżuri proposti jew meħuda mill-kontrollur sabiex jindirizza l-ksur tad-dejta personali.

4.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jiddokumenta kwalunkwe ksur tad-dejta personali, fosthom il-fatti li jrrigwardaw il-ksur, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju meħuda. Din id-dokumentazzjoni trid tippermetti lill-awtorità ta’ superviżjoni li tivverifika l-konformità ma’ dan l-Artikolu. Din id-dokumentazzjoni għandha tinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għal dak il-għan.

5.           Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 56 sabiex tispeċifika aktar il-kriterji u r-rekwiżiti għall-istabbiliment tal-ksur tad-dejta msemmi fil-paragrafi 1 u 2 u għaċ-ċirkustanzi partikolari li fihom kontrollur u proċessur ikunu meħtieġa jinnotifikaw il-ksur tad-dejta personali.

6.           Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi l-format standard ta’ din in-notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni, il-proċeduri applikabbli għar-rekwiżit ta’ notifika u l-forma u l-modalitajiet għad-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, inklużi l-limiti taż-żmien għat-tħassir tal-informazzjoni miżmuma fiha. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

Artikolu 29 Komunikazzjoni ta’ ksur tad-dejta personali lis-suġġett tad-dejta

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta l-ksur tad-dejta personali aktarxli se jaffettwa ħażin lill-protezzjoni tad-dejta personali jew lill-privatezza tas-suġġett tad-dejta, il-kontrollur għandu, wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 28, jikkomunika l-ksur tad-dejta personali lis-suġġett tad-dejta mingħajr dewmien bla bżonn.

2.           Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-dejta personali u tinkludi tal-anqas l-informazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet previsti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 28(3).

3.           Il-komunikazzjoni ta’ ksur tad-dejta personali lis-suġġett tad-dejta m’għandhiex tkun meħtieġa jekk il-kontrollur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità ta’ superviżjoni li huwa jkun implimenta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika xierqa, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-dejta personali kkonċernata mill-ksur tad-dejta personali. Dawn il-miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika għandhom jagħmlu d-dejta ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha.

4.           Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-dejta tista’ tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 11(4).

TAQSIMA 3 UFFIĊJAL TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA

Artikolu 30 Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew il-proċessur jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta.

2. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta għandu jinħatar fuq il-bażi tal-kwalitajiet professjonali u, b’mod partikolari, l-għarfien espert tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 32.

3. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta jista’ jinħatar għal diversi entitajiet, billi titqies l-istruttura organizzattiva tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 31 Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew il-proċessur jassiguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta jkun involut kif xieraq u mingħajr dewmien fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-dejta personali.

2. Il-kontrollur jew il-proċessur għandhom jassiguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta jiġi pprovdut bil-mezzi biex iwettaq id-dmirijiet u l-kompiti msemmija fl-Artikolu 32 b’mod effettiv u indipendenti, u ma jirċievi l-ebda struzzjonijiet rigward l-eżerċizzju tal-funzjoni.

Artikolu 32 Kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew il-proċessur jafda lill-uffiċjal tal-protezzjoni tal-dejta tal-anqas bil-kompiti li ġejjin:

(a) jinforma u jagħti pariri lill-kontrollur jew lill-proċessur dwar l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u jiddokumenta din l-attività u t-tweġibiet li jirċievi;

(b) jissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-politiki fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali, inklużi l-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet, it-taħriġ tal-persunal involut fl-operazzjonijiet ta’ pproċessar u l-verifiki relatati;

(c) jissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, b’mod partikolari rigward ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tad-dejta bid-disinn, il-protezzjoni tad-dejta b’mod awtomatiku u s-sigurtà tad-dejta u dwar l-informazzjoni tas-suġġetti tad-dejta u t-talbiet tagħhom fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva;

(d) jassigura li tinżamm id-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23;

(e) jissorvelja d-dokumentazzjoni, in-notifika u l-komunikazzjoni ta’ ksur tad-dejta personali skont l-Artikoli 28 u 29;

(f) jissorvelja l-applikazzjoni għall-konsultazzjoni minn qabel lill-awtorità ta’ superviżjoni, jekk meħtieġa skont l-Artikolu 26;

(g) jissorvelja t-tweġibiet għat-talbiet mill-awtorità ta’ superviżjoni, u, fl-isfera tal-kompetenza tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta, jikkoopera mal-awtorità ta’ superviżjoni fuq talba ta’ din tal-aħħar jew fuq inizjattiva tiegħu stess;

(h)     jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-awtorità ta’ superviżjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar u jikkonsulta mal-awtorità ta’ superviżjoni, jekk ikun xieraq, fuq inizjattiva tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta.

KAPITOLU V TRASFERIMENT TA’ DEJTA PERSONALI LIL PAJJIŻI TERZI JEW ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

Artikolu 33 Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta’ dejta personali

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull trasferiment ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti, li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba biex tiġi pproċessata wara t-trasferiment lil pajjiż terz, jew lil organizzazzjoni internazzjonali, inkluż trasferiment ulterjuri 'l quddiem lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, jista’ jsir biss jekk:

(a)     it-trasferiment ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali; u

(b)     il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu jiġu mħarsa mill-kontrollur u l-proċessur.

Artikolu 34 Trasferimenti b’deċiżjoni ta’ adegwatezza

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li jista jsir trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) …./2012 jew skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li l-pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tassigura livell adegwat ta’ protezzjoni. Trasferiment bħal dan m’għandux ikun jeħtieġ awtorizzazzjoni ulterjuri.

2.           Meta ma tkunx teżisti deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) …./2012, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni billi tqis l-elementi li ġejjin:

(a)     l-istat tad-dritt, il-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fosthom dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali kif ukoll il-miżuri tas-sigurtà li jkunu osservati f’dak il-pajjiż jew minn dik l-organizzazzjoni internazzjonali; kif ukoll drittijiet effettivi u infurzabbli li jinkludu rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-suġġetti tad-dejta, b’mod partikolari għal dawk is-suġġetti tad-dejta li jgħixu fl-Unjoni li d-dejta personali tagħhom tkun qed tiġi trasferita;

(b)     l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta’ awtorità ta’ superviżjoni indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni, li tkun responsabbli għall-assigurazzjoni tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, għall-assistenza u l-għoti ta’ pariri lis-suġġett tad-dejta fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri; u

(c)     l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni.

3.           Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

4.           L-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni ġeografika u settorjali tiegħu, u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

5.           Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li pajjiż terz jew territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali ma jassigurax livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, li tkun fis-seħħ fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali, ma tiggarantix drittijiet effettivi u infurzabbli fosthom rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-suġġetti tad-dejta, b’mod partikolari għal dawk is-suġġetti tad-dejta li tkun qed tiġi trasferita d-dejta personali tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2), jew, f’każijiet ta’ urġenza estrema għall-individwi fir-rigward tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta personali, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 57(3).

6.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li meta l-Kummissjoni tiddeċiedi, skont il-paragrafu 5, li kwalunkwe trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz jew lil territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni, għandu jkun ipprojbit, din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-trasferimenti skont l-Artikolu 35(1) jew skont l-Artikolu 36. Fi żmien debitu, il-Kummissjoni għandha tidħol f’konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-għan li tirrimedja s-sitwazzjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

7.           Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista ta’ dawk il-pajjiżi terzi, territorji u setturi tal-ipproċessar fi ħdan pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fejn tkun iddeċidiet li jkun jew ma jkunx assigurat livell adegwat ta’ protezzjoni.

8.           Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 5.

Artikolu 35 Trasferimenti b’salvagwardji xierqa

1.           Fejn il-Kummissjoni ma teħux deċiżjoni skont l-Artikolu 34, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment ta' dejta personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew f'organizzazzjoni internazzjonali jista' jsir fejn:

(a)     jinġiebu salvagwardji xierqa fi strument legalment vinkolanti fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali; jew

(b)     il-kontrollur jew il-proċessur jevalwa ċ-ċirkustanzi kollha li jkollhom x'jaqsmu mat-trasferiment tad-dejta personali u jikkonkludi li jeżistu asalvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali.

1.           Id-deċiżjoni għat-trasferimenti skont il-paragrafu 1 (b) għandha titteħed minn persunal debitament awtorizzat. Dawk it-trasferimenti jridu jiġu dokumentati u d-dokumentazzjoni trid issir disponibbli għall-awtorità ta’ superviżjoni meta titlobha.

Artikolu 36 Derogi

B’deroga għall-Artikoli 34 u 35, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir biss bil-kundizzjoni li:

(a)      it-trasferiment ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra; jew

(b)     it-trasferiment ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta meta l-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-dejta personali tipprovdi dan; jew

(c)      it-trasferiment tad-dejta jkun essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz; jew

(d)     it-trasferiment ikun meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali; jew

(e)      it-trasferiment ikun meħtieġ f’każijiet individwali għat-twaqqif, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reat kriminali speċifiku jew l-eżekuzzjoni ta’ piena kriminali speċifika.

Artikolu 37 Kundizzjonijiet speċifiċi għat-trasferiment ta’ dejta personali

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jinforma lir-riċevitur tad-dejta personali bi kwalunkwe restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar u jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jassigura li dawn ir-restrizzjonijiet jiġu rrispettati.

Artikolu 38 Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta personali

1.           Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex:

(a) jiżviluppaw mekkaniżmi effettivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali li jiffaċilitaw l-infurzar tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ dejta personali;

(b) jipprovdu assistenza reċiproka internazzjonali fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ dejta personali, fosthom permezz ta’ notifika, riferiment għal ilmenti, għajnuna investigattiva u skambju tal-informazzjoni, soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta personali u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra ;

(c) jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti f’diskussjonijiet u attivitajiet immirati lejn it-tkabbir tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ dejta personali;

(d) jippromwovu l-iskambju u d-dokumentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u prattiki dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali.

2.           Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex ittejjeb ir-relazzjoni ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u b’mod partikolari l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tagħhom, meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li dawn jassiguraw livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 34(3).

KAPITOLU VI AWTORITAJIET TA’ SUPERVIŻJONI INDIPENDENTI

TAQSIMA 1 STATUS INDIPENDENTI

Artikolu 39 Awtorità ta’ superviżjoni

1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u għall-kontribuzzjoni għall-applikazzjoni konsistenti tagħha madwar l-Unjoni, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ dejta personali fl-Unjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni stabbiliti fl-Istati Membri skont ir-Regolament (UE)…./2012 jassumu r-responsabbiltà għall-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni li għandhom jiġu stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3. Meta jkun hemm aktar minn awtorità ta’ superviżjoni waħda stabbilita fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jagħżel l-awtorità ta’ superviżjoni li tiffunzjona bħala punt ta’ kuntatt uniku għall-parteċipazzjoni effettiva ta’ dak l-awtoritajiet fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

Artikolu 40 Indipendenza

1.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità ta’ superviżjoni taġixxi b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-kompiti u s-setgħat fdati lilha.

2.           Kull Stat Membru għandu jipprovdi li, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, il-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni la jfittxu li jieħdu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi ħadd.

3.           Il-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni għandhom iżommu lura minn xi azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u m’għandhomx, matul it-terminu tal-ħatra tagħhom, jagħmlu xi xogħol inkompatibbli ieħor, sew jekk bi qligħ sew jekk le.

4.           Il-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni għandhom, matul it-terminu tal-ħatra tagħhom, jikkomportaw ruħhom b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ħatriet u benefiċċji.

5.           Kull Stat Membru għandu jassigura li l-awtorità ta’ superviżjoni tiġi pprovduta riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji adegwati, il-bini u l-infrastruttura neċessarja għat-twettiq effettiv tad-dmirijiet u s-setgħat tagħha, inklużi dawk li jridu jitwettqu fil-kuntest ta’ assistenza reċiproka, kooperazzjoni u parteċipazzjoni attiva fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

6            Kull Stat Membru għandu jassigura li l-awtorità ta’ superviżjoni jrid ikollha l-persunal tagħha stess li għandu jinħatar minn u soġġett għad-diskrezzjoni tal-kap tal-awtorità ta’ superviżjoni.

7.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità ta’ superviżjoni tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li m’għandux jaffettwa l-indipendenza tagħha. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità ta’ superviżjoni jkollha baġits annwali separati. Il-baġits għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 41 Kundizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni jridu jinħatru mill-parlament jew mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat.

2.           Il-membri għandhom jintgħażlu minn fost persuni li ma jkun hemm ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom u li juru li jkollhom l-esperjenza u l-kapaċitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom.

3.           Id-dmirijiet ta’ membru għandhom jintemmu fl-eventwalità ta’ skadenza tat-terminu tal-ħatra, riżenja jew irtirar obbligatorju skont il-paragrafu 5.

4.           Membru jista’ jitkeċċa jew jitneħħielu d-dritt għal pensjoni jew benefiċċji oħra flokha mill-qorti nazzjonali kompetenti, jekk il-membru ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu jew ikun ħati ta’ mġiba ħażina serja.

5.           Meta jiskadi t-terminu tal-ħatra jew il-membru jirriżenja, il-membru għandu jkompli jeżerċita d-dmirijiet tiegħu sakemm jinħatar membru ġdid.

Artikolu 42 Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità ta’ superviżjoni

Kull Stat Membru għandu jipprovdi bil-liġi:

(a)          it-twaqqif u l-istatus tal-awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikoli 39 u 40;

(b)          il-kwalifiki, l-esperjenza u l-ħiliet meħtieġa sabiex jeżerċitaw id-dmirijiet tal-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni;

(c)          ir-regoli u l-proċeduri għall-ħatra tal-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni, kif ukoll ir-regoli dwar azzjonijiet jew impjiegi inkompatibbli mad-dmirijiet tal-uffiċċju;

(d)          it-tul tat-terminu tal-ħatra tal-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni, li m’għandux ikun ta’ inqas minn erba’ snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, li parti minnha tista’ sseħħ għal perjodu iqsar;

(e)          jekk il-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni għandhomx ikunu eliġibbli għal ħatra mill-ġdid;

(f)           ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet komuni li jirregolaw id-dmirijiet tal-membri u l-persunal tal-awtorità ta’ superviżjoni;

(g)          ir-regoli u l-proċeduri dwar it-terminazzjoni tad-dmirijiet tal-membri tal-awtorità ta’ superviżjoni, inkluż fejn ma jkunux jissodisfaw aktar il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom jew jekk ikunu ħatja ta’ mġiba ħażina serja.

Artikolu 43 Segretezza professjonali

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-membri u l-persunal tal-awtorità ta’ superviżjoni jkunu soġġetti, kemm waqt kif ukoll wara t-terminu tal-ħatra tagħhom, għal dmir ta’ segretezza professjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jsiru jafu biha fil-kors tal-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

TAQSIMA 2 DMIRIJIET U SETGĦAT

Artikolu 44 Kompetenza

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull awtorità ta’ superviżjoni teżerċita, fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess, is-setgħat mogħtija lilha skont din id-Direttiva.

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità ta’ superviżjoni ma tkunx kompetenti biex tissorvelja l-operazzjonijiet tal-qrati meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

Artikolu 45 Dmirijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità ta’ superviżjoni:

(a) tissorvelja u tassigura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha;

(b) tisma’ l-ilmenti mressqa minn kwalunkwe suġġett tad-dejta, jew minn assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dak is-suġġett u li għandha mandat xieraq mingħandhom skont l-Artikolu 50, tinvestiga, safejn ikun xieraq, il-kwistjoni u tinforma lis-suġġett tad-dejta jew lill-assoċjazzjoni dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment fi żmien raġonevoli, b’mod partikolari meta tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’xi awtorità ta’ superviżjoni oħra;

(c) tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta skont l-Artikolu 14, u tinforma lis-suġġett tad-dejta fi żmien raġonevoli dwar l-eżitu tal-iċċekkjar jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar;

(d) tipprovdi assistenza reċiproka lil awtoritajiet oħra ta’ superviżjoni u tassigura l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva;

(e) twettaq investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi ta’ lment, jew fuq talba ta’ awtorità ta’ superviżjoni oħra, u tinforma lis-suġġett tad-dejta kkonċernat, jekk is-suġġett tad-dejta jkun indirizza lment, dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet fi żmien raġonevoli;

(f) tissorvelja żviluppi rilevanti, safejn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-dejta personali, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(g) tiġi kkonsultata minn istituzzjonijiet u korpi tal-Istati Membri dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali;

(h) tiġi kkonsultata dwar operazzjonijiet ta’ pproċessar skont l-Artikolu 26;

(i) tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

2.           Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b’rabta mal-ipproċessar ta’ dejta personali. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jirċievu attenzjoni speċifika.

3.           L-awtorità ta’ superviżjoni għandha, meta tintalab tagħmel dan, tagħti parir lil kwalunkwe suġġett tad-dejta fl-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijit adottati skont din id-Direttiva, u, jekk ikun xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fi Stati Membri oħra għal dan il-għan.

4.           Għall-ilmenti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tipprovdi formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti, li tista’ timtela b’mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.

5.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-eżerċizzju tad-dmirijiet tal-awtorità ta’ superviżjoni għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-dejta.

6.           F’każ li t-talbiet ikunu vessatorji, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ titlob tariffa jew ma tiħux l-azzjoni mitluba mis-suġġett tad-dejta. L-awtorità ta’ superviżjoni għandha terfa’ r-responsabbiltà li tipprova l-karattru vessatorju tat-talba.

Artikolu 46 Setgħat

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull awtorità ta’ superviżjoni għandha b’mod partikolari tingħata:

(a)     setgħat investigattivi, bħal ma huma setgħat ta’ aċċess għal dejta li hija s-suġġett tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar u setgħat ta’ ġbir tal-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni;

(b)     setgħat effettivi ta’ intervent, bħal li tagħti opinjonijiet qabel ma jitwettqu operazzjonijiet ta’ pproċessar, u li tassigura li dawn l-opinjonijiet ikollhom pubblikazzjoni xierqa, li tordna r-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda tad-dejta, li timponi projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar, li twissi jew twiddeb lill-kontrollur, jew li tirreferi l-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew istituzzjonijiet politiċi oħrajn;

(c)     is-setgħa li tidħol fi proċedimenti legali meta d-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva ikunu nkisru jew li tressaq dan il-ksur għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

Artikolu 47 Rapport tal-attivitajiet

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull awtorità ta’ superviżjoni tħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jsir disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Bord ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

KAPITOLU VII KOOPERAZZJONI

Artikolu 48 Assistenza reċiproka

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka biex jimplimentaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet skont din id-Direttiva b’mod konsistenti, u għandhom idaħħlu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b’mod partikolari, it-talbiet għall-informazzjoni u l-miżuri ta’ superviżjoni, bħat-talbiet biex jitwettqu konsultazzjonijiet, spezzjonijiet u investigazzjonijiet minn qabel.

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull awtorità ta’ superviżjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex twieġeb għat-talba ta’ awtorità ta’ superviżjoni oħra.

3.           L-awtorità ta’ superviżjoni li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità ta’ superviżjoni li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex titwieġeb it-talba mill-awtorità ta’ superviżjoni li tagħmel it-talba.

Artikolu 49 Kompiti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta

1.           Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta li ġie stabbilit bir-Regolament (UE)…./2012 għandu jeżerċita l-kompiti li ġejjin b’rabta ma’ pproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a) jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni ta’ dejta personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal din id-Direttiva;

(b) jeżamina, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki indirizzati lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni biex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet;

(c) jirrevedi l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punt (b) u jirrapporta b’mod regolari lill-Kummissjoni dwarhom;

(d) jagħti lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(e) jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni u prattiki bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni;

(f) jippromwovi programmi komuni ta’ taħriġ u jiffaċilita skambji ta’ persunal bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, kif ukoll, fejn ikun xieraq, mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

(g) jippromwovi l-iskambju ta’ għarfien u dokumentazzjoni mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta mad-dinja kollha, fosthom leġiżlazzjoni u prattiki dwar il-protezzjoni tad-dejta.

2.       Meta l-Kummissjoni titlob parir mingħand il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, hija tista’ tistabbilixxi limitu taż-żmien sa meta l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandu jagħti dak il-parir, billi tiġi kkunsidrata l-urġenza tal-kwistjoni.

3.           Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta għandu jippreżenta l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 57(1) u jagħmilhom pubbliċi.

4.           Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta bl-azzjoni li hija tkun ħadet wara l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki maħruġa mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

KAPITOLU VIII RIMEDJI, RESPONSABBILTÀ U SANZJONIJIET

Artikolu 50 Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni

1.           Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull suġġett tad-dejta li jressaq ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni fi kwalunkwe Stat Membru, jekk huwa jħoss li l-ipproċessar ta’ dejta personali dwaru ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

2.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li jkollha l-għan li tipproteġi d-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-dejta fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom u li tkun qiegħda tiġi kostitwita sewwa skont il-liġi ta’ Stat Membru, li tagħmel ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni fi kwalunkwe Stat Membru f’isem suġġett tad-dejta wieħed jew aktar, jekk hija tħoss li d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta skont din id-Direttiva jkunu ġew miksura b’riżultat tal-ipproċessar tad-dejta personali. L-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni irid ikollha mandat xieraq mis-suġġett(i) tad-dejta.

3.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, indipendentement mill-ilment ta’ suġġett tad-dejta, li jressaq ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni fi kwalunkwe Stat Membru, jekk huwa jħoss li jkun seħħ ksur tad-dejta personali.

Artikolu 51 Dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra awtorità ta’ superviżjoni

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet ta' awtorità ta' superviżjoni.

2. Kull suġġett tad-dejta għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju biex jobbliga lill-awtorità ta’ superviżjoni taġixxi dwar ilment, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tkun neċessarja biex tipproteġi d-drittijiet tiegħu, jew meta l-awtorità ta’ superviżjoni ma tinfurmax lis-suġġett tad-dejta fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont il-punt (b) tal-Artikolu 45(1).

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-proċeduri kontra awtorità ta’ superviżjoni għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità ta’ superviżjoni.

Artikolu 52 Dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra kontrollur jew proċessur

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità ta’ superviżjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna fiżika għal rimedju ġudizzjarju jekk din tħoss li d-drittijiet tagħha stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva ġew miksura b’riżultat tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħha f’nuqqas ta’ konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 53 Regoli komuni għall-proċeduri fil-qorti

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fl-Artikolu 50(2) li jeżerċita d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 51 u 52 f’isem suġġett tad-dejta wieħed jew aktar.

2.           Kull awtorità ta’ superviżjoni għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fi proċeduri legali u tressaq azzjoni quddiem il-qorti, biex tinforza d-drittijiet adottati skont din id-Direttiva jew biex tassigura l-konsistenza tal-protezzjoni ta’ dejta personali fi ħdan l-Unjoni.

3.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu l-ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel għall-interessi involuti.

Artikolu 54 Responsabbiltà u d-dritt għal kumpens

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ pproċessar illegali jew azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, għandha jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għall-ħsara li tkun sofriet.

2.           Meta fl-ipproċessar ikun hemm involuti aktar minn kontrollur jew proċessur wieħed, kull kontrollur jew proċessur għandu jkun responsabbli in solidum għall-ammont totali tal-ħsara.

3.           Il-kontrollur jew il-proċessur jistga’ jkun eżenti minn din ir-responsabbiltà, b’mod sħiħ jew parzjali, jekk il-kontrollur jew il-proċessur jagħti prova li ma jkunx responsabbli għall-avveniment li jwassal għall-ħsara.

Artikolu 55 Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU IX ATTI DELEGATI U ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 56 Eżerċizzju tad-delega

1.           Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 28(5) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 28(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi atti delegati li diġà jkunu fis-seħħ.

4.           Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 28(5) għandu jidħol fis-seħħ jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 57 Proċedura ta’ kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

KAPITOLU X DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 58 Revoki

1.           Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI hija revokata.

2.           Ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas revokata li saret referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 59 Relazzjoni ma’ atti adottati qabel tal-Unjoni għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni ta’ dejta personali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali f’atti tal-Unjoni adottati qabel id-dejta tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, li jirregolaw l-ipproċessar ta’ dejta personali bejn l-Istati Membri u l-aċċess ta’ awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jibqgħu mhux affettwati.

Artikolu 60 Relazzjoni ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi qabel fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu emendati, fejn ikun meħtieġ, fi żmien ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 61 Evalwazzjoni

1.           Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.           Fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrevedi atti oħra adottati mill-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, b’mod partikolari dawk l-atti adottati mill-Unjoni li saret referenza għalihom fl-Artikolu 59, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinjahom ma’ din id-Direttiva u, fejn ikun xieraq, tagħmel il-proposti neċessarji sabiex temenda dawn l-atti biex tassigura approċċ konsistenti dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.           Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapporti dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni ta’ din id-Direttiva skont il-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’intervalli regolari. L-ewwel rapporti għandhom jiġu sottomessi mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Ir-rapporti sussegwenti mbagħad għandhom jiġu sottomessi kull erba’ snin. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa bil-għan li temenda din id-Direttiva u tallinja strumenti legali oħra. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

Artikolu 62 Implimentazzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [data/ sentejn wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet minn xx.xx.201x [data/ sentejn wara d-dħul fis-seħħ].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali li huma fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 63 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 64 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 25.1.2012

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ĠU L 281/95, p.31.

[2]               Ara l-lista sħiħa fl-Anness 3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SEC(2012)72).

[3]               Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[4]               Fil-Programm ta’ Stokkolma, ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[5]               Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta’ Stokkolma li ġiet adottata fil-25 ta’ Novembru 2009.

[6]               COM(2010)171finali.

[7]               Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar “Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea”, COM(2010)609 finali, 4 ta’ Novembru 2010.

[8]               +Dikjarazzjoni 21 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, 13.12.2007).

[9]               http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/opinion/090709_en.htm.

[10]             http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/opinion/101104_en.htm.

[11]             Special Eurobarometer (EB) 359, Data Protection and Electronic Identity in the EU (2011): http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_359_en.pdf.

[12]             Ara l-Istudju dwar il-benefiċċji ekonomiċi tat-teknoloġiji li jtejbu l-privatezza jew l-istudju Komparattiv dwar approċċi differenti għall-isfidi ġodda tal-privatezza, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, Jannar 2010. (http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/studies/new_privacy_challenges/final_report_en.pdf).

[13]             Il-Grupp ta’ Ħidma twaqqaf fl-1996 (bl-Artikolu 29 tad-Direttiva) bi status konsultattiv u kompost minn rappreżentanti tal-Awtoritajiet ta’ Superviżjoni nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta (DPAs), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) u l-Kummissjoni. Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu ara http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/index_en.htm.

[14]             Ara b’mod partikolari l-opinjonijiet li ġejjin: dwar il-"Futur tal-Privatezza" (2009, WP 168); dwar il-kunċetti ta’ "kontrollur" u ta’ “proċessur" (1/2010, WP 169); dwar reklamar fuq l-internet ibbażat fuq l-imġiba tal-konsumaturi (2/2010, WP 171); dwar il-prinċipju ta’ responsabbiltà (3/2010, WP 173); dwar il-liġi applikabbli (8/2010, WP 179); dwar il-kunsens (15/2011, WP 187). Fuq talba tal-Kummissjoni, huwa adotta wkoll it-tliet Dokumenti Konsultattivi li ġejjin: Dwar in-notifiki, dwar id-dejta sensittiva u dwar l-implementazzjoni prattika tal-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46/KE. Dawn kollha jistgħu jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/index_en.htm.

[15]             Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-KEPD: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/.

[16]             Riżoluzzjoni tal-PE tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar strateġija komprensiva dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea (2011/2025(INI), http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2011-0323+0+DOC+XML+V0//MT (rapporteur: MEP Axel Voss (EPP/DE).

[17]             CESE 999/2011.

[18]             SEC(2012)72.

[19]             COM(2012)12.

[20]             Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, sentenza tad-9.11.2010, Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09 Volker und Markus Schecke u Eifert [2010] ECR I-0000.

[21]             Bi qbil mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta sakemm il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza ta’ dak id-dritt u l-libertajiet u, bla ħsara għall-prinċipju tal-proporzjonalità, ikun meħtieġ u ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[22]             Imsemmija wkoll fl-Artikolu 2 (a) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI, ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

[23]             COM(2005) 475 finali.

[24]             Artikolu 14 Deċiżjoni dwar il-Europol 2009/371/ĠAI.

[25]             Artikolu 15 Deċiżjoni dwar il-Eurojust 2009/426/ĠAI.

[26]             Artikolu 14 Deċiżjoni dwar il-Europol 2009/371/ĠAI.

[27]             QEDB, sentenza tal-4.12.2008, S. u Marper v. UK (Applikazzjoni nru. 30562/04 u 30566/04). 

[28]             Adottata mill-Konferenza Internazzjonali tal-Kummissarji għall-Protezzjoni tad-Dejta u l-Privatezza fil-5.11.2009.

[29]             Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-UE, sentenza tad-9.3.2010, Il-Kummissjoni / Il-Ġermanja (C-518/07, ECR 2010 p. I-1885)

[30]             Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta; ĠU L 008, 12/.01/.2001, p.1.

[31]             Op. cit, nota f’qiegħ il-paġna 27.

[32]             Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku'); ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

[33]             ĠU C , , p. .

[34]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[35]             ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[36]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[37]             ĠU L335, 17.12.2011, p. 1.

[38]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[39]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[40]             ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.