52012JC0029

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja /* JOIN/2012/029 final - 2012/0296 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006, kif emendat, jipprevedi l-iffriżar tal-assi tal-President Lukashenko u ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, kif ukoll ta’ persuni responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u ta’ persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw lir-reġim ta’ Lukashenko, inkluż b’mod partikolari l-persuni u l-entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju jew materjali lir-reġim.

(2) Sabiex ikun hemm aktar ċarezza, il-Kunsill iddeċieda li jiċċara u jikkonsolida l-kriterji għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi fl-Annessi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK permezz ta’ Deċiżjoni ġdida li tieħu post dik ta’ qabilha u li twaħħad dawn l-Annessi f'Anness uniku mill-1 ta’ Novembru 2012.

(3) Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tidħol fis-seħħ, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4) Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li jiġi emendat kif xieraq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006.

2012/0296 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/…/PESK ta' ... Ottubru 2012 li tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja[1].

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi rigward il-Bjelorussja[2] jipprevedi l-iffriżar tal-assi tal-President Lukashenko u ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, kif ukoll ta’ persuni responsabbli, inter alia, għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u ta’ persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġjaw lir-reġim ta’ Lukashenko.

(2)       Bid-Deċiżjoni 2012/…/PESK, il-Kunsill iddeċieda li jiċċara l-kriterji għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi fl-Annessi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK[3], u li jwaħħad dawn l-Annessi f'anness uniku.

(3)       Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tidħol fis-seħħ, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)       Ir-Regolment (KE) Nru 765/2006 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew l-entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà tagħhom, miżmuma minnhom jew taħt il-kontroll tagħhom, jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.

3. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, b’mod dirett jew b’mod indirett, li jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4. L-Anness I ikun jikkonsisti minn elenku ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.../…/PESK ta' … dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja ([4]), ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli ta' ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem, jew tar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew inkella li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.      

5. L-Anness I ikun jikkonsisti wkoll f’elenku ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.../…/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenko jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom."

(2) Fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2b, fl-Artikolu 3(1)(a), fl-Artikolu 4a u fil-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 8a, ir-referenzi għal “Annessi I, IA u IB” jew għal “Annessi I jew (f’) IA” huma mibdula bir-referenzi għal “Anness I”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2012.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L … , …1.2012, p. … .

[2]               ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1

[3]               ĠU L 280, 26.10.2010, p. 18.

[4]               ĠU C , , p. .