52012JC0020

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja /* JOIN/2012/020 final - 2012/0171 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Fit-18 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Dan ir-Regolament ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 442/2011.

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill [...] li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tiżviluppa aktar l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi relatati ma’ għajnuna finanzjarja.

(3) Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea qed jipproponu li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 skont din il-kjarifika.

2012/0171 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/.../PESK li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[1],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fit-18 ta' Jannar tal-2012 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[2] bil-għan li jdaħħal fis-seħħ il-parti l-kbira tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK. Dan ir-Regolament jipprojbixxi, inter alia, l-għoti ta' ċertu finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati rigward prodotti suġġetti għal projbizzjoni ta' esportazzjoni.

(2)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill [...] li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tiżviluppa aktar l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi relatati ma’ għajnuna finanzjarja.

(3)       Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu jiġi emendat kif ġej:

(4)       Sabiex jiġi garantit li l-miżura prevista f'dan ir-Regolament tkun effettiva, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1) Artikolu 3, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.     Għandu jiġi pprojbit:

(a)     il-provvediment, b'mod dirett jew b'mod indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-prodotti u mat-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea[3] ('Lista Militari Komuni') jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

(b)     il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir, oġġetti jew teknoloġija li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna kif elenkat fl-Annessi I u IA, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja;

(c)     il-provvediment, b’mod dirett jew b’mod indirett, ta’ finanzjament jew ta’ għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Annessi I u IA, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għall-użu fis-Sirja;

(d)     il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u b'mod intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).”

(2) Artikolu 3, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.     Għandha tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru relevanti,     kif identifikata fil-websajts elenkati fl-Anness III, għall-għoti            ta’ dawn li ġejjin:

(a)     għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir, prodotti jew teknoloġija elenkati fl-Anness IX, u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta’ tali tagħmir, prodotti jew teknoloġija, b’mod dirett jew b’mod indirett, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għall-użu fis-Sirja;

(b)     il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatata ma' prodotti u teknoloġija msemmija fl-Anness IX, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu ta’ esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ assistenza teknika relatata ma' kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għal użu fis-Sirja."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 110, 24.4.2012, p. 36–37

[2]               ĠU L.

[3]               ĠU C 86, 18.3.2011, p. 1.