KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-KUNSILL STRATEĠIJA TA' SĦUBIJA KONĠUNTA UE-KARIBEW /* JOIN/2012/018 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-KUNSILL STRATEĠIJA TA' SĦUBIJA
KONĠUNTA UE-KARIBEW DAĦLA Fis-Summit ta’ Mejju 2010 UE-CARIFORUM[1] f'Madrid, il-Kapijiet
tal-Istati u l-Gvernijiet qablu li jaħdmu fuq Strateġija ta’
Sħubija Konġunta UE-Karibew (JECS - Joint EU-Caribbean Partnership
Strategy) u identifikaw ħames oqsma ċentrali għal kooperazzjoni
aktar mill-qrib: l-integrazzjoni reġjonali, ir-rikostruzzjoni ta'
Ħaiti, il-bidla fil-klima u d-diżastri naturali, il-kriminalità u
s-sigurtà, u azzjoni konġunta f’fora multilaterali. Id-dokument
preżenti, li hu bbażat fuq il-proposta miftiehma mill-Kapijiet
tal-Istat f'Madrid, ġie elaborat minn grupp ta' ħidma konġunta,
inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-servizzi
tal-Kummissjoni, u rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u
l-pajjiżi tal-CARIFORUM. L-UE u l-Karibew jaqsmu storja twila u
bażi wiesgħa ta' valuri komuni. Permezz tar-reġjuni,
pajjiżi u t-territorji mbiegħda tagħha, l-UE hija wkoll
fiżikament parti mill-Karibew. Iż-żewġ reġjuni jaqsmu
impenn għall-paċi globali, il-progress u l-prosperità kif ukoll
għad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Għall-Karibew, l-UE kienet u
għadha sieħba affidabbli għall-iżvilupp, li
l-appoġġ tagħha kien importanti għall-isforzi biex
ir-reġjun jikseb l-iżvilupp sostenibbli. Ir-relazzjonijiet huma attwalment mirfuda
mill-Ftehim ta’ Cotonou, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-CARIFORUM u
d-djalogu politiku u bireġjonali. Dawn huma kkumplimentati minn oqfsa
oħra ta’ kooperazzjoni reġjonali li fihom l-UE u l-Karibew jipparteċipaw,
bħas-Sħubija UE-Amerika Latina u l-Karibew (LAC). Dan l-abbozz ta' Strateġija Konġunta
għandu l-għan li jiżviluppa dimensjoni ġdida
għar-relazzjoni, u li jippermetti lill-UE u l-pajjiżi tal-Karibew li
jfanndu d-djalogu u li jistrutturaw il-kooperazzjoni tagħhom sabiex
jindirizzaw flimkien l-isfidi u l-opportunitajiet tas-seklu 21.
Il-prinċipji li se jservu ta' gwida għall-Istrateġija
Konġunta huma s-sjieda konġunta, ir-responsabbiltà u s-solidarjetà
reċiproċi, il-koamministrazzjoni u l-koresponsabbiltà. Huwa
jirrifletti l-impenn komuni tal-CARIFORUM u tal-UE lejn il-prinċipji
mnaqqxa fil-Karta tan-NU u fil-liġi internazzjonali, inkluż b'mod
partikolari r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u
l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u t-tmexxija demokratika. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni
Konġunta huwa li jfittex l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-proposta
"Strateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew". 1. TEMA I:
IL-KOOPERAZZJONI U L-INTEGRAZZJONI REĠJONALI FIL-KARIBEW WIESA' 1.1. ĦARSA ĠENERALI Hemm potenzjal biex wieħed jespandi
t-tkabbir fil-Karibew permezz tal-kummerċ, l-investiment u t-turiżmu
u billi jiġu żviluppati swieq speċjalizzati u opportunitajiet
ekonomiċi oħra. Madankollu, jeżistu sfidi persistenti li jridu
jingħelbu. Il-globalizzazzjoni ġabet sfidi għal stati
żgħar vulnerabbli li qed jiżviluppaw bħal dawk fil-Karibew
sabiex jippruvaw jipparteċipaw bis-sħiħ f'ekonomija globali
kompetittiva ħafna. L-integrazzjoni u l-kooperazzjoni
reġjonali huma meqjusa l-aħjar mezzi biex jiffaċilitaw
il-progess uman u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul
fil-Karibew. Il-Komunità tal-Karibew (CARICOM) u l-Organizzazzjoni tal-Istati
tal-Karibew tal-Lvant (l-OECS) huma ż-żewġ organizzazzjonijiet
prinċipali ta' integrazzjoni reġjonali. Il-CARIFORUM[2] tiffaċilita l-koperazzjoni
reġjonali bħalma tagħmel l-assoċjazzjoni tal-UE
bil-pajjiżi u territorji mbiegħda tagħha (OCTs - overseas
countries and territorities). L-UE, fuq il-bażi tal-esperjenza tagħha
tkompli tkun sieħeb attiv fl-appoġġ tal-integrazzjoni u
l-kooperazzjoni reġjonali biex taċċelera u tissimplifika
l-għanijiet ta' żvilupp fil-Karibew. L-EPA UE-CARIFORUM jibni
sħubija kummerċjali għal kompetittività ikbar, tkabbir u żvilupp
ekonomiku, appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali fil-Karibew
u parteċipazzjoni fis-sistema kummerċjali dinjija. 1.2. MIRI U GĦANIJIET Il-Karibew u l-UE jaqsmu impenn biex
jippromwovu l-integrazzjoni reġjonali u l-koperazzjoni li huma
partikolarment effettivi biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet assoċjati
ma' grupp ta' pajjiżi li fil-maġġoranza tagħhom huma Stati
gżejjer żgħar. Iż-żewġ naħat identifikaw
l-oqsma speċifiċi ta' koperazzjoni strateġika
fl-appoġġ għal integrazzjoni reġjonali u kooperazzjoni
aktar fil-fond, li tiffaċilita l-iżvilupp uman u ekonomiku
sostenibbli. L-oqsma tal-kooperazzjoni jinkludu iżda mhumiex limitati
għal: ·
It-tisħiħ tal-integrazzjoni
reġjonali u proċessi ta’ kooperazzjoni fir-reġjun tal-Karibew
inklużi d-dipartimenti u territorji esteri tal-UE, kif ukoll pajjiżi
ġirien fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel; ·
L-implimentazzjoni tas-Suq Uniku u l-Ekonomija
Unika tal-Karibew u tal-Unjoni Ekonomika tal-OECS; ·
L-implimentazzjoni effettiva tal-EPA UE-CARIFORUM,
b’enfasi fuq l-opportunitajiet li toffri għall-operaturi ekonomiċi
fil-Karibew; ·
It-trawwim ta' klima ta' investiment ekonomiku
b'saħħtu fil-Karibew għat-titjib tal-integrazzjoni tas-swieq
reġjonali u l-kompetittività fil-livell internazzjonali; ·
L-iżvilupp tal-intrapriżi permezz ta’
investimenti tas-settur privat partikolarment fis-settur tas-servizzi
inklużi s-servizzi finanzjarji u t-turiżmu u l-industriji kulturali,
fl-agronegozju u l-manifattura. Promozzjoni tal-innovazzjoni, l-informazzjoni,
il-komunikazzjoni u t-teknoloġija u l-kompetizzjoni; ·
L-iżvilupp ta' netwerks ta’ infrastruttura
biex jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali u intrareġjonali; ·
Id-diversifikazzjoni tal-enerġija,
l-interkonnessjoni u s-sigurtà; ·
Il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku ekoloġiku
b’appoġġ speċifiku għall-isforzi biex tiġi preservata
l-bijodiversità, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-importanza tar-riżorsi
tal-ilma, tal-industrija tat-turiżmu, u s-setturi tal-agrikoltura u
l-bijoriċerka; ·
L-iżvilupp tal-ħiliet edukattivi permezz
tat-taħriġ u l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u
t-teknoloġija; ·
Strateġija reġjonali għas-sigurtà
tal-Ikel u s-saħħa; ·
Il-promozzjoni tal-allevjazzjoni tal-faqar,
il-koeżjoni soċjali, id-djalogu soċjali, l-iżvilupp
tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali,
l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-promozzjoni
ta' xogħol diċenti u standards tax-xogħol rikonoxxuti
internazzjonalment u t-tisħiħ tal-involviment
taż-żgħażagħ fl-iżvilupp nazzjonali. 1.3. AZZJONI KONĠUNTA L-Imsieħba se jsegwu programm fit-tul ta'
azzjoni konġunta ffukat fuq it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, u
l-indirizzar tal-isfidi komuni, b'enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni u
l-kooperazzjoni reġjonali. Azzjonijiet konġunti f'dan il-kuntest
jistgħu jinkludu: ·
Djalogu politiku u ta’ politika UE-Karibew
intensifikat u inklużiv li jindirizza kwistjonijiet ta’ interess
għaż-żewġ reġjuni u sfidi globali; ·
Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-koerenza
fost arranġamenti diversi ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni li jinvolvu
l-Karibew, inklużi s-sħubija AKP-Unjoni Ewropea, il-mekkaniżmi
ta' koperazzjoni UE-LAC u l-assoċjazzjoni UE/OCT; ·
Azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-tfannid
tal-integrazzjoni reġjonali u l-koperazzjoni inklużi
t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali ta' organizzazzjonijiet
reġjonali fil-Karibew u fil-livell nazzjonali biex tiżdied
id-definizzjoni effettiva, l-implimentazzjoni u l-insegwiment sostnut
tal-politiki fil-livell reġjonali; ·
Appoġġ għall-isforzi ta'
konsolidazzjoni istituzzjonali fuq livelli reġjonali u subreġjonali; ·
Programmi li jikkontribwixxu
għall-implimentazzjoni effettiva tal-EPA CARIFORUM-UE, is-Suq Uniku u
l-Ekonomija Unika tal-CARICOM (CSME) u l-Unjoni Ekonomika tal-OECS kif ukoll
tisħiħ tar-rabtiet bejn il-CARIFORUM u l-OCTs tal-UE u l-ORs
partikolarment fl-oqsma tal-kummerċ u l-enerġija; ·
Azzjonijiet li jikkontribwixxu sabiex joħolqu
ambjent ekonomiku san u klima ta' investiment u jrawmu l-kapaċitajiet
produttivi fil-Karibew: ·
L-iżvilupp ta' strateġiji industrijali u
ta' esportazzjoni; ·
Ir-Riċerka u l-Iżvilupp u
t-taħriġ fl-oqsma tal-innovazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija; ·
Ir-rinfurzar tal-Kompetittività u l-promozzjoni
tal-innovazzjoni; ·
L-iżvilupp tan-negozju reġjonali,
b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp tal-SMEs reġjonali; ·
L-enerġija, b’enfasi partikolari fuq
l-enerġija rinnovabbli; ·
L-interkonnettività, inkluż it-trasport u
t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. ·
Jikkontribwixxu għall-promozzjoni
tax-xogħol deċenti u l-istandards tax-xogħol rikonoxxuti
internazzjonalment biex jappoġġjaw l-iżvilupp uman,
il-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku; ·
Jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ qafas
wiesa' tal-Karibew għal strateġija reġjonali effettiva
tas-saħħa; ·
Jaħdmu lejn l-iżvilupp ta'
strateġija dwar is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità u d-diversità,
fil-Karibew, bl-użu ta' teknoloġiji ġodda biex tittejjeb
il-produttività u l-kompetittività. 2. TEMA II: IR-RIKOSTRUZZJONI U L-APPOĠĠ
ISTITUZZJONALI LIL ĦAITI 2.1. ĦARSA ĠENERALI Fit-12 ta’ Jannar 2010,
ir-Repubblika ta’ Ħaiti ġarrbet wieħed mill-aktar terrimoti
devastanti fiż-żminijiet moderni. Possibbilment 250 000 ruħ
tilfu ħajjithom u 1.5 miljun jeħtieġu kenn ta' emerġenza.
It-terremot ikkawża ħsara enormi lill-infrastruttura soċjali u
ekonomika. It-terremot iggrava l-problemi eżistenti tal-pajjiż:
il-faqar, l-insigurtà, id-degradazzjoni ambjentali u l-vulnerabbiltà
għad-diżastri. L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU
tal-2009 kklassifika lil Ħaiti fl-145 post minn 162 pajjiż. Ħaiti
ngħatat prijorità fi ħdan din l-Istrateġija Konġunta ta’
Sħubija Karibew-UE minħabba l-kobor tal-bżonnijiet tagħha.
It-tagħlimiet miksuba, partikolarment it-tnaqqis tar-riskju
tad-diżastri u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà, se jkunu rilevanti wkoll
għar-reġjun kollu tal-Karibew. 2.2. MIRI U GĦANIJIET Ħaiti tinsab
fit-triq biex tirkupra mill-aktar ħtiġijiet urġenti tagħha,
bis-saħħa wkoll ta’ għajnuna umanitarja sostanzjali tal-UE kif
ukoll tal-Karibew. Il-pajjiż għadu jiffaċċja, madankollu,
sfidi ta’ qtigħ il-qalb ta’ rikostruzzjoni, sfidi ekonomiċi u
soċjali. Il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi ta'
Ħaiti, it-titjib fil-governanza, it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi
soċjali u l-konsolidazzjoni tal-amministrazzjoni jibqgħu sfidi enormi
li għalihom l-UE u l-Karibew jistgħu jipprovdu appoġġ
komplementari u sostanzjali, b’koordinazzjoni sħiħa mal-gvern ta’
Ħaiti u ma’ donaturi internazzjonali oħrajn. Hemm ukoll skop biex
tittejjeb l-integrazzjoni ta' Ħaiti fil-kuntest reġjonali
tal-Karibew. Il-programmazzjoni konġunta tal-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp (FEŻ) ser tikkontribwixxi biex tavvanza r-rwol
ta' Ħaiti fil-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Karibew u trawwem
aktar parteċipazzjoni fil-proċess ta' integrazzjoni reġjonli 2.3. AZZJONI KONĠUNTA L-azzjonijiet konġunti tal-UE u
l-CARIFORUM f'dan il-kuntest jistgħu jinkludu: ·
Koordinazzjoni tal-azzjonijiet b’appoġġ
għar-rikostruzzjoni ta’ Ħaiti, fi ħdan strutturi
tal-koordinazzjoni tad-donaturi eżistenti, u l-iżvilupp ta’
azzjonijiet konġunti CARIFORUM-UE li jibnu fuq il-programmazzjoni
konġunta tal-UE għal Ħaiti; ·
Mobilizzar tal-istrumenti rilevanti ta'
koperazzjoni fil-qafas ta' Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-proċess
UE-ALK; ·
Appoġġ għall-funzjonament u
l-konsolidazzjoni tad-demokrazija f’Ħaiti permezz ta’ elezzjonijiet
ħielsa, trasparenti u kredibbli, ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet
tal-bniedem u l-istat tad-dritt, ir-riformi ġudizzjarji u
t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili kif ukoll miżuri
urġenti biex jiġġieldu l-korruzzjoni; ·
Azzjonijiet biex jiżguraw
il-parteċipazzjoni sħiħa ta' Ħaiti fl-EPA CARIFORUM-UE u
s-Suq Uniku u Ekonomija Unika tal-Karibew (CSME), inkluż l-iżvilupp
tal-kapaċità istituzzjonali f’Ħaiti; ·
Azzjoni fil-qasam tat-tħejjija
għad-diżastri u l-istrateġiji ta’ tnaqqis tar-riskju,
inkluż l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi bħall-bini ta' kodiċi
reġjonali biex titjieb il-kapaċità tar-reġjun biex itaffi
l-effetti tad-diżastri naturali; ·
L-iżvilupp ta’ mekkaniżmi
għat-trasferiment tar-riskju u l-iffinanzjar għat-tnaqqis tar-riskju,
bħall-Faċilità ta' Assigurazzjoni għar-Riskju Katastrofiku
tal-Karibew (CCRIF), kif ukoll l-applikazzjoni tal-aqwa prattiċi
għall-Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Emerġenzi
f'Diżastri fil-Karibew (CDEMA) u l-istituzzjonijiet usa' tal-Karibew li
jispeċjalizzaw fil-ġestjoni tad-diżastri. 3. TEMA III: IL-BIDLA FIL-KLIMA U D-DIŻASTRI
NATURALI 3.1. ĦARSA
ĠENERALI Il-bidla fil-klima u l-konsegwenzi tagħha
huma ostakli ewlenin għall-iżvilupp u l-kisba tal-Għanijiet ta’
Żvilupp għall-Millennju. Il-pajjiżi tal-Karibew huma fil-parti
l-kbira Stati gżejjer żgħar li għadhom qed
jiżviluppaw, għandhom żoni kostali baxxi u huma partikolarment
vulnerabbli għall-effetti tal-livelli tal-baħar li qed jogħlew,
li qed jheddu l-komunitajiet kostali, l-infrastruttura u l-għejun tal-ilma
ħelu. Iż-żieda fit-temperatura u l-aċidità tal-ilma
tal-baħar ikkawżati mill-gassijiet b'effett serra qed jikkawżaw
ħsara serja lis-sikek tal-korall, bil-konsegwenza ta’ degradazzjoni
tal-bijodiversità tal-baħar fir-reġjun. Id-daqs
żgħir tal-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Karibew ukoll
jagħmilhom aktar vulnerabbli għall-impatt tad-diżastri naturali.
Uragan wieħed kapaċi jeqred il-bażi ekonomika ta' pajjiż
sħiħ, inkluż l-infrastruttura u s-sorsi prinċipali kollha
ta’ attività ekonomika u dħul, u jpoġġi aktar pressjoni fuq
ir-riżorsi finanzjarji limitati. L-isfidi huma aggravati
mid-diffikultajiet ta’ distanza u ġeografija, li jfixklu t-twessigħ u
l-konsolidazzjoni tal-bażi ekonomika tagħhom. 3.2. MIRI U GĦANIJIET L-Istati Membri tal-UE u l-CARIFORUM,
bħala firmatarji għall-Protokoll ta' Kyoto, ħadmu flimkien biex
javvanzaw in-negozjati dwar il-bidla fil-klima u żviluppaw politiki sabiex
jitnaqqas l-impatt tal-bidla fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Huma
jikkondividu interess fil-kisba ta’ riżultat komprensiv, ġust u
legalment vinkolanti taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
it-Tibdil fil-Klima (UNFCC). L-istati membri tal-CARIFORUM u l-UE se jissoktaw
bl-isforzi tagħhom biex jilħqu ftehim internazzjonali ambizzjuż
dwar il-klima. Il-perikli naturali bħall-uragani u
t-terremoti ma jistgħux jiġu evitati, iżda jistgħu
jittieħdu passi importanti biex jitnaqqsu r-riskji u jiġu limitati
l-impatti, billi jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-vulnerabbiltà
u tiżdied il-kapaċità biex wieħed ilaħħaq
mal-konsegwenzi. Ġew identifikati ħames żoni ta' prijorità
għall-kooperazzjoni: ·
l-adattament għall-effetti tal-bidla fil-klima
mingħajr preġudizzju biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’
Żvilupp tal-Millenju; ·
it-tisħiħ tal-prevenzjoni
tad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskji kif ukoll it-titjib
tal-monitoraġġ, l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-valutazzjoni u
s-sistemi ta’ twissija bikrija għall-ġestjoni u r-rispons tad-diżastri;
·
it-tnaqqis tad-deforestazzjoni permezz
tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; ·
it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni
fis-suq dinji tal-karbonju permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif
(CDM); ·
l-integrazzjoni tal-bidla fil-klima fl-isforzi
għat-tnaqqis tal-faqar. 3.3. AZZJONI KONĠUNTA L-azzjonijiet konġunti
tal-CARIFORUM u l-UE f’dan il-qasam, f’konformità mal-għanijiet
tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (GCCA) l-għanijiet u l-Pjan
ta’ Azzjoni ta’ Madrid UE-LAC jistgħu jinkludu: ·
It-titjib tal-kooperazzjoni f'negozjati
internazzjonali, inklużi permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari u
inizjattivi konġunti biex jippromwovu l-konklużjoni b'
suċċess tal-ftehim internazzjonali dwar il-klima għal wara
l-2012 taħt il-UNFCCC; ·
Appoġġ għal strateġija komprensiva
biex tindirizza l-bidla fil-klima billi tipprijoritarizza miżuri ta'
adattament u mitigazzjoni, partikolarment billi jiġu adottati
l-prinċipji ta' tkabbir ekoloġiku u billi jiġi provdut
aċċess għall-enerġija rinnovabbli; ·
It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ reazzjoni
għad-diżastri reġjonali u r-rispons ta' emerġenza, b'
enfasi partikolari fuq l-adattament, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u
l-interoperabbiltà, kif ukoll il-monitoraġġ, għarfien
tas-sitwazzjoni u sistemi ta' twissija bikrija. F'dan il-kuntest, għandu
jsir ukoll xogħol fuq ir-rabta bejn azzjonijiet fil-qosor u fit-tul; ·
Integrazzjoni tal-politiki dwar il-bidla
fil-politiki u strateġiji nazzjonali u reġjonali ta' żvilupp
reġjonali kif ukoll fi ftehimiet ta' kooperazzjoni/sħubija; ·
L-iżgurar li l-vulnerabilità tas-SIDS u
pajjiżi kostali baxxi tibqa’ fuq quddiem tal-aġenda
għall-iżvilupp globali, inkluż fil-Ftehim ta’ Sħubija
ACP-KE u l-proċess UE-LAC; ·
Inkoraġġiment għal rwol akbar
għat-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-trasferiment
tat-teknoloġija u l-eko-innovazzjoni; ·
Jirrikonoxxu l-Baħar tal-Karibew bħala
żona speċjali fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u jaħdmu
biex jappoġġjaw oqfsa mmirati biex jipproteġu l-ekosistemi
fraġli u l-bijodiversità unika tiegħu. 4. TEMA IV: IL-KRIMINALITÀ U S-SIGURTÀ 4.1. ĦARSA
ĠENERALI Attivitajiet kriminali transnazzjonali, b'mod
partikolari t-traffikar ta’ drogi illegali u reati relatati,
jirrappreżentaw preokkupazzjoni dejjem tikber għall-UE u l-Karibew.
Il-Karibew huwa reġjun ta’ tranżitu maġġuri għad-drogi
illegali mill-Amerika t'Isfel u Ċentrali; Il-ħsara kollaterali
tal-kummerċ tad-droga huwa enormi u għandu effett importanti fuq
is-soċjetajiet: huwa jġib il-korruzzjoni, ifixkel l-istat tad-dritt u
jwassal għal aktar kriminalità organizzata. Iż-żieda fit-traffikar
lokali tad-drogi u l-abbuż idgħajjef il-fibra soċjali u
jiġġenera vjolenza bejn il-gruppi (gangs). Il-ħasil ta' ammonti
kbar ta' flus illeċiti ifixklu l-ekonomija u jdgħajfu sforzi ta'
żvilupp sostenibbli. Din is-sitwazzjoni jkollha effett detrimentali fuq
prospetti fit-tul tat-tkabbir, stabbiltà u żvilupp. Oqsma ta’
tħassib speċifiku għall-Karibew u l-UE jinkludu: ·
Traffikar tad-droga u r-reati relatati inkluż
vjolenza mill-gruppi u ħasil tal-flus; ·
It-traffiku u l-kummerċ illegali fl-armi
żgħar u l-armamenti ħfief; ·
L-impatt ta' attivitajiet kriminali fuq is-sigurtà
tal-bniedem tas-soċjetajiet tal-Karibew; ·
Il-problemi soċjali u ta' sigurtà maħluqa
mir-ritorn tal-kriminali lura lejn il-Karibew minn barra; ·
Traffikar u ħtif tal-persuni; ·
Kapaċità insuffiċjenti
għall-kontroll tal-fruntieri marittimi u tal-ispazju tal-ajru; ·
Nonkonformità mal-istandards internazzjonali
fis-settur finanzjarju. 4.2. MIRI U GĦANIJIET Il-ħidma flimkien fil-ġlieda kontra
netwerks kriminali hija prijorità tal-Istrateġija Konġunta.
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità fl-oqsma
bħal tal-pulizija, proċessi ġudizzjarji, u l-qsim
tal-intelligence huma aspetti ewlenin f’dan ir-rigward. Ugwalment,
l-għeruq tal-attività kriminali u l-impatt soċjali jeħtieġ
li jiġu indirizzati. Il-kooperazzjoni
UE-Karibew fil-ġlieda kontra d-drogi hi mmexxija fil-kuntest
tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u Koperazzjoni UE-LAC dwar id-Drogi.
Il-"Pjan ta’ Azzjoni ta’ Panama" u l-prijoritajiet identifikati
fil-Port ta' Spanja fl-2007 jirrappreżenta firxa ta' prijoritajiet
għal azzjoni komuni f’dan ir-rigward. Il-kooperazzjoni UE-Karibew
fil-ġlieda kontra l-kriminalità għandha tinkludi wkoll kooperazzjoni
ma’ organizzazzjonijiet tan-NU rilevanti, l-Interpol, l-OAS u l-Europol u tinkludi
l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiċi. 4.3. AZZJONI KONĠUNTA Il-kooperazzjoni fis-Sigurtà UE-CARIFORUM hija
bbażata fuq il-prinċipji ta' responsabbiltà maqsuma bejn produzzjoni,
tranżitu u l-pajjiżi konsumaturi tad-droga. Hija għandha
l-għan li tiżviluppa strateġiji integrati u bbilanċjati. L-azzjonijiet konġunti tal-UE u
l-CARIFORUM f'dan il-kuntest jistgħu jinkludu: ·
L-appoġġ għat-twaqqif ta’
strateġija madwar ir-reġjun biex tindirizza l-kriminalità,
l-insigurtà, it-traffikar tad-drogi, il-kriminalità finanzjarja eċċ; ·
Tiġdid tal-isforzi biex jiġu implimentati
l-"Prijoritajiet tal-Port ta’ Spanja” fl-oqsma tal-kontroll tal-portijiet
l-aktar vulnerabbli; il-qsim tal-intelligence fil-kontroll tal-prekursuri;
programmi biex jindirizzaw il-kawżi tal-kriminalità u d-delinkwenza u
t-tnaqqis fid-domanda; kif ukoll il-promozzjoni tal-konformità
mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Azzjoni Finanzjarja
tal-OECD u kooperazzjoni msaħħha bejn korpi reġjonali u
internazzjonali, inkluż l-UNODC; ·
Il-bini tal-kapaċità tal-ġestjoni
tal-kontroll tal-fruntiera, inklużi skambji ta’ esperti u assistenza
teknika; ·
Implimentazzjoni bis-sħiħ tal-Programm
ta’ Azzjoni tan-NU għall-prevenzjoni, il-ġlieda u l-eradikazzjoni
tal-kummerċ illegali fl-armi ż-żgħar u l-armamenti
ħfief b'kooperazzjoni marittima bħala qasam prijoritarju, inkluż
il-qsim tal-informazzjoni u aktar żvilupp tal-kooperazzjoni operazzjonali
bejn l-atturi interessati fil-Karibew u l-Istati Membri tal-UE; ·
Appoġġ tal-bini tal-kapaċità
tal-amministrazzjonijiet tal-ġustizzja u r-riforma ġudizzjarja
fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali. 5. TEMA V: AZZJONI KONĠUNTA F'FORA
BIREĠJONALI U MULTILATERALI U DWAR KWISTJONIJIET GLOBALI 5.1. ĦARSA ĠENERALI Il-Karibew u l-UE jiffaċċjaw
għadd ta' sfidi u preokkupazzjonijiet komuni u huma impenjati biex
jaġixxu b’mod kkoordinat biex jinstabu risposti konġunti fil-livell
internazzjonali. Id-djalogu u l-konsultazzjonijiet politiċi diġà qed
iseħħu fil-livelli differenti sabiex jindirizzaw kwistjonijiet
globali f’fora bireġjonali u multilaterali, kif muri fil-laqgħa
reċenti tal-COP 17 f’Durban. Flimkien, il-CARIFORUM u l-UE
jirrappreżentaw 42 pajjiż. Madankollu, b'konsultazzjonijiet aktar
frekwenti, allinjament aħjar tal-pożizzjonijiet u koordinazzjoni
msaħħa, iż-żewġ reġjuni jista' jkollhom impatt
aktar deċiżiv fuq suġġetti ta’ importanza reċiproka,
bħalma huma: il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri
demokratiċi u l-governanza; ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema
u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; rispons koordinat
għall-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; il-kisba
tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju; u l-konklużjoni
tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp. 5.2. MIRI U GĦANIJIET L-imsieħba ser isaħħu d-djalogu
dwar kwistjonijiet globali biex jidentifikaw iż-żoni ta'
koperazzjoni, jikkoordinaw il-pożizzjonijiet u jwettqu flimkien
inizjattivi u azzjonijiet speċifiċi. Iż-żewġ
imsieħba jixtiequ jippromwovu u jsostnu sistema ta' multilateraliżmu
effettiv, b’istituzzjonijiet leġittimi, b'saħħithom u
rappreżentattivi. Livell ogħla ta' koordinazzjoni tal-politiki u
skambju ta' informazzjoni se jagħti lok għal impatt komuni akbar
fil-konsultazzjonijiet u biex partijiet terzi jkunu aktar konxji ta’
preokkupazzjonijiet reċiproċi. Il-Pajjiżi tal-UE u l-CARIFORUM se
jimmiraw li jikkoordinaw ma’ xulxin f’istituzzjonijiet multilaterali li t-tnejn
huma membri tagħhom (in-NU, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali,
id-WTO, eċċ.) u huma se jippruvaw jieħdu inkonsiderazzjoni l-interessi
u t-tħassib tal-parti l-oħra f'aggruppamenti internazzjonali jew
organizzazzjonijiet li fihom hija membru parti minnhon (il-G8, il-G20,
l-Alleanza tal-Istati ta' Gżejjer Żgħar (AOSIS),
eċċ.). 5.3. AZZJONIJIET KONĠUNTI Permezz tal-politika u d-djalogu politiku,
iż-żewġ reġjuni se jmexxu konsultazzjonijiet fuq
suġġetti ta' interess komuni u jidentifikaw pożizzjonijiet
komuni possibbli kif ukoll sforzi konġunti lejn l-implimentazzjoni
tal-prijoritajiet kondiviżi. Azzjonijiet konġunti f 'dan il-kuntest
jistgħu jinkludu: ·
Jaħdmu flimkien fuq il-promozzjoni
tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat
tad-dritt u l-governanza tajba, inkluż il-proċessi elettorali
ħielsa u ġusti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil
tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u
l-evażjoni tat-taxxa; ·
Jaħdmu flimkien fuq jippromwovu r-riforma
tas-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li jtejbu l-kwalità
rappreżentattiva tagħha, it-trasparenza, ir-responsabbiltà,
l-effiċjenza u l-effettività, inkluża r-riforma komprensiva
tal-Kunsill tas-Sigurtà; ·
L-iżvilupp, fejn possibbli ta’
pożizzjonijiet reġjonali konġunti fi ħdan is-Sistema tan-NU
u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jistinkaw biex
jappoġġjaw l-inizjattivi ta’ xulxin; ·
Jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-IMF
u l-Bank Dinji biex, inter alia, jirrifletti aħjar għat-tibdil
fl-ekonomija dinjija permezz ta’ rappreżentazzjoni akbar ta’ swieq
emerġenti dinamiċi u pajjiżi li qed jiżviluppaw; ·
Jindirizzaw l-isfidi tar-riformi strutturali li
jsaħħu r-regolamenti, u jkattru u jsostnu d-domanda globali u jrawmu
l-ħolqien tal-impjiegi fil-kuntest bireġjonali permezz tal-Ftehim ta’
Cotonou u l-EPA kif ukoll fil-Bank Dinji, l-IMF, il-G8 u l-G20; ·
Jiżviluppaw strumenti biex isaħħu
xbieki ta' sikurezza finanzjarja, jgħinu pajjiżi vulnerabbli biex
jirreżistu aħjar għal xokkijiet esterni imprevisti; ·
Biex iżommu l-impenn tagħhom għal
sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bħala
l-magna prinċipali għat-tkabbir u l-iżvilupp is-sieħba se jfittxu
konsultazzjonijiet regolari u aġenda ta' negozjati attivi fil-livell
multilaterali sabiex jidħlu f'negozjati ġenerali biex jaslu għal
konklużjoni b’suċċess, komprensiva, ambizzjuża u
bilanċjata għaċ-Ċiklu ta' Doha, u jibnu fuq il-progress
miksub s’issa; ·
Ikomplu l-isforzi ta' appoġġ sabiex
il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari ekonomiji
żgħar u vulnerabbli, isiru aktar kompetittivi fuq skala globali. 6. MODALITAJIET TA' IMPLIMENTAZZJONI U MEKKANIŻMI
TA' MONITORAĠĠ 6.1. IL-MODALITAJIET TAL-IMPLIMENTAZZJONI Din is-sħubija se tinvolvi, u tiġi
implimentata minn, numru kbir ta' atturi istituzzjonali u mhux istituzzjonali
fl-UE u fir-reġjun tal-Karibew fil-livelli reġjonali, nazzjonali u
lokali. L-implimentazzjoni effettiva tagħha se tkun ir-responsabbiltà
maqsuma tal-pajjiżi kollha tal-CARIFORUM u l-Istati Membri tal-UE u
l-istituzzjonijiet tagħha. Azzjonijiet konġunti identifikati
għandhom ikunu kumplimentari għal u jiġu segwiti minn ftehimiet,
strutturi u strumenti eżistenti għall-kooperazzjoni bejn il-Karibew u
l-UE biex jippromwovu sinerġiji u jevitaw id-dupplikazzjoni. Is-soċjetà ċivili, atturi mhux
statali u l-parlamenti għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni
tal-Istrateġija Konġunta u se jkunu involuti permezz ta’ djalogu
inklussiv. L-implimentazzjoni
tal-Istrateġija ta’ Sħubija Konġunta UE-KARIBEW se tiġi
appoġġata finanzjarjament kif xieraq mill-istrumenti eżistenti,
bħal Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), l-Istrument ta'
Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
Reġjonali (ERDF), il-Fond tal-Iżvilupp tal-Karibew, il-Programmi
Tematiċi tal-UE, u l-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument ta’
Partenarjat Futur, il-Faċilità tal-Investiment tal-Karibew jew
is-suċċessuri tagħha, kif ukoll mill-istituzzjonijiet finanzjarji,
bħal Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u il-Bank tal-Iżvilupp
tal-Karibew. Fejn rilevanti u possibbli, dawn l-istrumenti ser ikunu
kkumplimentati minn kontribuzzjonijiet ulterjuri mill-pajjiżi
tal-CARIFORUM u l-Istati Membri tal-UE. 6.2. MEKKANIŻMI TA’
MONITORAĠĠ Laqgħat regolari ta’ mexxejja
miż-żewġ reġjuni (inklużi r-rappreżentanti kollha
relevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-CARIFORUM ) se jkomplu jipprovdu
gwida politika għas-sħubija. Dawn il-laqgħat se jirrevedu
l-progress, jipprovdi orjentazzjonijiet ġodda lill-istrateġija u
jagħtu struzzjonijiet dwar it-triq 'il quddiem li wieħed għandu
jikkunsidra għall-isfidi globali ġodda u n-neċessitajiet
reġjonali. Barra d-djalogu politiku, Grupp ta' Ħidma
Konġunt UE-CARIFORUM ibbażat fi Brussell se jimmonitorja u jevalwa
l-progress perjodikament, u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa. Dan
il-grupp ta’ ħidma se jkun kompost minn uffiċjali tas-Servizz Ewropew
għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni Ewropea, il-CARIFORUM u l-Istati
Membri tal-UE. Esperti mill-OCTs u r-Reġjuni l-aktar imbiegħda
jistgħu jkunu assoċjati, fejn meħtieġ. Il-grupp ta'
ħidma se jipprovdi rapport ta' progress lill-mexxejja fuq bażi
regolari. [1] Il-Grupp ta' pajjiżi
tal-CARIFORUM jinkludi: L-Antigwa u
Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliż, id-Dominika,
ir-Repubblika Dominikana, Grenada, il-Gujana, Ħaiti, il-Ġamajka,
Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini,
is-Surinam, it-Trinidad u Tobago [2] Is-sħubija fil-CARIFORUM tinkludi l-Istati Membri
kollha tal-CARICOM, (ħlief Montserrat), u r-Repubblika Dominikana u Kuba
li mhumiex membri tal-CARICOM.