52012JC0003

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja /* JOIN/2012/03 final - 2012/0031 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Fit-18 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja. Dan ir-Regolament ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 442/2011.

(2) Il-Kunsill issa laħaq ftehim politiku dwar l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali, partikolarment projbizzjoni fuq il-bejgħ, ix-xiri, it-trasport u s-senserija tad-deheb, metalli prezzjużi u djamanti, miżuri restrittivi kontra l-Bank Ċentrali tas-Sirja, u żidiet mal-lista ta' persuni u entitajiet fil-mira.

(3) Din il-miżura taqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk, ir-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu l-emenda tar-Regolament UE 36/2012 biex dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ.

2012/0031 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[1],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fit-18 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[2].

(2) Fid-dawl tar-ripressjoni brutali kontinwa u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem mill-Gvern tas-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/.../PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tipprovdi għal miżuri addizzjonali, partikolarment projbizzjoni fuq il-bejgħ, ix-xiri, it-trasport u s-senserija tad-deheb, metalli prezzjużi u djamanti, miżuri restrittivi kontra l-Bank Ċentrali tas-Sirja, u żidiet mal-lista ta' persuni u entitajiet fil-mira.

(3) Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom.

(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif suppost.

(5) Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)        Għandu jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

"Artikolu 11a

1.           Għandhom jiġi pprojbiti:

a)      il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretta jew indiretta, ta' deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VIII, sew jekk joriġinaw mill-Unjoni, lill-Gvern tas-Sirja, lill-korpi pubbliċi, lill-korporazzjonijiet, lill-aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tas-Sirja u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp, li jaġixxu f'isimhom jew b'ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà jew ikkontrollati minnhom;

(b)     ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta' deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VIII, sew jekk l-oġġett ikkonċernat joriġina mils-Sirja jew le, mill-Gvern tas-Sirja, mill-korpi pubbliċi, mill-korporazzjonijiet, mill-aġenziji tiegħu, mill-Bank Ċentrali tas-Sirja u minn kwalunkwe persuna, entità jew korp, li jaġixxu f'isimhom jew b'ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà jew ikkontrollati minnhom; u

(c)     li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika jew ta' servizzi ta' senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatata mal-merkanzija stabbilita fil-punti (a) u (b) lill-Gvern tas-Sirja, lill-korpi pubbliċi, lill-korporazzjonijiet, lill-aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tas-Sirja u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp, li jaġixxu f'isimhom jew b'ordni minnhom, lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà jew ikkontrollati minnhom;

2.           L-Anness VIII għandu jinkludi deheb, metalli prezzjużi, u djamanti suġġetti għall-projbizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1."

(2)          Għandu jiddaħħal l-Artikolu 21a li ġej:

"Artikolu 21a

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt iċ-ċirkostanzi li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi tal-Bank Ċentrali tas-Sirja jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi tal-Bank Ċentrali tas-Sirja jsiru disponibbli, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa sabiex jiġi pprovdut kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji b'likwidità għall-iffinanzjar tal-kummerċ, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx innotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni mill-anqas għaxart ijiem qabel l-awtorizzazzjoni."

Artikolu 2

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

It-test stabbilit fl-Anness II tar-Regolament huwa miżjud bħala l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika b'mod dirett fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I

Fl-Anness II ta' mar-Regolament (UE) Nru 36/2012, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

[Kontenut kunfidenzjali]

ANNESS II

Lista ta' deheb, metalli prezzjużi u djamanti msemmija fl-Artikolu 11a

Kodiċi tas-SA Isem tal-merkanzija

7102      Djamanti, maħdumin jew le, iżda mhux immuntati jew ingastati.

7106      Fidda (inkluża fidda miksija bid-deheb jew platinu), mhux maħduma jew f’għamliet semi-manifatturati, jew f’għamla ta’ trab.

7108      Deheb (inkluż deheb miksi bi platinu), mhux maħdum jew f’għamla semimanifatturata, jew f’għamla ta' trab.

7109      Metalli ta’ valur baxx jew fidda, miksijin bid-deheb, mhux maħdumin aktar ħlief semi-manifatturati.

7110      Platinu, f’għamliet mhux maħdumin jew semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab.

7111      Metalli ta’ valur baxx, fidda jew deheb, miksijin bil-platinu, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati.

7112      Skart u fdal ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż; skart u fdal ieħor li fihom metall prezzjuż jew komposti ta’ metall prezzjuż, ta’ tip użat l-aktar għall-irkupru ta’ metall prezzjuż.

7502      Nikil mhux maħdum.

7503      Skart u fdal ta’ nikil.

7504      Trabijiet u qxur ta’ nikil.

8103      Tantalu u oġġetti tiegħu, inklużi skart u fdal.

8112      Renju, Indju, Ġermanju."

[1]               ĠU L 319, 02.12.2011, p. 56.

[2]               ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1–32.