|
27.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 225/52 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Effiċjenza fl-enerġija fil-bliet u r-reġjuni — enfasi fuq id-differenzi bejn id-distretti rurali u l-bliet”
2012/C 225/06
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
— |
jinsisti li l-effiċjenza fl-enerġija trid tkun element ċentrali u integrali tal-politiki tal-enerġija u għandha tkun prijorità suffiċjenti fil-ġerarkija tal-politika tal-enerġija; |
|
— |
jappoġġja titjib fil-ġbir ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza fl-enerġija u l-konservazzjoni enerġetika fi programmi futuri tal-finanzjament tal-UE; |
|
— |
jappella għal miżuri iktar b'saħħithom biex tiġi influwenzata l-imġieba tan-nies u t-tendenzi ta’ konsum tal-enerġija u jissuġġerixxi li dan jesiġi taħlita ta’ miżuri ta’ inċentivi u sanzjonijiet, li juru l-każ ekonomiku iżda wkoll enfasi ikbar fuq rekwiżiti obbligatorji, meta dan huwa neċessarju; |
|
— |
jirrikonoxxi li l-enfasi attwali ta’ politika hija fuq il-bliet biex jilħqu l-objettivi ta’ politika attwali, iżda jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu indirizzati wkoll b'mod iżjed komprensiv u koordinat l-isfidi u l-opportunitajiet li ż-żoni rurali jiffaċċjaw fir-rigward tal-użu u l-produzzjoni tal-enerġija; |
|
— |
jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jaqsmu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-konservazzjoni u jsaħħu r-reżiljenza enerġetika billi jippjanaw u jmexxu l-għoti tas-servizzi tagħhom b'użu minimu tal-enerġija. |
|
Relatur |
Brian MEANEY (IE/AE), Kunsill tal-Kontea ta’ Clare u l-Awtorità Reġjonali tal-Punent Nofsani |
|
Dokument ta’ referenza |
Konsultazzjoni mill-Presidenza Daniża tat-12 ta’ Jannar 2012 |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
A. Introduzzjoni
1. jisħaq li l-Istrateġija Ewropa 2020 bir-raġun tqiegħed l-użu effiċjenti tal-enerġija fil-qalba tal-kisba tal-għanijiet tagħha għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li jeħtieġ it-tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ma tfissirx li jitnaqqas dak li jinkiseb minn din l-enerġija jew li tonqos l-attività ekonomika, iżda li jintlaħqu l-istess riżultati b'konsum aktar baxx tal-enerġija għal kull unità ta’ produzzjoni. Dan jissarraf fl-identifikar u t-tneħħija ta’ użi mhux neċessarji tal-enerġija kif ukoll metodi aktar effiċjenti ta’ produzzjoni;
2. jinnota bi tħassib li l-UE qed tippjana li tilħaq biss nofs l-20 % li kienet ipproponiet f'iffrankar ta’ konsum ta’ enerġija primarja sal-2020. Il-kisba tal-miri tal-2020 jeħtieġu sforz koordinat fil-livelli kollha - tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. L-effiċjenza fl-enerġija hija prijorità ewlenija u teħtieġ politiki msaħħa fil-livelli kollha;
3. itenni li biex l-UE tilħaq l-għanijiet tagħha ta’ provvista tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva u sigura, trid tieħu azzjoni b'mod kollettiv fi spirtu ta’ solidarjetà u effiċjenza, biex tidentifika u tuża żviluppi teknoloġiċi eżistenti u li qed jiżviluppaw, u tinfluwenza bidliet fl-imġiba li jiffaċilitaw u jtejbu l-effiċjenza enerġetika. F'dan il-kuntest, l-UE għandha tagħti prijorità lill-introduzzjoni tal-aktar teknoloġiji effiċjenti u li jkunu aktar kompetittivi mil-lat kummerċjali fil-perjodu l-medju u dak qasir;
4. jenfasizza l-fatt li mhux l-anqas pemezz tal-korpi tal-enerġija lokali u reġjonali, il-bliet, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ċentrali x'jaqdu biex jiffaċilitaw, irawwmu u jfasslu regoli favur użu aktar effiċjenti tal-enerġija fl-operati u l-infrastruttura tagħhom stess, iżda wkoll fost il-konsumaturi u l-produtturi. Biex titwettaq din il-ħidma, il-KtR jemmen li l-awtoritajiet għandhom jingħataw il-mezzi f'dawk li huma fondi u appoġġ biex ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fit-twassil u fit-tisħiħ tal-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija;
5. jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala korpi li jagħtu l-eżempju, li jiġbdu l-investiment u li jiġġeneraw l-impjiegi u jappella lill-UE ħalli tippromovi t-tħejjija ta’ pjani reġjonali u lokali għall-effiċjenza enerġetika li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-enerġija nazzjonali u Ewropej kif ukoll biex ittejjeb is-sistemi tagħha tal-informazzjoni dwar l-enerġija, kif ukoll billi tintroduċi mekkaniżmi li jappoġġjaw dawn l-attivitajiet;
6. jappoġġja l-inizjattiva tan-Nazzjonijiet Uniti, is-“Sena Internazzjonali għall-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd”, billi din tirrappreżenta opportunità prezzjuża biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jittejbu l-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. In-nuqqas ta’ aċċess għal enerġija nadifa, affordabbli u affidabbli jxekkel l-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku, u huwa ostaklu kbir għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. It-tranżizzjoni lejn konverżjoni sħiħa għall-enerġiji rinnovabbli trid timxi id f'id ma’ sforzi akbar biex jonqos il-konsum tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda tal-enerġija, li tfisser ukoll tnaqqis tad-dipendenza fuq il-karburanti fossili importati;
7. jinnota wkoll li peress li l-ekonomiji tal-Indja u ċ-Ċina għadhom qed jirrankaw, huwa previst li d-domanda tal-enerġija taċ-Ċina titla' sa 75 % sal-2035 (1); iż-żieda fil-kompetizzjoni għall-enerġija li bħalissa tiġi importata mill-UE li jirriżulta minn dan tista' tikkawża sfidi għall-provvista, id-distribuzzjoni u l-ispejjeż li jista' jkollhom implikazzjonijiet serji u f'diversi livelli fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Jeħtieġ li jiġu żviluppati pjani ta’ azzjoni konkreti u fattibbli bħala rispons għal dawn l-iżviluppi bil-għan li jintlaqgħu l-bżonnijiet kemm jista' jkun malajr mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment. L-awtoritajiet tal-bliet, tar-reġjuni u dawk lokali għandhom ikunu parti integrali mill-iżvilupp ta’ dawn il-pjani;
8. jinnota li hemm gwadann għas-soċjetà li għadu ma ġiex sfruttat mit-tnedija ta’ proġetti ta’ konverżjoni ekoloġika fil-muniċipji u r-reġjuni u f'dan ir-rigward jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jallokaw ammont sostanzjali ta’ fondi biex il-bini pubbliku jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija;
9. jieħu nota tad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u jitlob li jiġi adottat test b'saħħtu u ambizzjuż. Il-bliet u r-reġjuni għandhom biss x'jirbħu mill-fatt li jużaw l-enerġija b'mod aktar effiċjenti u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom: permezz ta’ dan huma jistgħu jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwil importat, jipprovdu sa 2 miljun impjieg lokali f'xogħlijiet ta’ bini jew adattament (2) u jipprovdu lid-djar b'iffrankar konsiderevoli fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Barra minn hekk, l-UE tkun tista' tkompli tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra tagħha u tistabbilixxi miri aktar ambizzjużi f'dan il-qasam. Għaldaqstant, din il-proposta hija l-ewwel pass ġenwin biex tibda tonqos il-kriżi attwali. Madankollu, meta jitqies kollox, mhijiex biżżejjed għax primarjament timmira għal objettivi ekonomiċi, jiġifieri t-tnaqqis tal-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass minn barra u li l-miljuni ta’ euro ffrankati jmorru lura fl-ekonomiji tal-UE, mingħajr ma fl-istess waqt tiżviluppa ideat konkreti rigward l-espansjoni massiva tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li hija meħtieġa. Mod ewlieni kif dan jintlaħaq huwa li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu azzjoni fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tagħhom, biex jiġu żviluppati l-aktar miżuri effettivi għal kull pajjiż;
10. f'dan il-kuntest jiddispjaċih b'mod speċifiku bl-assenza ta’ viżjoni koerenti fuq tul ta’ żmien għar-rinnovazzjoni tal-bini abitabbli li jeħtieġ rinnovazzjoni u l-assenza ta’ impenji ta’ assistenza finanzjarja espliċiti u speċifiċi għall-promozzjoni ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. B'rabta ma’ dan tajjeb li tingħata attenzjoni lid-differenza bejn l-għanijiet soċjali u dawk ta’ negozju. Ir-rinnovazzjoni ta’ kwalunke bini għandha tiddependi minn x'inhuwa ekonomikament fattibbli għall-intrapriża, filwaqt li l-komunità għandha tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet soċjali;
11. jirrakkomanda li l-UE ttejjeb is-sistemi ta’ informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika, inkluż l-informazzjoni dwar il-politiki tal-effiċjenza enerġetika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak reġjonali; is-sistemi għall-valutazzjoni tal-proċeduri għall-monitoraġġ tal-iffrankar tal-enerġija fil-livell reġjonali; l-indikaturi tal-effiċjenza enerġetika; il-bażijiet tad-data tal-istandards għall-miżuri applikabbli għall-iffrankar tal-enerġija, il-gwidi tal-aħjar prattiki, l-istandards ta’ implimentazzjoni eċċ.; jaqbel mal-assoċjazzjoni Ewropea ta’ awtoritajiet lokali “Energy Cities” dwar il-fatt li l-fondi huma “kruċjali” biex il-miżuri proposti jitwettqu. Barra minn hekk, il-KtR huwa mħasseb dwar il-fatt li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika ma tinkludix miri vinkolanti, ma tipprevedi l-ebda tip ta’ proċess ta’ valutazzjoni u fiha opt-outs faċli. Il-KtR għalhekk jilqa' l-isforzi tal-Presidenza Pollakka u l-Presidenza Daniża biex jiġu inklużi l-miżuri ta’ finanzjament meħtieġa u fatturi oħrajn li għadhom neqsin mill-proposta. Il-KtR jappoġġja l-ħidma tal-Presidenza Daniża għas-sejba ta’ kompromess politiku li jiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jimxu 'l quddiem bil-ħidma tagħhom biex il-bini jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fid-dawl taċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali fl-Istati Membri. Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir partikolari l-obbligu propost li l-kumpaniji tal-enerġija jiffrankaw medja ta’ 1,5 % tal-enerġija fis-sena;
12. jenfasizza li effiċjenza enerġetika akbar ma tistax tinkiseb biss permezz ta’ oqsma riġidi ta’ azzjoni stabbiliti mill-gvern ċentrali li ma jqisux iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali fl-Istati Membri u għalhekk jappella li tingħata l-possibbiltà li jiġu implimentati approċċi alternattivi biex jinkisbu l-miri tat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, sakemm jintlaħaq l-istess livell ta’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u biex il-muniċipalitajiet u r-reġjuni jkunu jistgħu jipproponu strateġiji biex jiffrankaw l-enerġija;
13. jinnota l-frammentazzjoni preżenti b'mod mifrux fl-UE fil-politika u l-mod kif naħsbu dwar l-enerġija. Teżisti qasma skont is-setturi (it-trasport, il-bini, eċċ.) għad-detriment tal-kunsiderazzjoni tal-inugwaljanzi u l-potenzjal taż-żoni u t-territorji li jridu jiġu indirizzati jekk l-Unjoni kollha trid tagħmel progress;
14. jitlob li flimkien mal-effiċjenza enerġetika jiġu żviluppati wkoll miżuri adegwati għall-ġestjoni/konservazzjoni tal-enerġija u jappella għall-iżvilupp ta’ objettivi ta’ ġestjoni/konservazzjoni tal-enerġija li jistgħu jgħinu u jaqbżu l-miri għat-tnaqqis fl-enerġija billi jtejbu l-effiċjenza enerġetika;
15. jitlob li l-Presidenza Daniża tal-UE tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kisba tal-miri dwar l-effiċjenza enerġetika tal-Ewropa 2020. Tista' tgħid li m'hemm l-ebda referenza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-abbozz tad-dokument tan-negozjati attwali tal-Kunsill dwar id-Direttiva tal-Effiċjenza Enerġetika u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050. Barra minn hekk, iqis li l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma riveduti u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għandhom bżonn jirriflettu aktar bil-qawwi l-impenji li ttieħdu dwar l-effiċjenza enerġetika.
16. jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva għall-finanzjament Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE) u jilqa' l-isforzi li tagħmel biex tegħleb l-ostakli tas-suq. Il-programm tal-IEE għandu jikkonċentra fuq il-promozzjoni ta’ azzjonijiet marbutin ma’ bidliet fl-imġiba. Madankollu, il-Kumitat isejjaħ biex ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-proġetti tal-IEE jinxterdu b'mod aħjar (informazzjoni, leġislazzjoni, eċċ.) madwar l-UE, u b'mod simili, li tiġi żgurata s-sostituzzjoni tal-finanzjament għall-programm jew il-programmi tal-IEE għall-perjodu 2014-2020;
17. Fir-rigward tal-dimensjoni territorjali partikolari tal-problema, il-KtR jirrimarka li:
|
— |
iż-żoni rurali tal-UE jużaw sorsi tal-enerġija li jniġġsu aktar minn dawk użati f'żoni urbani, għaldaqstant għandha tiġi appoġġjata b'mod partikolari s-sostituzzjoni ta’ karburanti fossili li jniġġsu ħafna ma’ karburanti fossili li jniġġsu inqas bħala soluzzjoni tranżizzjonali u fuq kollox imbagħad ma’ enerġiji rinnovabbli; |
|
— |
minkejja li qed jirkupraw, il-livell tal-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali għadu inqas mill-medja tal-UE, partikolarment meta mqabbel ma’ żoni urbani. Din id-differenza bejn iż-żoni rurali u urbani toħroġ b'mod estrem fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u hija aktar inkwetanti minħabba li bejn is-sena 2000 u l-2007 żdiedet minħabba li l-bliet il-kbar u l-bliet kapitali espandew malajr ħafna; |
B. Awtoritajiet reġjonali, lokali u tal-bliet
18. itenni l-appell tiegħu għal bilanċ urban-rurali aħjar fil-politiki tal-enerġija sostenibbli mal-UE kollha u jisħaq fuq il-bżonn li jintuża l-potenzjal taż-żoni rurali biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Ewropa 2020. Jeżisti potenzjal konsiderevoli tassew fiż-żoni rurali kemm għall-produzzjoni tal-enerġija kif ukoll għat-tnaqqis fil-konsum - pereżempju, artijiet kbar għall-parks eoliċi (wind farms) jew impjanti għall-enerġija solari huma disponibbli biss fil-kampanja. Fl-istess waqt, il-biedja moderna teħtieġ ammonti konsiderevoli ta’ enerġija biex topera. Madankollu, il-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija u għall-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija qed jiġi injorat;
19. jenfasizza li jeżistu differenzi sostanzjali bejn iż-żoni urbani u rurali. L-effiċjenza enerġetika fiż-żoni rurali tinsab fi stat kritiku u hemm bżonn tiġi indirizzata b'mod urġenti. Id-djar rurali u n-negozji ż-żgħar qed jiffaċċjaw diversi żvantaġġi rigward l-użu tal-enerġija tagħhom, partikolarment minħabba n-natura tad-djar u l-kwalità tal-bini tagħhom. Il-bini rurali huwa ħafna aktar antik u r-rinnovazzjoni tiegħu tiswa aktar flus għas-sidien u sikwit ma tkunx affordabbli. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija d-densità tal-popolazzjoni: l-iżolazzjoni ta’ djar rurali individwali ma tistax tgawdi mill-istess ekonomiji ta’ skala bħad-djar urbani li jkollhom aktar minn sid wieħed. Din is-sitwazzjoni, li tapplika għall-Istati Membri kollha f'livelli differenti, twassal għal spejjeż għall-enerġija proporzjonalment ogħla fiż-żoni rurali fejn id-dħul għal kull abitant huwa bejn 21 % u 62 % inqas fiż-żoni rurali (3);
20. jenfasizza li fejn tidħol l-enerġija, il-politika tal-enerġija tal-UE ġiet deteminata mill-bżonnijiet tal-bliet il-kbar. L-investituri għadhom qed jiffukaw l-attenzjoni tagħhom kważi esklużivament fuq infrastruttura mfassla biex isservi lil żoni urbani;
21. jisħaq li l-aċċess għall-enerġija ġeneralment jiswa aktar fiż-żoni rurali u fir-reġjuni remoti. Minbarra dan, l-effiċjenza enerġetika hija inqas minħabba li t-teknoloġiji nodfa ma tantx infirxu u m'hemmx iżolazzjoni effettiva, u jappella għal soluzzjonijiet adegwati ta’ governanza u fondi sabiex iż-żoni rurali madwar l-UE jilħqu ż-żoni urbani f'dan ir-rigward, b'mod partikolari l-potenzjal li jippreżenta l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-approċċ LEADER tiegħu. Fil-fatt, diversi prattiki tajbin u proġetti pilota li saru mal-UE kollha diġà wrew li ż-żoni rurali għandhom il-potenzjal li jipprovdu l-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom stess minn sorsi differenti bħal sorsi ta’ enerġija newtrali fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ karbonjuu li huma wkoll mingħajr emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra, il-bijomassa, iċ-ċelloli tal-fjuwil, eċċ.
22. iqis li l-appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew għall-bini tal-kapaċità, speċjalment fit-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, li jista' jkopri wkoll l-użu ta’ tekniki tradizzjonali li jużaw materjali tipiċi tar-reġjun, għandu jagħraf u jqis il-ħtiġijiet differenti taż-żoni urbani u rurali sabiex il-ħaddiema rurali ma jitħallewx l-art. Inkella dan jikkawża lakuna fil-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji adegwati għaż-żoni rurali u jkompli jżid il-qasma enerġetika bejn dawn iż-żewġ żoni;
23. jenfasizza li l-politika tal-edukazzjoni tista' taqdi rwol sinifikanti biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-effiċjenza enerġetika u biex tinfluwenza t-tibdil fl-imġieba tan-nies; jissuġġerixxi li jiġi stabbilit punt ta’ referenza għal inizjattivi edukattivi attwali sabiex tiġi identifikata l-aħjar prattika u jiġu żviluppati kurrikuli li jistgħu jinkorporaw studji ta’ sostenibbilità fl-istadji l-iktar bikrin tal-proċess tat-tagħlim formali; barra minn hekk, jitlob biex il-programm li jmiss ta’ “Erasmus għal Kulħadd” jiżviluppa alleanzi tal-għarfien, bejn is-settur universitarju u n-negozji ekoloġiċi sabiex jiġu żviluppati kurrikuli ġodda li jindirizzaw il-qasma fl-innovazzjoni u l-ħiliet fis-settur tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-konservazzjoni;
24. jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-kisba ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika billi jinkludu fatturi ambjentali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Huwa jilqa' l-proposta għal Direttiva dwar regoli ġodda għall-akkwist pubbliku adottata mill-Kummissjoni (4). Din il-proposta tgħid li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jqisu fatturi ambjentali, inkluża l-effiċjenza enerġetika, fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Għandha titħeġġeġ il-valutazzjoni tal-offerti permezz ta’ MEAT (Most Economical Advantageous Tender) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jitqies l-iffrankar tal-enerġija tul il-ħajja ta’ proposta ta’ offerta;
C. Konsumaturi
25. jenfasizza li hemm ukoll dimensjoni soċjali fejn il-faqar fil-fjuwil jista' jagħfas partikolarment ħażin fuq gruppi bi dħul aktar baxx. Fejn jidħlu r-raġunijiet u l-konsegwenzi tal-faqar enerġetiku, jeżistu differenzi importanti bejn iż-żoni urbani u rurali li jridu jiġu kkunsidrati sabiex tittieħed azzjoni adegwata u li mhumiex neċessarjament korelatati mal-effiċjenza enerġetika globali ta’ ċerti pajjiżi jew reġjuni;
26. jitlob miżuri li jpoġġu lill-konsumaturi li jkunu qed jittrattaw mal-produtturi/provvedituri f'pożizzjoni li jkunu jistgħu jinnegozjaw benefiċċji fi skambju ma’ bidliet fil-mudelli tal-użu, pereżempju fejn massa ta’ individwi jibdlu l-użu għal ħinijiet fejn il-maġġoranza ma tkunx qed tuża l-enerġija (off-peak), għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiksbu tnaqqis fil-prezzijiet adegwati għal xerrejja tal-massa. B'mod simili, l-użu tat-teknoloġija avvanzata ta’ netwerk intelliġenti għall-kejl tal-konsum u tal-kontijiet għandu jingħata appoġġ bħala xi ħaġa ta’ ġid pubbliku biex b'hekk ikun possibbli li jiżdiedu l-livelli ta’ effiċjenza enerġetika tal-provvedituri (permezz ta’ ġestjoni effiċjenti tan-netwerk, manutenzjoni aħjar tan-netwerks u t-tagħmir eċċ.) u l-konsumaturi (permezz ta’ għarfien aħjar dwar l-arloġġi tal-konsum, il-kontijiet, is-servizzi b'kuntratt, is-servizzi bin-netwerk, il-konsum interattiv intelliġenti, eċċ. Barra minn hekk, u m'għandha tiġi tollerata l-ebda xorta ta’ reżistenza kummerċjali għal dan u l-introduzzjoni ġeneralizzata tiegħu għandha sseħħ qabel l-iskadenza. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-kejl avvanzat ma jwassalx għal spejjeż kbar għall-konsumaturi;
27. jilqa' b'sodisfazzjon it-tiġdid u l-kontinwazzjoni tal-programm ta’ tikkettar “Energy Star” assoċjat mal-proposta għal programm ta’ tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju u jinnota li l-proposta għal Regolament COM (2012) 109 final tipprovdi għat-tiġdid tal-ftehim “Energy Star” b'rabta mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta’ programmi tat-tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċji (COM (2012) 108 final). L-użu tat-tikketta “Energy Star” għandu jiġi mħeġġeġ. Qed jiġi nnotat li spejjeż tal-enerġija għoljin jinkoraġġixxu l-bejgħ ta’ tagħmir b'effiċjenza enerġetika għolja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-introduzzjoni ta’ tikketta li turi l-ammont ta’ enerġija li intużat fil-proċess tal-manifattura;
D. Finanzjament
28. filwaqt li jfakkar fl-opinjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Baġit Futur tal-UE (5), il-Kumitat għadu mħasseb dwar l-enfasi li għadha qed tingħata lill-miżuri ta’ awsterità li qed jieħdu l-attenzjoni mill-kwistjonijiet tal-ekonomija reali fil-kuntest tal-baġit futur tal-UE għall-2014-2020, speċjalment iż-żieda meħtieġa urġentement fil-baġit tal-UE disponibbli għall-investiment fl-enerġija sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali, urban u rurali kif mitlub f'opinjonijiet preċedenti tal-KtR. Madankollu, jilqa' l-inklużjoni ta’ “transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju” fis-setturi kollha bħala prijorità għall-investiment taħt il-Qafas Strateġiku Komuni (6) iżda jenfasizza li filwaqt li l-Fondi taħt il-QSK għandhom jintużaw biex jiġu indirizzati l-isfidi reġjonali, għandu wkoll ikun hemm bilanċ bejn il-produzzjoni sostenibbli u l-effiċjenza enerġetika;
29. jiddispjaċih li l-identifikazzjoni ta’ fondi, bħal fondi nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika, ma ġewx ikkunsidrati mill-Kunsill bħala dispożizzjoni li għandha tiġi inkluża fit-test tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika; jenfasizza l-bżonn li r-rwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment jiġi promoss ħafna permezz tal-aġenziji tal-kreditu nazzjonali u lokali biex jiġu finanzjati l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika;
30. jitlob li l-Presidenza Daniża tiżgura li l-għajnuna futura f'għotjiet għall-promozzjoni ta’ miżuri għall-effiċjenza tat-tisħin u t-tkessiħ tal-ispazju jkunu marbutin ma’ ffrankar imkejjel li jkun inkiseb fil-konsum tal-enerġija għal kull faċilità individwali;
31. jitlob li fil-baġit tal-UE li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea tagħmel provvediment għad-Direttiva tal-Effiċjenza Enerġetika proposta u tiżgura li jingħataw biżżejjed fondi għall-effiċjenza enerġetika fid-djar soċjali;
32. jenfasizza l-fatt li problema kbira għaż-żoni rurali hija l-kapaċità tal-livelli lokali u reġjonali li jaċċessaw fondi li jeżistu diġà:
|
— |
Mekkaniżmi finanzjarji (ELENA, eċċ.) u fondi ddedikati għall-effiċjenza enerġetika (Fond Ewropew għall-Effiċjenza tal-Enerġija (EEEF), eċċ.); |
|
— |
L-esperjenza tal-perjodu ta’ finanzjament attwali turi li għal numru ta’ raġunijiet differenti l-fondi mwarrba mill-Fondi Strutturali għall-effiċjenza enerġetika ma jistgħux jiġu sfruttati bis-sħiħ. Għalhekk fil-qafas finanzjarju 2014-2020, li jagħmel dispożizzjoni għal perċentaġġ ikbar minn qabel ta’ fondi għall-effiċjenza enerġetika, jeħtieġ li tingħata attenzjoni li jiġi faċilitat l-aċċess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal dawn il-fondi; |
33. jisħaq li jeżistu għodod finanzjarji oħra, bħall-kuntratti ta’ prestazzjoni enerġetika, is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u l-fondi għall-effiċjenza enerġetika nazzjonali u reġjonali li jippromovu ħidma favur l-effiċjenza enerġetika f'perjodu fejn il-fondi pubbliċi qed jonqsu. Ċertament li fis-sitwazzjoni attwali ta’ riżorsi pubbliċi limitati u ta’ diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ħafna intrapriżi żgħar u medji, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li jinstab l-aħjar bilanċ possibbli fl-infiq tal-UE bejn, minn naħa infrastuttura fuq skala kbira, u min-naħa l-oħra produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata li hija l-essenza nnifisha tal-enerġija rurali; fl-istess ħin jitlob li l-UE, fil-livell Ewropew, tippromovi u tirregola l-intrapriżi tas-servizzi tal-enerġija bħala korpi li jiffinanzjaw l-investiment fl-effiċjenza, u li b'hekk ikunu jistgħu jaċċessaw il-fondi speċjali Ewropej;
34. jemmen li sabiex jittejjeb l-aċċess għall-fondi, hemm bżonn ta’ strumenti biex jgħinu lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi jilħqu r-rekwiżiti tal-kofinanzjament kif ukoll ifasslu pjani innovattivi li jattiraw l-għoti ta’ kreditu;
35. ifakkar li l-istħarriġ tal-KtR dwar l-Ewropa 2020 li sar fil-bidu tal-2010 dwar “Politiki tal-Enerġija Sostenibbli” wera li l-inizjattivi lokali u reġjonali normalment ikunu azzjonijiet multi-settorjali u integrati li fl-istess ħin jikkontribwixxu għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi. Għaldaqstant huwa importanti li din ir-realtà tiġi riflessa b'mod adegwat fit-tfassil futur tal-baġit tal-UE;
36. jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw il-kapaċità li jinkludu l-effiċjenza enerġetika fir-rekwiżiti tal-ippjanar rurali u urban tagħhom;
E. Loġistika
37. jixtieq jenfasizza t-tifsira tal-iżvilupp ta’ sistemi loġistiċi mal-UE kollha li jwasslu għal aktar effiċjenza enerġetika fit-trasport tal-merkanzija bħas-“CELS - Central European Logistics System (Sistema Ċentrali Ewropea tal-Loġistika)”. Dan ikun ifisser sistema unika ta’ mapep li tintegra l-modi kollha tat-trasport Ewropej f'rappreżentazzjoni magħquda - il-ferroviji, it-toroq, l-ajru, il-baħar u l-mogħdijiet tal-ilma interni;
38. iqis li s-CELS tista' tipprovdi mapep viżwali u għajnuna għall-analiżi tal-ispejjeż biex tiġi promossa l-konnessjoni ekoloġika, ekonomika u effiċjenti tat-trasport intermodali. Din tkun direttorju onlajn tat-trasport tal-merkanzija li fih ikunu jistgħu jirreġistraw l-operaturi tat-toroq, tal-ferroviji, tal-ajru u tal-mogħdijiet tal-ilma u tal-baħar, biex b'hekk isir l-aktar direttorju komprensiv tal-operaturi tal-merkanzija kollha. Għandu wkoll il-potenzjal li jidentifika liema rotot huma adatti għal trasport ikkombinat biex ikunu jistgħu jittieħdu l-iqsar rotot possibbli bit-triq;
39. jisħaq fuq il-valur ta’ politiki tal-enerġija transsettorjali, integrati u sostenibbli għaż-żoni rurali, li jkunu jinkludu kemm l-effiċjenza enerġetika fil-bini, it-trasport, eċċ. kif ukoll il-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli;
E. Konklużjonijiet
40. f'dan il-kuntest, jemmen li l-Politika ta’ Koeżjoni tista' tipprovdi qafas għal approċċ ikkoordinat għal din l-isfida kumplessa. L-interkonnessjonijiet bejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020 jirrikjedu li dawk li jfasslu l-politika jkunu jafu b'mod ċar li jista' jintlaħaq titjib fl-oqsma kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 jekk il-miżuri li jżidu l-użu tal-effiċjenza fl-enerġija jiġu implimentati b'mod mifrux fl-UE kollha;
41. jinnota l-bżonn ta’ bilanċ aħjar bejn id-dimensjonijiet interni/esterni tal-UE fil-provvista tal-enerġija, il-promozzjoni tar-riċerka u l-implimentazzjoni tal-effiċjenza enerġetika mill-inqas daqs l-investiment f'pajpijiet ġodda għall-karburanti fossili minn pajjiżi terzi, u jfakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-effiċjenza enerġetika għadha teħtieġ biljuni ta’ euro f'investiment fis-setturi tad-djar u tat-trasport. Il-ġestjoni/konservazzjoni tal-enerġija jistgħu jiġu rikonoxxuti wkoll bħala bżonn kontinwu u b'hekk jiġu indirizzati bħala tali;
42. itenni li l-Istati Membri għandhom joħolqu proċessi ta’ konsultazzjoni li jinvolvu lill-atturi reġjonali u lokali meta jitħejjew il-pjani nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika (approċċ minn isfel għal fuq), u jiżguraw li l-pjani nazzjonali jkunu konsistenti mal-objettivi u l-mezzi reġjonali u lokali; fl-istess ħin, jitlob li l-atturi reġjonali u lokali jiġu involuti fil-fażi tas-segwitu, bħala l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni;
43. jerġa' jqiegħed enfasi fuq l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki bħala prova tanġibbli tal-impenn tal-gvernijiet lokali biex jippromovu l-effiċjenza enerġetika u jindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima iżda josserva li m'hemmx metodoloġija komuni għall-firmatarji tal-Patt tas-Sindki dwar ir-rappurtar. Il-Patt tas-Sindki huwa inizjattiva li tirrikjedi lir-reġjuni li jirrappurtaw dwar il-prestazzjoni tal-effiċjenza enerġetika tagħhom permezz ta’ kriterji komuni stretti (7);
44. iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta miżuri mingħajr dewmien biex twettaq il-kunċett ta’ netwerks interkonnessi fil-livell tal-UE għad-distribuzzjoni tal-enerġija. B'dan il-mod, l-UE tista' tiżgura provvista affidabbli tal-enerġija għaċ-ċittadini kollha tagħha. Dan huwa importanti wkoll minn perspettiva ta’ sigurtà u ta’ politika sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa mill-karburanti fossili minn reġimi awtoritarji;
45. Messaġġi Ewlenin – Punti ta’ Azzjoni
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
a) |
jinsisti li l-effiċjenza fl-enerġija trid tkun element ċentrali u integrali tal-politiki tal-enerġija u għandha tkun prijorità suffiċjenti fil-ġerarkija tal-politika tal-enerġija; |
|
(b) |
jappoġġja titjib fil-ġbir ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza fl-enerġija u l-konservazzjoni enerġetika fi programmi futuri tal-finanzjament tal-UE; |
|
(c) |
jappella għal miżuri iktar b'saħħithom biex tiġi influwenzata l-imġieba tan-nies u t-tendenzi ta’ konsum tal-enerġija u jissuġġerixxi li dan jesiġi taħlita ta’ miżuri ta’ inċentivi u sanzjonijiet, li juru l-każ ekonomiku iżda wkoll enfasi ikbar fuq rekwiżiti obbligatorji, meta dan huwa neċessarju; |
|
(d) |
jirrikonoxxi li l-enfasi attwali ta’ politika hija fuq il-bliet biex jilħqu l-objettivi ta’ politika attwali, iżda jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu indirizzati wkoll b'mod iżjed komprensiv u koordinat l-isfidi u l-opportunitajiet li żoni rurali jiffaċċjaw fir-rigward tal-użu u l-produzzjoni tal-enerġija; |
|
(e) |
jitlob lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali biex jaqsmu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-konservazzjoni u jsaħħu r-reżiljenza enerġetika billi jippjanaw u jmexxu l-għoti tas-servizzi tagħhom b'użu minimu tal-enerġija. |
Brussell, 4 ta’ Mejju 2012.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO
(1) Rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija dwar l-Enerġija Globali 2011.
(2) Kummissjoni tal-UE.
(3) Eurostat.
(4) COM(2011) 896 final.
(5) Opinjoni ta’ prospettiva dwar “Il-baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politiki ġenerali” (CdR 104/2011).
(6) Proposta għal Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni (COM(2011) 615 final).
(7) http://ec.europa.eu/energy/publications/doc/2012_thinkbooklet.pdf