23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/123


P7_TA(2012)0505

Il-ftehim ġdid UE-Russja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-ftehim ġdid UE-Russja (2011/2050(INI))

(2015/C 434/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' sħubija u koperazzjoni li jistabbilixxi ftehim ta' sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Russja wara l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO (1),

wara li kkunsidra n-negozjati li bdew fl-2008 dwar ftehim ġdid UE-Russja, kif ukoll is-'Sħubija għall-Modernizzazzjoni' li bdiet fl-2010,

wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali ('l-erba' spazji komuni'),

wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 lill-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta’ Sergei Magnitsky (2);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fis-sura ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-introduzzjoni jew iż-żieda mill-Federazzjoni Russa ta' dazji tal-esportazzjoni fuq il-materja prima (3),

wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0338/2012),

A.

billi l-politika barranija u ta' sigurtà komuni tal-UE li qed tevolvi għandha, bi qbil mal-prinċipju ta' kundizzjonalità, tinkludi r-Russja bħala sieħeb strateġiku sakemm il-valuri fundamentali li fuqhom hi bbażata l-Unjoni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, ikunu kondiviżi u kkonfermati; billi r-Russja, bħala pajjiż, għandha l-għeruq kulturali tagħha fl-Ewropa u hi attur globali u reġjonali importanti, bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-G8, tal-G20, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u għalhekk marbuta li tissodisfa l-obbligi tagħha bħala membru ta' dawn l-organizzazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tar-rapport ta' monitoraġġ ta' Ottubru 2012 tal-Kunsill tal-Ewropa;

B.

billi r-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha responsabbiltà konġunta mal-membri l-oħra biex tinżamm l-istabbiltà globali; billi ħafna sfidi fil-livell internazzjonali jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ approċċ koordinat li jinkludi lir-Russja;

C.

billi l-interdipendenza ekonomika tal-UE u r-Russja qed tikber b’mod kostanti, u billi kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja għandhom jitqiesu bħala ta' importanza kbira għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità taż-żewġ partijiet;

D.

billi r-Russja taħt il-presidenza ta’ Vladimir Putin qed turi biss interess selettiv fl-iżvilupp ta’ politiki komuni u m’għandha l-ebda intenzjoni reali li tiżviluppa sħubija strateġika estensiva u ġenwina għall-implimentazzjoni tal-liġi internazzjonali u l-prevenzjoni tal-kunflitt;

E.

billi l-UE u r-Russja għaddew minn bidliet politiċi, istituzzjonali, soċjali u ekonomiċi kbar sa mill-1994, meta kien iffirmat il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) attwali;

F.

billi l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO fit-22 ta’ Awwissu 2012 huwa pass ewlieni li jista’ jgħin biex titħaffef il-modernizzazzjoni tal-ekonomija Russa u fl-istess ħin isservi ta’ inċentiv tajjeb għar-Russja biex tissodisfa r-regoli u l-istandards tal-kummerċ internazzjonali li impenjat ruħha li tirrispetta;

G.

billi dawn il-bidliet, flimkien mal-isfidi u l-opportunitajiet ġodda li għandha r-relazzjoni UE -Russja, iridu jkunu indirizzati fuq livell bilaterali u multilaterali; billi, minkejja n-nuqqas attwali ta’ entużjażmu min-naħa tar-Russja, Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid ambizzjuż u komprensiv li jkopri l-aktar oqsma importanti ta' kooperazzjoni u msejjes fuq valuri komuni ta’ demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jista' jipprovdi l-bażi għal sħubija strateġika ġenwina; billi, b'mod partikolari, għandha tkun enfasizzata l-ħtieġa biex tinbena sħubija ġenwina bejn is-soċjetajiet tal-UE u tar-Russja;

H.

billi l-UE tkompli tkun impenjata biex tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjoni tagħha mar-Russja u l-prinċipji stabbiliti fis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ibbażati fuq interessi komuni u fuq impenn favur il-valuri universali u l-prinċipji demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

I.

billi l-kundanna ta' sentejn ħabs tal-membri tal-grupp punk Pussy Riot għal manifestazzjoni ta' protesta kontra l-President Vladimir Putin fil-Katedral Ortodoss ta' Moska hija sproporzjonata u tqajjem tħassib serju dwar il-mod kif is-sistema ġudizzjarja Russa tittratta liċ-ċittadini u taġixxi b'mod li tintimida lis-soċjetà ċivili Russa;

J.

billi fil-kuntest tan-negozjati kontinwi l-istatus quo tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja jeħtieġ ikun evalwat b’mod adegwat, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet bilaterali eżistenti bejn ir-Russja u l-Istati Membri tal-UE;

K.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għadhom ibatu minħabba l-falliment tar-Russja li tħaddan bis-sħiħ il-valuri demokratiċi u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

L.

billi l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-arresti li għaddejjin tar-rappreżentanti tal-forzi tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-adozzjoni reċenti ta’ liġijiet dwar il-finanzjament tal-NGOs u dwar id-dritt tal-assemblea, il-liġi dwar il-malafama u l-liġi li timponi restrizzjonijiet fuq l-internet kif ukoll il-pressjoni li dejjem qed tiżdied fuq il-midja ħielsa u indipendenti u fuq il-minoranzi ta’ orjentazzjoni sesswali u ta' twemmin reliġjuż jirriżultaw f’aktar degradazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fir-Russja;

M.

billi l-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement ikkundanna, bħala ksur tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-liġijiet fis-seħħ f’xi reġjuni tal-Federazzjoni Russa li jipprojbixxu l-“propaganda omosesswali”;

N.

billi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni attwali jeħtieġ ikun validu u effettiv sakemm dak ġdid jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ;

O.

billi fl-14 ta’ Ottubru 2012 fir-Russja saru l-elezzjonijiet lokali u reġjonali;

P.

billi l-liġijiet ġodda jew emendati msemmija hawn fuq ġew adottati mid-Duma tal-Istat, li l-elezzjonijiet għalihom la kienu liberi u lanqas ġusti, kemm skont il-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE u kemm skont il-konklużjonijiet tal-PE;

Q.

billi ċerta proċeduri maħsuba biex jaffettwaw l-oppożizzjoni, bħal dawk biex iċaħħdu lil Gennady Gudkov, membru preċedenti tad-Duma mill-partit tal-oppożizzjoni Just Russia, mill-mandat parlamentari tiegħu, jistgħu jiġu interpretati bħala każijiet ta' applikazzjoni selettiva tal-ġustizzja u interferenza fl-attività politika leġittima;

1.

Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-ftehim il-ġdid, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna:

Dwar il-proċess tan-negozjati

(a)

jiżguraw li l-ftehim il-ġdid jipprovdi qafas komprensiv, progressiv u legalment vinkolanti għal żvilupp akbar fir-relazzjonijiet mar-Russja fis-snin li ġejjin, filwaqt li jqisu l-ħtieġa ta' sforzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma kollha li fihom l-interessi tal-UE u r-Russja aktarx li jaqblu, filwaqt li jiġu promossi interessi u valuri Ewropej f'oqsma fejn l-interessi ma jaqblux, kif ukoll il-ħtieġa ta' appoġġ għad-demokratizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż; jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li n-negozjati mar-Russja jkomplu b'pass tajjeb, filwaqt li jesprimu tħassib eżistenti fl-UE dwar in-nuqqas ta’ progress fin-negozjati attwali li ma wasslux f'dan l-istadju għar-riżultati mixtieqa; ifakkru li s-sħubija strateġika tista’ teżisti biss jekk iż-żewġ naħat jaqblu li jsegwu prinċipji demokratiċi universali; jenfasizzaw li r-relazzjoni UE-Russja għandha tiġi rregolata b'mod reċiproku;

(b)

jaħdmu b'mod attiv fuq il-konklużjoni tan-negozjati għal ftehim li jkun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat u konformi mal-kooperazzjoni li dejjem qed tiżdied u li qed issir aktar profonda; jiżguraw li n-negozjati jiġġeneraw fiduċja reċiproka u huma ffukati fuq riżultati tanġibbli u sustanza politika;

(c)

ifittxu kunsens fost l-Istati Membri tal-UE dwar l-objettivi u dwar il-proċess tan-negozjati ta' ftehim ġdid mar-Russja sabiex l-UE titkellem b’vuċi waħda b’saħħitha; jenfasizzaw l-importanza li l-Unjoni tinnegozja bħala korp wieħed u jissuġġerixxu li l-interessi tal-Istati Membri fir-rigward tar-Russja u viċeversa jiġu promossi u protetti aħjar fil-livell tal-Unjoni;

(d)

jagħtu attenzjoni mill-qrib dwar ir-rekwiżiti li l-UE beħsiebha tistabbilixxi fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u jqisu dan ir-rispett bħala prerekwiżit assolut għall-iffirmar ta' Ftehim UE-Russja;

(e)

jenfasizzaw li l-Ftehim il-ġdid ikun il-pass 'il quddiem loġiku u meħtieġ għar-relazzjonijiet UE-Russja, bi qbil mal-PCA attwali u wara l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO;

(f)

itennu, b'dan il-ħsieb, li l-UE għandha tinnegozja dan il-ftehim esklussivament mar-Russja u mhux mal-Unjoni Doganali li magħha tagħmel parti r-Russja;

(g)

itennu li l-modernizzazzjoni ekonomika u politika tar-Russja hi ta' interess komuni għaż-żewġ naħat u li l-UE tixtieq tħaffef dan il-proċess mibdi permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni; jenfasizzaw li l-politiki tar-Russja għal modernizzazzjoni ma jistgħux ikunu limitati għall-qasam ekonomiku u għandhom ikunu akkumpanjati minn riforma politika kompluta, bl-enfasi ewlenija fuq il-garanzija tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(h)

jieħdu pożizzjoni attiva fil-koordinazzjoni ta’ sħubijiet ta’ modernizzazzjoni bilaterali differenti tal-Istati Membri tal-UE mal-Federazzjoni Russa, b'hekk tiġi żgurata politika koerenti u aktar effiċjenti tal-UE;

Id-djalogu u l-kooperazzjoni politika

(i)

jissorveljaw b’attenzjoni l-evoluzzjoni interna fir-Russja, jaħdmu flimkien mal-protagonisti politiċi ewlenin, jappoġġjaw il-bini tal-istituzzjonijiet fir-Russja u l-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; jappoġġjaw b’mod attiv, b'dan il-mod, l-inizjattivi soċjali kollha li jfittxu li jibnu soċjetà ċivili bbażata fuq il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari dwar l-użu tal-internet għal dak il-għan;

(j)

jenfasizzaw kemm hu importanti li r-Russja tiżgura l-funzjonament ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti u imparzjali u li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(k)

jistiednu lir-Russja tirrispetta l-obbligu tagħha li tiggarantixxi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, sabiex tiġi żgurata l-leġittimità tas-sistema politika;

(l)

jenfasizzaw l-importanza ta' konformità sħiħa tar-Russja mal-obbligi legali internazzjonali tagħha u mal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem imniżżla fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li r-Russja hi firmatarja tagħhom it-tnejn; ifakkru li l-pluraliżmu politiku, il-libertà tal-midja, l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea, anke fuq l-internet u trejdjunjins effettivi u indipendenti, u n-nondiskriminazzjoni huma prekundizzjonijiet meħtieġa biex ir-Russja tkompli tiżviluppa u timmodernizza kif ukoll biex tagħmel il-kooperazzjoni strateġika bejn l-UE u r-Russja sostenibbli;

(m)

jenfasizzaw li, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, hemm bżonn li r-Russja terfa’ b’mod serju r-responsabilità tagħha għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali;

(n)

jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-klima li qed tmur għall-agħar fir-rigward tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni reċenti ta’ sensiela ta’ liġijiet dwar id-dimostrazzjonijiet, l-NGOs, il-malafama u r-regolazzjoni legali tal-internet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jwasslu għal infurzar arbitrarju, u dwar l-adozzjoni mid-Duma ta’ għadd ta’ emendi għal-liġi dwar it-tradiment u l-ispjunaġġ li jintroduċu dispożizzjonijiet ġodda fil-Kodiċi Kriminali li, potenzjalment, jistgħu jintużaw kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkru lill-awtoritajiet Russi li soċjetà moderna u prospera teħtieġ li tirrikonoxxi u tipproteġi d-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini kollha tagħha; iħeġġeu, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Russi biex jaħdmu fi żmien xieraq sabiex il-liġijiet imsemmija hawn fuq ikunu konformi mal-istandards internazzjonali, u sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-andament tan-negozjati;

(o)

jinsistu dwar it-tisħiħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Russja, sabiex dan isir għodda effettiva u orjentata fuq ir-riżultati biex jitħarsu aktar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; jistiednu, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet Russi biex ma jkomplux jagħmlu restrizzjonijiet inutli fuq id-dritt ta' assemblea paċifika, jiżguraw ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqfu l-impunità għal abbużi li seħħew u għal qtil ta' attivisti, joħolqu klima li fiha jistgħu jiffunzjonaw is-soċjetà ċivili u l-NGOs mingħajr restrizzjonijiet inutli, biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni, u jiżguraw konformità sħiħa mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jinkoraġġixxu liż-żewġ partijiet jiżguraw trasparenza akbar u ftuħ fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Russja, inter alia permezz tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti mill-ministeri kollha relevanti Russi fil-laqgħat ta' tħejjija mal-NGOs Russi u internazzjonali u fil-laqgħat ta' konsultazzjoni;

(p)

isostnu mill-ġdid b’fermezza li tentattivi ripetuti biex jitrażżnu d-drittijiet tal-bniedem, l-aktar il-libertà tal-espressjoni u l-assemblea, inkluż fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi fil-livelli reġjonali u federali jmorru kontra l-impenji tar-Russja skont il-kostituzzjoni tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jistieden lid-Duma, f’konformità mas-sentenza tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-każ Fedotova kontra r-Russja, biex ma tadottax projbizzjoni federali tal-“propaganda omosesswali”;

(q)

jenfasizzaw li l-awtoritajiet Russi għandhom itemmu l-impunità fil-pajjiż, kif ukoll il-persekuzzjonijiet, l-arresti u d-detenzjonijiet politikament motivati, u jenfasizza l-bżonn li jitwaqqaf l-użu ta’ miżuri ripressivi kontra l-oppożizzjoni politika; jiżguraw li jinxteħet dawl sħiħ fuq il-ħafna ksur tad-drittijiet tal-bniedem li saru, inkluż il-priġunerija ta’ Mikhail Khodorkovsky u l-imwiet ta’ Sergei Magnitsky, Alexander Litvinenko u Anna Politkovskaya, Natalya Estemirova u oħrajn, li għad iridu jiġu investigati b'mod imparzjali u indipendenti;

(r)

jappoġġaw il-pożizzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa rigward is-sentenza b’motivi politiċi kontra l-membri tal-grupp Pussy Riot, u jitolbu li jinħelsu minnufih;

(s)

jistiednu lir-Russja biex ma tużax il-kunċett ta' 'valuri tradizzjonali' biex tilleġitimizza d-diskriminazzjoni kontra gruppi ta' minoritajiet, twaqqaf id-dissidenti, jew tikser id-drittijiet tal-bniedem tal-poplu;

(t)

jinkorporaw klawsoli u kriterji ta' referenza fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġdid u komprensiv dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif imniżżla fil-Kostituzzjoni tar-Russja u jutilizza bl-aħjar mod possibbli l-oqsfa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta b’mekkaniżmu ċar ta’ sospensjoni f’każ ta’ ksur serju jew nuqqas ta’ konformità;

(u)

jenfasizzaw li s-soċjetà Russa b'mod ġenerali, kif ukoll is-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja jistgħu jiġu stimulati u jibbenefikaw minn sistema politika li tiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-partiti politiċi kollha u joffru kompetizzjoni reali u alternattivi politiċi effettivi; jistiednu, f’dan ir-rigward, lir-Russja biex tindirizza b’mod konkret ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar l-aħħar elezzjonijiet imressqa mill-OSKE;

(v)

jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar l-azzjonijiet biex tinqered il-korruzzjoni endemika li ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istat u tippreġudika l-isforzi ta' modernizzazzjoni; jinkludu wkoll it-termini speċifiċi għall-kooperazzjoni bejn ir-Russja u l-UE biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni transkonfinali;

(w)

jippromovu sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja fl-indirizzar ta' sfidi globali, bħan-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti ġodda jew li ilhom jeżistu fuq il-bażi tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi nazzjonali applikabbli, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-dimensjoni tal-Artiku, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-objettivi komuni ta' dik is-sħubija; jinsistu biex ir-Russja b’effett immedjat twaqqaf il-proliferazzjoni lejn il-pajjiżi li huma taħt embargo tal-armi mill-UE, l-OSKE u n-NU;

(x)

jikkooperaw mar-Russja biex terfa' r-responsabilità li ssaħħaħ l-istabbiltà, il-kooperazzjoni politika u l-iżvilupp ekonomiku fil-viċinat komuni, u jisħqu fuq id-dritt sovran ta’ kull pajjiż li jagħżel l-orjentament tal-politika barranija u l-arranġamenti tas-sigurtà tiegħu;

(y)

jistiednu lill-awtoritajiet Russi biex itemmu l-klima mifruxa ta’ impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas tal-istat tad-dritt fil-Kawkasu tat-Tramuntana;

(z)

iħeġġġu lir-Russja biex tiffaċilita b’mod attiv ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti ffriżati u jsaħħu l-kooperazzjoni UE-Russja sabiex tinstab soluzzjoni għall-konflitti fit-tul fil-Moldava u l-Kawkasu tan-Nofsinhar, fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u tal-prinċipji tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitt; jintensifikaw it-taħdidiet mar-Russja biex jiġi żgurat it-twettiq bla kundizzjoni tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-2008; jistiednu lir-Russja biex tirtira r-rikonoxximent tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar; u jippermettu l-aċċess sħiħ u liberu tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE f’dawn it-territorji tal-Ġeorġja;

(aa)

ikomplu bl-isforzi eżistenti bl-għan li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa ta' miżuri komuni li jwasslu biex titneħħa l-viża għal vjaġġar fuq perjodu qasir, bl-għan li titneħħa b'mod gradwali s-sistema tal-viża bejn il-pajjiżi ta' Schengen u r-Russja; jimxu kemm hu possibbli lejn faċilitazzjoni tal-viża għal akkademiċi, studenti, riċerkaturi, ġurnalisti, negozjanti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll għall-għanijiet ta’ skambji taż-żgħażagħ; jarmonizzaw l-applikazzjoni tal-kodiċi tal-viża mill-Istati Membri, għall-inqas fuq livell minimu fir-rigward tar-rekwiżiti;

(ab)

jenfasizzaw li r-regoli tal-viża tal-UE m’għandhomx jibbenefikaw minnhom kriminali u dawk li jabbużaw mid-drittijiet tal-bniedem; jagħti istruzzjonijiet lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tqiegħed ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Affarijiet Barranin;

(ac)

jenfasizzaw il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni xjentifika, kulturali u edukattiva, it-trawwim ta’ kuntatti minn poplu għal poplu u l-għarfien aħjar bejn is-soċjetajiet tal-UE u r-Russja;

Il-kooperazzjoni ekonomika

(ad)

jikkunsidraw sew il-kooperazzjoni ekonomika li qed tikber bejn l-UE u r-Russja, bħala swieq reċiproċi ta' importazzjoni u fornituri ta' prodotti, servizzi u enerġija;

(ae)

jimmonitorjaw mill-qrib u jevalwaw, jistimulaw u jappoġġjaw il-konformità tar-Russja mar-regoli tad-WTO u r-rieda tagħha li tuża s-sħubija tad-WTO bħala mutur għal riforma strutturali; jinkoraġġixxu, eventwalment, l-applikazzjoni tar-Russja għas-sħubija fl-OECD;

(af)

jenfasizzaw li l-konformità sħiħa tar-Russja mar-regoli tad-WTO hi prekundizzjoni meħtieġa, u standard minimu, għal ftehim mal-UE; f’dan ir-rigward, ostakoli eżistenti għal prodotti Russi importati u għas-servizzi għandhom jiġu riveduti mill-ġdid għall-konformità tagħhom mar-regoli tad-WTO u jekk ikun xieraq jitneħħew dawk l-ostakoli;

(ag)

jinsistu dwar ftehim bilaterali bejn l-UE u r-Russja, filwaqt li jagħmluha ċara li l-possibilità ta' ftehim bejn l-UE u l-Unjoni Doganali mmexxija mir-Russja tista' tiġi prevista biss, fuq terminu twil ta' żmien u ladarba l-ftehim bilaterali jidħol fis-seħħ;

(ah)

jinkoraġġixxu l-kontropartijiet Russi biex juru rieda politika ċara ħalli jintlaħaq ftehim dwar dispożizzjonijiet legalment vinkolanti fir-rigward ta' 'kummerċ u investiment' li jridu jkunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet diġà inklużi fil-PCA u li għandhom ikunu konformi mal-adeżjoni fid-WTO; ifakkru li l-objettiv tal-UE f'dan il-qasam hu li jitjieb u jistabbilizza ruħu l-ambjent tan-negozju, għaliex dan hu ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat u jkompli jippromovi l-objettivi stabbiliti mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni mnedija fl-2010;

(ai)

jindirizzaw il-problema li għad hemm tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati fir-Russja;

(aj)

jinkoraġġixxu lir-Russja tkompli bir-ristrutturar tal-ekonomija tagħha u taċċellera l-evoluzzjoni tagħha minn mudell iffukat fuq l-enerġija lejn mudell immexxi mill-industrija u s-servizzi bbażat fuq l-użu effiċjenti ta’ riżorsi u l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli; jenfasizzaw li l-prezzijiet taż-żejt huma volatili u li l-prezzijiet attwalment għolja m'għandhomx iservu ta' skuża biex tiġi posposta l-modernizzazzjoni meħtieġa tal-ekonomija;

(ak)

jenfasizzaw l-importanza li tinħoloq politika barranija Ewropea komuni dwar l-enerġija bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija permezz tal-bidu ta’ kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, ir-Russja u l-pajjiżi ta’ tranżitu;

(al)

iqisu l-fatt li għad hemm il-ħtieġa ta' sforzi konsiderevoli ta' investiment għal infrastrutturi li għadhom ta' żmien is-Sovjetiċi u li huma ta' importanza kruċjali kemm għall-ekonomija tar-Russja u kif ukoll għall-investimenti tal-UE;

(am)

jiggarantixxu l-inklużjoni ta' kapitlu sostanzjali u legalment vinkolanti dwar l-enerġija sabiex jiżgura provvista ta' enerġija affidabbli u kosteffikaċi għall-UE; jiżguraw li din is-sħubija tal-enerġija hi bbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza, tal-kompetizzjoni ġusta, tal-esklużjoni ta’ mġiba monopolistika, tar-reċiproċità u tan-nondiskriminazzjoni; jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet mhux solvuti relatati mal-provvista tal-enerġija għall-Istati Membri tal-UE; jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta dwar l-Enerġija jiġu inklużi bħala parti integrali mill-ftehim il-ġdid;

(an)

jiżguraw l-inklużjoni ta’ kapitolu legalment vinkolanti dwar l-introduzzjoni jew iż-żieda ta’ dazji fuq l-esportazzjoni ta’ materja prima;

(ao)

jissorveljaw u jinsistu dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza tal-impjanti nukleari fir-Russja, kemm dawk operattivi kif ukoll dawk fil-proċess ta’ kostruzzjoni, fuq il-premessa li jintużaw l-istrumenti u t-trattati kollha disponibbli; iħeġġu lir-Russja, f’dan ir-rigward, sabiex b’mod immedjat tirratifika u tikkonforma mal-Konvenzjoni tal-NU/KEE ((Espoo) dwar valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali;

(ap)

jistiednu lir-Russja tagħlaq ir-reatturi nukleari kollha bħal dawk ta’ Chernobyl u tal-bidu nett, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawk li jinsabu fil-qrib tal-fruntieri tal-UE u jesprimu tħassib serju dwar il-proġetti ta’ impjanti tal-enerġija nukleari f’Kaliningrad Oblast u Sosnovyi Bor;

(aq)

isaħħu aktar il-kooperazzjoni reċiproka fl-oqsma tar-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura u x-xjenza; irawwmu għarfien komuni dwar l-istorja tas-seklu għoxrin;

(ar)

jesprimu tħassib serju dwar it-tħaffir kummerċjali fl-Artiku u t-tniġġis mifrux madwar is-siti tat-tħaffir fir-Russja kollha;

(as)

jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet rigward il-kooperazzjoni parlamentari;

(at)

jinkludu punti ta’ riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-ftehim il-ġdid u jagħmel dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inklużi rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;

(au)

jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-PE, filwaqt li jipprovdu informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

2.

Jibqgħu viġilanti dwar ir-rekwiżiti li l-UE beħsiebha tistabbilixxi fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, u jqisu dan ir-rispett bħala prerekwiżit assolut għall-iffirmar ta’ Ftehim UE-Russja;

o

o o

3.

Jagħtu istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u lid-Duma tal-Istat Russu.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0409.

(2)  Test adottati, P7_TA(2012)0369.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2012)0286. .