|
23.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/24 |
P7_TA(2012)0470
Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE (2012/2094(INI))
(2015/C 434/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta’ Lulju 2012 intitolata “Il-promozzjoni, il-ħarsien u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem fl-Internet”, li tirrikonoxxi l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-moviment liberu tal-informazzjoni online (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, Frank La Rue, tas-16 ta' Mejju 2011 (A/HRC/17/27) u tal-10 ta' Awwissu 2011 (A/66/290), dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, li jenfasizzaw l-applikabilità ta’ normi u standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw id-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni fuq l-internet, meqjus bħala mezz ta’ komunikazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-28 ta’ Marzu 2008 (7/36) li tistabbilixxi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tas-16 ta’ Ġunju 2011 intitolat ‘Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti “Protezzjoni, Rispett, Rimedju” (li jirrifletti x-xogħol tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU John Ruggie), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Governattiv tal-Unjoni Interparlamentari fid-19 ta’ Ottubru 2011 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija” (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata “Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun” (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Baġit Ġenerali tal-2012 tad-29 ta’ Frar 2012, partikolarment is-sejħa għall-ħolqien tal-“Fond tal-Unjoni Ewropea għal-Libertà tal-Internet fid-Dinja” (9) |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali dwar “l-Istrateġija ta’ Mingħajr Skonnettjar”; |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011 intitolata “Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv” (COM(2011)0886), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni (12), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2011 bit-titlu “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” (COM(2011)0303), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 intitolata “Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss” (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea (17), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-każijiet urġenti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jqajmu tħassib rigward il-libertajiet diġitali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1334/2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju (18), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tat-18 ta’ Jannar 2012 u li jintroduċi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ICTs u għodod ta’ monitoraġġ (19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 264/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran u li jintroduċi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ICTs u għodod ta’ monitoraġġ (20), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tas-17 ta’ April 2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli (21), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0374/2012), |
|
A. |
billi l-iżviluppi teknoloġiċi jiffaċilitaw lill-individwi fid-dinja kollha l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) ġodda u l-konnessjoni mal-internet u b’hekk jippromwovu tibdiliet rivoluzzjonarji fis-soċjetajiet, il-funzjonament tad-demokrazija, il-governanza, l-ekonomija, in-negozju, il-midja, l-iżvilupp u l-kummerċ; |
|
B. |
billi l-internet hu faċilitatur ewlieni tal-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà ta’ għaqda u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, politiku u kulturali; |
|
C. |
billi hemm kunsens globali, rifless fid-dritt internazzjonali, li restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu previsti mil-liġi; |
|
D. |
billi d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu mħarsa u promossi mill-UE, kemm offline u wkoll online; |
|
E. |
billi l-inklużjoni, il-promozzjoni tal-ħiliet elettroniċi, u t-tnaqqis tad-distakki diġitali huma fatturi ewlenin li jrawmu l-potenzjal tal-internet u l-ICTs; |
|
F. |
billi l-ICTs, filwaqt li kienu strumenti prinċipali fl-organizzazzjoni tal-movimenti u dimostrazzjonijiet soċjali f’diversi pajjiżi b’kunsiderazzjoni speċjali għar-Rebbiegħa Għarbija, jintużaw ukoll bħala strumenti ta’ ripressjoni permezz taċ-ċensura (tal-massa), is-sorveljanza u l-monitoraġġ u t-traċċar tal-informazzjoni u l-individwi; |
|
G. |
billi l-ICTS jistgħu wkoll ikollhom rwol bħala strument utli għall-organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jippreparaw u jwettqu attakki; |
|
H. |
billi, fil-maġġorparti tal-każijiet, il-kuntest li fih jintużaw it-teknoloġiji jiddetermina l-impatt li jista’ jkollhom biex imexxu żviluppi pożittivi jew li jkollhom minflok impatt ta’ ripressjoni; |
|
I. |
billi dawn il-bidliet joħolqu kuntesti oħra li jeħtieġu applikazzjoni adattata tal-liġijiet fis-seħħ ibbażata fuq strateġija ta’ integrazzjoni tal-internet u l-ICTS fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; |
|
J. |
billi l-internet iffjorixxa u żviluppa b’mod organiku bħala pjattaforma b’valur pubbliku kbir; billi, madankollu, l-użu ħażin tal-opportunitajiet u l-istrumenti l-ġodda disponibbli permezz tal-internet joħloq ukoll riskji u perikli ġodda; |
|
K. |
billi l-internet sar ukoll fattur fl-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali u dan jeħtieġ sorveljanza kontinwa, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur; |
|
L. |
billi ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal każijiet fejn l-Internet jintuża għal attivitajiet illegali, bħal inċitament għall-mibegħda, vjolenza u attitudnijiet razzisti, propaganda totalitarja u l-aċċess tat-tfal għall-pornografija jew l-isfruttament sesswali tagħhom; |
|
M. |
billi n-natura globali u bla fruntieri tal-internet teħtieġ forom ġodda ta’ koperazzjoni internazzjonali u ta’ governanza ma’ diversi partijiet interessati; |
|
N. |
billi l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara: “L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkooperaw għal dan il-għan”; |
|
O. |
billi n-newtralità tan-net hija prinċipju essenzjali għal internet miftuħ, filwaqt li tiżgura l-kompetizzjoni u t-trasparenza; |
|
P. |
billi kemm is-sigurtà diġitali u wkoll il-libertà diġitali huma essenzjali u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin; |
|
Q. |
billi l-UE tmexxi biss billi tagħti eżempju dwar il-libertajiet diġitali meta dawn jiġu salvagwardjati fl-UE; |
Id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp
|
1. |
Jirrikonoxxi li l-aċċess mhux iċċensurat għall-internet miftuħ, it-telefowns ċellulari u l-ICTs kellhom impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li eżerċitaw effett abilitanti, billi espandew l-ambitu tal-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għal informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-libertà ta’ għaqda madwar id-dinja; |
|
2. |
Jirrikonoxxi l-potenzjal abilitanti, ta’ ħolqien u ta’ katalizzatur vast tal-internet miftuħ u tal-ICTs għall-bini tal-komunità, is-soċjetà civili, l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, xjentifiku, kulturali u politiku globali, filwaqt li dawn jikkontribwixxu għall-progress tal-umanità b’mod ġenerali; huwa konxju, madankollu, tar-riskji u l-perikli l-ġodda għad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mill-użu ħażin tal-ICTs; |
|
3. |
Jirrikonoxxi li l-internet u l-midja soċjali jippermettu lill-gvernijiet biex jimpenjaw ruħhom f’diplomazija diretta u jiffaċilitaw l-kuntatt bejn in-nies fid-dinja kollha; Jenfasizza li d-dibattiti miftuħa dwar l-ideat jistgħu jgħinu jirrifjutaw l-estremiżmu u jtejbu l-involviment u l-ftehim interkulturali; |
|
4. |
Iqis li l-kultura tiffavorixxi l-aċċess u l-kuntatt meta r-relazzjonijiet politiċi huma bblokati jew diffiċli; jirrikonoxxi li l-libertà u l-kultura huma konnessi ħafna u li d-diplomazija kulturali diġitali hija ta’ interess strateġiku għall-UE; |
|
5. |
Jirrikonoxxi r-rwol tal-libertà artistika, u l-libertà ta’ imitazzjoni u ta’ użu mill-ġdid, bħala elementi fundamentali għall-kreattività u l-libertà ta’ espressjoni u ideat; hu konxju l-preżenza sinifikanti tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet fl-ekosistema tad-drittijiet tal-awtur, speċjalment fl-oqsma tal-ġurnaliżmu, iċ-ċitazzjonijiet, is-satira, l-arkivji, il-libreriji u fl-iżgurar ta’ aċċess għal u tal-użu tal-wirt kulturali; |
|
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod xieraq il-fatt li hemm pajjiżi li qed japplikaw ir-ripressjoni u l-kontroll taċ-ċittadini, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-attivisti, filwaqt li n-negozji f'xi pajjiżi jinvolvu element teknoloġiku akbar f'termini tal-imblukkar tal-kontenut u l-monitoraġġ u l-identifikazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, l-attivisti u d-dissidenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġixxi kontra l-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni leġittima online u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva li tiġġustifika tali miżuri; jafferma mill-ġdid, għalhekk li tali prattiċi jmorru kontra l-kriterji ta’ Kopenħagen; |
|
7. |
Jenfasizza li r-rikonoxximent u l-implimetazzjoni tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva mill-fornituri ta’ servizzi tal-internet, l-iżviluppaturi tas-softwer, il-produtturi ta’ ħardwer, is-servizzi/midja ta’ netwerks soċjali, eċċ huma neċessarji sabiex jiġu żgurati l-libertà tal-azzjoni u s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-libertà ta’ espressjoni; |
|
8. |
Jenfasizza li l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertajiet diġitali għandhom jiġu integrati u rieżaminati kull sena biex jassiguraw responsabbiltà u kontinwità fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, il-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament u għajnuna, taħt it-tmexxija tar-Rappreżentant Għoli u tas-SEAE; jitlob approċċ proattiv f’dan ir-rigward u azzjoni li tiżgura li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni orizzontali bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE; |
|
9. |
Jappoġġja r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li l-aċċess sikur għall-internet hu parti mill-kriterji ta’ Kopenħagen u li l-limitazzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni, inkluż fuq l-internet, għandhom ikunu ġġustifikati minn neċessità soċjali imperattiva u, b’mod partikolari, għandhom ikunu proporzonati mal-għan leġittimu previst; |
|
10. |
Hu konxju tat-tħassib dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online li jeżistu fil-pajjiżi kollha, filwaqt li jirrikonoxxi d-differenzi kritiċi li jaffettwaw il-kuntest li fih jintużaw l-ICTs bħal fil-każijiet tal-eżistenza tal-istat tad-dritt u d-dritt għal rimedju; |
|
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-istrateġiji interni proprji tal-Kummissjoni meta tkun qed tiddefendi restrizzjonijiet strettament neċessarji u proporzjonati dwar id-drittijiet fundamentali, u fiż-żamma ta’ prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali, bħal li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi u ma għandhomx jiġu introdotti b’mod ad hoc mill-industrija; |
|
12. |
Jinkoraġġixxi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isemmi l-libertajiet diġitali u “l-Istrateġija ta’ Mingħajr Skonnettjar” fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu; |
|
13. |
Jenfasizza li l-politiki effettivi tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE jirrikjedu l-integrazzjoni tal-ICTs u t-tnaqqis tad-distakk diġitali, billi jipprovdu infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi u jiffaċilitaw l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni u jippromwovu l-litteriżmu diġitali madwar id-dinja; |
|
14. |
Iqis li l-ICTs jiffaċilitaw it-trasparenza u l-governanza tajba, il-litteriżmu, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, il-monitoraġġ effettiv tal-elezzjonijiet u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru, b’mod partikolari f’żoni rimoti jew f’soċjetaijiet li qed jiżviluppaw; |
|
15. |
Jenfasizza li l-politiki fil-qasam tal-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandhom jinkludu programm ta’ għajnuna li jippromwovi l-libertajiet diġitali, primarjament f’soċjetajiet f’pajjiż mhux demokratċi, kif ukoll f’pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjonijiet postkonflittwali jew politiċi; jemmen li l-esperti regolatorji tal-UE huma interlokuturi essenzjali għall-finijiet tat-taħriġ tal-kontrapartijiet u biex id-drittjiet u l-prinċipji bażiċi jiġu inklużi fir-regolamenti u fil-leġiżlazzjoni l-ġdida (tal-midja) f'pajjiżi terzi; jenfasizza li l-għajnuna fil-forma tal-bini ta’ infrastrutturi għall-ICTs tiġi suġġetta għall-implimentazzjoni u l-preservazzjoni ta’ aċċess miftuħ għall-internet u informazzjoni online; kif ukoll għal-libertà diġitali b’mod aktar ġenerali; |
|
16. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu żviluppati ICTs f'żoni ta' kunflitt sabiex jiġu promossi attivitajiet relatati mal-konsolidazzjoni tal-paċi fil-livell tas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li jiġu provduti komunikazzjonijiet sikuri bejn il-partijiet involuti fir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflittti, biex b’hekk jiġu ffaċċjati b’mod attiv l-ostakoli fiżiċi u r-riskji li jaffettwaw il-kuntatti bilaterali għall-persuni u l-organizzazzjonijiet f’dawn iż-żoni; |
|
17. |
Jittama li l-użu xieraq tat-teknoloġiji ta’ kommunikazzjoni l-ġodda, u b’mod partikolari l-midja soċjali, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija diretta fost iċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi terzi billi jinħolqu pjattaformi soċjali għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni; |
|
18. |
Jenfasizza li l-ġbir u t-tixrid diġitali ta’ evidenza ta’ ksur tad-drittjiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità; iqis li dan il-materjal għandu jkun ammissibbli skont il-liġi internazzjonali (kriminali) bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji; |
|
19. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi assigurat li materjali tal-art rari użati fil-produzzjoni tal-ICTs jinkisbu f’kundizzjonijiet li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u ambjentali, u mhumiex suġġetti għall-prattiċi ta’ monopolju jew suġġetti għal limitazzjoni ta’ aċċess kummerċjali introdotti minħabba raġunijiet strettament politiċi; jemmen li approċċ multilaterali għall-iżgurar ta’ aċċess għal materjal tal-art rari f’kundizzjonijiet umanitarji jikkostitwixxi ħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi; |
Il-kummerċ
|
20. |
Jirrikonoxxi li l-internet sar parti mill-ispazju pubbliku fejn jinħolqu forom ġodda ta' kummerċ transkonfinali, flimkien ma' żvilupp tas-suq innovattiv, kif ukoll interazzjoni soċjali u kulturali; jemmen li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ transkonfinali għandhom imorru id f’id biex joħolqu u jottimizzaw l-opportunitajiet ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija diġitali globali; |
|
21. |
Huwa konxju li hemm tħassib li kull ma jmur, ċertu nies qed jisimgħu t-terminu “drittijiet tal-awtur” (copyright) u jobogħdu dak li jirrappreżenta; jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellha l-politika tal-kummerċ barrani fit-tiswir tal-mekkaniżmi tal-infurzar tad-drittijiet tal-awtur; |
|
22. |
Jiddeplora l-fatt li teknoloġiji u servizzi magħmula fl-UE huma xi drabi użati f’pajjiżi terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem permezz taċ-ċensura tal-informazzjoni, il-monitoraġġ tal-massa, is-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fin-networks tat-telefonija (mobbli) u fl-internet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji kollha sabiex twaqqaf dan il-“kummerċ ta’ armi diġitali”; |
|
23. |
Jitlob li jkun hemm projbizzjoni ta' teknoloġiji u servizzi ta' repressjoni għal reġimi awtoritarji; jemmen li din it-tip ta' projbizzjoni għandha tistabbilixxi preċedent għall-miżuri restrittivi strutturali; iqis bħala prudenti, madankollu, li jkun speċifikat li dawn il-projbizzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skont il-każ, b'kunsiderazzjoni ta' speċifikazzjonijiet fit-trattatament ta' żoni ta' kunflitt jew reġimi awtoritarji; |
|
24. |
Jikkunsidra l-prodotti u s-servizzi teknoloġiċi tal-imblukkar immirat, is-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-interċettazzjoni bħala beni ta' 'użu uniku', u għalhekk jitlob li tiġi stabbilita lista regolarment aġġornata ta’ pajjiżi li jiksru l-libertà tal-espressjoni fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem u li l-esportazzjoni lejhom għal oġġetti ta’ “użu uniku” għandha tiġi projbita; |
|
25. |
Jenfasizza l-bżonn li s-sanzjonijiet tal-UE fuq it-teknoloġiji fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu implimetati u sorveljati sabiex jiġi assigurat li l-Istati Membri jikkonformaw magħhom bl-istess mod u jinżammu l-istess kundizzjonijiet; |
|
26. |
Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tipprovdi lill-kumpaniji li jinsabu f’dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, b’ informazzjoni f’ħin reali dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta’ kuntratti kummerċjali; Dan għandu japplika ukoll għal kumpaniji mill-UE jew li huma bbażati fl-UE li jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali ma’ gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, kemm jekk biex jakkwistaw il-liċenzji ta’ operat jew biex jinnegozjaw il-klawżoli ta’ sospensjoni jew billi jaċċettaw l-involviment pubbliku fl-operazzjonijiet kummerċjali jew l-użu pubbliku tan-networks u s-servizzi tagħhom; |
|
27. |
Jenfasizza l-importanza ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw l-ICTs; |
|
28. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, matul is-sena 2013, l-aktar tard, proposti li jeżiġu aktar trasparenza u responsabilizzazzjoni mill-kumpaniji bbażati fl-UE, kif ukoll l-iżvelar tal-politiki ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jitjiebu l-monitoraġġ ta’ esportazzjonijiet ta’ ICTs, ta’ prodotti u servizzi intiżi għall-imblukkar ta’ websajts, is-sorveljanza tal-massa, it-traċċar u l-monitoraġġ ta’ individwi, l-inċertazzjoni ta' konversazzjonijiet privati (emails) u l-filtraġġ ta’ riżultati ta’ tfittix; |
|
29. |
Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal qafas legali tal-UE li jobbliga lill-kumpaniji li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku fl-Istati Membri biex jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fuq l-ICTs partikolari, ibda mill-fażi tar-R&Ż, u jiżguraw in-nuqqas ta’ kompliċità fil-ksur possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi; |
|
30. |
Jemmen li l-kumpaniji għandhom jiddisinjaw u jimplimentaw prattiki kummerċjali maħsuba biex jimmonitorjaw l-impatt possibbli ta’ prodotti ġodda tal-ICT fuq id-drittijiet tal-bniedem, anke fil-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp, u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kompliċità fi vjolazzjonijiet possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi. jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lin-negozji tal-UE b'firxa wiesgħa ta' tagħrif biex tiżgura l-bilanċ korrett bejn l-interessi tan-negozju u r-responsabilità soċjali korporattiva. |
|
31. |
Jiddeplora, f’dan ir-rigward, l-involviment attiv tal-kumpaniji Ewropej u l-kumpaniji internazzjonali li joperaw fl-UE fil-pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom iwettqu politiki ripressivi kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dissidenti politiċi fir-rigward tad-drittijiet diġitali, l-aċċess tal-internet u l-ICTs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi lill-kumpaniji li qed jipparteċipaw f’tali attivitajiet mill-proċeduri għall-akkwist pubbliku u s-sejħiet għal offerti tal-UE; |
|
32. |
Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi n-negozji tal-UE b’firxa wiesgħa ta’ informazzjoni u gwida, fuq il-bażi tal-“Prinċipji ta’ Ruggie” tan-NU, sabiex jassiguraw il-konformità kemm tal-interessi kummerċjali u tar-responsabilità korporattiva soċjali; |
|
33. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jikkunsidra l-effett tat-twaqqif ta' standards teknoloġiċi għall-ICT u prodotti u servizzi tat-telekom tal-UE, fejn tali prodotti u servizzi jiġu esportati għal pajjiżi terzi fejn kunċetti bħall-“interċettazzjoni legali” għandhom implikazzjonijiet differenti, pereżempju fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix; |
|
34. |
Jirrikonoxxi li l-internet sar spazju pubbliku kif ukoll suq fejn il-fluss ħieles ta’ informazzjoni u l-aċċess għall-ICTs huma indispensabbli għalih; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ ħieles għandhom jiġu promossi u protetti b’mod simultanju sabiex jiġi inkoraġġut u appoġġat l-iskambju ħieles ta’ ideat kif ukoll opportunitajiet kummerċjali akbar għaċ-ċittadini tal-UE f’ekonomija globali li qed issir dejjem aktar diġitali; |
|
35. |
Jitlob għall-inklużjoni tal-klawsoli tal-kundizzjonalità fil-ftehimiet tal-kummerċ ħieles tal-UE, filwaqt li jiġu stipulati salvagwardji trasparenti li jippreżervaw l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-Internet u jiżguraw il-fluss liberu ta’ informazzjoni; |
|
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-mandati għal negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali, kif ukoll l-andament tan-negozjati nfushom, iwasslu b'mod effikaċi biex jintlaħqu objettivi importanti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi tagħha u l-istat ta’ dritt, ir-realizzazzjoni ta' suq diġitali uniku ġenwin u r-rispett għall-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp; |
|
37. |
Jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ politiku lill-kumpaniji Ewropej li f’pajjiżi terzi qed jiġu mitluba jneħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’mod li jikser id-drittijiet fundamentali u jrażżen il-libertà li jsir negozju |
|
38. |
Jistieden lill-UE tisfida u timminimizza l-impatt extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE online; |
|
39. |
Jinnota li l-kummerċ elettroniku żviluppa barra l-oqfsa regolatorji tradizzjonali tal-kummerċ. jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni internazzjonali akbar fid-WTO u fil-WIPO biex jiġi mħares is-suq diġitali globali u jiġi żgurat l-iżvilupp tiegħu; jitlob li fid-WTO jsiru reviżjoni u aġġornament tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li hemm fis-seħħ attwalment u li l-UE tesplora l-possibilitajiet ta’ Ftehim dwar Ekonomija Diġitali Internazzjonali (IDEA); |
|
40. |
Jistieden lill-Kummissjoni ma tittrasferixxix l-infurzar u t-talbiet tad-drittijiet tal-awtur lill-operaturi ekonomiċi fil-ftehimiet kummerċjali futuri, kif ukoll tiżgura li l-azzjonijiet li jinterferixxu mal-liġi tal-libertà tal-internet ikunu jistgħu jitwettqu biss skont l-istat tad-dritt u b'awtorità ġudizzjarja; |
|
41. |
Iqis li l-aċċess ristrett tan-negozji u tal-konsumaturi online tal-UE għas-swieq (diġitali) permezz ta’ ċensura tal-massa f’pajjiżi terzi jikkostitwixxi miżuri protezzjonisti u ostakli għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija biex tiġġieled il-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess għan-negozji tal-UE għas-swieq online tagħhom; |
|
42. |
Jitlob lill-UE tistinka biex tassigura li r-regolazzjoni tal-internet u l-ICTs tinżamm f'livell ġustifikat u xieraq u sseħħ biss meta l-UE tqis li hija neċessarja; |
|
43. |
Jitlob l-inklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ ripressjoni mmirati fil-Ftehim Wassenaar; |
|
44. |
Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna jipprovdu appoġġ politiku lill-kumpaniji tal-UE li joperaw f'pajjiżi terzi fejn jiffaċċjaw talbiet biex ineħħu l-kontenut iġġenerat mill-utenti, irażżnu l-libertà tas-servizzi jew jipprovdu informazzjoni personali b'tali mod li jikser id-drittijiet fundamentali; jindika li l-impriżi diġitali ħafna drabi joperaw mingħajr fruntieri, u li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi tista' taffettwa b'mod negattiv lill-utenti u l-konsumaturi Ewropej; għalhekk, jistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-impatt ta' leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li joperaw fl-UE jkun minimizzat; |
|
45. |
Jinnota li involviment u regolamentazzjoni akbar mill-gvernijiet ixekklu n-natura miftuħa u mhux ristretta tal-internet, u b’hekk ikunu qed jillimitaw il-potenzjal li jkun hemm aktar kummerċ elettroniku u jirrestrinġu lin-negozji tal-UE li joperaw fl-ekonomija diġitali; jemmen li approċċ li jkun jinvolvi partijiet interessati multipli joffri l-aħjar approċċ biex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interess pubbliku u dak privat fuq l-internet u s-suq globali; jitlob li jsir sforz internazzjonali biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex tkun tista’ sseħħ l-espansjoni tal-ekonomija diġitali, inklużi reġimi regolatorji liberali, u jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-benefiċċji reċiproċi skont il-prinċipju tal-kummerċ għall-bidla; |
|
46. |
Iqis li r-restrizzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-swieq diġitali u l-konsumaturi online permezz, fost affarijiet oħra, ta' ċensura statali tal-massa jew aċċess ristrett għas-suq għall-fornituri Ewropej tas-servizzi online f’pajjiżi terzi tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu mekkaniżmu ta’ salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur, u speċjalment dawk li jkun fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw is-servizzi online u l-komunitajiet ta' utenti online li jaqsmu l-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-ICT tal-UE ma jkunux meħtieġa minn partijiet terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-websajts, ineħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’modi li jikkontravjenu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden barra minn hekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġija biex tisfida l-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq online globali; |
|
47. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' qafas regolatorju ġdid dwar l-esportazzjonijiet ta' użu doppju, li jkun jindirizza l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi u li jkun jipprevedi rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ għall-Kummissjoni; |
IL-governanza tal-Internet
|
48. |
Iqis li t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun trasparenti u kollaborattiv huwa essenzjali biex jassigura r-rispett lejn in-natura miftuħa u parteċipatorja tal-internet; iqis li kwalunkwe dibattitu fuq ir-regolamenti li jikkonċernaw l-internet għandu jkun kemm jista’ jkun miftuħ u jinvolvi l-partijiet interessati kollha, speċjalment dawk interessati fil-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali kif ukoll utenti ta' kuljum tal-internet; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tar-regoli bażiċi tal-libertà diġitali u n-normi ta’ mġiba fiċ-ċiberspazju, inkluż fil-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, filwaqt li tqis ukoll il-ġurisdizzjonijiet konflittwali; |
|
49. |
Jinnota li fil-preżent, l-istruttura tal-internet hija relattivament nieqsa mir-regolamenti u li hi governata b’approċċ li jinkludi ħafna partijiet interessati; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tassigura li l-mudell b’ħafna partijiet interessati jkun inklussiv u li n-negozji żgħar, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-utenti ma jiġux maħkuma minn ftit negozji kbar u parteċipanti tal-gvern; |
|
50. |
Iqis li l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-atturi privati fuq kwistjonijiet li jirrgwardaw l-ICT ma għandhiex tkun ibbażata fuq l-impożizzjoni ta’ obbligi diretti u indiretti fuq l-ISPs sabiex jiġu adottati liġijiet permezz tas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tal-internet. |
|
51. |
Jenfasizza l-importanza ta’ strateġija ġenerali tal-UE għall-governanza tal-internet, kif ukoll għal kwestjonijiet relatati mar-regolamenti tat-telekomunikazzjonijiet, u fakkar li s-settur jitmexxa internazzjonalment permezz tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, fejn l-Istati Membri tal-UE kollha jkollhom vot wieħed; |
|
52. |
Huwa mħasseb dwar il-proposti tal-koalizzjonijiet tal-gvernijiet u tan-negozji li jippruvaw jintroduċu sorveljanza regolatorja u żieda fil-kontroll governattiv u privat fuq l-internet u fuq l-operazzjonijiet tat-telekom; |
|
53. |
Jistieden lill-UE tindirizza u tirreżisti l-impatt extraterritorjali tal-liġijiet ta' pajjiżi terzi, speċifikament il-liġijiet dwar l-IPR tal-Istati Uniti, fuq iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-impriżi tal-UE; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr l-Istrateġija tagħha għall-Cloud Computing madwar l-UE kif evidenzjat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa; |
|
54. |
Ifakkar li l-Internet, il-konnessjoni u l-ħżin tad-data u l-ICTs huma partijiet essenzjali mill-infrastruttura kritika tal-UE; |
|
55. |
Jiddispjaċih għall-pressjoni fl-UE għal aktar setgħat sabiex jiġu bblukkati websajts, li għandha tkun miżura għal meta ma jkunx hemm għażla oħra possibbli; |
|
56. |
Jappoġġa bis-sħiħ il-prinċipju tan-newtralità tan-net, jiġifieri li fornituri tas-servizzi tal-internet ma jimblukkawx, ma jiddiskriminawx kontra, ma jxekklux, jew ma jiddegradawx, anki permezz ta’ tariffi, l-abilità ta' kwalunkwe persuna li tuża servizz biex ikollha aċċess, tuża, tibgħat, tippowstja, tirċievi, jew toffri kwalunkwe kontenut, applikazzjoni, jew servizz tal-għażla tagħha irrispettivament mis-sors jew il-mira; |
|
57. |
Iqis li hija meħtieġa aktar kooperazzjoni globali biex jiġu appoġġati u modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-ġejjieni, peress li din hija vitali biex jiġu żgurati l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kummerċ dinji miftuħ; |
|
58. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw il-politika tal-IPR sabiex dawk li jixtiequ jkomplu joħolqu l-kontenut tagħhom stess u jaqsmuh mal-oħrajn mingħajr l-akkwist ta' IPR jitħallew jagħmlu hekk; |
|
59. |
Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi qafas regolatorju ġdid għall-kummerċtranskonfinali online, valutazzjoni u reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex jiġu garantiti l-prevedibbiltà u l-flessibbiltà fl-ambitu tar-reġim tad-dritt tal-awtur tal-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED), li jistgħu jibbilanċjaw il-ħtieġa għar-riforma dwar id-drittijiet tal-awtur u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali online u li jiġi ppreservat l-internet miftuħ u li jista’ jservi bħala bażi għad-dispożizzjonijiet tal-IPR u l-impenji fl-FTAs tal-futur; |
Strateġija tal-libertà diġitali
|
60. |
Jirrikonoxxi li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ukoll jiġu protetti online, u jemmen li l-ICTs għandhom jiġu integrati fil-programmi kollha tal-UE, b’mod partikolari fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fl-isħubijiet strateġiċi, biex imexxu dan l-isforz; |
|
61. |
Jitlob li l-UE tirrikonoxxi l-libertajiet diġitali bħala drittijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispenabbli għat-tgawdija tad-drittijiet universali tal-bniedem bħall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u l-aċċess għall-informazzjoni u jiżguraw it-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika; |
|
62. |
Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jappoġġaw, jagħtu t-taħriġ u s-setgħa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti li jużaw l-ICTs fl-attivitajiet tagħhom u jassiguraw id-drittijiet fundamentali tal-privatezza, tal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u l-libertà tal-assoċjazzjoni online; |
|
63. |
Jitlob lill-Istati Membri biex ma jużawx l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku bħala miżura ristrettiva sabiex jiġu limitati d-drittijiet fundamentali ta’ asssemblea u demostrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jfakkar li tali eċċezzjoni għandha tkun immotivata u proporzjonata; |
|
64. |
Jitlob appoġġ politiku u diplomatiku għal-libertajiet diġitali fil-pajjiżi reċipjenti tal-għajnuna tal-UE, minbarra l-programmi ta’ assistenza; |
|
65. |
Iqis li r-restrizzjoni tal-libertajiet diġitali għandha titieħed kompetament inkunsiderazzjoni fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li dawk li jirċievu l-assistenza u l-għajnuna mill-UE, ħlief dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt qawwi li jbatu minn diżastri jew li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' post-kunflitt jew ta' post-diżastru, għandhom jiġu rikjesti jużaw l-ICTs sabiex iżidu t-trasparenza u r-responsabilità; |
|
66. |
Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni jinkludu fin-negozjati tal-adeżjoni u n-negozjati ta’ ftehimiet qafas ma’ pajjiżi terzi, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-negozjati dwar il-kummerċ u l-forom kollha ta’ kuntatt relatat mad-drittijiet tal-bniedem, il-klawsoli tal-kundizzjonalità li jistipulaw il-ħtieġa li jiġi garantit u rispettat l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-internet u l-libertajiet diġitali; |
|
67. |
Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jippromwovu u jippreservaw standards għoljin ta’ libertà diġitali fl-UE, partikolarment billi jikkodifikaw il-prinċipju tan-newtralità tan-net permezz ta' regolamenti adegwati, sabiex isaħħu l-kredibilità tal-Unjoni rigward il-promozzjoni u d-difiża tal-libertajiet diġitali madwar id-dinja; |
|
68. |
Iqis li l-ħolqien ta’ sinerġija tal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, is-sigurtà u l-politika barranija u l-allinjament tal-valuri u l-interessi tagħhom huma indispensabbli biex l-Unjoni tkabbar il-poter ekonomiku tagħha u taġixxi bħala attur globali fid-difiża tal-libertajiet diġitali; |
|
69. |
Iqis li l-koordinazzjoni u l-inizjattivi diplomatiċi konġunti mal-pajjiżi tal-OECD l-oħra fl-iżvilupp u l-eżekuzzjoni ta’ strateġija ta’ libertà diġitali huma essenzjali għal azzjoni effiċjenti u rapida; |
|
70. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw Starteġija ta’ Libertà Diġitali fil-politika barranija tal-UE kemm jista’ jkun malajr; |
o
o o
|
71. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni u lill-SEAE. |
(1) http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session20/Pages/ResDecStat.aspx
(2) Riżoluzzjoni adottata b’unanimità mill-Kunsill Governattiv tal-IPU fil-189 sessjoni tiegħu (Bern, 19 ta’ Ottubru 2011) http://www.ipu.org/english/issues/hrdocs/189/is01.htm
(3) http://eeas.europa.eu/delegations/un_geneva/press_corner/focus/events/2012/20120625_en.htm
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0250.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0237.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0140.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0126.
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0059.
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0511.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0364.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0334.
(13) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.
(14) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(15) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 33.
(16) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.
(17) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.
(18) Testi adottati, P7_TA(2011)0406.
(19) ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.
(20) ĠU L 87, 24.3.2012, p. 26.
(21) http://unesdoc.unesco.org/images/0013/001325/132540e.pdf