11.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 72/87


Il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012
Elezzjonijiet f'Ġeorġja

P7_TA(2012)0411

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar l-elezzjonijiet f'Ġeorġja (2012/2816(RSP))

2014/C 72 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Ġeorġja dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), approvat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006 u li jistipula l-objettivi strateġiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2012 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-riżultati preliminari u l-konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali għall-elezzjoni parlamentari Ġeorġjana tal-1 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġeorġja tal-15 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-PEV dwar il-Ġeorġja ppubblikat fil-15 ta' Mejju 2012,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huma essenzjali biex il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea jkompli miexi 'l quddiem u biex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jirnexxu; billi l-istabbilità politika domestika tal-Ġeorġja u l-attenzjoni għar-riforma interna huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja;

B.

billi l-Ġeorġja hi wieħed mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi, waqt is-Summit ta' Varsavja, il-mexxejja tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant affermaw mill-ġdid li s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq komunità ta' valuri u l-prinċipji ta' libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt;

C.

billi l-aktar elezzjonijiet parlamentari reċenti li saru fil-Ġeorġja fl-1 ta' Ottubru 2012 kienu ħielsa u ġusti, kif ukoll konformi mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment; billi l-libertajiet ġenerali tal-assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta' espressjoni ġew rispettati u l-poplu Ġeorġjan, minkejja kampanja politika polarizzata ħafna esprima r-rieda tiegħu liberament;

D.

billi l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ħadu nota tal-valutazzjoni preliminari tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar il-mod li bih imxew l-elezzjonijiet parlamentari fil-Ġeorġja li seħħew fl-1 ta' Ottubru 2012;

E.

billi għad fadal xi kwistjonijiet kruċjali tal-kodiċi elettorali x'jiġu indirizzati, b'mod partikulari fir-rigward ta' ċerti rakkamandazzjonijiet preċedenti importanti li saru mill-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja, pereżempju fir-rigward tad-disparitajiet fid-daqs tal-popolazzjoni fost il-kostitwenzi b’membru wieħed;

F.

billi l-Ġeorġja, bħala sieħeb importanti tal-UE, wera l-impenn sħiħ tiegħu għal standards demokratiċi matul dawn l-elezzjonijiet parlamentari;

G.

billi t-territorji separatisti Ġeorġjani tal-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja għadhom de facto okkupati mill-Forzi Armati Russi; billi, minkejja l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied f'sitt punti li ġie ffirmat fl-2008 mill-Federazzjoni Russa u l-Ġeorġja, l-aċċess tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fl-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja għadu mxekkel;

H.

billi l-UE baqgħet impenjata favur u kompliet tappoġġa bis-sħiħ l-integrità u s-sovranità territorjali tal-Ġeorġja u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fil-Ġeorġja;

I.

billi x-xandir ta' videos li juru t-tortura ta' persuni maqfula fil-ħabsijiet Ġeorġjani kkawża protesti mifruxa u żvela mġiba ħażina mill-aġenziji governattivi responsabbli għal-liġi u l-ordni; billi rriżenjaw żewġ ministri minħabba dan l-iskandlu;

1.

Jifraħ lill-poplu tal-Ġeorġja għal dan il-pass sinifikanti li wassal għall-konsolidament tad-demokrazija f'pajjiżu; jilqa' l-elezzjonijiet parlamentari demokratiċi tal-1 ta' Ottubru 2012 li tmexxew bi qbil mal-impenji tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa minkejja li għad fadal xi kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati; jenfasizza li din l-elezzjoni tirrapreżenta pass importanti lejn l-iżvilupp demokratiku tal-Ġeorġja u għall-ġejjieni politiku tal-pajjiż; jilqa' l-ewwel każ ta' tranżizzjoni ta' poter permezz ta' elezzjonijiet demokratiċi, ħielsa u ġusti li seħħew fil-Ġeorġja;

2.

Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika barranija tal-UE huwa li jittejbu u jitkattru r-relazzjonijiet mal-Ġeorġja;

3.

Jilqa' l-progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja u jafferma mill-ġdid il-valuri, il-prinċipji u l-impenji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba;

4.

Jinkoraġġixxi lill-partiti politiċi kollha tal-Ġeorġja biex jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv matul il-perjodu ta' tranżizzjoni li ġej u wara, sabiex jiżguraw l-istabilità, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza t-tajba, fuq il-bażi ta' rispett sħiħ tar-rieda tal-poplu tal-Ġeorġja espressa demokratikament;

5.

Jistieden lill-forzi politiċi kollha biex juru trażżin, u għandu fiduċja li se jkun hemm kooperazzjoni kostruttiva bejn il-poteri eżekuttivi u leġiżlattivi fil-Ġeorġja matul il-perjodu probabbli ta' koabitazzjoni; jinnota li l-perjodu ta' koabitazzjoni kostituzzjonali se jirrikjedi sforz konġunt biex jinstabu kompromess u kunsens politiċi waqt li jiġu kompletament rispettati l-Kostituzzjoni Ġeorġjana u l-liġijiet kardinali tagħha; jenfasizza li relazzjonijiet kostruttivi bejn il-President, il-Gvern u l-Parlament huma essenzjali għall-kredenzjali demokratiċi u l-governanza tal-Ġeorġja;

6.

Jilqa' l-istqarrija tal-President Saakashvili, li jaċċetta t-telfa tal-partit tiegħu fl-elezzjonijiet u jenfasizza li din l-istqarrija fi stadju tant bikri wara l-elezzjonijiet tagħti indikazzjoni pożittiva fir-rigward tad-demokrazija fil-Ġeorġja; iqis dan bħala ġrajja straordinarja fil-pajjiż u fir-reġjun fejn il-mexxejja ta' wara l-perjodu Sovjetiku diversi drabi ċedew l-uffiċċju biss wara pressjoni minn protesti tal-massa jew theddid ta' gwerra ċivili;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jindirizzaw bis-sħiħ in-nuqqasijiet kollha identifikati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali inklużi r-rakkomandazzjonijiet mill-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-kodiċi elettorali;

8.

Jilqa' l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-obbligi ta' trażmissjoni u ta' offerta, li kkontribwixxew b'mod sinifikattiv għall-pluraliżmu tal-midja qabel l-elezzjonijiet;

9.

Jinnota li minkejja l-ambjent elettorali polarizzat u minli tensjoni, il-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea kienu, b'mod ġenerali, rispettati; hu konxju, madankollu, li f'xi każi kien hemm inċidenti ta' fastidju u intimidazzjoni ta' attivitisti u sostenituri tal-partiti li ħassru l-ambjent tal-kampanja;

10.

Jenfasizza l-importanza ta' demokrazija li taħdem bis-sħiħ biex tiġi adottata u implimentata liġi stretta u effikaċi dwar il-finanzjament tal-partiti, kif ukoll liġi dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali u attwali sabiex ikun hemm linja ċara ta' separazzjoni bejn l-interessi privati u pubbliċi għal min jokkupa kariga pubblika;

11.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġeorġjani jinvestigaw u jieħdu passi dwar il-każijiet kollha ta' trattament ħażin u ta' tortura fil-ħabsijiet Ġeorġjani u jitlob għal riforma profonda u effikaċi tas-sistema penitenzjarja; bi qbil mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jilqa' d-deċiżjoni tal-ministru tal-ħabsijiet fil-Ġeorġja biex jifforma grupp ta' monitoraġġ biex l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja jitħallew jidħlu fil-faċilitajiet biex jikkontrollaw il-kundizzjonijiet;

12.

Jinsisti li l-gvern il-ġdid irid ikompli jiġġieled il-korruzzjoni u jimplimenta r-riformi politiċi diġà mibdija mill-gvern attwali;

13.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw l-appoġġ meħtieġ għall-amministrazzjoni l-ġdida u jkomplu bid-djalogu li għaddej biex jiżguraw il-kontinwità u li jinżamm il-momentum fin-negozjati għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jikkunsidraw, bi qbil mal-prinċipju "aktar għal aktar", li jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex jitlestew in-negozjati dwar l-iskema ta' eżenzjoni mill-viżi bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv;

14.

Jerġa' jafferma l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jittama li kemm il-Ġeorġja u kemm ir-Russja jkompli jittrattaw b'mod attiv ir-riżoluzzjoni tal-konflitt mingħajr prekundizzjonijiet; jittama li l-Ġeorġja tkompli timpenja lilha nnifisha fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra u tkompli ssegwi politika effettiva hi u tittratta mar-reġjuni separatisti;

15.

Jitlob lill-VP/RGħ biex taħdem aktar sabiex tinkoraġġixxi lir-Russja tikkonforma mal-Pjan ta’ Sarkozy ta’ sitt punti biex il-kunflitt fil-Ġeorġja jiġi stabbilizzat u solvut; jitlob, f'dan ir-rigward, lir-Russja sabiex tirtira t-truppi tagħha mit-territorji separatisti Ġeorġjani tal-Abkhazia u tal-Ossezja tan-Nofsinhar biex tippermetti l-aċċess bla xkiel tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) għal dawn iż-żewġ provinċji;

16.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-gvern il-ġdid iżomm l-involviment kostruttiv tal-Ġeorġja fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar il-pass kajman tan-negozjati u n-nuqqas ta' kwalunkwe progress sostanzjali bejn iż-żewġ partijiet fid-Diskussjonijiet ta' Ġinevra dwar is-Sigurtà u l-Istabbiltà fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u jitlob impenn b'saħħtu bil-għan li tintlaħaq konformità sħiħ mas-sitt punti kollha tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ta' Settembru 2008; jinnota l-istedina tar-rappreżentanti tal-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana" biex jieħu sehem fil-21 rawnd ta' taħdidiet għall-paċi b'medjazzjoni internazzjonali dwar il-kunflitti Ġeorġjani li se jsir f'Ġinevra;

17.

Jistenna bil-ħerqa l-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehim il-ġdid ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja f'konformità mal-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż u jenfasizza l-importanza tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Ġeorġja biex jitkomplew ir-riformi ekonomiċi, soċjali u politiċi; jilqa' l-impenn tal-UE biex jintlaħaq l-objettiv ta' vjaġġar mingħajr viża u jistenna lill-partijiet biex jagħmlu progress sostanzjali f'dan ir-rigward;

18.

Jistenna li l-maġġoranza l-ġdida u l-gvern il-ġdid ikomplu jikkooperaw mal-UE u n-NATO, u jittama li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja jibqgħu b'saħħithom; jilqa' l-impenn espress mill-gvern Ġeorġjan favur it-tkomplija tal-integrazzjoni Ewro-Atlantika ulterjuri u d-determinazzjoni tiegħu li jibni fuq ir-riżultati tal-ħidma tajba li saret mill-awtoritajiet preċedenti;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżent Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politikà ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-OSKE.


(1)  Testi adottati P7_TA(2011)0514.