|
11.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 72/59 |
Il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012
Ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2011
P7_TA(2012)0405
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2011 (2012/2049(INI))
2014/C 72 E/08
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2011, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 24, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 228 u l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 (1) dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994, dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim qafas dwar il-kooperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Ombudsman tal-1 ta' Jannar 2009 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0297/2012), |
|
A. |
billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2011 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-22 ta' Mejju 2012, u billi l-Ombudsman, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fid-19 ta' Ġunju 2012 fi Brussell; |
|
B. |
billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228"; |
|
C. |
billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jilqa' lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha; |
|
D. |
billi skont l-Artikolu 298 tat-TFUE "l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti", u billi l-istess Artikolu joffri jipprovdi dwar l-adozzjoni, għal dak il-għan, ta’ leġiżlazzjoni sekondarja speċifika, fil-forma ta’ regolamenti, applikabbli għall-amministrazzjoni kollha tal-UE; |
|
E. |
billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni"; |
|
F. |
billi l-amministrazzjoni ħażina ma sseħħx biss meta korp pubbliku jonqos milli jaġixxi skont regola jew prinċipju li jkunu vinkolanti għalih, u billi l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jesiġu li l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom il-kultura tas-servizz u jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jiġu ttrattati kif xieraq u jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ; |
|
G. |
billi din id-definizzjoni ma tillmitax l-amministrazzjoni ħażina għal każijiet li fihom ir-regola jew il-prinċipju li qed jinkisru jkunu legalment vinkolanti; billi l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jmorru lil hinn mil-liġi, u jesiġu li l-istituzzjonijiet tal-UE mhux biss jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda jkollhom ukoll kultura tas-servizz u jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jiġu ttrattati kif xieraq u jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ; |
|
H. |
billi fl-2011 l-Ombudsman irċieva 2 510 ilment (2 667 fl-2010), fetaħ 396 inkjesta (335 fl-2010) u għalaq 318-il inkjesta (326 fl-2010); billi mit-total ta' 2 544 ilment ipproċessati mill-Ombudsman fl-2011, 698 (27 %) kienu jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tiegħu (744 fl-2010); |
|
I. |
billi 1 321 ilment li waslu kienu jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza ta' membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi dan in-Netwerk huwa magħmul minn Ombudsmen nazzjonali u reġjonali; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament huwa membru sħiħ tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; |
|
J. |
billi fl-2011 l-Ombudsman ittrasferixxa 59 ilment lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi 147 ilment intbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea u 591 lil istituzzjonijiet u korpi oħra, inklużi SOLVIT u l-Pariri tal-Ewropa Tiegħek, kif ukoll lil Ombudsmen speċjalizzati jew lil korpi oħra li jittrattaw l-ilmenti fl-Istati Membri; |
|
K. |
billi kważi 61 % tal-ilmenti li waslu fl-2011 kienu ppreżentati bl-użu tal-internet; billi aktar minn nofs l-ilmenti ppreżentati bl-internet (53 %) saru permezz tal-formola elettronika tal-ilmenti fil-websajt tal-Ombudsman; |
|
L. |
billi l-għadd ferm anqas ta' talbiet għal informazzjoni matul is-snin reċenti juri s-suċċess tal-gwida interattiva tal-Ombudsman, li ilha disponibbli fil-websajt tal-Ombudsman minn Jannar 2009; |
|
M. |
billi l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman naqas għal 1 846 fl-2011, li huwa l-livell l-aktar baxx iddokumentat mill-2003 ‘l hawn; |
|
N. |
billi, tradizzjonalment, l-akbar numru ta' petizzjonijiet tressqu minn ċittadini Ġermaniżi u Spanjoli; billi fl-2011 Spanja kienet fl-ewwel post, segwita mill-Ġermanja, il-Polonja u l-Belġju; billi, bi proporzjon mad-daqs tal-popolazzjoni tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-ilmenti ġew mil-Lussemburgu, Ċipru, il-Belġju, Malta u s-Slovenja; |
|
O. |
billi l-Ombudsman fetaħ total ta' 396 inkjesta, li minnhom 382 kienu bbażati fuq ilmenti u 14 infetħu fuq inizjattiva tiegħu stess; billi l-għadd ta' inkjesti li nfetħu fl-2011 kien l-ogħla li qatt kien hemm; |
|
P. |
billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kkonċernaw il-Kummissjoni Ewropea (231), u warajha l-EPSO (42); billi l-għadd ta' inkjesti li nfetħu li jikkonċernaw il-Parlament Ewropew naqas b'aktar minn nofs meta mqabbel mal-2010; billi l-għadd ta' inkjesti li jikkonċernaw il-Kunsill żdied b'terz; |
|
Q. |
billi fl-2011 l-Ombudsman għalaq 318-il inkjesta; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn l-inkjesti (66 %) ingħalqu fi żmien sena, u terz minnhom ingħalqu fi żmien tliet xhur; billi t-tul medju ta' żmien tal-inkjesti kien ta' għaxar xhur; |
|
R. |
billi f'64 każ l-Ombudsman ma sabx li kien hemm amministrazzjoni ħażina; billi l-fatt li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina mhuwiex eżitu negattiv billi l-kwerelant jista' jibbenefika minn spjegazzjoni sħiħa mill-istituzzjoni konċernata, u l-eżitu jservi bħala evidenza li l-istituzzjoni aġixxiet f'konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba; |
|
S. |
billi f'84 mill-każijiet magħluqa kien hemm eżitu pożittiv u l-istituzzjoni kkonċernata aċċettat soluzzjoni amikevoli jew li l-kwistjoni tiġi riżolta; billi l-Ombudsman jagħmel ħiltu biex tinstab soluzzjoni amikevoli kull meta jkun possibbli; billi l-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE hija essenzjali biex tinstab soluzzjoni amikevoli; |
|
T. |
billi f'47 każ l-Ombudsman sab li kien hemm amministrazzjoni ħażina, u fi 13-il każ li fihom instab li kien hemm amministrazzjoni ħażina, l-istituzzjoni konċernata aċċettat parzjalment jew bis-sħiħ abbozz ta' rakkomandazzjoni; |
|
U. |
billi 35 każ ingħalqu b'rimarka kritika, u 39 każ ingħalqu b'rimarki addizzjonali bl-għan li l-istituzzjonijiet konċerntai jiġu megħjuna jtejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet konċernati; |
|
V. |
billi l-Ombudsman jippubblika kull sena r-riżultati tiegħu dwar s-segwitu li l-istituzzjonijiet jagħtu lil rimarki kritiċi u addizzjonali; |
|
W. |
billi r-rata globali ta' segwitu sodisfaċenti għal rimarki kritiċi u addizzjonali fl-2010 kienet ta' 78 %; billi s-segwitu għal rimarki addizzjonali kien sodisfaċenti f'95 % tal-każijiet, filwaqt li s-segwitu għal rimarki kritiċi kien ferm aktar baxx, jiġifieri 68 %; |
|
X. |
billi fl-2011 l-Ombudsman ħareġ 25 abbozz ta' rakkomandazzjoni, u għalaq 13-il każ meta l-istituzzjoni konċernata aċċettat abbozz ta' rakkomandazzjoni, parzjalment jew bis-sħiħ; |
|
Y. |
billi fl-2011 l-Ombudsman ma ressaq l-ebda rapport speċjali lill-Parlament; |
|
Z. |
billi l-Baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, maqsuma fi tliet titoli: it-Titolu 1 jikkonċerna s-salarji, l-allowances, u nfiq ieħor marbut mal-persunal; it-Titolu 2 ikopri l-binjiet, l-għamara, it-tagħmir, u nfiq mixxellanju għall-operat; it-Titolu 3 jikkonċerna l-infiq li jirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali mwettqa mill-istituzzjoni; |
|
1. |
Japprova r-rapport annwali għas-sena 2011 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew; |
|
2. |
Jinnota li fl-2011 l-Ombudsman għen lil aktar minn 22 000 ċittadin, li minnhom 2 510 ressqu lmenti, 1 284 talbu informazzjoni u 18 274 kisbu pariri permezz tal-gwida interattiva fil-websajt tal-Ombudsman; |
|
3. |
Jinnota l-fatt li fis-snin reċenti l-għadd totali ta' lmenti mressqa lill-Ombudsman naqas gradwalment, b'mod partikolari l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-mandat tiegħu; qed isegwi b'interess dan il-fenomenu sabiex jivvaluta hemmx rabta diretta bejn dan it-tnaqqis u l-introduzzjoni tal-gwida interattiva; |
|
4. |
Jinnota li f'aktar minn 65 % tal-ilmenti li l-Ombudsman ittratta, irnexxielu jew jiftaħ inkjesta jew jirreferi lill-kwerelant għal korp kompetenti, bħal membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, għall-Kummissjoni Ewropea jew għal korp ieħor li jittratta l-ilmenti (eż. SOLVIT); jinnota li fl-2011 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva 59 ilment mill-Ombudsman; |
|
5. |
Jinnota li t-tipi ewlenin ta' allegata amministrazzjoni ħażina li l-Ombudsman investiga fl-2011 ikkonċernaw kwistjonijiet ta' legalità (28 % tal-inkjesti), talbiet għal informazzjoni (16.2 %), ekwità (13.6 %), raġunijiet għal deċiżjonijiet u possibilitajiet ta' appell (8.1 %), limiti ta' żmien raġonevoli biex jittieħdu deċiżjonijiet (7.3 %), talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti (7.1 %), nuqqas ta' diskriminazzjoni (6.8 %) u l-obbligu ta' tweġiba għall-ittri fil-lingwa taċ-ċittadini u li jiġi indikat l-uffiċjal kompetenti (5.8 %); |
|
6. |
Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-inkjesti miftuħa mill-Ombudsman fl-2011 ikkonċernaw il-Kummissjoni Ewropea (231), bl-EPSO fit-tieni pożizzjoni (42); iqis li peress li l-Kummissjoni hija l-istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini, huwa loġiku li tkun hi li tirċievi l-aktar ilmenti; |
|
7. |
Jinnota bi pjaċir li l-għadd ta' inkjesti li l-Ombudsman fetaħ fir-rigward tal-Parlament Ewropew naqas b'aktar minn nofs meta mqabbel mal-2010; jinnota li l-għadd ta' inkjesti li nfetħu mill-Ombudsman li jikkonċernaw il-Kunsill tal-UE żdied b'terz; |
|
8. |
Jinnota li fl-2011 l-Ombudsman immodifika l-proċeduri tiegħu biex jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini li jagħmlu użu minnohom, u li daħħal tip ġdid ta' inkjesta – "inkjesta ta' kjarifika" – li tippermetti li min iressaq l-ilment jiċċara l-ilment tiegħu jekk l-Ombudsman, meta jaqrah l-ewwel darba, ma jkunx konvint li hemm raġunijiet biex istituzzjoni tintalab l-opinjoni tagħha dwar każ; |
|
9. |
Jirrimarka li l-Ombudsman issa jistieden attivament lill-kwerelanti biex jagħmlu osservazzjonijiet meta ma jkunux sodisfatti bit-tweġiba ta' istituzzjoni, filwaqt li qabel il-kwerelanti kellhom jagħmlu lment ġdid jekk ma kinux sodisfatti bis-sostanza ta' tweġiba; |
|
10. |
Huwa kuntent li dan l-approċċ wassal biex l-Ombudsman għalaq anqas każijiet bħala "riżolti mill-istituzzjoni" u għalaq għadd akbar ta' każijiet ikklassifikati bħala "ebda amministrazzjoni ħażina" jew "mhumiex ġustifikati inkesti addizzjonali"; |
|
11. |
Jinnota li l-Ombudsman irrieżamina wkoll it-trattament ta' lmenti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-mandat tiegħu, li issa jiġu ttrattati mid-dipartiment tar-Reġistru fl-uffiċċju tal-Ombudsman li jiżgura li l-kwerelanti jiġu infurmati malajr kemm jista' jkun li l-Ombudsman ma jistax jittratta l-ilmenti tagħhom u li jingħataw parir dwar lil min għandhom iressqu l-ilment tagħhom; |
|
12. |
Jirrimarka li stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru fl-2011 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tal-UE (4) wera li ċ-ċittadini jagħtu valur kbir lid-dritt tagħhom li jressqu lment lill-Ombudsman Ewropew u li kienu biss id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fl-Unjoni, u d-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba, li fil-fehma tagħhom kienu aktar importanti; |
|
13. |
Ifaħħar lill-Ombudsman għall-pubblikazzjoni ta' ktejjeb bl-isem Problemi mal-UE? Min jista' jgħinek? li fih informazzjoni komprensiva dwar mekkaniżmi ta' soluzzjoni tal-problemi għal ċittadini li jaffaċċjaw problemi mal-UE, u għall-fatt li din il-pubblikazzjoni hija disponibbli f'format awdjo u b'tipa kbira; |
|
14. |
Jenfasizza l-fatt li, mikejja li fi snin reċenti sar xi progress, il-proporzjon ta’ lmenti pproċessati li rkienu tassew fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman fl-2011 reġgħet kienet relattivament baxxa (madwar 27 %), u li għaldaqstant għandha tiġi kkunisdrata sensibilizzazzjoni publika aktar komprensiva u proattiva – partikolarment f’kooperazzjoni stretta mal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali, mal-Parlament u mal-Kummissjoni – dwar l-isfera ta’ responsabbiltà tal-Ombudsman; |
|
15. |
Jaqbel mal-Ombudsman li dikjarazzjoni diretta u konċiża dwar il-valuri fundamentali li l-imġiba tal-uffiċjali tal-UE għandha tirrifletti tista' tippromwovi b'mod effikaċi l-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizz pubbliku Ewropew u fl-istituzzjonijiet tal-UE li jservi; |
|
16. |
Jikkondividi l-fehma tal-Ombudsman li istituzzjoni li fiha hija ingastata kultura ta' servizz ma tqisx l-ilmenti bħala theddida, iżda bħala opportunità biex tikkomunika b'mod aktar effikaċi u, jekk ikun sar żball, biex tirrimedja għal dan l-iżball u tislet tagħlimiet għall-ġejjieni; |
|
17. |
Ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 41) tinkludi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni; |
|
18. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea biex jaġixxu skont il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, adottat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 (5); |
|
19. |
Jilqa’ l-isforzi kostanti u kostruttivi tal-Ombudsman, pereżempju permezz tal-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet relevanti, biex jiffaċilita t-tfassil ta’ regolament dwar il-proċeduri amministrattivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea. jenfasizza li tali leġiżlazzjoni, li għandha tieħu ħsieb li jkun hemm standards minimi vinkolanti u garanziji proċedurali fl-isferi kollha tal-amministrazzjoni diretta tal-UE, tista’ tissejjes fuq l-Artikolu 298 tat-TFUE, u li għandu jkun hemm konsultazzjoni mill-qrib mal-Ombudsman fl-abbozzar tagħha; |
|
20. |
Jikkondividi l-fehma tal-Ombudsman li l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jmorru lil hinn mil-liġi, u jesiġu li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE mhux biss jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda jkollhom ukoll kultura tas-servizz u jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jiġu ttrattati kif xieraq u jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ; |
|
21. |
Ifaħħar lill-Ombudsman talli ppubblika u qassam lill-persunal fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE Il-Gwida tal-Ombudsman Ewropew għall-Ilmenti, bl-għan li jinkoraġġixxi lill-amministrazzjoni tal-UE ttejjeb il-prestazzjoni tagħha billi tapprofondixxi l-impenn tagħha favur il-prinċipji ta' kultura ta' servizz għaċ-ċittadini; |
|
22. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni tal-Ombudsman man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u jitlob biex din il-kooperazzjoni tkun diretta, inter alia, lejn il-promozzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħala strument ġdid għall-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni tal-UE u lejn l-iżgurar li dan l-istrument ma jkunx tqil wisq għaċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tekniċi; |
|
23. |
Ifakkar li t-Tmien Seminar Nazzjonali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen sar f'Kopenħagen f'Ottubru 2011; ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu huwa membru sħiħ tan-Netwerk u li l-Kumitat kien rappreżentat fis-Seminar; ifakkar li fis-Seminar, il-membri tan-Netwerk qablu li jsibu modi biex jinfurmaw aħjar liċ-ċittdadini fl-Ewropa dwar id-drittijiet tagħhom; |
|
24. |
Ifakkar li fis-Seminar, l-Ombudsman ippreżenta abbozz ta' test dwar il-prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali tal-UE li fih identifika ħames tali prinċipji, jiġifieri l-impenn favur l-UE u ċ-ċittadini tagħha, l-integrità, l-oġġettività, ir-rispett għall-oħrajn u t-trasparenza; jinnota li l-Ombudsman organizza konsultazzjoni pubblika dwar dawn il-prinċipji u li l-verżjoni finali tat-test ġiet ippubblikata fid-19 ta' Ġunju 2012; |
|
25. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Ombudsman eżerċita s-setgħat tiegħu b’mod attiv u bilanċat, bi spirtu ta’ kunsens reali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi l-oħra tal-UE, matul il-perjodu ta’ rappurtar; |
|
26. |
Jinsisti li l-Ombudsman għandu jkompli jiżgura l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi, filwaqt li jevita duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-persunal u f’kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet eżistenti oħra tal-UE, biex bis-saħħa ta' effiċjenza jiġu ffrankati l-flus għall-Baġit tal-UE; |
|
27. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-ombudsmen tagħhom jew lill-korpi kompetenti simili. |
(1) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 172.
(2) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(3) Adottati fit-8 ta' Lulju 2002 u emendati bid-deċiżjonijiet tal-Ombudsman tal-5 ta' April 2004 u t-3 ta' Diċembru 2008.
(4) http://www.ombudsman.europa.eu/en/press/statistics.faces
(5) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.