11.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 72/48


Il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012
Is-sitwazzjoni fil-Kambodja

P7_TA(2012)0402

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Kambodja (2012/2844(RSP)

2014/C 72 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapporti tas-16 ta' Lulju u l-24 ta' Settembru 2012 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

wara li kkunsidra l-21 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet tal-24 ta' Settembru 2012,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton tal-1 ta' Ottubru 2012 dwar il-kundanna mogħtija lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-Elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tas-27 ta' Lulju 2008 fil-Kambodja,

wara li kkunsidra l-ittra komuni tal-1 ta' Ottubru 2012 mill-għaxar NGOs lill-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE de Gucht,

wara li kkunsidra l-iskema ta' kummerċ tal-UE 'kollox minbarra armi' (EBA), li tippermetti lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), inklużi l-Kambodja, aċċess mingħajr xkiel għall-esportazzjonijiet kollha tagħhom, minbarra armi, lejn l-UE,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Kambodja hija firmatarju tagħhom,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1998 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni konkluż fl-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja (1), b'mod partikolari l-Artikolu 1 (ir-rispett għad-Drittijiet tal-Bniedem), l-Artikolu 19 (il-ksur tal-ftehim) u l-Anness I rigward l-Artikolu 19 (sospensjoni tal-ftehim jekk parti minnhom tikser l-Artikolu 1).,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU waqt is-62 sessjoni tagħha fit-13 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu preċedenti dwar il-Kambodja, b'mod partikulari dik tal-21 ta' Ottubru 2010 (2),

wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-aħħar rapport mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja jirrikonoxxi li wara għoxrin sena ta' konflitt, u mill-Ftehim ta' Paċi ta' Pariġi fl-1991, il-Kambodja għamlet progress fis-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

B.

billi erba' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem akkużati b'reati kontra l-istat - Mom Sonando, Kap tal-Assoċjazzjoni tad-Demokratiċi tal-Kambodja u Direttur tar-Radju Beehive, u l-kodifensuri tiegħu, Phorn Sreoun, Touch Ream u Kann Sovann - kienu kkundannati mill-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penjh fl-1 ta' Ottubru 2012;

C.

billi l-forzi tas-sigurtà komplew jużaw forza eċċessiva kontra d-dimostranti; billi fis-26 ta' April 2012 Chut Wutty, promotur ewlieni tal-ambjent li investiga esplojtazzjoni illegali tal-foresti (logging), ġie ffuċillat mill-pulizija; billi fit-22 ta' Mejju 2012 tlettax-il mara attivisti miż-żona Boeung Kak kienu arrestati b'mod arbitrarju u kkundannati għal perjodi twal ta' ħabs għaliex għamlu protesta paċifika fuq sit ta' żvilupp li jaffettwa l-komunità; billi dawn ġew illiberati wara pressjoni internazzjonali għalkemm il-kundanna tagħhom baqgħet; billi fis-16 ta' Mejju 2012, tifla ta' erbatax-il sena, Heng Chantha, kienet fuċillata mill-forzi tas-sigurtà u ma saret l-ebda investigazzjoni dwar il-qtil tagħha;

D.

billi minħabba l-politika dwar il-Konċessjoni Ekonomika tal-Art tal-Gvern (ELC), f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-inqas 400 000 persuna ġew spustati u tteħditilhom arthom, darhom u l-mezz ta' għajxien tagħhom mill-awtoritajiet u minn negozji, u dan wassal għal ġlied vjolenti mal-komunitajiet u kompla affettwa ħażin is-sitwazzjoni tal-faqar;

E.

billi sa minn Awwissu 2012 il-Gvern tal-Kambodja ta għall-inqas 2 157 744 ettari ta' konċessjonijiet ekonomiċi ta' art lil aktar minn 200 kumpanija, ħafna drabi bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Art tal-2001 u ma tax każ ta' salvagwardji bħall-obbligi li ma jingħatawx konċessjonijiet f'żoni protetti, jagħmel valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u jakkwista l-approvazzjoni libera, minn qabel u infurmata tal-komunitajiet indiġeni;

F.

billi l-Prim Ministru, Hun Sen, f'Mejju 2012, ħareġ direttiva li tistabbilixxi moratorium dwar konċessjonijiet ekonomiċi ġodda tal-art u li tistipula reviżjoni tal-konċessjonijiet eżistenti; billi minkejja d-direttiva għall-inqas ingħataw 12-il konċessjoni, minħabba lakuna fid-direttiva li tippermetti l-konklużjoni ta' konċessjonijiet ta' art ġodda li diġà jinstabu fi stadu avanzat ta' negozjati jew li diġà hemm ftehim fil-prinċipju; billi effettivament ma kienx hemm reviżjoni tal-konċessjonijiet tal-art eżistenti u l-ebda waħda minn dawk problematiċi ma ġiet ikkanċellata;

G.

billi skont ir-riżultati ewlenin tar-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, jeżitu lakuni prinċipali fl-amministrazzjoni tal-elezzjonijet fil-Kambodja u hemm ħtieġa ta' riformi urġenti biex il-poplu tal-Kambodja jikseb fiduċja fil-proċess elettorali hekk kif il-pajjiż riesaq lejn l-elezzjonijiet ġenerali tiegħu f'Lulju 2013;

H.

billi wara l-aħħar elezzjonijiet nazzjonali fil-Kambodja, il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE kkonkludiet li l-elezzjonijiet ma laħqux l-istandards ta' elezzjonijiet demokratiċi u sejħet lill-Gvern tal-Kambodja biex iwettaq numru ta' riformi elettorali fundamentali;

I.

billi l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna lill-Kambodja;

1.

Jikkundanna s-sentenzi kollha politikament motivati u l-kundanni kontra l-kritiċi politiċi, il-politiċi tal-oppożizzjoni parlamentari, l-aktar ta' Sam Rainsy, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u attivist tal-art, u jiddeplora l-imwiet ta' Chut Wutty u Heng Chantha, it-tnejn maqtula waqt li kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal protesta paċifika;

2.

Jitlob sabiex jinħelsu immedjatament u mingħajr kundizzjoni Mom Sonando u kritiċi oħra tal-gvern u attivisti tad-drittijiet tal-art li qed jinżammu arrestati biss għal raġunijiet politiċi;

3.

Jenfasizza li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu identifikati u miżmuma responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

4.

Jenfasizza l-importanza tal-konklużjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU li turi li jeħtieġ jiġu indirizzati u li jinstab rimedju għal diversi każi ta' ksur serju u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan biex iwaqqaf it-tkeċċijiet furzati, jirrevedi d-direttiva ta' Mejju 2012 u jintroduċi u jsaħħaħ moratorium dwar it-tkeċċijiet fil-Kambodja sakemm jitwaqqfu qafas legali trasparenti u responsabbli u politiki relevanti li jiżguraw li l-konċessjonijiet ekonomiċi futuri tal-art jingħataw bi qbil mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jiżguraw li dawk kollha mkeċċija jingħatalhom kumpens garantit u akkomodazzjoni alternattiva xierqa;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga ż-żieda fl-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja bħala riżultat ta' konċessjonijiet ekonomiċi tal-art li ingħataw għall-iżvilupp agroindustrijali marbut mal-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli lejn l-Unjoni Ewropea, u sabiex temporanjament tissospendi l-preferenzi EBA dwar prodotti agrikoli mill-Kambodja f'każijiet fejn abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jiġu identifikati; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Prim Ministru tal-Kambodja biex iwaqqaf il-konċessjoni ekonomiċi tal-art il-ġodda u l-wiegħda tiegħu li jirrevedi l-konċessjonijiet eżistenti;

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja, lill-Kumitat dwar l-Elezzjoni Nazzjonali u lill-kumitat dwar l-elezzjoni provinċjali biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet reċenti tan-NU dwar ir-riforma tas-sistema elettorali biex jiżguraw li din tikkonforma mal-istandards internazzjonali qabel, matul u waqt it-tfigħ tal-voti; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tan-NU mill-awtoritajiet tal-Kambodja;

8.

Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni ta' Sam Rainsy, il-mexxej tal-Partit Sam Rainsy, li ġie kkundannat fuq akkużi li allegatament huma motivati politikament; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja u l-partiti tal-oppożizzjoni jaħdmu lejn rikonċiljazzjoni sabiex l-oppożizzjoni tkun tista' jkollha rwol sħiħ fil-politika tal-Kambodja u fl-elezzjonijiet li ġejjin, sabiex tipprovdi kredibilità lill-proċess elettorali;

9.

Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Kambodja jsaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali - b'mod partikolari l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea - għaliex dawn il-valuri jiffurmaw element essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Kambodja, kif definit fl-Artikolu 1 ta' dak il-Ftehim;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u tal-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.


(1)  ĠU L 269, 19.10.1999, p. 18.

(2)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 90.