7.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 68/21


It-Tlieta 23 ta’ Ottubru 2012
Id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport

P7_TA(2012)0371

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport (2012/2067(INI))

2014/C 68 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Titolu IV tal-Parti 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonċerna l-moviment liberu tal-persuni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kommissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport (COM(2011)0898),

wara li kkunsidra l-opinjoni tat-23 ta' Mejju 2012 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta’ nies b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta’ persuni li jivvjaġġaw bl-ajru (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0287/2012),

A.

billi minn meta ġew stabbiliti l-objettivi rilevanti fil-White Paper tal-Kummissjoni tal-2001, ġie żviluppat pakkett estensiv ta’ drittijiet tal-passiġġieri tal-UE għall-mezzi kollha tat-trasport, jiġifieri għat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija u bit-toroq, li jiggarantixxi protezzjoni minima lil min jivvaġġa u fl-istess ħin jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni uniformi għall-impriżi tat-trasport;

B.

billi, madankollu, uħud minn dawn id-drittijiet tal-passiġġieri għadhom mhux qed jiġu applikati b’mod sħiħ mill-impriżi tat-trasport, u lanqas ma qed jiġu ssorveljati b'mod armonizzat jew infurzati kif suppost mill-awtoritajiet nazzjonali kollha; billi wħud mir-regolamenti eżistenti naqsu milli jipprovdu ċarezza dwar id-drittijiet tal-passiġġieri jew ir-responsabilitajiet tal-fornituri tas-servizzi u għalhekk jeħtieġ li jiġu riveduti; billi, minbarra dan, il-passiġġieri mhumiex infurmati tajjeb dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-kwalità ta’ servizz li huma intitolati li jistennew, u spiss huwa diffiċli li jippreżentaw u jiksbu d-drittijiet legali tagħhom;

C.

billi din il-valutazzjoni hija kkonfermata wkoll permezz ta’ studju li tmexxa mir-rapporteur mal-Membri Parlamentari u l-persunal tal-PE;

D.

billi l-Kummissjoni, permezz tal-aħħar komunikazzjoni tagħha u ta’ inizjattivi reċenti oħra (reviżjoni tar-Regolament (KE) 261/2004 dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru); id-Direttiva 90/314/KEE dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż (“package travel”)), għandha l-intenzjoni li tikkontribwixxi biex tiċċara u ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport;

E.

billi għandha tingħata attenzjoni biex tkun evitata l-burokrazija żejda għal operaturi tal-linja żgħar f'żoni rurali, li ħafna drabi joffru servizz komunitarju siewi għal żoni iżolati;

F.

billi huwa essenzjali li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtieġa tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ servizzi tal-linja rurali u l-ħtiega li jiġi żgurat li l-piż ma jkunx tqil b’mod li jwassal biex dawn is-servizzi ma jkunux vijabbli fil-futur;

G.

billi livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur huwa garantit mill-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

H.

billi għad hemm problema kontinwa bit-trasparenza tal-prezzijiet għall-konsumaturi meta dawn jirriservaw il-biljetti minn fuq l-internet,

Qafas Ġenerali

1.

Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet attwali dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u li dawn jittejbu jekk ikun meħtieġ, u jilqa’ l-komunikazzjoni preżenti bħala sommarju utli tar-riżultati li ntlaħqu s’issa;

2.

Jenfasizza li l-passiġġieri tal-ajru ma għandhomx biss drittijiet iżda anki obbligi, li r-rispett tagħhom ikun jippermetti fir-rigward tagħhom u tal-passiġġieri l-oħrajn li kollox jimxi sew u b'mod sikur, kemm qabel, matul kif ukoll wara l-vjaġġ;

3.

Huwa tal-fehma li l-kriterji komuni (in-nondiskriminazzjoni, it-trattament indaqs, l-aċċessibbiltà fiżika u tal-ICTs, ir-rekwiżiti ta’ ‘disinn għal kulħadd’, ir-rispett tal-kuntratt tat-trasport, l-informazzjoni eżatta u aċċessibbli li tingħata fil-ħin qabel, waqt u wara l-ivvjaġġar, is-servizzi ta’ għajnuna immedjati u adegwati f’każ ta’ problemi u l-kumpens possibbli), flimkien mal-għaxar drittijiet speċifiċi tal-passiġġieri elenkati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, jikkorrispondu mad-drittijiet ewlenin li japplikaw għat-trasport kollu u jiffurmaw bażi soda għall-istabbiliment ta' karta legalment infurzabbli dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;

4.

Jinnota li l-kundizzjonijiet preliminari għas-sikurezza u s-sigurtà, li jinkludu kemm is-sikurezza teknika tat-tagħmir tat-trasport u kemm is-sikurezza fiżika tal-passiġġieri, għandu jibqa’ jkollhom il-prijorità;

5.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi fil-lista tagħha tad-drittijiet tal-passiġġieri d-dritt ta' servizzi bi standard ta' kwalità minima min-naħa tal-impriżi tat-trasport, u li tistabbilixxi definizzjoni ċara ta' tali standard;

6.

Jindika l-ħtieġa li l-inizjattivi imminenti tal-Kummissjoni rigward id-drittijiet tal-passiġġieri jindirizzaw dak li hemm nieqes fl-istat frammentat tar-regolamenti eżistenti, jiġifieri katina ta’ vjaġġar mingħajr interruzzjoni għall-passiġġieri kollha fil-mezzi kollha tat-trasport; fir-rieżamijiet li jmiss tar-regoli dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE (għat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bit-triq), titjib fil-konverġenza bejn il-leġiżlazzjoni differenti f’dawn l-erba’ oqsma għandu jiġi kkunsidrat prijoritarju u għandhom jiġu introdotti emendi f'dan is-sens;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina u tissorvelja b'attenzjoni l-implimentazzjoni ta' regolamenti komprensivi li jevitaw l-ambigwitajiet u l-fehim ħażin rigward id-drittijiet tal-passiġġieri u r-responsabbiltajiet tal-fornituri tas-servizzi;

8.

Jikkunsidra b’mod partikolari li d-definizzjonijiet ta’ ttardjar u kanċellazzjoni m'għandhomx joħolqu distorsjoni bejn id-drittijiet applikabbli fil-mezzi differenti tat-trasport;

9.

Huwa konxju tal-fatt li jeżistu differenzi strutturali fost is-setturi individwali tat-trasport u li kwalunkwe regolament uniku għad-drittijiet kollha tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport għandu jqis dan; jagħraf li tali regolament ma jistax jitfassal fil-preżent, minħabba li r-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għat-trasport bil-bastimenti u bil-kowċijiet għadhom ma’ daħlux fis-seħħ, għalkemm dan għandu jkun l-għan ddikjarat fiż-żmien medju; jemmen, madankollu, li hemm bżonn ta’ approċċ olistiku biex jiġu integrati d-drittijiet kollha tal-passiġġieri – fost l-oħrajn id-dritt għal kumpens, rimborż u informazzjoni – f’qafas leġiżlattiv komuni, li jipprovdi l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni ġusta bejn il-mezzi differenti tat-trasport;

10.

Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex fl-istadju preżenti tippreżenta linji gwida dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet għas-setturi kollha tat-trasport, li la għandhu jkollhom l-effett ta’ uniformità tad-dispożizzjonijiet legali u lanqas li d-drittijiet tal-passiġġieri isiru inqas ċari, u li jirrikonoxxu r-rekwiżiti varjati ta' kull mezz kif ukoll aspetti komuni għalihom kollha;

11.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tipprepara Qafas Komuni ta' Referenza (QKR) għal-liġi tal-passiġġieri, li jkun fih prinċipji, definizzjonijiet u mudelli ta' regoli ta' leġiżlazzjoni tal-passiġġieri għall-mezzi kollha tat-trasport biex jifforma bażi għal aktar konsolidazzjoni fil-liġi tal-passiġġieri; il-QKR tal-Passiġġieri għandu għalhekk isegwi l-eżempju tal-QKR dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti;

12.

Huwa tal-fehma li d-drittijiet tal-passiġġieri u s-servizz għall-passiġġieri għandhom ikunu adattati għal tibdiliet fit-tendenzi tal-ivvjaġġar, u jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-isfidi ġodda imposti mill-ivvjaġġar intermodali, u s-sistemi ta' informazzjoni u ta' riservazzjoni assoċjati miegħu, kemm għall-passiġġieri u kemm għall-kumpaniji tal-ivvjaġġar; jenfasizza l-bżonn li jiġu adattati d-drittijiet tal-vjaġġaturi u l-obbligi tal-operaturi fost l-oħrajn fil-qasam tal-vjaġġi kollox kompriż (5) biex jiġi rifless l-istatus quo u jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr proposta riveduta biex jinstab rimedju, bi prijorità, għal nuqqasijiet attwali li jaffettwaw il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli, il-bejgħ fuq l-internet ta' vjaġġi kollox kompriż u l-klawżoli abbużivi f'kuntratti;

13.

Jenfasizza l-importanza li l-UE tkompli tindirizza d-drittijiet tal-passiġġieri fil-ftehimiet bilaterali u internazzjonali għall-mezzi kollha tat-trasport, bil-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-passiġġieri lil hinn mill-fruntieri tagħha;

Informazzjoni

14.

Jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tkompli bil-kampanja informattiva tagħha dwar id-drittijiet tal-passiġġieri sal-2014; jirrakkomanda li l-awtoritajiet għall-ħarsien tal-konsumaturi u l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikunu involuti fil-kampanja, peress li dawn jistgħu jagħtu kontribut validu għas-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri (p.e. permezz tal-provvista ta’ materjal informattiv fl-aġenziji tal-ivvjaġġar u fl-internet); isostni, sadanittant, li informazzjoni ewlenija li tinkludi d-drittijiet tal-passiġġieri u possibbilment evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-operaturi għandha tkun magħmula aċċessibbli mill-istess sorsi sabiex tiffaċilita t-talbiet għal informazzjoni mill-passiġġieri; jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji għall-ħarsien tal-konsumatur u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-passiġġieri kollha, biex iniedu kampanji simili;

15.

Jitlob li l-lista tad-drittijiet komuni għall-mezzi kollha tiġi ċċirkulata b'mod wiesa', f'forma konċiża u bil-lingwi kollha uffiċjali tal-UE;

16.

Jirrimarka li vjaġġ huwa kuntratt bejn il-fornitur tas-servizz u l-konsumatur, li jista' jieħu forom varji, u li l-konsumatur għalhekk għandu jkun jaf id-dettalji kollha tal-kuntratt fil-punt meta l-kuntratt ikun imfassal, filwaqt li kwalunkwe tibdila sussegwenti għandha tiġi mgħarrfa fil-ħin lil kull min ikun involut; iqis li dan il-kuntratt għandu jkollu informazzjoni dwar l-aspetti relevanti tal-vjaġġ u dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta' problemi;

17.

Jappella sabiex jissaħħu l-isforzi tal-operaturi tat-trasport u tal-fornituri l-oħra ta' servizzi kkonċernati bil-għan li l-konsumaturi jkunu informati aħjar, partikolarment f’każijiet ta’ vjaġġar transkonfinali, iqis li l-informazzjoni għandha tkun tiftiehem malajr, eżatta, kompluta, aċċessibbli malajr għal kulħadd u disponibbli f’formati differenti u bil-lingwa nazzjonali kif ukoll bl-Ingliż, u għandha tinkludi dettalji rigward il-websajts rilevanti u l-applikazzjonijiet tal-iSmartphone, kif ukoll l-indirizzi postali għall-ilmenti u l-formoli tal-ilmenti;

18.

Jappella, barra minn hekk, sabiex il-passiġġieri jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom bl-istess mod bħalma huma infurmati dwar l-obbligi tagħhom;

19.

Jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti d-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri u ta’ partijiet interessati rilevanti oħra (e.ż. l-operaturi tat-trasport, l-amministraturi ta' infrastruttura, il-persuni li jakkumpanjaw il-persuni b'diżabbiltà), u l-informazzjoni kollha ta' qabel l-ivvjaġġar (inklużi websajts), sistemi ta' prenotazzjoni, informazzjoni dwar l-ivvjaġġar fi żmien reali u servizzi onlajn, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri f'formati aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà jew b'mobilità mnaqqsa;

20.

Jistieden lill-impriżi tat-trasport jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fuq il-biljetti tal-ivvjaġġar, b'mod speċjali d-dettalji ta’ kuntatt għal għajnuna u assistenza;

21.

Jenfasizza li f'każ fejn japplika ħruġ ta' biljett imħallat (through-ticketing), għandha tiġi provduta informazzjoni ċara dwar ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport, f'każ ta' ħsara fil-bagalji matul il-vjaġġ, kif ukoll dwar il-bagalji differenzjati permessi, kumpens għal dewmien u r-regoli li japplikaw bejn l-impriżi tat-trasport, u wkoll dwar it-tibdil adegwat fir-rotot f'każ ta' tħarbit fil-vjaġġ jew konnessjonijiet mitlufa, inkluż it-tibdil intermodali fir-rotot;

22.

Jilqa’ l-applikazzjoni l-ġdida li l-Kummissjoni qed toffri fuq l-iSmartphone, li toffri informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’diversi lingwi u f’format li hu aċċessibbli għall-passiġġieri b’diżabbiltà; jistieden lill-Istati Membri u l-impriżi tat-trasport jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji moderni simili (fost l-oħrajn SMS u l-użu ta’ networks soċjali, servizzi bil-lingwa tas-sinjali bbażati fuq il-vidjow u servizzi bbażati fuq test biex jiżguraw l-inklużjoni ta' min hu nieqes mis-smigħ, ta' min ma tantx jisma' u ta' min għandu diffikultà biex jitkellem); jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi għall-ħarsien tal-konsumatur u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-passiġġieri kollha biex iniedu inizjattivi simili; jistieden lill-Kummissjoni biex, barra minn hekk, tqis f’kull mument iċ-ċirkostanzi tal-anzjani, li mhux dejjem ikunu attrezzati b'teknoloġija moderna meta jivvjaġġaw; barra minn hekk, huwa tal-fehma li għandu jitqies l-aċċess għall-internet b'xejn, fl-ajruporti, fl-istazzjonijiet u f'punti oħra maġġuri ta' tluq, biex jiffaċilita użu aktar sħiħ ta’ dawn dawn is-servizzi;

23.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-mezzi kollha ta' trasport, li għandhom jiġu applikati fil-ħruġ tal-karti tal-imbarkazzjoni li jistgħu jinżammu, ikunu validi u jistgħu jintwerew bl-użu ta' tagħmir elettroniku, biex jitħaffu l-proċeduri tal-imbarkazzjoni u l-ivvjaġġar ikun ambjentalment aktar sostenibbli;

24.

Jirrakkomanda li għandu jitwaqqaf tagħmir ta’ info-points u helpdesks b’persunal suffiċjenti u li jkun imħarreġ adegwatament biex jirrispondi għal persuni b’diżabbiltajiet jew b’mobilità mnaqqsa, f’postijiet viżibbli u ċentrali tat-tluq u tal-wasla (ajruporti, stazzjonijiet tal-ferroviji, terminali tal-kowċijiet u portijiet), sabiex jipprovdu akksistenza aktar komprensiva għall-passiġġieri f’każ ta’ tħarbit fit-trasport individwali jew kollettiv, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-passiġġieri li jivvjaġġaw bit-tfal u lil persuni b’diżabbiltajiet jew b’mobilità mnaqqsa; jirrakkomanda li jkun hemm persuna mħarrġa b’mod xieraq li tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet immedjati dwar tibdil fir-rotot jew prenotazzjoni mill-ġdid, tgħin f’każ ta’ telf, ittardjar jew dannu ta’ bagalji, u tindirizza d-drittijiet għall-kumpens jew ta’ rimbors; xi soluzzjonijiet alternattivi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fi stazzjonijiet żgħar u mingħajr persunal tal-ferroviji u tal-kowċis, bħal numri tat-telefown jew websajts ta' informazzjoni;

25.

Huwa tal-fehma li l-operaturi kollha tat-trasport għandhom jipprovdu assistenza bit-telefown li tkun aċċessibbli u effettiva għall-passiġġieri kollha ladarba l-vjaġġ ikun ġie bbukkjat; tali assistenza għandha tinkludi l-provvista ta’ tagħrif u proposti alternattivi f’każ ta' tħarbit u, rigward it-trasport tal-ajru, marittimu u ferrovjarju, l-ispiża tat-tagħrif m'għandha fl-ebda ċirkostanza teċċedi dik ta' telefonata lokali;

26.

Jemmen li l-passiġġieri għandhom ikunu informati b’mod xieraq meta jixtru l-biljetti dwar is-sitwazzjoni ta' prenotazzjoni eċċessiva.

27.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna s-sorsi kollha tal-informazzjoni (il-websajt tagħha, id-dokumenti, il-fuljetti) dwar id-drittijiet tal-passiġġieri kif japplikaw għall-mezzi differenti tat-trasport,filwaqt li tikkunsidra l-aħħar deċiżjonijiet legali u partikolarment dawk tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

It-trasparenza

28.

Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-obbligu ta’ rappurtar rigward il-livell tas-servizzi, bħal ma dan diġà jeżisti għal impriżi ferrovjarji, anki għal forom oħra ta’ trasport filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet rispettivi tagħhom; huwa tal-fehma li l-pubblikazzjoni ta’ data komparabbli tista’ sservi għall-orjentazzjoni tal-konsumaturi u tista’ tintuża mill-impriżi tat-trasport għal skopijiet pubbliċitarji;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tobbliga lill-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-ksur tad-drittijiet tal-passiġġieri u dwar il-modi ta’ indirizzar tal-ilmenti kollha, u dwar in-numru u t-tul ta' każijiet ta' dewmien u dwar il-bagalji mitlufa, li damu ma waslu jew li saritilhom ħsara; jitlobha tanalizza din id-data statistika kif provvduta mill-Istati Membri, tippubblika r-riżultati u toħloq bażi ta' data għall-iskambju tal-informazzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-korpi nazzjonali responsabbli mill-infurzar, tintroduċi l-miżuri meħtieġa f’dan ir-rigward;

30.

Iqis li s-siti elettroniċi ta' ħafna mill-operaturi tat-trasport għadhom pjuttost mhux ċari u jistgħu jqarrqu lill-konsumaturi meta jkunu qed jibbukkjaw il-biljetti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li tiġi implimentata b’mod effettiv il-leġiżlazzjoni attwali dwar it-trasparenza tal-prezzijiet u l-prattiki kummerċjali inġusti, skont id-Direttivi 2011/83/UE u 2005/29/KE, u tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ penali li jiġu applikati f’każ li jiġi stabbilit ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasparenza tal-prezzijiet;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li, notabbilment f’sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata mmexxija mir-Regolament (KE) Nru 80/2009, l-ispejjeż operattivi mhux obbligatorji jiġu inklużi fin-nollijiet u li l-elementi ġenwinament fakultattivi jiġu ppubblikati u jkunu jistgħu jiġu riservati bl-informazzjoni u l-ħlasijiet kollha neċessarji għas-servizzi anċillari (bħall-ħlasijiet għall-ħlas bil-karta tal-kreditu jew l-immaniġġjar tal-bagalji) sabiex ma jiżdidux ħlasijiet żejda qabel ma ssir xirja u l-passiġġieri jkunu jisgħu jiddiferenzjaw bejn spejjeż operattivi mhux obbligatorji li huma inklużi fil-ħlasijiet u elementi fakultattivi li jistgħu jiġu bbukkjati;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ aktar mill-qrib ta’ websajts u tinnotifika l-korpi nazzjonali responsabbli mill-infurzar meta r-regolamenti eżistenti jiġu applikati ħażin, bil-għan tal-infurzar tagħhom;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' viżjoni intermodali armonizzata tal-kontenut tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-elementi tal-prezz li għandhom jiġu inklużi fin-noll bażiku għall-mezzi kollha tat-trasport;

34.

Jemmen li l-qofol tas-servizzi li għanda tkun inkluża fin-noll bażiku għandha tkopri tal-anqas l-ispejjeż operattivi indispensabbli kollha biex jiġu ttrasportati l-passiġġieri (inklużi dawk marbutin mal-obbligi ġuridiċi tal-impriża tat-trasport bħas-sikurezza, is-sigurtà u d-drittijiet tal-passiġġieri), l-aspetti kollha essenzjali għall-ivvjaġġar mill-perspettiva tal-passiġġier (bħall-forniment ta’ biljetti u karti tal-imbark u l-ġarr ta’ ammont minimu ta’ bagalji u oġġetti personali) u l-ispejjeż kollha relatati mal-pagament (bħal spejjeż tal-karti tal-kreditu);

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-proliferazzjoni ta’ termini inġusti f'kuntratti tal-impriżi tat-trasport bl-ajru bħar-rekwiżit inġust li l-passiġġieri għandhom jużaw il-parti tat-tluq ta' biljett għal vjaġġ bir-ritorn biex ikunu jistgħu jużaw il-parti tar-ritorn u li għandhom jużaw il-biljetti kollha għal vjaġġ f'ordni konsekuttiva;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ittikettar u l-prezzijiet trasparenti jkunu disponibbli għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, indipendentement mil-lokazzjoni jew in-nazzjonalità tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, u li d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet kontra l-passiġġieri msejsa fuq il-pajjiż tar-residenza tiġi investigata aktar bir-reqqa u, fejn identifikata, tiġi eliminata kompletament

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tittratta t-trasparenza u n-newtralità tal-kanali ta' distribuzzjoni, li żviluppaw barra mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 80/2009 dwar is-sistemi ta' riservazzjoni kompjuterizzata;

38.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mizuri għall-introduzzjoni ta' standards komuni għall-ġarr tal-bagalji tal-idejn, li jħarsu lill-passiġġieri kontra l-prattiki ta’ restrizzjonijiet eċċessivi u jħalluhom itellgħu abbord kwantità raġonevoli ta’ bagalji tal-idejn, inklużi l-akkwisti mill-ħwienet tal-ajruport;

39.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef it-tressiq tal-proposta leġiżlattiva li tirrevedi d-Direttiva 90/314/KEE dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi u l-kumpaniji fis-settur ikollhom qafas legali ċar kemm għal sitwazzjonijiet standard u kemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali; jemmen, barra minn hekk, li matul ir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tagħmel l-istess leġiżlazzjoni applikabbli għall-partijiet kollha li joffru servizzi turistiċi, billi l-kwalità tas-servizzi provduti lil konsumatur u l-kompetizzjoni ġusta għandhom ikunu fatturi prinċipali f'dan il-kuntest;

40.

Jistenna li l-Kummissjoni, fir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, teżamina b’mod sħiħ l-impatt li l-kummerċ elettroniku u s-swieq diġitali għandhom fuq l-imġiba tal-konsumatur fi ħdan l-industrija Ewropea tat-turiżmu; jemmen li din għandha żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità u l-kontenut tal-informazzjoni li tingħata lit-turisti u li tali informazzjoni għandha tkun affidabbli u aċċessibbli b’mod faċli għall-konsumaturi;

L-applikazzjoni u l-infurzar

41.

Jinnota li l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru għadha mhijiex uniformi fil-mezzi kollha tat-trasport fl-UE kollha u dan huwa ta’ żvantaġġ għall-moviment ħieles fi ħdan is-suq intern, peress li jaffettwa l-fiduċja taċ-ċittadini meta jivvjaġġaw, u jdgħajjef il-kompetizzjoni ġusta tal-impriżi tat-trasport;

42.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi sett ċar ta' regoli għat-twaqqif ta' korpi nazzjonali responsabbli mill-infurzar, sabiex jiffaċilitaw aċċess aktar faċli u trasparenti tal-passiġġieri għal dawn il-korpi;

43.

Jikkunsidra l-fużjoni tal-korpi nazzjonali responsabbli mill-infurzar ta’ diversi mezzi ta' trasport bħala pass neċessarju lejn il-kisba tal-implimentazzjoni konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korpi nazzjonali responsabbli mill-infurzar jaħdmu flimkien aktar mill-qrib, jadottaw metodi ta’ ħidma aktar uniformi u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod intensiv fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea għall-fini ta’ interkonnessjoni u implimentazzjoni, u biex tuża l-poteri kollha tagħha inkluż ir-rikors għall-proċedura ta’ ksur meta jkun meħtieġ biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni korrispondenti tal-UE tiġi implimentata b’mod aktar uniformi;

45.

Ifakkar li l-applikazzjoni ta’ metodu uniformi ta' ħidma għall-korpi nazzjonali kollha responsabbli mill-infurzar se jiżgura l-infurzar tad-drittijiet armonizzati tal-passiġġieri fl-Istati Membri kollha;

46.

Jistieden lill-Istati Membri jużaw riżorsi adegwati sabiex jiżguraw l-infurzar effikaċi u l-kollaborazzjoni mal-korpi nazzjonali responsabbli mill-infurzar fl-Istati Membri l-oħra; jenfasizza l-importanza ta’ sanzjonijiet uniformi, effikaċi, dissważivi u proporzjonati u ta’ skemi ta’ kumpens sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u inċentivi ekonomiċi qawwijin għall-atturi kollha involuti biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;

47.

Jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha favur il-ħolqien ta’ sistema ċentrali u elettronika għall-ilmenti (“clearing house”) bħala struttura komuni tal-korpi nazzjonali tal-infurzar għall-ipproċessar tal-ilmenti; jemmen li din is-sistema ta’ lmenti għandha tagħti pariri lill-passiġġieri dwar kif jippreżentaw l-ilmenti u għandha tindikalhom, mingħajr ħela ta’ ħin u ta’ flus, il-korp nazzjonali rispettiv kompetenti li jistgħu jikkuntattjaw; jirrakkomanda, għall-fini tal-informazzjoni u l-konsulenza permezz ta’ ċentru għall-ilmenti, it-twaqqif ta’ indirizz elettroniku u ta’ hotline bla ħlas li tapplika għall-UE kollha;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi linji gwida għas-soluzzjoni fil-pront ta' lmenti bl-użu ta' proċeduri simplifikati;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonċernati, tipproduċi formola standard speċifika ta’ lmenti għall-UE kollha għal kull mezz ta’ trasport, li għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri tal-UE u għandha tkun aċċessibbli għall-passiġġieri kollha, inkluż l-għomja, u tkun disponibbli f’mezzi differenti, fl-istadju tar-riservazzjoni, fit-terminali kollha u online; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi żmien limitu massimu li għandu jiġi stipulat għall-mezzi kollha u għandu japplika kemm għall-passiġġieri li jressqu l-ilment u kemm għall-operaturi tat-trasport u l-korpi nazzjonali ta’ infurzar li jipproċessaw l-ilmenti;

50.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-passiġġieri kollha jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu kuntatt mal-operaturi tat-trasport, partikolarment għall-finijiet ta' informazzjoni jew ilment, b'rati mhux primjum bil-metodi kollha ta' komunikazzjoni li jistgħu jintużaw fil-fażi ta' riservazzjoni;

51.

Jikkunsidra li d-dettalji ta' kuntatt għal servizz ta' wara l-bejgħ provdut mill-operaturi tat-trasport, bħall-informazzjoni tal-passiġġier u servizzi għall-ipproċessar tal-ilmenti, għandhom ikunu indikati b'mod ċar fuq il-biljett, bl-istess mod bħall-karatteristiċi indispensabbli tas-servizz tat-trasport bħalma huma l-prezz u t-taqsira tat-termini u kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar;

52.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tinvestiga u telimina l-problemi strutturali u proċedurali tal-uffiċċji nazzjonali responsabbli mill-ilmenti, u biex tieħu ħsieb li tkun implimentata l-leġiżlazzjoni f'konnessjoni mal-miżuri ppjanati tal-UE dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u li jkun hemm mekkaniżmu ta' rimedju kollettiv effikaċi li jiżgura li l-passiġġieri jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal sistema rapida, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd fl-Ewropa kollha, fejn għandha tiġi garantita l-proċedura ġuridika tal-partijiet ta’ tilwim; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, iwaqqfu u jiżviluppaw strumenti ta' medjazzjoni regolati tajjeb li jittrattaw il-kunflitti bejn il-passiġġieri u l-fornituri tas-servizzi għall-mezzi kollha tat-trasport immexxija minn korpi ta' infurzar u korpi oħra indipendenti;

53.

Ifaħħar iż-żieda fl-użu tal-applikazzjonijiet tal-mowbajls għas-servizzi ewlenin, speċjalment fit-trasport bl-ajru, bħax-xiri tal-biljett u ċ-check-in u jħeġġeġ l-industrija tħaffef l-iżvilupp ta' għodod simili għall-ipproċessar tal-ilmenti u l-ġestjoni tal-bagalji nieqsa;

Ir-responsabbilitajiet

54.

Jinnota l-ħtieġa, għall-mezzi kollha tat-traport, ta’ definizzjoni mhux ambigwa tat-termini relevanti u speċjalment ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ peress li din tista’ tiffaċilita lill-impriżi tat-trasport japplikaw ir-regoli b’mod aktar konsistenti, tagħti l-passiġġieri strument validu li bih jasserixxu d-drittijiet tagħhom u tnaqqas il-varjazzjonijiet li jeżistu llum rigward l-infurzar nazzjonali, kif ukoll il-kamp tal-applikazzjoni tal-isfidi legali għar-regoli ta’ kumpens; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi relattivi, li jinvolvu partijiet interessati tat-trasport u tieħu nota tad-deċiżjonijiet relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja; jenfasizza li jeħtieġ li tali definizzjoni tikkunsidra d-differenzi bejn il-mezzi tat-traport; jinnota li falliment tekniku m'għandux jiġi kkunsidrat bħala ċirkostanza straordinarja u jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-impriża tat-trasport; jenfasizza li l-impriżi tat-trasport m'għandhomx ikunu responsabbli għal tfixkil li ma kkawżawx huma jekk ikunu ħadu l-passi raġonevoli kollha biex jevitaw l-okkorrenza tiegħu;

55.

Jikkunsidra li l-livelli attwali ta' protezzjoni tal-konsumatur f'każ ta' falliment jew insolvenza tal-kumpaniji tal-ajru mhumiex adegwati u li polzi ta' assigurazzjoni mhux obbligatorji mhumiex sostitut għal intitolamenti statutorji; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tinkludi miżuri adattati li jipproteġu l-passiġġiera f’każ ta’ insolvenza jew falliment ta’ kumpanija tal-ajru jew l-irtirar ta’ liċenzja operattiva ta’ linja tal-ajru, li tista’ tkopri tali oqsma bħar-ripatrijazzjoni ta’ passiġġieri abbandunati f’każ ta’ waqfien ta’ operazzjonijiet, assigurazzjoni obbligatorja ta’ kumpaniji tal-ajru jew il-ħolqien ta’ fond ta’ garazija; jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem għal ftehim internazzjonali li jestendi d-dispożizzjonijiet għal azzjoni bħal din lill-kumpaniji tal-ajru tal-pajjiżi terzi;

56.

Ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 li jwettqu valutazzjonijiet regolari tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi tat-trasport tal-ajru u jieħdu l-passi previsti f'każijiet ta' falliment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti, inkluż l-irtirar possibbli tal-liċenzja operattiva ta’ linja tal-ajru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu konformi ma’ dawn l-obbligi;

57.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-obbligu għall-fornituri tas-servizzi fil-mezzi differenti tat-trasport li jipprovdu għal garanzija finali li tkopri r-responsabbiltà tagħhom f'każ ta' insolvenza, falliment jew tneħħija tal-liċenzja operattiva;

58.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 261/2004; jitlobha, f'dan il-kuntest, teżamina l-effetti tas-sentenza Sturgeon bħala parti mill-valutazzjoni tagħha tal-impatt tal-proposta leġiżlattiva tagħha (6);

59.

Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-kwistjoni tar-responsabbiltà rigward id-danni tal-bagalji, speċjalment rigward it-tagħmir ta’ għajnuna għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor ta' assistenza, fejn biex dan it-tagħmir jinbidel, il-valur tiegħu spiss jaqbeż l-ammont massimu ta’ rimborż skont il-liġi internazzjonali; jinsisti li kwalunkwe dannu lit-tagħmir tal-mobbiltà għall-persuni b'nuqqas ta' mobbiltà jew persuni b'diżabbiltà li jirriżulta mill-immaniġġjar minn fornituri tas-servizzi/impriżi tat-trasport għandu jiġi kkumpensat b'mod sħiħ, peress li tali tagħmir huwa importanti għall-integrità, id-dinjità u l-indipendenza tagħhom u għalhekk fl-ebda mod mhu komparabbli ma' bagalja;

60.

Jitlob lill-Istati Membri jikkjarifikaw il-kompetenzi tal-korpi nazzjonali tagħhom tal-infurzar fir-rigward tal-ipproċċessar tal-ilmenti relatati mal-immaniġġjar ħażin tal-bagalji fit-trasport marittimu u tal-avjazzjoni;

61.

Iqis illi jekk il-bagalja tintilef, iddum ma tasal jew issirilha l-ħsara, il-kumpaniji tal-ajru għandhom l-ewwel jagħtu kumpens lill-passiġġieri li magħhom ikkonkludew kuntratt, iżda li mbagħad il-kumpaniji tal-ajru għandu jkollhom id-dritt li jfittxu rimedju mill-ajruporti jew mill-fornituri tas-servizzi għad-danni li għalihom ma kinux neċessarjament responsabbli huma;

Persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobilità mnaqqsa

62.

Jistieden lill-impriżi tat-trasport jagħtu l-akbar attenzjoni lill-kwistjonijiet tas-sigurtà u tas-sikurezza, inklużi kemm is-sikurezza teknika u tat-tagħmir tat-trasport u s-sikurezza fiżika tal-passiġġieri u jagħtu taħriġ lill-persunal tagħhom biex jiffaċilita kif dawn iġibu ruħhom f’każijiet ta’ emerġenza, inkluż iż-żamma ta’ kuntatt ma’ persuni b’mobilità imnaqqsa jew b’diżabbiltà; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jingħata b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u persuni b'diżabbiltà;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' teżamina, f'kooperazzjoni mal-impriżi tat-trasport, l-istandards tas-sikurezza relatati ma' persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa sabiex tistipula standards speċifiċi biex japplikaw għad-diversi setturi tat-trasport, primarjament it-trasport bl-ajru (7);

64.

Jistieden lill-impriżi tat-trasport biex, flimkien mal-industrija, il-fornituri ta’ servizzi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltajiet, jelaboraw proċeduri ta’ notifika komprensibbli u uniformi u, jekk hu possibbli, iwaqqfu sistemi koordinati ta’ notifika sabiex jagħmlu l-ivvjaġġar, u partikolarment l-ivvjaġġar intermodali, aktar faċli u mingħajr barrieri għal persuni b’diżabbiltajiet jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa u biex joffrulhom il-possibilità li jitolbu l-għajnuna meħtieġa bl-ebda spiża addizzjonali, sabiex l-impriżi tat-trasport ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti speċifiċi u b’hekk jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħtu assistenza;

65.

Iqis li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti standards minimi għall-assistenza tal-persuni b'diżabbiltà u mobbiltà mnaqqsa fil-mezzi kollha tat-trasport sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat fl-UE kollha;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf regoli minimi armonizzati fil-mezzi kollha dwar il-livell minimu ta' kura li għandha tingħata f'każ ta' dewmien fit-tul fit-terminal tat-trasport/fl-istazzjon jew fuq il-vettura/il-ferrovija/il-bastiment/l-ajruplan; akkomodazzjoni jew arranġamenti ta' trasport alternattiv għall-persuni b'diżabbiltà għandhom ikunu aċċessibbli u assistenza adegwata għandha tkun provduta;

67.

Jinnota li l-aċċessibbiltà għandha impatt dirett fuq il-kwalità tas-saħħa u l-ħajja soċjali tal-persuni ikbar fl-età li spiss jiffaċċjaw diżabilitajiet ta' mobilità, tas-sensi jew mentali li jaffettwaw l-abbiltà tagħhom li jivvjaġġaw u li jibqgħu parteċipanti attivi fis-soċjetà;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji sett ġenerali ta’ standards dwar l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura u s-servizzi, inklużi aspetti bħall-ħruġ tal-biljetti, l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali u s-servizzi online, sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali u mingħajr restrizzjonijiet għal persuni b’diżabbilitajiet għal prodotti u servizzi fis-settur tat-trasport;

69.

Jenfasizza li l-infrastrutturi tat-trasport għandhom ikunu ta’ tali natura li jiżguraw mobbiltà mingħajr diskriminazzjoni għal persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa u jiżguraw formati aċċessibbli (eż. Braille, faċli biex jinqara) għall-mezzi kollha tat-trasport u servizzi relatati li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ ‘design for all’, inkluż it-trasferiment minn mezz wieħed għal ieħor u fl-istadji kollha tal-ivvjaġġar, mill-kapaċità ta’ ibbukkjar ta’ biljett, l-aċċess għall-pjattaforma u d-dħul fil-vetturi sal-possibbiltà li jiġi ppreżentat ilment jekk ikun meħtieġ;

70.

Huwa tal-fehma li għalkemm sar ħafna progress fil-kwalità tal-għajnuna għad hemm wisq ostakli arkitettoniċi li jipprevjenu persuni b'mobbiltà mnaqqsa milli jibbenefikaw b'mod sħiħ mis-servizzi, partikolarment rigward l-aċċess għall-vetturi tat-trasport (ajruplani, ferroviji, kowċijiet, eċċ); jemmen li l-impriżi tat-trasport għandhom itejbu l-kwalità tal-għajnuna għal persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobilità mnaqqsa u jorjentaw it-taħriġ tal-persunal tagħhom biex dawn ikunu aktar konxji dwar il-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni u jkunu kapaċi jirrispondu għalihom; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jingħata b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'mobilità mnaqqsa u persuni b'diżabbiltà;

71.

Iħeġġeġ lill-impriżi tat-trasport iqisu l-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà jew b'mobilità mnaqqsa fl-iżvilupp ta' xi servizz ġdid, b'mod notevoli ta' mezzi ġodda ta' pagamenti bħal smartphones u smart cards;

72.

Jixtieq li jara l-eliminazzjoni tal-prattiki abbużivi u/jew diskriminatorji ta' xi impriżi tat-trasport li jeħtieġu li persuni b'mobbiltà mnaqqsa jkunu akkumpanjati; jenfassiza li impriża tat-trasport ma tistax teżiġi b'mod ġenerali li tali passiġġieri jkunu akkumpanjati minn persuna oħra; f’dak li jikkonċerna r-rifjut tal-boarding għal persuni b’diżabbiltà li mhumiex akkumpanjati, minħabba r-regoli tas-sigurtà, jiġbed attenzjoni għas-sentenza tal-Qorti Għolja ta’ Bobigny, tat-13 ta’ Jannar 2012;

73.

Huwa tal-fehma li fejn ikun meħtieġ li passiġġier b’diżabbiltà jivvjaġġa akkompanjat, il-persuna li takkompanjah għandha tivvjaġġa bla ħlas, peress li l-preżenza tal-persuna hija meħtieġa sabiex jivvjaġġa l-passiġġier;

74.

Jenfasizza li, f’dan ir-rigward, id-dritt għall-użu ta’ apparat ta' mobbiltà kif ukoll l-akkumpanjament minn kelb ta' gwida rikonoxxut jew kelb ta' assistenza għandhom ikunu garantiti fiċ-ċirkostanzi kollha;

75.

Jemmen li f'każ ta' diżordni fl-ivvjaġġar, l-informazzjoni dwar id-dewmien jew il-kanċellamenti, l-akkomodazzjoni f'lukanda, l-arranġamenti ta' trasport alternattivi, l-iskemi ta' rimborż u l-għażliet ta' kontinwazzjoni jew il-bdil tar-rotta għandhom jiġu kkomunikati f'formati aċċessibbli lill-persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa;

76.

Jitlob għal faċilitajiet speċifiċi għall-passiġġieri b'diżabbiltà severa li jeħtieġu faċilitajiet sanitarji u ta' tibdil (magħrufa bħala "postijiet ta' tibdil") li jiġu provduti mingħajr ħlas lill-passiġġieri fl-ajruporti kollha fl-UE li għandhom ammont ta' passiġġieri annwali ta' aktar minn 1 000 000;

L-Intermodalità

77.

Jirrikonoxxi l-fatt li bid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti dwar it-trasport fuq l-ilma (8) u bix-xarabank (9) f’Diċembru 2012 u Marzu 2013 rispettivament, l-UE se tkun stabbiliet l-ewwel qasam integrat ta’ drittijiet tal-passiġġieri għall-mezzi kollha tat-trasport fid-dinja; jinnota li l-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE issa teħtieġ tiġi implimentata bis-sħiħ b’mod miftiehem u koordinat mill-Istati Membri kollha sabiex il-politika tal-Unjoni dwar it-trasport tal-passiġġieri tkun trasformata minn waħda strateġikament u purament modali għal waħda intermodali;

78.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq mudelli ġodda ta' komunikazzjoni li jinkludu korpi rappreżentattivi tal-passiġġieri, impriżi tat-trasport u partijiet interessati tat-trasport sabiex jiġi promoss il-prinċipju tal-intermodalità fil-prattika;

79.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jieqfu milli jirrikorru għal derogi rigward l-applikazzjoni tar-regolament dwar it-trasport bil-ferroviji u bil-kowċijiet, għall-fini li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar intermodali mill-aspett tad-drittijiet tal-passiġġieri.

80.

Jenfasizza li l-intermodalità għandha tiġi ffaċilitata mill-ġarr ta' roti, siġġijiet tar-roti u prams fil-mezzi u s-servizzi kollha, inklużi konnessjonijiet transkonfinali u ta' distanza twila kif ukoll ferroviji b'veloċità qawwija;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' partijiet interessati intermodali li jagħti appoġġ konsultattiv dwar kwestjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-regolamenti rispettivi;

82.

Jinkoraġġixxi l-industrija tiżviluppa infrastruttura ċara li tkun aċċessibbli għal kulħadd permezz tal-ICT għall-provvista ta’ “biljetti permanenti” (jiġifieri kuntratti tat-trasport għal diversi partijiet ta’ vjaġġi b’mezz ta’ trasport) u biljetti integrati (jiġifieri ta’ kuntratti għal sekwenza intermodali tat-trasport) b’enfasi fuq l-iSmart cards; f’dan ir-rigward, jindika r-Regolament dwar it-Trasport bil-Ferroviji, fejn skont dan sistemi ta’ informazzjoni u ta’ riservazzjoni bl-għajnuna tal-kompjuters għandhom jiġu adattati għal standards komuni, sabiex fl-UE kollha tiġi żgurata l-provvista ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u s-servizzi tal-biljetti;

83.

Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bl-isforzi tagħha biex tiżviluppa skeda tal-ivvjaġġar multimodali Ewropea, meqjusa bħala element ewlieni tat-twettiq tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI), li jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni bieb-bieb li tkopri kemm l-ispiża u t-tul tal-vjaġġ, u jitlob lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jeliminaw l-ostakli eżistenti fl-aċċess għal data pubblika tat-trasport u għat-trasferiment ta’ data, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti adegwati tal-protezzjoni tad-data;

*

* *

84.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 122.

(2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 42.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0453.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0099.

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59).

(6)  Is-sentenza Sturgeon għamlet il-kumpens obbligatorju f'każ ta' dewmien ta' iktar minn tliet sigħat. Dan għandu impatt finanzjarju konsiderevoli fuq il-linji tal-ajru kif ukoll konsegwenzi għall-passiġġieri (kanċellamenti, tnaqqis fin-numru ta' rotot disponibbli, eċċ.). L-impatt ta' din is-sentenza għandu għalhekk jiġi eżaminat b'mod kritiku.

(7)  Pereżempju, l-esperjenza riċenti turi diskrepanzi fin-numri massimi ta' persuni neqsin mis-smigħ permessi minn impriżi tat-trasport bl-ajru differenti, li l-ġustifikazzjonijiet għalihom mhumiex ċari. Ara l-mistoqsija relevanti bil-miktub lill-Kummissjoni. E-005530/12.

(8)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1.

(9)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1.