3.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 353/117 |
Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
It-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet - Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u talproporzjonalità (2010)
P7_TA(2012)0340
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010) (2011/2276(INI))
2013/C 353 E/14
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (1), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (2), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (3), |
— |
wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li sar qbil dwarhom fit-22 ta’ Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-TFUE f’każ ta’ qbil fl-ewwel qari, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti (4), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-27 rapport annwali dwar il-Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (5), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti (6), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2010) (COM(2011)0344), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs - L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro (COM(2011)0803), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-28 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2010) (COM(2011)0588), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0543), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-5 ta’ Diċembru 2011 dwar il-valutazzjoni tal-impatt, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-30 ta’ Mejju 2011 dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Novembru 2011 tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem ‘l-Ewropa baqgħalha x'taqdef: Rapport dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata bil-mod l-inqas ta’ xkiel’, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0251/2012), |
A. |
billi fl-2010 l-Parlament Ewropew irċieva seba’ darbiet aktar kontribuzzjonijiet milli opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali; |
B. |
billi l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti fiha nnifisha hija sforz biex jiġu konsolidati l-isforzi f’termini ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet, is-semplifikazzjoni tal-liġijiet tal-UE u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u regolatorji, u biex jinbeda proċess għall-ksib ta’ governanza tajba li jkun ibbażat fuq tfassil tal-politika abbażi tal-evidenza, li fiha l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-kontrolli ex post ikollhom rwol essenzjali; |
C. |
billi l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar tfassil aħjar tal-liġijiet ma baqax adattat għall-ambjent leġiżlattiv attwali kif maħluq mit-Trattat ta’ Lisbona, mhux inqas minħabba l-approċċ frammentat użat mill-istituzzjonijiet tal-UE f’termini ta’ adozzjoni ta’ dikjarazzjonijiet politiċi konġunti dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni u l-arranġamenti prattiċi fil-livell tas-segretarjat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294 tat-TFUE; |
D. |
billi għażla żbaljata bejn l-użu ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jew atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE f’att leġiżlattiv tqiegħdu f’riskju li tiġi annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja; |
Kummenti ġenerali
1. |
Jenfasizza l-ħtieġa ġenerali li l-leġiżlazzjoni tkun ċara, sempliċi, faċli biex tinftiehem kif ukoll aċċessibbli għal kulħadd; |
2. |
Jenfasizza li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jridu jiġu osservati mill-istituzzjonijiet Ewropej meta jfasslu l-liġijiet; |
3. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-opinjoni tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni rigward dawn il-prinċipji fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha ta’ spiss ma jkunux ta’ natura sodisfaċenti; jikkunsidra li huwa ta’ importanza kbira li l-Kummissjoni tindirizza kwalunkwe nuqqas f’dan il-qasam sabiex ikun żgurat li dawn il-prinċipji jiġu osservati; |
4. |
Itenni s-sejħiet ripetuti tiegħu biex jiġi nnegozjat mill-ġdid il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet sabiex jiġi kkunsidrat l-ambjent leġiżlattiv ġdid li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona, tiġi kkonsolidata l-aqwa prassi attwali u sabiex il-ftehim jiġi aġġornat b’konformità mal-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti; jissuġġerixxi li l-arranġamenti dwar id-demarkazzjoni bejn atti delegati u ta’ implimentazzjoni jiġu miftiehma f'dak il-kuntest; jitlob lill-President jieħu l-passi meħtieġa biex jiftaħ negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra; |
Il-kontroll tas-sussidjarjetà mill-parlamenti nazzjonali
5. |
Jilqa’ l-involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskrutinju tal-proposti leġiżlattivi fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; |
6. |
Jinnota li, fl-2010, 211-il opinjoni ġew irċevuti minn parlamenti nazzjonali, iżda li numru żgħir minnhom biss – 34 b'kollox – kienu jitrattaw kwistjonijiet ta' sussidjarjetà; jindika li fir-rigward tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz (COM(2012)0130), il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2), l-ewwel sentenza, tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità ġew sodisfatti għall-ewwel darba f'Mejju 2012; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, twettaq ir-rieżami neċessarju tal-abbozz bl-akbar kunsiderazzjoni tar-rieda espressa tal-parlamenti nazzjonali, billi l-proċedura ta’ skrutinju l-ġdida għandha l-għan li tiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda jkunu kemm jista' jkun orjentati lejn iċ-ċittadini; |
7. |
Jitlob analiżi indipendenti f’isem il-Kummissjoni, li teżamina r-rwol tal-parlamenti reġjonali jew lokali fil-qasam tal-kontrolli tas-sussidjarjetà; jinnota, f’dan il-kuntest, il-pjattaforma tal-internet IPEX iffinanzjata mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, li hija partikolarment utli għall-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta’ skrutinju; |
8. |
Jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet involuti fit-tfassil tal-liġjiet għandhom jiġu mfakkra fil-ħtieġa li jiżguraw li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jiġu applikati b’mod korrett skont it-termini tal-Protokoll Nru 2 mehmuż mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
9. |
Jinnota li l-kritika li saret mill-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-kunsiderazzjoni tas-sussidjarjetà saret ukoll minn numru ta’ parlamenti nazzjonali fis-sottomissjonijiet tagħhom taħt il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà li ġie introdott fit-Trattat ta’ Lisbona; jinnota wkoll, madankollu, li fl-2010 qatt ma ntlaħaq il-limitu biex jiġu attivati l-proċeduri formali skont il-Protokoll Nru 2, hekk kif anness mat-Trattati; |
10. |
Jinnota, madankollu, li fit-22 ta’ Mejju 2012, għall-ewwel darba minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-parlamenti nazzjonali bdew iħaddmu l-proċedura ta’ 'karta safra' billi jadottaw opinjonijiet motivati kontra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li tagħti servizz (COM(2012)0130); |
11. |
Jinnota bi tħassib li ċerti opinjonijiet mill-parlamenti nazzjonali jenfasizzaw il-fatt li, f’numru ta’ proposti tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà hi insuffiċjenti jew lanqas biss teżisti; |
12. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmluha possibbli għall-Parlamenti nazzjonali li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi billi jiżguraw li l-Kummissjoni tipprovdi bażi dettaljata u komprensiva għad-deċiżjonijiet tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); |
13. |
Jissuġġerixxi li għandha ssir valutazzjoni biex jiġi determinat jekk għandhomx jiġu stipulati kriterji xierqa, fil-livell tal-UE, għall-evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; |
14. |
Iqis li l-iskadenzi attwali stabbiliti fit-Trattati għall-parlamenti nazzjonali biex iwettqu l-kontrolli tas-sussidjarjetà għandhom jiġu riveduti biex jiġi determinat jekk humiex suffiċjenti; jissuġġerixxi li l-PE, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali jinvestigaw kif jista’ jitnaqqas kwalunkwe ostakolu għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà; |
15. |
Ifakkar li, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-UE għandha tintervjeni barra l-oqsma ta' kompetenza esklussiva tagħha, biss u sakemm l-għanijiet ta' miżura ppjanata jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni aktar milli fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; għaldaqstant, is-sussidjarjetà tista' twassal kemm għal estensjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħha meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, kif ukoll kuntrarjament, sabiex l-azzjoni kkonċernata tiġi ristretta jew imnaqqsa f'każijiet fejn m'għadhiex iġġustifikata; jenfasizza li s-sussidjarjetà f'dan il-kuntest, mhux biss tapplika għar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha iżda tinkludi wkoll il-livelli reġjonali u lokali; |
16. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb u tirregolarizza d-dikjarazzjonijiet li jiġġustifikaw l-inizjattivi leġiżlattivi tagħha fuq il-bażi tas-sussidjarjetà; ifakkar li l-liġi amministrattiva tal-UE għandha tiġi aġġustata u ssimplifikata sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u regolatorji; iqis li, f’dan il-kuntest, il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità għandhom jiġu applikati kif xieraq; |
17. |
Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrappurtatx sew dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, b’mod speċjali fir-rigward tal-użu tal-Artikoli 290 u 291 TFUE dwar atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni; iwissi lill-Kunsill biex ma ċċajparx id-distinzjoni ċara bejn atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni xierqa ta’ dawn iż-żewġ artikoli; |
18. |
Jirrikonoxxi li matul il-perjodu ta’ rappurtar, ingħatat biss sentenza waħda mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà (dwar “roaming” fit-telefonija mobbli), u li l-Qorti sabet li f'dan il-każ ma kienx hemm ksur ta' dawn iż-żewġ prinċipji billi l-limitazzjoni tal-prezzijiet kienet meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi finali, u barra minn hekk dan l-għan seta’ jintlaħaq l-aħjar fil-livell tal-Unjoni; |
19. |
Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-websajt riveduta tal-IPEX imsemmija hawn fuq, li tista' taġixxi bħala katalista għal aktar titjib u impenn fl-operazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà, u jenfasizza l-ħtieġa li ssir aktar promozzjoni tas-sit; |
20. |
Jenfasizza li huwa essenzjali li l-eżami tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jinkorpora wkoll il-livelli reġjonali u lokali tal-Istati Membri; jilqa’, f’dan ir-rigward, ir-Rapporti Annwali dwar is-Sussidjarjetà ppubblikati mill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll il-websajt REGPEX li stabilixxa l-Kumitat, li jgħinu fl-iskambju ta’ informazzjoni u li se jagħmlu titjib ulterjuri fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà; |
21. |
Jistieden lill-parlamenti nazzjonali, b’konformità mal-Protokoll dwar is-Sussidjarjetà, jikkonsultaw il-parlamenti reġjonali b’poteri leġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni, fl-eżami tas-sussidjarjetà u partikolarment fir-rapporti annwali tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, tagħti attenzjoni lir-rwol tal-parlamenti nazzjonali b’poteri leġiżlattivi; |
It-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza
22. |
Jenfasizza l-importanza tal-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti u li jiġu żviluppati approċċi regolatorji ġodda sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi l-għan tagħha u tkun tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-kompetittività u t-tkabbir tal-ġejjieni; |
23. |
Jinnota l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza l-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u mal-proporzjonalità; |
24. |
Jenfasizza l-impenn tal-Parlament lejn l-obbligi tiegħu skont l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, u jinkoraġġixxi l-użu tad-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Parlament minn kumitati li huma involuti fil-ħidma leġiżlattiva bħala rutina; ifakkar l-impenn li sar mill-Parlament u mill-Kunsill fl-Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2005 biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt qabel l-adozzjoni ta’ emendi sostantivi, u jistieden lill-kumitati biex jagħmlu użu mid-Direttorat ġdid tal-Valutazzjoni tal-Impatt fl-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn; |
25. |
Jissuġġerixxi li bħala parti minn approċċ aktar sistematiku għall-kunsiderazzjoni ta’ valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament, id-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt għandu jintalab mill-kumitati biex iħejji sommarju qasir dwar kull valutazzjoni tal-impatt għall-kunsiderazzjoni meta jseħħ skambju inizjali ta’ fehmiet; jissuġġerixxi li dan is-sommarju jista’ jinkludi konklużjoni qasira dwar il-kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt, flimkien ma’ nota qasira dwar ir-riżultati ewlenin u kwalunkwe qasam ta’ analiżi li tħalla barra mill-Kummissjoni; huwa tal-fehma li dan itejjeb ħafna l-iskrutinju ta’ abbozzi tal-leġiżlazzjoni mill-Parlament; |
26. |
Iqis li huwa essenzjali li l-metodoloġiji applikati mid-Direttorat tal-Valutazzjoni tal-Impatt ikunu kompatibbli u ta’ tip li jistgħu jitqabblu mal-approċċ adottat mill-Kummissjoni, u jistieden lill-Parlament u lill-Kummissjoni biex jikkooperaw b’mod sħiħ f’dan ir-rigward; |
27. |
Ifakkar fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex ilesti x-xogħol ta’ twaqqif tal-mekkaniżmu tiegħu stess biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt mingħajr dewmien żejjed, b’konformità mal-obbligi tiegħu skont il-ftehim tal-2003; |
28. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb l-approċċ tagħha stess lejn valutazzjonijiet tal-impatt, u jistedinha ssaħħaħ ir-rwol tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt u, b'mod partikolari, biex tiffinalizza u tippreżenta biss proposti leġiżlattivi fejn dawn ikunu ġew approvati permezz ta’ opinjoni favorevoli mill-Bord; |
It-tnaqqis ta’ piżijiet regolatorji
29. |
Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji għall-SMEs; jikkunsidra li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju ‘l-ewwel aħseb żgħir’ waqt li tkun qed tħejji l-leġiżlazzjoni, u huwa inkoraġġit mill-impenn muri mill-Kummissjoni u mix-xewqa tagħha li tmur lil hinn minn approċċi attwali biex tintroduċi sistemi eħfef u eżenzjonijiet għan-negozji ż-żgħar; |
30. |
Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-kwistjoni tal-eżenzjonijiet regolatorji, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-eżenzjoni għall-SMEs fejn id-dispożizzjonijiet regolatorji jaffettwawhom b’mod sproporzjonat u ma hemm l-ebda raġuni valida biex jiġu inklużi fil-kamp tal-leġiżlazzjoni; jilqa' l-attenzjoni mġedda fuq l-applikazzjoni soda tat-test tal-SMEs, u jqis il-mikrodimensjoni bħala parti inerenti ta' dak it-test fejn l-għażliet disponibbli kollha huma vvalutati b'mod sistematiku; f'dan ir-rigward jilqa' l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni tal-mikroentitajiet, li għandhom jiġu inklużi biss sal-punt massimu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni jekk jissodisfaw it-test imsaħħaħ tal-SMEs; |
31. |
Ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li l-inverżjoni tal-oneru tal-provi m’għandhiex twassal b’mod awtomatiku għal leġiżlazzjoni aktar kumplessa li tiġi żviluppata mingħajr ma jkunu ġew ikkunsidrati l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex, fejn ikun possibbli tħabrek għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u biex tkompli tipprepara u tippreżenta proposti b’aċċessibilità u b’implimentazzjoni faċli għall-SMEs bħala prinċipji ta’ gwida fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni, anki meta tista’ tiġi applikata eżenzjoni; |
32. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tat-test imsaħħaħ tal-SMEs fid-Direttorati tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jinkludu kunsiderazzjonijiet simili fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid tad-deċiżjonijiet; |
33. |
Jilqa’ l-approċċ ‘imfassal apposta’ għal-leġislazzjoni proposta mill-Kummissjoni; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni possibbli fil-ġejjieni ta’ approċċi ‘mfassla apposta’ meta l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi riveduta; |
Segwitu, kontrolli ex post u feedback fiċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika
34. |
Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-implimentazzjoni, sabiex b’hekk tiġi indirizzata l-problema ta’ ‘regolamentazzjoni żejda’ (gold-plating); ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li sabiex jiġi żgurat li l-programmi eżistenti u futuri biex inaqqsu l-piżijiet ikunu ta' suċċess, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, sabiex jiġu evitati diskrepanzi fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jnaqqsu l-piż amministrattiv tagħhom b’25 % oħra sal-2015; |
35. |
Iqis il-proposti biex ‘issemmi u tiddenunzja’ l-istituzzjonijiet Ewropej li jitbiegħdu mill-idea tas-semplifikazzjoni bħala proposti b’intenzjoni tajba; jemmen, madankollu, li impenn aktar kostruttiv fil-proċess preleġiżlattiv mal-partijiet interessati rilevanti u l-istituzzjonijiet, flimkien mal-konformità mal-impenji ġenerali tas-simplifikazzjoni u l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, jagħmlu din il-pubbliċità mhux neċessarja; jissuġġerixxi, madankollu, li dawk l-Istati Membri li jwettqu l-aktar ‘regolamentazzjoni żejda’ (gold-plating) tad-direttivi għandhom jissemmew, flimkien ma’ dawk li huma l-aktar ħatja fil-kuntest tat-traspożizzjoni magħmula tard, impreċiża jew inkompleta tal-liġijiet tal-UE; |
36. |
Ifakkar fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ħtieġa għal reviżjoni komprensiva tal-proċess ta’ konsultazzjoni li sar mill-Kummissjoni, u jistenna bil-ħerqa li l-Kummissjoni tadotta r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'dan il-qasam qabel it-tmiem tal-2012; |
L-iżgurar tal-kontinwità u l-viġilanza
37. |
Jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-miżuri bħala element ewlieni għal tkabbir ekonomiku mġedded fl-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti li jimplimentaw kompensazzjoni regolatorja, li tkun teħtieġ li jiġu identifikati kompensazzjonijiet ekwivalenti għall-ispejjeż, qabel ma leġiżlazzjoni ġdida tintroduċi l-impożizzjoni ta’ spejjeż ġodda; ifakkar, barra minn hekk, fil-pożizzjoni tiegħu favur l-estensjoni u l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm ta’ Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi, fil-Programm ta’ Ħidma 2013, programm li jindirizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali; |
*
* *
38. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali. |
(1) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(2) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(3) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 15.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0381.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0377.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0259.