3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/47


It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-servizzi

P7_TA(2012)0322

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-servizzi (2012/2046(INI))

2013/C 353 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 153(1)(i), u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bl-isem ‘Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’ (COM(2012)0173) u d-dokument ta’ akkumpanjament dwar l-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward tal-impjiegi li joffru s-servizzi personali u domestiċi (SWD(2012)0095),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011 (1),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2011 bl-isem Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: ir-Rapport Annwali 2010 (SEC(2011)0193),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem ‘Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar ‘il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020’ (COM(2010)0193),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 dwar ‘Il-Flessigurtà fi żminijiet ta' kriżi’,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (riformulazzjoni) (3);

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol bit-titolu ‘Ix-xogħol fl-Ewropa: Differenzi bejn is-sessi’,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2007 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol dwar ‘Il-kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Unjoni Ewropea: Il-perspettiva tal-generu’,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), tat-18 ta’ Diċembru 1979,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-13 ta' Marzu 2012 dwar ‘l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011’ (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar il-ħaddiema nisa prekarji (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0246/2012),

A.

billi bosta pajjiżi ġarrbu terzjarizzazzjoni tal-ekonomiji tagħhom, jiġifieri s-settur tas-servizzi issa sar iħaddan il-maġġoranza tal-impjiegi u huwa l-akbar kontributur għall-PDG fil-pajjiżi kkonċernati, u jirrappreżenta aktar minn 70 % tal-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea u perċentwal simili, u li qed jikber, tal-impjiegi totali, u billi fl-UE fl-2010 l-impjiegi fis-settur tas-servizzi fil-medja kien jirrappreżenta kważi 70 % tal-impjiegi totali, filwaqt li s-sehem tal-impjiegi fl-industrija kien 25,4 % u dak tal-impjiegi fl-agrikoltura 5,2 %;

B.

billi bħalissa disgħa minn kull għaxar impjiegi qed jinħolqu fis-settur tas-servizzi, u l-istudji jindikaw li aktar titjib tas-suq uniku għas-servizzi jista’ jgħin biex jillibera potenzjal konsiderevoli għax-xogħol — impjiegi li l-UE teħtieġ b’urġenza f’dan iż-żmien ta’ kriżi;

C.

billi r-rata tal-impjiegi għan-nisa hija 62,1 % meta mqabbla mal-75,1 % għall-irġiel, li jfisser li l-mira primarja tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-ilħiq ta’ rata ta’ impjiegi ta’ 75 % sal-2020 tista’ tintlaħaq biss jekk iktar nisa jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol;

D.

billi l-parti l-kbira tal-forza tax-xogħol tan-nisa hija impjegata fis-settur tas-servizzi, u billi fl-UE fl-2010 din il-proporzjon fil-medja kienet 83,1 %, mqabbla mal-58,1 % tal-forza tax-xogħol tal-irġiel;

E.

billi n-nisa x’aktarx ikunu rrappreżentati b’mod sproporzjonali fis-suq tal-impjiegi flessibbli u dawk part-time minħabba fl-isterjotipi tal-ġenenru li jpinġu immaġni tan-nisa bħala dawk li għandhom ir-responsabilità primarja li jieħdu ħsieb il-familja, u billi għaldaqstant jitqiesu li huma aktar adatti mill-irġiel għal xogħol fuq bażi temporanja, każwali jew part-time jew għal xogħol ibbażat fi djarhom; billi l-arranġamenti flessibbli tax-xogħol, inklużi t-teleworking u x-xogħol part-time jew f’uffiċċju bbażat id-dar, fil-parti l-kbira għadhom jitqiesu bħala mod “tan-nisa” għat–tqassim tal-ħin tax-xogħol;

F.

billi s-settur tas-servizzi joffri bosta opportunitajiet għal kuntratti ta’ impjieg flessibbli – ħin flessibbli, part-time u kuntratti għal żmien qasir – li jistgħu jgħinu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa li jieħdu ħsieb ħaddieħor, meta jkollhom il-kapaċità li jagħżlu, sabiex jikkumbinaw ix-xogħol u l-kura; billi n-nisa huma dawk li l-iktar jagħżlu impjiegi flessibbli u part-time sabiex ikunu jistgħu jibbilanċjaw l-obbligi tax-xogħol tagħhom u dawk tal-familja, anke fejn ikun hemm differenza fil-paga f’dik li hija r-rata ta’ ħlas fis-siegħa bejn ħaddiema li jaħdmu part-time u dawk li jaħdmu full time; u billi n-nisa jkollhom iktar perjodi ta’ waqfien fil-karriera tagħhom u jakkumulaw anqas sigħat ta’ xogħol mill-irġiel, fattur li jista’ jaffettwa l-iżvilupp tal-karriera tagħhom u l-prospetti ta’ promozzjoni soċjali, u b’hekk iwassal biex ikollhom karrieira b’anqas qligħ;

G.

billi x-xogħol prekarju huwa karatteristika persistenti tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea, u billi n-nisa huma iżjed affettwati minn din il-prekarjetà, issirilhom diskriminazzjoni f’termini ta’ ħlas u huma iżjed imdaħħla fix-xogħol part-time, u għalhekk jitħallsu anqas mill-irġiel, igawdu anqas protezzjoni soċjali, huma iżjed ristretti f’termini tal-progress tal-karriera u għandhom anqas ċans ta’ indipendenza ekonomika, ilkoll ħwejjeġ li jinkoraġġuhom jerġgħu lura fl-isfera privata, bir-riżultat li l-qsim tar-responsabbiltajiet ikompli sejjer lura; billi n-nisa jirrappreżentaw proporzjon akbar ta’ ħaddiema f'impjiegi mhux dikjarati, li jaħdmu l-aktar f'xogħol fid-djar u ta' kura;

H.

billi, fil-livelli kollha tat-taħriġ, hemm perċentwal akbar ta’ rġiel li għandhom impjiegi milli nisa, minkejja l-fatt li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kwalifikati daqs l-irġiel jew aktar minnhom, imma billi ħiliet in-nisa spiss jitqiesu anqas minn dawk tal-irġiel u l-karrieira tagħhom timxi ‘l quddiem b’anqas ħeffa;

I.

billi n-nisa jirrappreżentaw madwar 60 % tal-gradwati u minkejja dan, ir-rappreżentanza tagħhom f’karigi ta’ uffiċjali għolja u deċiżjonali fis-settur tas-servizzi hija sproporzjonatament baxxa;

J.

billi n-nisa huma sovrarappreżentati fl-aktar impjiegi u pożizzjonijiet baxxi tas-settur tas-servizzi f’termini ta’ kwalifikai, rimunerazzjoni u prestiġju, u n-nisa b’hekk iħabbtu wiċċhom ma aktar nuqqas ta’ sigurtà tax-xogħol u jaqilgħu anqas mill-irġiel;

K.

billi l-kontribut tan-nisa fil-forza tax-xogħol soltu tisfa sottovalutata minn min iħaddem, għaliex hemm probabbiltà akbar li jintoerrompu l-karriera tagħhom biex ikollhom it-tfal u u jrabbuhom;

L.

billi opportunitajiet aħjar għan-nisa fil-ħajja tax-xogħol jeħtieġ li jitqiesu bħala vantaġġ u investiment għas-soċjetà kollha kemm hi, speċjalment fil-kuntest tat-tibdil u l-isfidi tad-demografija fl-Ewropa;

M.

billi n-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet akbar huma u jippruvaw jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja, minħabba li r-responsabbiltajiet assoċjati mal-ħajja tal-familja mhux dejjem jinqasmu ndaqs u l-kura tal-membri dipendenti tal-familja fil-parti l-kbira jieħdu ħsiebha n-nisa, u billi l-ħolqien ta’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja għaldaqstant se jgħin biex jiġi lliberat potenzjal sostanzjali għan-nisa u jiffaċilitalhom li jsibu impjiegi disponibbli fis-settur tas-servizzi u fis-setturi l-oħra kollha tal-impjiegi, u b’hekk jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-innovazzjoni; billi, f’dan ir-rigward, politiki governattivi li jipprovdu servizzi tal-kura tat-tfal u d-dipendenti huma fattur importanti fil-kapaċità tan-nisa u l-irġiel li jlaħħqu mal-esiġenzi differenti li joħorġu minn attivitajiet tal-post tax-xogħol u dawk tal-kura tad-dipendenti;

N.

billi r-rwoli tradizzjonali tal-ġeneri u l-isterjotipi għad għandhom influwenza qawwija fuq il-qsim tar-rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fil-post tax-xogħol u fis-soċjetà ġenerali, u x’aktarx iżommu għaddej l-istatus quo ta’ ostakoli miruta li jtellfu l-ilħiq ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u jillimitaw il-firxa ta’ għażliet għan-nisa rigward l-impjiegi u l-iżvilupp personali tagħhom fis-settur tas-servizzi, b’tali mod li jtellfuhom milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala individwi u atturi ekonomiċi;

O.

billi l-vjolenza domestika, konjugali, ekonomika u sesswali kontra n-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem li taffettwa s-saffi soċjali, kulturali u ekonomiċi kollha;

P.

billi l-indipendeza ekonomika tan-nisa hija kundizzjoni sine qua non biex jieħdu f’idejohm il-kontroll fuq il-ħajja personali u tax-xogħol tagħhom u jkunu jistgħu tabilħaqq jagħmlu l-għażliet tagħhom;

Q.

billi għad hemm inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda u l-Internet u fl-użu tagħhom, inugwaljanzi li spiss iwasslu għal qabża fil-ħiliet u anke għal “analfabetiżmu diġitali”, fenomenu magħruf bħala “l-qasma diġitali bejn is-sessi”;

R.

billi d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur tilħaq wieħed mill-ogħla livelli tagħha fis-settur tas-servizzi;

1.

Jinnota li hemm segregazzjoni orizzontali qawwija jew diviżjoni tax-xogħol skont il-ġeneru fis-settur tas-servizzi: kważi nofs in-nisa impjegati huma kkonċentrati f’10 minn 130 tip ta’ xogħol elenkat fil-Klassifika Standard Internazzjonali tax-Xogħol imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO): bejjiegħa u dimostraturi tal-bejgħ fil-ħwienet, assistenti domestiċi u xogħol relatat tad-dar, ħaddiema tat-tindif u tal-ħasil tal-ħwejjeġ, ħaddiema involuti fil-kura personali u servizzi relatati, skrivani tal-uffiċini, assoċjati tal-amministrazzjoni, ħaddiema f’lukandi u ristoranti, sergretarji u operaturi tal-apparat tal-uffiċċju, maniġers ġenerali, assoċjati finanzjarji u kummerċjali u infermiera u qwiebel assoċjati;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiġġieled kontra din id-diviżjoni skont il-ġeneru billi tippromwovi x-xogħolijiet imsemmijahawn fuq;

3.

Jissottolinja l-importanza li titnaqqas is-segregazzjoni okkupazzjonali sabiex tingħalaq id-diverġenza fil-pagi bejn is-sessi, li spiss hija agħar għan-nisa impjegati fit-tipi ta’ xogħol iddominati min-nisa, milli għan-nisa li għandhom l-istess kwalifiki imma huma impjegati f’setturi oħra;

4.

Jirrimarka li hemm ukoll konċentrazzjoni ta’ impjegati nisa fis-settur pubbliku, fejn jinsabu 25 % tal-popolazzjoni attiva femminili, imqabbla ma’ 17 % tal-popolazzjoni attiva tal-irġiel; jenfasizza l-fatt li f’dan is-settur in-nisa huma iżjed vulnerabbli għat-telf tal-impjieg minħabba tnaqqis fil-baġit; jinnota li, biex tintlaħaq il-mira tal-impjiegi ta’ 75 % għan-nisa u l-irġiel, mira stabbilita fl-Ewropa 2020 (l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir), jeħtieġ li jsiru sforzi sabiex iżjed nisa jidħlu jaħdmu kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat; jinnota li f’għadd kbir ta’ Stati Membri, hemm wisq aktar tobba nisa milli tobba rġiel;

5.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li s-settur pubbliku, li huwa kkaratterizzat minn kriterji ta’ reklutaġġ u kundizzjonijiet ta’ promozzjoni trasparenti u ċari, juri attitudni eżemplari rigward l-aċċess indaqs għall-impjiegi fis-servizz pubbliku u speċjalment f’pożizzjonijiet maniġerjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu regoli trasparenti għall-għażla u r-reklutaġġ tal-impjegati fis-settur privat;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti lejn approfondiment ulterjuri tas-suq għas-servizzi biex jiżviluppaw il-potenzjal sinifikanti tiegħu għall-impjiegi;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru permezz tal-adozzjoni ta’ politiki attivi li jistgħu jnaqqsu l-iżvantaġġi reali li jaffettwaw lin-nisa fis-settur tas-servizzi, fejn teżisti l-idea li hemm xogħolijiet maskili u femminili, u li dawn tal-aħħar huma marbuta max-xogħolijiet li jwettqu n-nisa fid-dar u li jitqiesu bħala estensjoni ta’ dawn (il-ħwejjeġ u t-tessuti, it-tagħlim, ix-xogħol ta’ infermiera, it-tindif, eċċ.); jappella biex is-servizzi ta’ parir edukazzjonali u okkupazzjonali jkollhom rwol usa’ fl-iskejjel, biex l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi promossa fost iż-żgħażagħ u biex il-ġlieda kontra l-isterjotipi tiggwida lin-nisa żgħażagħ lejn il-kwalifiki u l-professjonijiet fejn għadhom sottorappreżentati; jinnota li l-proporzjon tal-irġiel li jidħlu għall-professjoni tat-tagħlim hija wisq iżgħar minn dik tan-nisa u jenfasizza l-ħtieġa għal iżjed irġiel fil-professjoni;

8.

Jinnota li, fost in-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi, hemm iżjed nisa li jsibu xogħol fis-setturi soċjali, tal-kura u tat-telekomunikazzjonijiet, setturi li x’aktarx jirrikjedu inqas kwalifiki, igawdu ftit prestiġju soċjali u jikkorrispondu mar-rwoli tradizzjonali tan-nisa fis-soċjetà, filwaqt li l-irġiel jiddominaw is-setturi l-iżjed prestiġjużi u li jħallu l-aħjar qligħ: dak tal-finanzi u dak bankarju;

9.

Jirrimarka li l-politiki tal-kura u s-servizzi għall-anzjani, id-dipendenti u t-tfal, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, huma elementi assolutament fundamentali għall-ilħiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota għalhekk li n-nisa u l-irġiel għandu jkollhom l-għażla li jwettqu xogħol bil-paga, u li jkollhom it-tfal u l-familja, mingħajr ma jisfaw imċaħħda mil-libertà tagħhom li jagħmlu użu sħiħ mid-dritt tagħhom għax-xogħol u għall-opportunitajiet indaqs;

10.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li x-xogħol part-time (19,2 % tat-total tal-impjiegi tal-UE fl-2010) għadu xogħol primarjament femminili; jinnota li fl-UE fil-2010 31,9 % tal-popolazzjoni attiva tan-nisa kienu jaħdmu part-time, kontra 8,7 % biss tal-popolazzjoni tal-irġiel, li jfisser li 78 % tax-xogħol part-time jitwettaq min-nisa; jirrimarka li fl-UE kollha kemm hi 19 % tan-nisa u 7 % tal-irġiel jaħdmu xogħol part-time ta’ ftit sigħat (anqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa) mentri biss 3 % tal-irġiel bejn l-etajiet ta’ 35 u 49 sena jaħdmu xogħol part-time ta’ ftit sigħat, imqabbla ma 18 % tan-nisa fl-istess grupp tal-età; jinnota wkoll li xogħlijiet part-time jinsabu l-aktar f'setturi speċifiċi, b'aktar minn 38 % tal-ħaddiema part-time, kemm dawk bi ftit sigħat kif ukoll dawk b’sigħat "sostanzjali" (jiġifieri bejn 20 u 34 siegħa fil-ġimgħa), impjegati fis-servizzi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u soċjali, f’servizzi oħra, jew fil-bejgħ tal-imnut u tal-ingrossa;

11.

Jiġbed l-attenzjoni fuq il-ġeneralizzazzjoni tal-kunċett ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli: xogħol fi tmiem il-ġimgħa, ħinijiet tax-xogħol irregolari u imprevedibbli u l-estensjoni tas-sigħat tax-xogħol, u l-fatt li, billi t-talba għall-flessibilità hija l-akbar fost il-ħaddiema part-time, li fil-parti l-kbira tagħhom huma nisa, dan ifisser li iktar nisa milli rġiel huma soġġetti għal bidliet fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom minn ġimgħa għal oħra, ħaġa li tkompli tagħmilha aktar diffiċli għan-nisa, speċjalment għall-ommijiet li qed irabbu t-tfal weħidhom u għal dawk li qed jieħdu ħsieb qraba dipendenti, li jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja; jenfasizza li l-kuntratti tax-xogħol għandhom ikunu stabbli u s-sigħat tax-xogħol skedati, imma b’mod li jkunu jistgħu jiġu nnegozjati skont it-talba tal-impjegat sabiex dan tal-aħħar jilħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali, dik tal-familja u dik privata; jenfasizza li l-flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol għandha tkun l-għażla tal-ħaddiem, u mhux tkun imposta jew infurzata minn min iħaddem; jirrifjuta sitwazzjonijiet ta’ flessibilità u inċertezza kuntrattwali li ma jippermettux għall-formazzjoni u l-istabbiltà tal-familja;

12.

Ifakkar li arranġamenti flessibbli tax-xogħol huma speċifiċi għal ħafna impjiegi f’dan is-settur; jenfasizza li, minn naħa waħda, aktar flessibbiltà fl-arranġamenti tax-xogħol – dment li tkun volontarja u maħsuba biex taqdi l-ħtiġijiet reali tal-ħaddiema, u li l-ħaddiema jkollhom kontroll fuqha u ċarezza dwar is-sigħat tax-xogħol tagħhom u dwar l-arranġamenti part-time – lin-nisa tkattrilhom l-opportunitajiet biex ikunu jistgħu jieħdu sehem attiv fis-settur tas-servizzi u tirfed l-ilħiq ta’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, dik tal-familja u dik privata, iżda li, min-naħa l-oħra, il-flessibbiltà jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-pagi u l-pensjonijiet tan-nisa u konsegwenzi negattivi għan-nisa impjegati, pereżempju nuqqas ta’ kuntratti formali, sigurtà soċjali u sigurtà tal-impjieg; jinnota li tista’ twassal ukoll biex min iħaddem ma jipprovdix kundizzjonijiet adegwati tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

13.

Jenfasizza l-importanza tax-"xogħol mid-dar", li qed isir dejjem iżjed popolari; jirrimarka li iżjed minn 90 % tal-kumpaniji fil-Ġermanja u fl-Isvezja jaqsmu l-ġimgħa tax-xogħol tagħhom b’modi ġodda, u l-persunal jiġi ġġudikat fuq is-sigħat f’sena u mhux fil-ġimgħa u jippermettu li l-koppji miżżewġin jaqsmu l-impjiegi bejniethom;

14.

Jissottolinja l-importanza li jkunu żgurati kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti flimkien ma drittijiet rigward, fost l-oħrajn, standards tal-pagi, saħħa u sikurezza, aċċessibbiltà, prospetti tal-karriera, taħriġ addizzjonali, sigurtà soċjali sostenibbli u tagħlim tul il-ħajja;

15.

Josserva li fl-2010 fl-UE l-proporzjon tal-popolazzjoni attiva tan-nisa b’kuntratt għal żmien definit kienet 14,5 %, ftit iktar minn dik tal-irġiel, li laħqet 13 %;

16.

Ifakkar, għal darb’oħra, li fl-Unjoni Ewropea n-nisa jaqilgħu medja ta’ 16,4 % inqas mill-irġiel; jistqarr li n-nisa ma jirċevux l-istess paga fil-każijiet fejn għandhom l-istess impjiegi bħall-irġiel jew impjiegi tal-istess valur; jinnota li, f’każijiet oħra, ma jokkupawx l-istess impjiegi, minħabba l-persistenza tas-segregazzjoni vertikali u orizzontali tax-xogħol u minħabba l-inċidenza akbar ta’ impjiegi part-time; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-movimenti trejdjunjonistiċi biex ifasslu u jimplimentaw għodod utilizzabbli u speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-impjiegi biex jiddeterminaw xogħlijiet ta’ valur indaqs biex jiżguraw li n-nisa u l-irġiel jitħallsu l-istess, u jinkoraġġixxi lill-kumpaniji jwettqu awditi annwali tal-pagi u jippubblikaw id-dejta f’ġieħ l-akbar tarsparenza u biex titnaqqas id-diverġenza fil-pagi bejn is-sessi; jirrrimarka li d-diverġenza fil-pagi bejn is-sessi spiss twassal għal diverġnza fil-pensjonijiet tal-irtirar, li tista’ twassal biex in-nisa jsibu ruħhom taħt il-linja tal-faqar;

17.

Jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-prinċipju ta’ paga ugwali għan-nisa u l-irġiel fl-istess post tax-xogħol, kif minqux fl-Artikolu 157 tat-Trattat ta' Lisbona; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (8), u jtenni t-talba tiegħu għal rieżami tad-Direttiva 2006/54/EC sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2013;

18.

Jinnota bi tħassib li l-parti l-kbira ħafna tal-pagi baxxi, u prattikament il-pagi l-aktar baxxi kollha, jirrigwardaw ix-xogħol part-time u li madwar 80 % tal-foqra li jaħdmu huma nisa; jirrimarka li hemm ħtieġa għal miżuri konkreti biex jaħdmu kontra l-impjiegi prekarji fis-settur tas-servizzi, li jaffettwaw lin-nisa b’mod partikolari, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji ħalli jikkombattu l-impjiegi prekarji;

19.

Jasserixxi li prattika mifruxa mhux ħażin, minkejja li hija diskriminatorja, hija li l-irġiel u n-nisa jiġu allokati kategoriji okkupazzjonali differenti għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur: fil-każ tas-servizzi ta’ tindif, pereżempju, l-irġiel jinħatru bħala tekniċi tal-manutenzjoni, filwaqt li n-nisa jinħatru bħala awżiljari tat-tindif, sitwazzjoni li tintuża biex tiġġustifika pagi aktar baxxi għax-xogħol imwettaq min-nisa;

20.

Jinnota li titjib fil-livell tal-edukazzjoni tan-nisa rarament ikun akkumpanjat minn pożizzjoni ogħla fil-ġerarkija tal-impjiegi jew titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol, b’tali mod li wieħed jista’ jitkellem dwar l-eżistenza ta’ sovrakwalifikazzjoni fost il-popolazzjoni tan-nisa;

21.

Jinnota li, bi rbit max-xejra li qed tikber ta’ nisa impjegati f’xogħol part-time u l-fatt li min iħaddem jippreferi jinvesti jinvesti f’ħaddiema b’kuntratti ta’ xogħol permanenti, huwa ċar li n-nisa għandhom aċċess limitat għal firxa wiesgħa ta’ korsijiet ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid, u b’hekk anqas opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema kollha fis-settur tas-servizzi, b'attenzjoni għal dawk li jappartjenu għall-gruppi l-aktar vulnerabbli, ikollhom aċċess għal programmi permanenti ta' titjib tal-kompetenzi u tagħlim tul il-ħajja, sabiex itejbu l-opportunitajiet futuri tagħhom fis-suq tax-xogħol u jnaqqsu l-iżbilanċ bejn il-kompetenzi u d-dmirijiet ta' xogħol li dejjem jevolvu;

23.

Jinnota l-livelli baxxi tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħriġ vokazzjonali fis-settur tas-servizzi fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni dwar din il-kwistjoni;

24.

Jenfasizza l-ħtieġa għal titjib tal-kompetenzi fil-każ ta' ħaddiema li huma akbar fl-età u ta’ ġenituri li jidħu lura fis-suq tax-xogħol wara li jkunu għamlu żmien jieħdu ħsieb it-tfal jew qraba dipendenti;

25.

Jirrimarka li fl-2010 waħda biss minn kull seba’ membri tal-bordijiet tal-amministrazzjoni tal-kumpaniji Ewropej l-iktar importanti kienet mara (13,7 %) u li 3,4 % biss tal-bordijiet tal-amministrazzjoni tal-ikbar kumpaniji kellhom president mara;

26.

Jenfasizza l-importanza li ssir ħidma sabiex iżjed nisa jidħlu fis-settur tar-riċerka, u jissottlonja li n-nisa jistgħu jieħdu rwol deċiżiv fl-iżvilupp ta’ sistemi ġodda u innovattivi u prodotti u servizzi ġodda fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari minħabba l-fatt li, minkejja li n-nisa huma responsabbli għal 80 % tad-deċżjonijiet ta' xiri madwar id-dinja, il-parti l-kbira tal-prodotti jiddisinjawhom l-irġiel, inklużi 90 % tal-prodotti tekniċi; jemmen li aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-innovazzjoni għandha tiftaħ ukoll swieq ġodda u żżid il-kompetittività; jemmen ukoll li servizzi innovattivi huma essenzjali biex nilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni, b’mod partikolari ż-żieda fid-domanda għas-servizzi kkawżata minn popolazzjoni li qed tixjieħ, u jistgħu joħolqu opportunitajiet imtejba biex in-nies jgħixu u jaħdmu fi bliet kbar u żgħar u fi nħawi rurali fl-Unjoni kollha permezz tal-forniment ta’ servizzi tajba ta’ komunikazzjoni u ta’ kummerċ;

27.

Jissottolinja l-fatt li, peress li ħafna nisa jkomplu jagħżlu t-taħriġ tagħhom fis-settur tas-servizzi u b'hekk qed jibnu l-esperjenza kummerċjali u l-għarfien tagħhom tan-negozju, hemm ambitu wiesa' u potenzjal kbir għall-intraprenditorija tan-nisa; jemmen li sabiex l-isforzi biex titqawwa l-intraprenditorija u l-impriża fost in-nisa jkunu effikaċi, is-settur tal-produzzjoni jeħtieġ li jkollu kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk fis-settur tas-servizzi; jilqa’ f’dan ir-rigward, il-proposta li l-mikrofinanza tiġi estiża bħala assi speċifika tal-Programm Għat-Tibdil Soċjali u l-Innovazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-mikrofinanza bħala strument ta’ appoġġ għall-intraprendituri nisa u għall-persuni li jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli tas-suq tax-xogħol fis-settur tas-servizzi, u jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Inizjattiva għan-negozju soċjali” (COM(2011)0682), għax in-nisa b’mod partikolari qed jidħlu f’xogħol fis-settur tan-negozju soċjali;

28.

Jinnota li, fis-settur tas-servizzi, in-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali x’aktarx jaħdmu l-aktar f’setturi bħad-distribuzzjoni tal-imnut u l-lukandi, għalkemm qed javvanzaw f’setturi anqas tradizzjonali bħall-assigurazzjoni u l-banek, u li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, in-nisa huma maniġers ta’ impriżi żgħar jew impriżi bla impjegati; josserva wkoll li, f'organizzazzjonijiet kbar, in-nisa normalment jilħqu pożizzjonijiet maniġerjali għoljin biss fl-oqsma inqas importanti tal-impriża, bħar-riżorsi umani u r-rwoli amministrattivi; iħeġġeġ lill-kumpaniji jagħmlu disponibbli għall-impjegati f’livelli minuri taħriġ regolari u jimplimentaw skemi effikaċi ta’ appoġġ għall-maternità, il-paternità parentali;

29.

Jitlob li jintemm is-saqaf tal-ħġieġ fis-settur pubbliku li lin-nisa jżommhom milli jilħqu pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà għolja; jinnota li s-settur pubbliku jeħtieġ li jkollu rwol eżemplari f’dan il-qasam;

30.

Jenfasizza li n-nisa jirrappreżentaw proporzjon akbar mill-irġiel tal-ekonomija moħbija fis-settur tas-servizzi, sa ċertu punt peress li hemm aktar tnaqqis tar-regolazzjoni fis-setturi li tradizzjonalment jaħdmu fihom in-nisa, bħal pereżempju s-servizz domestiku jew xogħol ta’ kura tal-persuni; jirrimarka, min-naħa l-oħra, li l-ekonomija informali kibret minħabba l-kriżi, minkejja li huwa diffiċli ħafna li dak li jkun jiddetermina d-daqs partikolari tagħha fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar l-inċidenza u l-impatt tagħha;

31.

Jilqa’ d-dokument ta' ħidma tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir bl-isem ‘Dwar l-isfruttament tal-potenzjal tax-xogħol tas-servizzi personali u domestiċi’ u jistieden lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lil partijiet interessati oħra biex jilqgħu attivament l-istedina tal-Kummissjoni biex jidħlu f’diskussjoni dwar din il-kwistjoni;

32.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki maħsuba biex il-ħaddiema prekarji fl-ekonomija informali jsiru ħaddiema regolari, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ benefiċċji tat-taxxa u kupuni tas-servizzi; jitlob li jiġi żviluppat programm maħsub biex jeduka lill-ħaddiema fis-settur tas-servizzi dwar drittijiethom u li jippromwovi l-organizzazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema; jitlob li ittieħdu inizjattivi mmirati lejn min iħaddem u lejn il-pubbliku inġenerali biex iqajmu kuxjenza dwar l-effetti u l-impatti negattivi tax-xogħol irregolari prekarju, inklużi dawk dwar is-sikurezza okkupazzjoniali u s-saħħa;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni tordna studju indipendenti dwar l-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi tal-kura domestika fuq il-pożizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema;

34.

Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema nisa immigranti u mhux dikjarati fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari dawk impjegati fid-djar privati, minħabba li fil-maġġoranza l-kbira tagħhom dawn jaħdmu mingħajr kuntratt f’impjieg prekarju fis-servizz domestiku b’kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, b’pagi sostanzjalment aktar baxxi minn dawk tal-ħaddiema dikjarati u bl-ebda tip ta’ drittijiet soċjali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal politiki xierqa li jiżguraw li l-ħaddiema migranti jkunu intitolati għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem inkluż id-dritt għall-kura tas-saħħa, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, edukazzjoni u taħriġ, integrità morali u fiżika u ugwaljanza quddiem il-liġi; jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-politiki u l-prattiki nazzjonali biex jiffukaw iżjed fuq il-prattiki tar-reklutaġġ, l-aċċess għall-informazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u biex lil dawn il-ħaddiema jinkoraġġuhom jirrapurtaw kundizzjonijiet tax-xogħol abużivi bla riskju ta’ kwalunkwe impatt fuq l-istatus tagħhom ta’ residenza;

35.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi, adottata mill-organizzazzjoni tripartitika fl-2011 bl-għan li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi u l-istess drittijiet bażiċi tax-xogħol bħal dawk disponibbli għall-ħaddiema l-oħra u li tappoġġja l-iżvilupp ta’ settur formali tas-servizzi domestiċi u tal-kura;

36.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' reġim speċjali għas-settur tas-servizz personali u domestiċi sabiex jiġi regolarizzat il-fenomenu mifrux tax-xogħol mhux iddikjarat - li jaffettwa b'mod partikolari lin-nisa - u b'hekk jiżguraw kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti; Jistieden lill-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat fil-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom ippreżentati fl-istrateġija Ewropa 2020;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-ħaddiema b’ħiliet baxxi, qiegħda, il-ħaddiema żgħar u ikbar, nies b’diżabilità, dawk b’disturbi mentali jew gruppi minuri bħal ħaddiema migranti u Roma, permezz ta’ gwida okkupazzjonali immirata u mfassla, taħriġ u programmi ta’ apprendistat;

38.

Jirrimarka li l-kriżi ekonomika u l-hekk imsejħa miżuri ta’ awsterità wasslu għal tnaqqis fil-miżuri tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u huma ostakolu addizzjonali għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-ġeneru, partikolarment f’dak li jirrigwarda t-telf tal-impjiegi, l-aċċess għal impjiegi ġodda u aktar insigurtà għan-nisa, li flimkien mal-fatt li r-rati tal-impjiegi tal-irġiel x’aktarx li terġa’ tirkupra iktar malajr minn dik tan-nisa, qed ikollha riperkussjonijiet negattivi ħafna fuq in-nisa li jaħdmu fis-settur tas-servizzi u fuq il-karrieri u l-pensjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor dejta dwar l-impatt tal-miżuri ta’ awsterità fuq in-nisa fis-suq tax-xogħol, b’enfasi speċjali fuq is-settur tas-servizzi; jenfasizza l-ħtieġa l-interdipendenza bejn il-kwistjonijiet soċjali u dawk ekonomiċi tiġi rikonoxxuta aktar, minħabba li iżjed attenzjoni għall-kwistjonijiet soċjali saret prerekwiżit għat-trattament effikaċi tal-inugwaljanzi abbażi tal-ġeneru;

39.

Jinnota li l-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ April 2012 sab li 18 % tal-ħaddiema rrapportaw li ftit kellhom bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja; jenfasizza l-ħtieġa ta’ politiki xierqa għall-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol u, b’mod partikolari, jappella għal aktar servizzi soċjali pubbliċi bla ħlas u ta’ kwalità biex jipprovdu servizzi tal-kura tat-tfal u ta’ dipendenti oħrajn b’mod li jkun kompatibbli mal-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, dik tal-familja u dik privata, kemm f’żoni rurali kif ukoll f’dawk urbani; jenfasizza li l-provvista ta’ faċilitajiet ta’ kura tkompli tgħin biex tnaqqas il-faqar fost in-nisa billi tagħmilhielhom jaħdmu;

40.

Jenfasizza l-fatt li l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment tal-irġiel fil-miżuri ta’ bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, bħalma huwa x-xogħol part-time, huma kruċjali sabiex jintlaħaq dan il-bilanċ, għaliex kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jistgħu jibbenefikaw minn politiki tal-impjiegi li huma favur il-familja u mill-qsim ugwali tax-xogħol mhux imħallas u tar-responsabbiltajiet tad-dar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva ta’ politika kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u jinkoraġġixxu lill-irġiel jieħdu sehem ugwali fir-responsabbiltajiet ta’ kura u tad-dar, b’mod partikolari permezz ta’ inċentivi biex l-irġiel jieħdu liv parentali u tal-paternità, u b’hekk isaħħu drittijiethom bħala ġenituri, jiżguraw grad ogħla ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u qsim aktar f'loku tar-responsabbiltajiet familjari u tax-xogħol tad-dar, u jtejbu l-opportunitajiet biex in-nisa jieħdu sehem sħiħ fis-suq tax-xogħol; jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom japplikaw korrettament id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2010/18/EU (9) dwar il-liv tal-ġenituri, permezz ta’ miżuri sew leġiżlattivi kif ukoll edukattivi rigward l-ugwaljanza tal-ġeneri;

41.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw pjan ta’ azzjoni għall-ilħiq tal-miri ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet tal-kura tat-tfal u jistabbilixxu skeda ta’ żmien biex il-livelli ta’ mira jogħlew progressivament;

42.

Jinnota l-opportunitajiet limitati li n-nisa għandhom biex jadattaw għar-rekwiżiti tas-swieq tax-xogħol f’dinja moderna u globalizzata ferm, fejn l-attribwit ewlieni tal-ħaddiem huwa l-mobilità u l-faċilità li jiċċaqlaq biex jieħu post tax-xogħol lil hinn mill-post tar-residenza tiegħu, li fil-każ tan-nisa, li huma iżjed involuti fil-kura tat-tfal u tad-dar din hija spiss impossibbli, b’tali mod li ma jitħallewx jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li joffri s-suq tax-xogħol;

43.

Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiżblokka l-adozzjoni tal-emenda tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità billi jaċċetta l-flessibilità proposta mill-Parlament Ewropew sabiex l-Ewropa tkun tista’ timxi ’l quddiem rigward il-protezzjoni tad-drittijiet u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tqal jew li għadhom kif welldu; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-protezzjoni tal-maternità u l-paternità billi jiġu miġġielda i) it-tkeċċija mill-impjieg matul jew wara t-tqala, ii) it-tnaqqis fis-salarju matul il-liv tal-maternità, u iii) it-tnaqqis fil-grad tal-impjieg jew tar-rimunerazzjoni meta l-persuna terġa’ lura x-xogħol; jenfasizza li jeħtiġilna niżguraw li anke impjegati atipiċi fl-impriżi, bħal sostituti temporanji, ħaddiema li jaħdmu għal rashom u impjegati temporanji oħra għandhom ikunu jistgħu jasserixxu drittijiet f’livell li jirrifletti l-prestazzjoni tal-ħidma tal-individwu fil-perijodu qabel it-tqala u t-twelid, u li jiżgura l-akbar ugwaljanza possibbli ta’ trattament fil-konfront tal-kollegi permanenti fis-settur ikkonċernat;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bir-rispett xieraq tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jiżviluppaw strateġiji għad-definizzjoni ta' standards minimi fis-settur tas-sevizzi, inklużi kuntatti regolari u negozjar kollettiv, u jippruvaw jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi tas-segregazzjoni orizzontali u vertikali;

45.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu miġġielda l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari l-vjolenza ekonomika, il-fastidju psikoloġiku u sesswali fuq il-post tax-xogħol, l-abbużi sesswali u t-traffikar tal-bnedmin;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa (xogħol iebes u r-riskji li jġib miegħu kif ukoll l-ambjent tax-xogħol) fis-settur tas-servizzi jkunu konformi mad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar Prinċipji u Drittijiet Fundamentali tax-Xogħol, adottata f’Ġunju 1998, u mal-konvenzjonijiet fundamentali speċifiċi tal-ILO;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri kontra l-abbuż mis-servizzi ta’ kura personali, bħall-massaġġi u s-sawna, biex jaħbu servizzi ta’ natura sesswali fejn dawn jingħataw bi sfurzar u taħt il-kontroll ta’ netwerks ta’ traffikar tal-bnedmin;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ drittijiet soċjali u tax-xogħol għan-numru kbir ta’ ħaddiema mobbli fis-settur tas-servizzi, u biex jiġġieldu kull tip ta' sfruttament u r-riskju tal-esklużjoni soċjali filwaqt li jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema tkun faċilment aċċessibbli; jenfasizza li l-mobilità għandha tkun volontarja;

49.

Jinnota l-ħtieġa li jiġu promossi korsijiet ta’ taħriġ inizjali u kontinwi għan-nisa, li għandhom ikunu wkoll immirati u koerenti mal-għan tal-iżvilupp tal-kompetenzi xjentifiċi u tekniċi meħtieġa għad-dħul fid-dinja tax-xogħol u għall-karriera;

50.

Jirrimarka li, filwaqt li qed jiżdied l-għadd ta’ nisa li jużaw il-kompjuters u l-Internet b’mod elementari, il-qasma diġitali rigward tal-ħiliet għadha wiesgħa ħafna, fatt li lin-nisa jirrestrinġilhom l-aċċess u l-użu tat-teknoloġiji tal-infoamrzzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs), u b’hekk itellfilhom il-kapaċità li jfittxu u jsibu xogħol kwalifikat u, konsegwentement, jintensifika l-inugwaljanzi fid-djar, fil-komunitajiet, fis-swieq tax-xogħol u fl-ekonomija inġenerali; jitlob, għalhekk, li jsiru sforzi biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda billi jingħatalhom aċċess prijoritarju għal korsijiet ta’ taħriġ b’xejn; jistieden lill-Istati Membri u lir-Reġjuni sabiex ifasslu korsijiet ta’ taħriġ b’xejn fl-informatika permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewrepew (FSE), biex b’hekk in-nisa jingħataw il-possibbiltà li jiksbu kompetenzi tekniċi ġodda fl-oqsma tat-teknoloġiji ġodda u l-informatika li jwasslu għal opportunitajiet akbar ta' impjieg tan-nisa fis-settur tas-servizzi; jistieden lill-gvernijiet jimplimentaw politiki (bħal kampanji ta’ promozzjoni u boroż ta’ studju speċifiċi) immirati biex iżidu r-reġistrazzjoni tal-istudenti femminili f’korsijiet tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

51.

Jitlob li jsir djalogu soċjali b'saħħtu u l-involviment tar-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tas-settur tas-servizzi fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, il-benefiċċji tal-qgħad u d-drittijiet rappreżentattivi;

52.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  L-Anness tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2011.

(2)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(3)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(4)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0069.

(6)  ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 77.

(7)  ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 1.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2012)0225.

(9)  ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.