15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 332/94


Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2012
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Sahel

P7_TA(2012)0263

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Sahel (2012/2680(RSP))

2013/C 332 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' April 2012 dwar il-Mali/Saħel (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Marzu 2012 dwar is-Saħel (2) li approvaw il-Kunċett ta’ Ġestjoni tal-Kriżijiet għal missjoni PSDK ċivili ta’ Konsultazzjoni, Assistenza, u Taħriġ fis-Saħel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-SEAE: “Strateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel: Rapport tal-Progress tal-Implimentazzjoni, Marzu 2012”,

wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tal-missjoni ta’ valutazzjoni dwar l-impatt tal-kriżi fil-Libja fuq ir-reġjun tas-Saħel, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-2012 (3), u d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Mali tat-22 ta’ Marzu (4), 26 ta’ Marzu (5), 4 ta’ April (6) u 9 ta’ April (7) 2012,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, tal-21 ta’Marzu 2011 (Laqgħa Nru 3076 tal-Kunsill Affarijiet Barranin),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlament Konġunta AKP-UE tat-18 ta’ Mejju 2011 dwar it-taqlib demokratiku fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani – il-konsegwenzi għall-pajjiżi tal-AKP, l-Ewropa u d-dinja (8) u tat-23 ta’ Novembru 2011 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija u l-impatt tagħha fuq l-istati sub-Saħarjani ġirien (9),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jħeġġu lir-Rappreżentant Għoli tmexxi ‘l quddiem ix-xogħol ta’ tħejjija dwar impenn PSDK għat-tisħiħ tal-ħiliet ta’ sigurtà reġjonali fir-reġjun tas-Saħel, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Afrikana,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja tal-21 ta' Marzu, 23 ta' Mejju u t-18 ta' Lulju u t-23 ta' Marzu 2012,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-inizjattiva tas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel tal-1 ta’ Ottubru 2010 (10),

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet rilevanti addizzjonali tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 3, 6, 21 u 39 tiegħu, u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli 205, 208, 214 u 222 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (‘Il-Ftehim ta’ Cotonou’), u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 8, 25 u 28 tiegħu,

wara li kkunsidra s-Sħubija għall-Paċi u s-Sigurtà Afrika-UE, b’mod partikolari l-inizjattivi 2, 7 u 8 tal-Pjan ta’ Azzjoni 2011-2013, adottati fis-Samit Afrika-UE li sar fi Tripoli bejn id-29 u t-30 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-Unjoni Afrikana, adottat f’Addis Ababa fit-8 ta’ Lulju 2004 fit-tielet sessjoni ordinarja tal-Konferenza tal-Unjoni Afrikana,

wara li kkunsidra d-diskors ta’ Ban Ki-moon fil-Parlament tal-Lussemburgu fis-17 ta’ April 2012, fejn talab lill-komunità internazzjonali għal rispons għall-kunflitt li qed jikber fir-reġjun tas-Saħel, li qed isofri minn nixfa kbira, fejn l-għadd ta’ nies spostati qed jikber u l-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil qed jogħlew,

wara li kkunsidra t-talba għall-għajuna mibgħuta lill-komunità internazzjonali fil-5 ta’ Ġunju 2012 mill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Punent tal-Afrika (ECOWAS) wara l-laqgħa ta’ livell għoli tagħha f’Lomé, Togo, bil-ħsieb li tindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel fir-reġjun, b’mod speċjali fis-Senegal, il-Mawritanja, il-Mali, il-Burkina Faso, in-Niġer u ċ-Ċad,

wara li kkunsidra d-dokument strateġiku “Tħejjija għal kriżi tal-ikel u n-nutrizzjoni fil-pajjiżi tas-Saħel u l-pajjiżi ġirien”, miktub b’mod konġunt u aġġornat fi Frar 2012 minn Action Against Hunger, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), il-Fond tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (Unicef) u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), u imniedi bħala strateġija biex iwieġeb aħjar għar-riskju ta' kriżi ġdida tal-ikel u n-nutrizzjoni fis-Saħel fl-2012 f'isem ir-Regional Food Security and Nutrition Working Group tal-IASC,

wara li kkunsidra t-talba li saret fl-10 ta’ April 2012 minn aġenziji varji tan-NU – il-Unicef, il-UNHCR u d-WHO – għal finanzjament addizzjonali għall-miljuni ta’ nies milquta min-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel fir-reġjun tas-Saħel,

wara li kkunsudra l-appell tal-Unicef għal USD 26 miljun għal Mali sabiex il-pajjiż ikun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet tas-saħħa u dawk nutrittivi tat-tfal sal-aħħar tas-sena,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afrika tal-Punent, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-20 ta’ April 2012 (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlament Konġunta AKP-UE dwar l-impatt politiku tal-kunflitt fil-Libja fuq l-Istati ġirien tal-AKP u tal-UE (101.157/fin) adottata f’Horsens, id-Danimarka, fit-30 ta' Mejju 2012,

wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-taħlita ta’ fatturi ta’ nixfa, għargħar, degradazzjoni tal-ħamrija, livell baxx ta’ għelejjel, prezzijiet tal-ikel għoljin, spustar, kriżi ta’ refuġjati, faqar kroniku, governanza fqira, u, bħala riżultat tal-kunflitti, sitwazzjoni li qed tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem li qed tkompli tmur għall-agħar qed tolqor miljuni ta’ nies fir-reġjun;

B.

billi n-nies milquta mill-kriżi politika u tal-ikel qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar tant estrem li l-bżonnijiet umani bażiċi tagħhom mhux qed jiġu sodisfati, u t-tensjonijiet soċjali qed jiżdiedu; billi l-parti l-kbira ta’ dawn in-nies huma nisa mingħajr ebda forma ta' protezzjoni, u għaldaqstant jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli;

C.

billi l-istati membri ta’ ECOWAS irreġistraw tnaqqis ta’ 9 % fil-produzzjoni taċ-ċereali fl-2012 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Il-produzzjoni taċ-ċereali fis-Saħel naqset b’26 %, filwaqt li fiċ-Ċad u fil-Gambja ġie reġistrat tnaqqis ta’ 50 %;

D.

billi, skont in-NU, 18 -il miljun ruħ ġew milquta min-nixfa u mill-kriżi relatata mal-kunflitt fir-reġjun tas-Saħel fl-Afrika tal-Punent, fejn aktar minn 200 000 tifel u tifla mietu minħabba l-malnutriment fl-2011, u fejn bħalissa miljun tifel u tifla jinsabu f’riskju ta’ malnutriment akut sever;

E.

billi l-fraġilità tal-istat, il-governanza fqira u l-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-Saħel, flimkien mas-sottożvilupp ekonomiku jirriżultaw f’faqar kroniku, jipprovdu ambjent perfett għall-gruppi terroristiċi, it-traffikanti tad-drogi u tal-persuni, u l-gruppi involuti fil-piraterija, il-kummerċ tal-armi, il-ħasil tal-flus, l-immigrazzjoni illegali u n-netwerks tal-kriminalità organizzata, li jingħaqdu flimkien biex joħolqu instabilità fir-reġjun, b'impatt negattiv fuq ir-reġjuni ġirien;

F.

billi r-reġjun qed jesperjenza tisħiħ allarmanti tar-rabtiet bejn it-traffikanti tad-droga fl-Amerika Latina u fi stati fl-Afrika tal-Punent/Ċentrali, u billi dan ir-reġjun issa hija rotta ta’ tranżitu ewlenija għat-trasport bil-baħar tad-droga lejn l-Ewropa, li tammonta għal aktar minn 25 % tal-konsum globali ta’ kokaina; billi dawn ix-xejriet jirrikjedu impenn akbar mill-Unjoni Ewropea;

G.

billi l-kunflitti fil-Libja u l-Mali, b’mijiet ta’ eluf ta’ persuni spustati jemigraw lejn il-Burkina Faso, in-Niġer ul-Mawritanja, ħallew impatt negattiv fuq il-qagħda tas-sigurtà tar-reġjun, li jbati minn nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel akuta, skarsezza tal-ilma, żieda fil-kriminalità u instabilità kbira;

H.

billi l-kunflitt Libjan was għal proliferazzjoni, fir-reġjun tas-Saħel-Saħarjan, ta’ kwantitajiet kbar ta’ armi, u influss f’daqqa ta’ armi tqal li, f’idejn id-diversi gruppi terroristiċi u kriminali u t-traffikanti tad-drogi fir-reġjun, huma theddida serja għas-sigurtà u l-istabilità tas-sottoreġjun kollu;

I.

billi l-ex-ġellieda li mil-Libja qed jaslu lura fiċ-Ċad, in-Niġer, il-Mali u l-Mawritanja, bi kwantitajiet kbar ta’ armi u munizzjon, huma rekluti potenzjoali għal movimenti tar-ribelli, gruppi affiljati tal-al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (AQIM) u klikek kriminali, u qed jikkontribwixxu għad-distabbilizzazzjoni tar-reġjun kollu kemm hu;

J.

billi t-tradizzjonijiet ta’ tolleranza, solidarjetà u rispett għall-persuna umana li jaderixxi magħhom l-Iżlam kif inhuma prattikati fir-reġjun;

K.

billi n-nuqqas ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku ġenwin, it-tqassim inġust tar-riżorsi, rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar kroniku, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-imjiegi u d-deprivazzjoni soċjali ddisprata għandhom rwol importanti fir-reklutaġġ taż-żgħażagħ minn gruppi terroristiċi;

L.

billi l-qawmien ta’ gruppi tar-ribelli bħal Boko Haram fiċ-Ċad u fin-Niġerja huma theddida għall-istabilità tar-reġjun kollu tas-Saħel;

M.

billi dan l-iżvilupp, flimkien mal-itfaċċar mill-ġdid tal-irridentiżmu tat-Tuareg f’pajjiżi bħall-Mali u n-Niġer, qed ixekkel l-istabilità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi tar-reġjun tas-Saħel-Saħarjan, b’mod speċjali l-Mawritanja u l-Burkina Faso;

N.

billi jeżistu rabtiet iddikjarati fil-miftuħ bejn gruppi terroristiċ fir-reġjun Saħel-Saħaran u traffikanti tad-drogi, armi, sigaretti u bnedmin; billi diversi Ewropej ġew maħtufa u miżmuma ostaġġi, b’mod partikolari fis-snin riċenti;

O.

billi t-terroriżmu fis-Saħel jeħtieġ jiġi missielet parzjalment permezz ta’ politika attiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali, l-istat tad-dritt u l-integrazzjoni; billi huwa neċessarju li jiġu offruti prospetti ekonomiċi għall-gruppi tal-popolazzjoni lokali li jipprovdu alternattiva għall-ekonomija kriminali;

P.

billi l-ark tas-Saħel huwa żona strateġika bejn l-Afrika Sub-Saħarjana u l-Ewropa u billi s-sitwazzjoni fl-istrixxa tas-Saħel-Saħara hija għalhekk kwistjoni ewlenija ta’ sigurtà kemm għall-Afrika kif ukoll għall-Ewropa;

Q.

billi l-partijiet interessati internazzjonali, reġjonali u nazzjonali kollha għandhom jiġu mobilizzati biex isaħħu l-ġlieda kontra t-terroriżmu u għat-tisħiħ tas-sigurtà fir-reġjun, anke permezz ta’ djalogi strutturati;

R.

billi l-istrateġija tal-UE tidentifika l-Mawritanja, il-Mali u n-Niġer bħala pajjiżi ewlenin tas-Saħel, u tisħaq li n-nuqqas ta’ ħiliet governattivi u l-faqar sistemiku huma dinaki li jsaħħu lill-xulxin b’mod reċiproku;

S.

billi kkunsidra r-riperkussjonijiet serji tan-nuqqas ta’ sigurtà fuq l-ekonomija tar-reġjun, b’mod partikolari s-setturi tal-minjieri u tat-turiżmu, fuq l-iżvilupp u fuq il-ħolqien tal-impjiegi; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiħżien wasslet biex il-proġetti għall-iżvilupp mibdija f’diversi pajjiżi fis-sottoreġjun waqfu, u b’hekk ħafna żgħażagħ sabu rwieħhom qegħda, filwaqt li l-vulnerabilità tagħhom aktar se jibbenefikaw minnha l-gruppi terroristiċi u kriminali;

1.

Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, u jistieden lill-UE taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tar-reġjun, is-soċjetà ċivili u l-korpi reġjonali u internazzjonali, inkluża l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS, tindirizza b'mod komprensiv il-kawżi fundamentali politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-faqar, tappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku, il-governanza tajba u aċċess imtejjeb għall-infrastrutturi ewlenin u s-servizzi bażiċi għall-popolazzjoni lokali, u sabiex tgħin il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet statali, il-ġustizzja, il-pulizija u d-dwana sabiex tissaħħaħ is-sigurtà u l-istat tad-dritt fir-reġjun;

2.

Jikkundanna għalkollox kull attentat ta’ teħid tal-poter bl-użu tal-forza, kull att ta’ terroriżmu u ta’ sakkeġġi ta’ sptarijiet, skejjel, aġenziji tal-għajnuna u bini tal-gvern, kull forma ta’ kastig krudili u inuman assoċjat mal-applikazzjoni tal-liġi tax-Xarija, u kull delitt tal-gwerra, ħtif u ksur serju tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem diretti lejn il-popolazzjoni tal-Mali, b’mod speċjali fiż-żoni tat-Tramuntana kkontrollati mir-ribelli, u jappella lill-awtoritajiet tal-Mali u lill-moviment għal-liberazzjoni tat-Tuareg isibu soluzzjoni paċifika u dejjiema permezz ta’ djalogu kostruttiv;

3.

Jikkundanna b’mod partikolari l-attroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili, li kienu diretti l-iktar kontra n-nisa u t-tfal, u jikkundanna b’mod partikolari l-użu tal-ħtif u l-istupru bħala armi tal-gwerra;

4.

Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tħaffef l-implimentazzjoni tal-komponenti varji tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel; jappoġġa l-impenn tal-Kunsill li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ reġjun paċifiku u stabbli fejn tkun żgurata l-awtosuffiċjenza tal-ikel;

5.

Ifakkar li, minħabba li s-sigurtà u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib, it-titjib tal-qagħda tas-sigurtà huwa integrali għat-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tal-faqar fir-reġjun; jappella lill-UE biex tintroduċi strumenti biex titjieb is-sigurtà fir-reġjun, b’enfasi speċjali fuq il-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi konċernati u l-promozzjoni u t-tisħiħ ta' djalogu komprensiv bejn l-atturi reġjonali ewlenin;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-SEAE, biex fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel (b’enfasi fuq erba’ gruppi ta’ azzjoni: l-iżvilupp, il-governanza tajba u s-soluzzjoni ta’ kunflitti interni; l-azzjoni politika u diplomatika; is-sigurtà u l-istat tad-dritt; l-azzjoni kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni), jadottaw bħala prinċipju ewlieni r-rabta tas-sigurtà mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp, b'mod speċjali s-sigurtà tal-ikel;

7.

Jilqa’ l-programm ta’ kontra t-terroriżmu tas-Saħel, is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Afrika tal-Punent, il-Proġett għall-Paċi u s-Sigurtà tal-ECOWAS u l-Pjan ta 'Azzjoni kontra d-Drogi u l-Kriminalità tal-ECOWAS, imnedija fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, kif ukoll l-inizjattivi reġjonali bħal dawk organizzati miċ-Ċentru Afrikan ta' Studju u Riċerka dwar it-Terroriżmu (ACSRT) dwar il-kapaċità tas-sistemi legali nazzjonali biex iwieġbu għat-terroriżmu;

8.

Huwa tal-fehma li l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, filwaqt li tagħti riżultati pożittivi, jeħtieġ li tindirizza r-riskju ta' frammentazzjoni, u ttejjeb iss-sinkronizzazzjoni tal-azzjonijiet meħuda mill-UE fi ħdan l-istrumenti differenti li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-Saħel;

9.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimmobilizaw ir-riżorsi disponibbli kollha biex jippromwovu s-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel-Saħara b’kooperazzoni mal-pajjiżi tar-reġjun, man-Nazzjonijiet Uniti u ma’ sħab internazzjonali oħra;

10.

Jilqa' l-pakkett tal-komunità tal-Afrika tal-Punent ta' USD 80 miljun, imwiegħed bi tweġiba għall-kriżi ta' emerġenza fir-reġjun tas-Saħel, u ż-żieda fl-għajnuna umanitarja tal-UE fir-reġjun tas-Saħel minn EUR 45 miljun għal aktar minn EUR 120 miljun sa mill-bidu tal-2012, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jiżguraw li din l-għajnuna jgawduha dawk li huma fil-bżonn; jistieden fl-istess ħin lill-komunità internazzjonali biex tagħmel l-isforzi finanzjarji meħtieġa biex tindirizza l-kriżi tal-ikel u n-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun;

11.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-Saħel huwa wieħed mir-reġjuni l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima u mit-telf tal-bijodiversità, li għandhom impatt kbir fuq l-agrikoltura u fuq il-ħajja tal-bdiewa u tan-nies tal-post, u jżidu l-faqar u l-inugwaljanzi; jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni meħuda mill-FAO, flimkien mal-Kumitat Interstatali Permanenti għall-Kontroll tan-Nixfa fis-Sahel (Permanent Interstate Committee for Drought Control in the Sahel - CILSS), in-Netwerk ta’ Sistemi ta’ Twissija Bikrija tal-Karestija (Famine Early Warning Systems Network - FEWSNET), il-WFP u l-gvernijiet;

12.

Iħeġġeġ lill-UE biex waqt li tikkoordina ma' donaturi oħra, teżerċita tmexxija soda u tieħu azzjoni rapida sabiex jiġi evitat li l-kriżi fir-reġjun tas-Saħel issir diżastru, minħabba li s-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun huwa mistenni li se tibqa’ kritiku talanqas sal-ħsad prinċipali ta’ din il-ħarifa;

13.

Jinsab konvint li huwa indispensabbli għall-komunità internazzjonali, fil-perspettiva medja u fit-tul, li tiffoka l-azzjonijiet tagħha fuq it-tisħiħ tal-ħila tal-popolazzjonijiet ikkonċernati li jgħixu man-nixfiet ġejjieni u avvenimenti diffiċli oħra u b'hekk titnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq l-għajnuna ta' emerġenza, li ttejjeb l-istrateġiji ta’ rispons għall-ġuħ u li tiġġieled kontra vulnerabilitajiet strutturali, u b'hekk tindirizza l-problema b’mod aktar effiċjenti;

14.

Iħeġġeġ lill-UE u l-komunità internazzjonali sabiex jiffokaw l-attivitajiet tagħhom fuq sforzi biex jipproteġu l-għajxien tal-familji l-aktar vulnerabbli, isaħħu l-ħila ta’ reżistenza tar-raħħala, tal-agro-raħħala u tal-bdiewa, jappoġġjaw il-ġestjoni/konservazzjoni tar-riżorsi naturali bħall-ilma, is-siġar u l-ħamrija, jipprovdu assistenza integrata ta’ nutrizzjoni ta' emerġenza lill-familji l-aktar vulnerabbli, speċjalment in-nisa, isaħħu t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-ġestjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali, u jappoġġjaw il-koordinazzjoni ta', u jsaħħu, il-ġestjoni tal-inforamzzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel u s-sistemi ta' twissija bikrija;

15.

Jemmen li teżisti ħtieġa urġenti ta’ inizjattivi ta’ appoġġ immirati għat-tisħiħ tad-djalogu dwar it-terroriżmu u dwar ir-reklutaġġ taż-żgħażagħ minn terroristi u gruppi kriminali oħra, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-impjegar u t-taħriġ taż-żgħażagħ, kif ukoll għat-tisħiħ tal-ħila tal-komunitajiet lokali li jirreżistuhom u jiġġilduhom;

16.

Iħeġġeġ lill-istati tar-reġjun Saħel-Saħara, lill-awtoritajiet ġodda Libjani u lill-aġenziji multilaterali kompetenti biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex iwaqqfu l-proliferazzjoni tal-armi fir-reġjun billi jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għall-kontroll u s-sigurtà tal-fruntieri nazzjonali fir-reġjun, inkluż mekkaniżmu biex iwaqqaf it-trasferiment ta' armi żgħar u armamenti ħfief, biex jimplimentaw programmi għall-ġbir u l-qerda ta’ armi żgħar u armamenti ħfief illegali, u biex jieħdu miżuri għall-iskambju ta' informazzjoni u t-tnedija ta’ operazzjonijiet tas-sigurtà konġunti fir-reġjun;

17.

Jilqa’ l-ħolqien fl-2010 tas-CEMOC mill-Alġerija, l-Mawritanja, il-Mali u n-Niġer biex jikkoordina l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi fir-reġjun Saħel-Saħarjan;

18.

Jappella lill-komunità internazzjonali b’mod ġenerali, u l-UE b’mod partikolari, biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi tar-reġjun tas-Saħel-Saħara u mal-ECOWAS fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata fis-sottoreġjun, b’mod speċjali billi jżidu r-riżorsi disponibbli għall-CEMOC;

19.

Jappella li l-miżuri kollha meħuda biex jiġi miġġieled it-terroriżmu jkunu konformi mal-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20.

Jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex jinqatgħu s-sorsi ta’ finanzjament tat-terroristi u l-kompliċi tagħhom, u tappella lill-istati tar-reġjun biex jadottaw il-miżuri appoġġjati mill-Uffiċċju dwar id-Drogi u l-Kriminalità tan-Nazzjonijiet Uniti (UNODC - United Nations Office on Drugs and Crime), jiġifieri riforma tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali, liġijiet konta l-korruzzjoni, titjib tal-monitoraġġ tal-kummerċ ta’ armi żgħar u l-iffriżar tal-kontijiet bankarji ta’ persuni suspettati;

21.

Ifakkar u jikkundanna l-ħtif bejn l-24 u l-25 ta’ Novembru 2011 ta’ żewġ ċittadini Franċiżi, Svediż, Olandiż u Sud-Afrikan b’passaport Brittaniku, flimkien mal-qtil ta’ ċittadin Ġermaniz li rreżista lil dawk li ppruvaw jaħtfuh; jinnota li dan ifisser li l-għadd ta’ ostaġġi mill-UE fiż-żona tas-Saħel hu 12, filwaqt li l-al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku għadha qed iżżomm żewġ ċittadini Spanjoli u ċittadin Taljan maħtufa fil-Punent tal-Alġerija f’Ottubru 2011, erba’ ċittadini Franċiżi maħtufa fin-Niġer f’Settembru 2010 u fil-15 ta’ April 2012, missjunarja mill-Isvizzera maħtufa f’Timbuktu;

22.

Jittama li kwalunkwe missjoni tal-ESDP mitluba uffiċjalment mill-Gvern tal-Mali se tgħin lill-pajjiżi fis-sottoreġjun jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom b’mod iktar effettiv, u b’mod partikolari biex jiġġieldu t-traffikar tal-armi, drogi u bnedmin;

23.

Ifaħħar l-azzjonijiet meħuda mill-ECOWAS, l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi ġirien bl-għan li jiffaċilitaw ir-ritorn rapidu ta’ Mali għall-ordni kostituzzjonali u t-tnedija ta’ miżuri konkreti mfassla biex jipproteġu s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali tal-Mali; jieħu nota tal-eżitu tal-konferenza li saret f'Ouagadougou bejn l-14 u l-15 ta' April 2012 taħt l-awspiċi tal-President Burkinjan Blaise Compaoré, il-medjatur maħtur mill-ECOWAS, u jittama li l-kalendarju u l-arranġamenti dettaljati tat-tranżizzjoni se jkomplu jiġu ċċarati bil-ħeffa;

24.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet fir-reġjun tas-Saħel, u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom minn kwalunkwe tip ta' vjolenza u mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarji Ġenerali tan-NU u tal-UA, lill-ECOWAS u lill-Istati Membri tal-UE.


(1)  Dok. 09009/2012.

(2)  Dok. 08067/2012.

(3)  S/2012/42.

(4)  SC/10590.

(5)  SC/10592.

(6)  SC/10600.

(7)  SC/10603.

(8)  ĠU C 327, 10.11.2011, p. 38.

(9)  ĠU C 145, 23.5.2012, p. 34.

(10)  Dok. 14361/2010.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2012)0141.