15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 332/58


L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
In-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi

P7_TA(2012)0251

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar in-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) (2012/2636(RSP))

2013/C 332 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konferenza tan-Nаzzjonijiet Uniti għan-negozjar ta’ trattat dwar il-kummerċ tal-armi (ATT) li se ssir fi New York bejn it-2 u s-27 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 61/89 (1) tas-6 ta’ Diċembru 2006 intitolata “Lejn trattat dwar il-kummerċ tal-armi: l-istabbiliment ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali” appoġġjata minn 153 Stat Membru tan-NU, li timmarka l-bidu formali ta’ proċess lejn ATT, u 64/48 (2) tat-2 ta’ Diċembru 2009 dwar it-trattat dwar il-kummerċ tal-armi, appoġġjata minn 153 Stat Membru tan-NU, skont liema ġie deċiż li tissejjaħ Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti rigward it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi li titlaqqa’ għal erba’ ġimgħat konsekuttivi fl-2012 biex telabora strument vinkolanti dwar l-ogħla standards komuni internazzjonali possibbli rigward it-trasferiment tal-armi konvenzjonali,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/336/PESK (3) tal-14 ta’ Ġunju 2010 u deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti dwar l-attivitajiet tal-UE b’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi,

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk tal-10 ta’ Diċembru 2007 u tat-12 ta’ Lulju 2010 dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2007 rigward trattat dwar il-kummerċ tal-armi u l-istabbiliment ta’ standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali (5), tat-13 ta’ Marzu 2008 dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi (6) u tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi (7) li jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta’ trattat dwar il-kummerċ tal-armi,

wara li kkunsidra t-tweġiba tal-UE għat-talba li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-UN għal fehmiet dwar l-elementi ta’ trattat dwar il-kummerċ tal-armi,

wara li kkunsidra l-bosta kampanji tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja favur trattat qawwi u robust dwar il-kummerċ tal-armi, inkluża l-Kampanja “Control Arms” u s-sejħa li saret minn rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi ma jeżisti l-ebda trattat globali vinkolanti li jirregola t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali;

B.

billi aktar minn 40 Stat Membru tan-NU la għandhom qafas regolatorju nazzjonali għall-kontroll tat-trasferimenti tal-armi u lanqas ma jottemperaw ruħhom ma’ kwalunkwe norma reġjonali jew internazzjonali;

C.

billi l-valur stmat globali ta’ trasferimenti ta-armi lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2010 kien USD 40 355 miljun u l-valur tal-kunsinji kien USD 34 989 miljun, skont is-Servizz ta’ Riċerka tal-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika (9);

D.

billi r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/48 tħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU biex jilħqu ftehim fuq strument vinkolanti, effikaċi u bilanċjat dwar l-ogħla standards komuni internazzjonali possibbli għat-trasferiment tal-armi konvenzjonali, u biex jikkkonkludu trattat b’saħħtu u robust;

E.

billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU ddefiniet l-għan tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) bħala “trattat vinkolanti li jistabbilixxi standards komuni dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta’ armi konvenzjonali” (10) u ddikjarat li l-Istati għandhom “jiżguraw li s-sistemi nazzjonali u l-kontrolli interni tagħhom jkunu tal-ogħla standards possibbli biex jipprevjenu d-diverżjoni tal-armi konvenzjonali mis-suq legali għal dak illeċitu, fejn jistgħu jintużaw għal atti terroristiċi, għall-kriminalità organizzata u għal attivitajiet kriminali oħra” (11);

F.

billi l-kummerċ tal-armi mhux ikkontrollat u mhux irregolat jirrappreżenta theddida serja għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, iżda wkoll għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli; billi l-kummerċ tal-armi mhux irregolat huwa fattur kontributorju għall-kunflitti armati, l-ispustament tan-nies, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

G.

billi t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi li se jiġi nnegozjat fl-2012 jeħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet ċari u vinkolanti li jkunu konsistenti mal-ogħla standards internazzjonali, inkluża l-konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

H.

billi approċċ unit, koerenti u konsistenti min-naħa tal-UE huwa kruċjali biex trattat bħal dan ikun jista’ jiġi adottat u implimentat b’mod effikaċi fil-livell dinji;

I.

billi, fil-qasam tat-trasferiment tal-armi, ma jeżistux impenji vinkolanti li jissalvagwardjaw bla ambigwità l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

J.

billi l-Kunsill issottolinja li għandu jsir kull sforz possibbli biex jiġi żgurat li s-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju jkunu inklussivi kemm jista’ jkun; billi, għal dan il-għan, fl-14 ta’ Ġunju 2010 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/336/PESK dwar l-attivitajiet tal-UE b’appoġġ għall-proċess tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà, biex jippromwovi l-ATT fost l-Istati Membri tan-NU, is-soċjetà ċivili u l-industrija;

K.

billi, mill-adozzjoni tagħha ‘l hawn, il-Pożizzjoni Komuni tal-UE li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari kkontribwiet għall-armonizzazzjoni tal-politiki nazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri tal-UE u l-prinċipji u l-kriterji tagħha ġew approvati uffiċjalment minn diversi pajjiżi terzi;

L.

billi t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jeħtieġ li jsaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont u billi l-implimentazzjoni tiegħu jeħtieġ li tkun ċara u trasparenti;

M.

billi l-Karta tan-Nazzjonijiet uniti tikkonferixxi drittijiet u responsabilitajiet lill-Istati Membri tan-NU, inkluż, skont l-Artikolu 51, id-dritt inerenti ta’ kull Stat għall-awtodifiża individwali jew kollettiva;

Trasparenza u responsabilità – l-elementi kruċjali għal Trattat robust dwar il-Kummerċ tal-Armi

1.

Jinnota li l-valur tal-esportazzjoni globali tal-armi qed ikompli jikber, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, u li l-Istati Membri tal-UE għandhom sehem konsistenti ta’ madwar 30 % tal-esportazzjonijiet kollha, u huma fost l-akbar produtturi u esportaturi tal-armi fid-dinja (12); jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha sew responsabilità kif ukoll interess li tiżviluppa u tikkontribwixxi biex il-kummerċ tal-armi fil-livell dinji jkun aktar irregolat, trasparenti u kkontrollat;

2.

Jinnota li l-kummerċ tal-armi nieqes mir-regolamentazzjoni tajba, mill-kontroll u mit-trasparenza jwassal għal kummerċ irresponsabbli tal-armi, ikkawża tbatija bla bżonn lin-nies, kebbes il-kunflitti armati, l-instabilità, l-attakki terroristiċi u l-korruzzjoni, immina l-proċessi tal-bini tal-paċi, il-governanza tajba u l-iżvilupp soċjoekonomiku u wassal biex waqgħu gvernijiet li kienu ġew eletti b’mod demokratiku u għal vjolazzjonijiet tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali;

3.

Jitlob, għaldaqstant, li n-negozjar f’Lulju 2012 ta’ Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi jimmarka pass storiku ’l quddiem, b’aktar trasparenza u responsabilità, billi jistabbilixxi l-ogħla standards u kriterji internazzjonali għall-valutazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferiment, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali;

4.

Jitlob li l-komunità internazzjonali turi l-impenn tagħha biex tirregola l-kummerċ internazzjonali tal-armi billi tagħmel użu sħiħ mir-Regoli ta’ Proċedura ħalli tilħaq qbil fuq test komprensiv li jkopri l-kwistjonijiet ewlenin kollha meħtieġa biex jintlaħaq ftehim fuq Trattat robust waqt il-konferenza ta’ Lulju 2012;

5.

Jitlob li jkun hemm negozjar b’ħeffa, u adozzjoni u dħul fis-seħħ b’urġenza, ta’ Trattat globali u komprensiv tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi;

Ambitu

6.

Jissottolinja li Trattat effikaċi għandu jkopri l-usa’ firxa possibbli ta’ attivitajiet fil-kummerċ tal-armi konvenzjonali, iklużi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasferiment (inkluż it-tranżitu u t-trasbord kif ukoll l-importazzjoni u l-esportazzjoni temporanji u r-riesportazzjoni), il-manifattura taħt liċenzja barranija, il-ġestjoni tal-ħażniet, u s-servizzi relatati kollha inklużi s-senserija, it-trasport u l-finanzjament;

7.

Jemmen li Trattat effikaċi għandu jkopri l-aspetti kollha tal-kummerċ fl-armi konvenzjonali, inklużi trasferiment bejn Stat u ieħor, trasferimenti bejn Stat u utent aħħari privat, bejgħ kummerċjali u kirjiet, kif ukoll self, għoti b’rigal jew assistenza, jew kwalunkwe xorta oħra ta’ trasferiment;

8.

Jemmen li Trattat effikaċi għandu jkopri wkoll l-usa’ firxa possibbli ta’ armi konvenzjonali, inklużi l-armi żgħar u ħfief kif ukoll il-munizzjon, it-trasferimenti intanġibbli, l-oġġetti b’użu doppju, il-komponenti u t-teknoloġiji assoċjati mal-użu, il-manifattura jew il-manutenzjoni tagħhom, kemm għal użu militari kif ukoll għal finijiet oħra relatati mas-sigurtà u mal-infurzar tal-liġi;

9.

Jemmen li għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-immarkar u t-traċċabilità tal-armi u l-munizzjon konvenzjonali, għat-tisħiħ tar-responsabilità u l-prevenzjoni tad-diverżjoni tat-trasferiment tal-armi lil riċevituri illegali;

Kriterji u standards internazzjonali

10.

Jemmen li s-suċċess fit-tul tal-ATT jiddependi mill-adozzjoni ta’ sett ta’ standards l-aktar għoljin, qawwija u ċari possibbli;

11.

Jitlob li l-ATT ifakkar lill-Istati Kontraenti li kull deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-armi għandha tkun għalkollox konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħhom, b’mod partikolari rigward il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, kif ukoll bi qbil mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi s-sanzjonijiet u l-embargoes fuq l-armi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; huwa tal-fehmali l-Istati Kontraenti m’għandhomx jirttrasferixxu armi lejn pajjiżi fejn ikun hemm riskju sostanzjali li jintużaw biex bihom jitwettqu jew jiġu ffaċilitati vjolazzjonijiet serji tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, inklużi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra;

12.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU jadottaw kriterji addizzjonali vinkolanti (li għandhom jiġu żviluppati bħala standards internazzjonali) biex jiggwidaw lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-esportazzjoni tal-armi; iqis li dawn għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-imġiba fl-imgħoddi tal-pajjiż ta' destinazzjoni fir-rigward tal-governanza, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riskju ta’ devjazzjonijiet, l-impatt fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż, kif ukoll iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà reġjonali; huwa tal-fehma li fit-Trattat għandhom jitniżżlu kriterji speċifiċi kontra l-korruzzjoni;

13.

Jitlob lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE jippromwovu l-inklużjoni ta’ mekkaniżmi qawwija kontra l-korruzzjoni fit-trattat futur, kif imniżżel fil-paragrafu 3 tad-dikjarazzjoni tal-UE tat-12 ta’ Lulju 2011; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi inkluża referenza għall-korruzzjoni li tkun konsistenti mal-istrumenti internazzjonali applikabbli u li jittieħdu miżuri adegwati biex jipprevjenu reati ta’ dan it-tip;

14.

Jitlob li dawn il-kriterji jitfasslu fis-sura ta’ linji gwida operazzjonali komuni għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskji bħala bażi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferiment tal-armi;

15.

Jitlob li l-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati tal-ATT, tkompli żżomm l-ogħla standards possibbli fl-interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni tal-Armi (2008/944/PESK) u t-tmien kriterji tagħha, speċjalment fir-rigward tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

Miżuri ta’ implimentazzjoni u rappurtar

16.

Jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni effikaċi u kredibbli tal-ATT, b’enfasi fuq l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza, ir-responsabilità ta’ kull Stat Kontraenti u koordinazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet kompetenti;

17.

Jenfasizza li ATT robust jeħtieġlu jinkludi dispożizzjonijiet u normi ta’ kejl li lill-Istati Kontraenti jikkommettuhom biex jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali u jistabbilixxu awtorità nazzjonali responsabbli għall-kontroll tat-trasferimenti kollha ta’ oġġetti koperti bit-trattat u għall-qadi tar-rekwiżiti kollha ta’ rappurtar u implimentazzjoni; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-ATT għandha tkopri l-kontrolli fuq l-utenti aħħarin u fuq l-attivitajiet ta’ senserija, inklużi r-reġsitrazzjoni tal-operaturi u l-liċenzjar tal-attivitajiet tagħhom, l-għoti tal-informazzjoni meħtieġa kollha min-naħa tal-applikanti u l-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni sħiħa ta’ sostenn qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, kif ukoll miżuri leġiżlattivi li jistabbilixxu bħala reati kriminali kull trasferiment ta’ armi u munizzjon konvenzjonali mhux liċenzjat mill-awtorità nazzjonali jew mhux skont it-trattat;

18.

Jemmen li l-implimentazzjoni effikaċi tat-trattat se tiddependi mill-promozzjoni tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Kontraenti dwar deċiżjonijiet relatati mal-esportazzjoni, l-mportazzjoni u t-trasferiment tal-armi;

19.

Jemmen li l-esperjenza tar-Reġistru tal-Armi Konvenzjonali tan-NU, li qiegħed jevolvi, se tiffaċilita l-bini ta’ dan it-tip ta' trasparenza u skambju ta' informazzjoni, u jitlob li jkun hemm twessigħ tal-kategoriji ta' armi fir-reġistru, inklużi l-armi żgħar u ħfief u l-munizzjon tagħhom;

20.

Jitlob li l-ATT, għaldaqstant, jinkludi dispożizzjonijiet qawwija u ċari dwar rappurtar regolari mill-Istati Kontraenti fuq bażi annwali rigward id-deċiżjonijiet kollha dwar trasferimenti ta’ armi, inkluża informazzjoni dwar it-tipi, l-ammonti u r-riċevituri ta’ tagħmir awtorizzat għat-trasferiment, u dwar l-implimentazzjoni tal-ambitu sħiħ u tad-dispożizzjonijiet kollha tat-trattat; jitlob li l-ATT jesiġi wkoll li l-Istati Kontraenti jistabbilixxu sistema dettaljata ta' żamma ta' rekords għal tal-anqas 20 sena, għal kull kummerċ u għal kull tranżazzjoni internazzjonali pproċessata permezz tas-sistemi nazzjonali ta' kontroll tagħhom;

21.

Jitlob li tiġi stabbilita Unità speċifika ta’ Implimentazzjoni u Appoġġ tal-ATT, li r-responsabilitajiet tagħha jkunu jinkludu l-ġbir u l-analiżi ta’ rapporti tal-Istati Kontraenti; u jitlob li s-Segretarju Ġenerali tan-NU jippubblika rapport annwali bi proposti ulterjuri għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet operazzjonali tat-trattat; jitlob li l-Unità ta’ Implimentazzjoni u Appoġġ tal-ATT tingħata l-jedd li tanalizza wkoll dejta fuq it-trasferimenti tal-armi u tidentifika diskrepanzi u ksur potenzjali tat-trattat u tirrapporta lill-assemblea tal-Istati Kontraenti;

22.

Jitlob li tali rapporti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

23.

Jitlob li jsiru assemblej annwali tal-Istati Kontraenti u konferenza ta' rieżami kull ħames snin, li fiha jitħeġġu jieħdu sehem organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

24.

Jemmen li s-suċċess fit-tul tal-ATT jiddependi mit-trasparenza sħiħa u mill-obbligu ta’ rendikont lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-korpi ta’ kontroll parlamentari fil-pajjiżi li jesportaw jew jimportaw; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm mekkaniżmi robusti ta’ trasparenza, inkluż rappurtar annwali, ħalli jssaħħu r-rwol tal-parlamenti f’li jżommu lill-gvernijiet tagħhom responsabbli għad-deċiżjonijiet meħuda dwar l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-trasferiment tal-armi;

25.

Jemmen li kwalunke Stat Kontraenti li jitlob sostenn għall-implimentazzjoni tal-impenji tiegħu skont it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi għandu jingħata l-appoġġ u l-assistenza teknika meħtieġa; jitlob li l-UE tissokta bl-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-assistenza u tqawwi l-għajnuna tagħha f’oqsma bħalma huma l-assistenza leġiżlattiva, il-bini ta’ istituzzjonijiet, is-sostenn amministrattiv, kif ukoll l-appoġġ għat-titjib tal-ħiliet nazzjonali ta’ għarfien espert fil-korpi kollha involuti fis-sistema tal-kontroll tat-trasferimenti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamenti;

Ir-rwol tal-UE u tal-PE

26.

Jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-appoġġ tal-proċess internazzjonali għall-istabbiliment ta’ trattat dwar il-kummerċ tal-armi; jappella għal impenn u kuntatt kontinwu qabel il-konferenza, anke fl-ogħla livell politiku fil-proċeduri u s-samits li jwasslu għall-konferenza ta’ Lulju, kif ukoll fil-proċessi ta’ ratifikazzjoni u implimentazzjoni;

27.

Jemmen li t-tweġiba tal-UE għat-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal fehmiet dwar l-elementi ta' trattat dwar il-kummerċ tal-armi jirrappreżenta l-bażi xierqa għal azzjoni koordinata mill-Istati Membri tal-UE fil-Konferenza internazzjonali dwar l-ATT;

28.

iħeġġeġ lir-RGħ/VP tagħmel sforzi intensivi biex tikkonsulta u tikkoordina mal-Istati Membri kollha tal-UE ħalli tiżgura li l-UE titkellem b’leħen wieħed u tippromwovi pożizzjoni qawwija;

29.

Jistieden lill-Istati Membri, bi qbil mal-impenn tagħhom skont it-Trattat ta’ Lisbona, jiddefendu fil-Konferenza l-pożizzjonijiet tal-Unjoni bi tweġiba għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, biex jiżguraw eżitu ambizzjuż u trattat robust dwar il-kummerċ tal-armi; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri tal-UE jiddikjaraw bil-mifuħ u bla ambigwità l-appoġġ sħiħ tagħhom għad-delegazzjoni tal-UE li se tieħu sehem fin-negozjati;

30.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jaħdmu favur robustezza fir-rigward tal-kontenut u s-sħubija tat-trattat futur; iħeġġeġ lill-USA twarrab mill-pożizzjoni tagħha li t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jeħtieġlu jiġi nnegozjat fuq il-bażi ta’ kunsens;

31.

Jilqa’ d-dikjarazzjoni tar-RGħ/VP, bi qbil mal-Artiolu 34(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li fiha se tippreżenta lill-Parlament il-pożizzjoni tal-UE qabel il-Konferenza;

*

* *

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati membri tal-UE.


(1)  http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N06/499/77/PDF/N0649977.pdf?OpenElement

(2)  http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N09/464/71/PDF/N0946471.pdf?OpenElement

(3)  ĠU L 152, 18.6.2010, p. 14.

(4)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(5)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 342.

(6)  ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 48.

(7)  ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 2.

(8)  ĠU L 146, 10 ta’ Ġunju 2009, p. 1.

(9)  http://www.sipri.org:9090/research/armaments/transfers/transparency/national_reports/united_states/CRS_Report_DN_03-10.pdf/view

(10)  Ir-Riżoluzzjoi tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 61/89.

(11)  Ir-Riżoluzzjoi tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 63/240.

(12)  Ċifri meħuda mis-SIPRI Trend Indicator Values (espressi f’USD skont prezzijiet kostanti tal-1990), disponibbli fis-sit: http://www.sipri.org/databases/armstransfers/background/explanations2_default