13.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 264/85 |
Il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2012
Kwoti Svizzeri dwar in-numru ta' permessi ta' residenza mogħtija liċ-ċittadini tal-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija
P7_TA(2012)0226
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar il-kwoti Svizzeri dwar in-numru ta' permessi ta' residenza mogħtija liċ-ċittadini tal-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija (2012/2661(RSP))
2013/C 264 E/13
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles tat-22 ta' Lulju 1972 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni (2), u b'mod partikolari l-Anness I tiegħu dwar il-moviment ħieles tal-persuni u l-Anness III dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, |
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll tas-26 ta' Ottubru 2004 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni fir-rigward tal-parteċipazzjoni, bħala Partijiet Kontraenti, tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka skont l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea (3), |
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll tas-27 ta' Mejju 2008 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni fir-rigward tal-parteċipazzjoni, bħala Partijiet Kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Repubblika tar-Rumanija skont l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea (4), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar iż-ŻEE-Svizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Pajjiżi tal-EFTA, |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Federali Svizzeru tat-18 ta’ Mejju 2012 dwar l-invokazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja għar-rigward ta’ tmien Stati Membri tal-UE, |
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-14 ta’ Mejju 2012 u tas-16 ta’ Mejju 2012 lill-Kummissjoni dwar il-kwoti Svizzeri dwar in-numru ta' permessi ta' residenza mogħtija liċ-ċittadini tal-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija (O-000113/2012 – B7-0115/2012 u O-000115/2012 – B7-0116/2012), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Kunsill Federali tal-Isvizzera ddeċieda li jdaħħal, mill-1 ta' Mejju 2012, limitazzjonijiet kwantittattivi fuq il-permessi ta' residenza tal-kategorija B għal permanenzi sa ħames snin mogħtijin lil nazzjonali tal-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija; |
B. |
billi fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Svizzeri fakkru klawżola hekk-imsejħa ta’ salvagwardja minquxa fl-Artikolu 10 tal-Ftehim tal-1999, li tippermettilhom idaħħlu miżuri restrittivi temporanji jekk, f’xi sena li tkun, il-għadd ta’ permessi ta’ residenza mogħtijin ikun jeċċedi t-tliet snin ta’ qabel b’mill-anqas 10 %; billi l-awtoritajiet Svizzeri ddikjaraw li sitwazzjoni bħal din kienet seħħet fil-każ ta’ nazzjonali tat-tmien Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE); |
C. |
billi l-klawżola ta’ salvagwardja mfakkra mill-awtoritajiet Svizzeri, kif tinsab fl-Artikolu 10 tal-Ftehim tal-1999, ma tipprevedix differenzjazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fejn ikunu għandhom jiġu stabbiliti limiti massimi għall-permessi ta’ residenza, jew kwoti fuq il-għadd tagħhom, u tirreferi għal “persuni impjegati u li jaħdmu għal rashom tal-Komunità Ewropea”; |
D. |
billi, f’dak li għandu x’jaqsam man-nazzjonali ta’ tmienja mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004, ir-restrizzjonijiet kwantittattivi ġew applikati mill-Isvizzera sat-30 ta’ April 2011, kif permess mill-Protokoll tal-2004; billi f’għeluq dak il-perijodu tranżitorju, japplika l-Artikolu 10(4) tal-Ftehim tal-1999; |
E. |
billi s-sitwazzjoni jeħtieġ li tiġi perċepita f’kuntest usa’ peress li l-awtoritajiet Svizzeri ħadu għadd ta’ miżuri li jistgħu jqiegħdu fil-periklu l-progress ġa miksub fl-implementazzjoni tal-ftehimiet bilateriali, u li dwaru l-Parlament ġa esprima t-tħassib tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Settembru 2010; |
F. |
billi l-Isvizzera addottat għadd ta’ hekk-imsejħa miżuri ta’ akkumpanjament, li jakkumpanjaw il-Ftehim dwar il-Moviment Ħieles tal-Persuni (FMĦP), li jistgħu jxekklu l-forniment ta’ servizzi min-negozji tal-UE – l-aktar l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SME) – fl-Isvizzera, u billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għadd minn dawn il-miżuri ta' sostenn jistgħu biss jintlaqgħu jekk kemm-il darba jipproteġu, b'manjiera proporzjonata, l-interess ġenerali li mhux ġa protett fl-istat tal-oriġini tal-fornituri tas-servizzi; |
G. |
billi wħud minn dawn il-miżuri ta' akkumpanjament huma sproporzjonati apparagun tal-objettivi intiżi, bħalma huwa l-obbligu tal-għoti ta' preavviż b'terminu ta' stennija ta' tmint ijiem, ir-rekwiżit tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-eżekuzzjoni tal-kommissjonijiet tripartitiċi, u l-obbligu għall-impriżi barranin li jagħtu servizzi transfruntiera li jagħtu garanzija ta’ serjetà finanzjarja; billi dawn il-miżuri u ta' piż speċjali għall-SMEs li jixtieq jagħtu s-servizzi tagħhom fl-Isvizzera; |
H. |
billi l-awtoritajiet Svizzeri ddeċidew, bi ksur tal-FMĦP, li ma jippermettux lit-taxis Ġermaniżi u Awstrijaċi jieħdu lill-passiġġieri fl-ajruporti Svizzeri; |
I. |
billi dawn il-kwestjonijiet ġew ripetutament diskussi mal-Isvizzera fil-Kumitat Konġunt imwaqqaf skont il-FMĦP; billi l-Kumitat Konġunt ma rnexxilux isolvihom; |
J. |
billi huma permessi biss bidliet żgħar lill-FMĦP għall-fini ta’ adattament għall-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni; billi l-FMĦP ma fihx mekkaniżmu effettiv ta’ sorveljanza u kontroll ġudizzjarju jixbah lil dawk li jintużaw fl-UE u fiż-ŻEE; |
Kwoti Svizzeri fuq il-għadd ta’ permessi ta' residenza mogħtijin lin-nazzjonali tal-UE
1. |
Jiddispjaċih ħafna li l-awtoritajiet Svizzeri ddeċidew li jistabbilixxu mill-ġdid il-limiti kwantittattivi fuq il-permessi ta' residenza fit-tul mogħtijin liċ-ċittadini tal-UE li huma nazzjonali ta' tmienja mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004, u b’hekk illimitaw il-moviment liberu tan-nies kif sanċit fil-Ftehim tal-1999 mal-UE; |
2. |
Iqis li din id-deċiżjoni hija diskriminatorja u illegali billi ma għandha l-ebda bażi ġuridika għal xi differenzjazzjoni nazzjonali bħal din fit-trattati eżistenti bejn l-Isvizzera u l-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Svizzeri jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom u jirtiraw mill-invokazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja; |
3. |
Jinnota li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim tal-1999, kif kompletati mill-Protokoll tal-2004, ma ġew sodisfatti; |
4. |
Jilqa’ d-dikjarazzjoni f’waqtha u kritika tar-Rappreżentant Għoli/Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, li biha ħeġġet lis-servizzi tagħha jieħdu l-azzjoni kollha neċessarja ħalli tintalab l-abrogazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Svizzeri tad-deċiżjoni tagħhom; |
5. |
Jinnota li l-Isvizzera estendiet il-jeddijiet tal-libertà tal-moviment għall-Bulgarija u r-Rumanija fil-Protokoll II fl-2008; jiddispjaċih, imma, li l-ftehim jipprevedi perijodi ta’ tranżizzjoni sa mhux aktar minn seba’ snin; jiddeplora l-fatt li f’Mejju 2011 il-Gvern Svizzera ddeċieda li jipproroga l-perijodu tranżitorju għall-Bulgari u r-Rumeni sal-31 ta’ Mejju 2014; |
6. |
Iqis li flok ma jdaħħlu l-miżuri restrittivi fil-qafas kurrenti, iż-żewġ naħiet għandhom jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ sistema aktar adegwata, effettiva u flessibbli ta’ kooperazzjoni ħalli jiffaċilitaw aktar il-moviment liberu tal-persuni; jistieden lill-Kummissjoni tqanqal il-kwestjoni mal-awtoritajiet Svizzeri mal-ewwel opportunità, u tqiegħed il-kwestjoni fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt imwaqqaf bis-saħħa tal-Ftehim; |
Xkilijiet għall-implementazzjoni sħiħa tas-suq uniku
7. |
Jitlob lill-Kummissjoni tindika liema azzjonijiet ittieħdu, mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 ’l hawn, għar-riżoluzzjoni tal-problemi marbutin mal-miżuri ta' akkumpanjament li jagħmluha diffiċli għall-SMEs mill-UE li jagħtu s-servizzi tagħhom fl-Isvizzera, u sabiex l-awtoritajiet Svizzeri jiġu persważi jabrogaw ir-regolamenti li jobbligaw lill-impriżi barranin li jagħtu servizzi transfruntiera li jiddepożitaw garanzija ta’ serjetà finanzjarja; |
8. |
Huwa mħasseb dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Federali Svizzeru li jeżamina miżuri addizzjonali ta’ akkumpanjament; |
9. |
Itenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-ajruporti Svizzeri fejn, b’konsegwenza tar-rifjut tal-awtoritajiet Svizzeri, it-taxis Ġermaniżi u Awstrijaċi ma jitħallewx jieħdu l-passiġġieri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-kompatibilità ta' din id-deċiżjoni mal-FMĦP; |
10. |
Jiddispjaċih li l-Ftehim ma jqisx id-Direttiva 2004/38/KE tal-KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri; jitlob li jkun hemm adattament dinamiku tal-ftehimiet fl-oqsma marbutin mas-suq intern għall-evoluzzjoni fl-acquis tal-UE; |
11. |
Jemmen li huwa kruċjali li jkun hemm żvilupp ulterjuri tal-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fis-suq uniku u li r-regoli jagħtu lill-operaturi ekonomiċi miż-żewġ naħiet ambjent aktar trasparenti u prevedibbli; |
12. |
Jitlob li jkun hemm progress ġdid fis-sejbien ta’ soluzzjonijiet orizzontali għal kwestjonijiet marbutin mal-ħtieġa ta’ adattament dinamiku tal-ftehimiet mal-acquis li qiegħed jevolvi, interpretazzjoni omoġenea tal-ftehimiet, mekkaniżmi ta’ sorveljanza indipendenti u eżekuzzjoni ġudizzjarja fis-sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-komunikazzjoni bejn il-Kumitati Konġunti; |
13. |
Jisħaq li l-mekkaniżmi għall-kontroll tal-ottemperanza li jmorru lil hinn mill-mezzi purament nazzjonali huma importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern; |
14. |
Ifisser li huwa mħejji jagħti s-sostenn tiegħu għall-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Isvizzera ħalli jingħelbu l-isfidi li ż-żewġ naħiet qed iħabbtu wiċċhom magħhom; |
*
* *
15. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament tal-Isvizzera. |
(1) ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.
(2) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.
(3) ĠU L 89, 28.3.2006, p. 30.
(4) ĠU L 124, 20.5.2009, p. 53.
(5) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 18.