13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 264/33


L-Erbgħa 23 ta’ Mejju 2012
L-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?

P7_TA(2012)0218

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2012 dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat? (2010/2301(INI))

2013/C 264 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 153, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fit-23 ta' Novembru 2001,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 (1) u r-rapport tad-Direttorat għall-Politika Esterna tiegħu ta' Lulju 2011 dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina,

wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tat-13-il samit UE-Ċina li sar fi Brussell fis-6 ta' Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea li tiżgura aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2006 bit-titolu “Ewropa Globali: Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE f'ekonomija dinjija li qed tinbidel”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali” tal-24 ta' Mejju 2011, il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2011)0285), ir-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2011 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tad-WTO tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-miżuri ta' esportazzjoni taċ-Ċina ta' diversi materji primi u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (7), dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali (8) u dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bit-titolu “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata” (10) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (11),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “UE – Ċina: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet” (COM(2006)0631) u d-dokument ta' politika li jakkumpanjaha “Kompetizzjoni u Partnerjat – politika dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE” (COM(2006)0632),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (12),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011 u d-dikjarazzjoni finali tas-samit tal-G20: “Building our common future: renewed collective action for the benefit of all” (Biex nibdu l-ġejjieni komuni tagħna, insaħħu l-azzjoni kollettiva tagħna għall-ġid ta' kulħadd), magħmula f'Cannes fl-4 ta' Novembru 2011,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Gvern Ċiniż tat-23 ta' Diċembru 2010 dwar il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Afrika,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0141/2012),

A.

billi ċ-Ċina ssieħbet mad-WTO fl-2001 u sussegwentement saret l-ewwel esportatur dinji ta' merkanzija, b'10,36 % ta' esportazzjonijiet fl-2010, u t-tieni qawwa ekonomika dinjija;

B.

billi l-UE hija l-ewwel destinazzjoni tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, li żdiedu minn 39,5 % bejn l-2009 u l-2010, u li ċ-Ċina hija t-tieni sieħba kummerċjali tal-UE;

C.

billi l-UE ħadet post il-Ġappun bħala l-akbar oriġini tal-importazzjonijiet taċ-Ċina; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi kienu fundamentali għall-andament reċenti tal-ekonomija tal-Istati Membri tal-UE li huma orjentati lejn l-esportazzjonijiet, bħall-Ġermanja;

D.

billi l-iżvilupp ikbar tal-ekonomija tagħha u l-adeżjoni tagħha mad-WTO jimplikaw mhux biss vantaġġi notevoli, iżda wkoll responsabbiltà akbar għaċ-Ċina fl-iżvolġiment ta' rwol attiv u pożittiv fl-ordni ekonomiku dinji, partikolarment fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u fil-grupp tal-Bank Dinji;

E.

billi mill-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni UE-Ċina fl-1985, ir-relazzjonijiet kummerċjali żviluppaw konsiderevolment, u għalhekk huwa essenzjali li dan il-ftehim isir konformi mal-konġuntura ekonomika attwali; billi l-Kummissjoni Ewropea adottat, fl-2006, l-istrateġija politika saljenti tagħha dwar iċ-Ċina u, fl-ambitu ta' tali strateġija, bdew in-negozjati f'Jannar 2007 dwar Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni Komprensiv bil-għan li jitjiebu ulterjorment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment;

F.

billi l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina rreġistra f'dawn l-aħħar tletin sena żieda rapida u bla waqfien sa ma laħqu l-ogħla ammont ta' kummerċ totali ta' EUR 395 biljun fl-2010, billi l-iżbilanċ fil-kummerċ bitalaterali ilu favur iċ-Ċina mill-1997, u li dan id-defiċit kummerċjali kien jammonta għal EUR 168.8 biljun fl-2010 meta mqabbel ma' EUR 49 biljun fl-2000; filwaqt li l-valur miżjud tal-esportazzjonijiet Ċiniżi huwa ferm skars ladarba jitnaqqas il-valur tal-komponenti importati mill-UE jew minn reġjuni oħra; billi l-kumpaniji barranin stabbiliti fiċ-Ċina jirrappreżentaw madwar 85 % tal-esportazzjoni kollha li ġejja minn operazzjonijiet ta' assemblaġġ;

G.

billi fl-2010, l-investimenti barranin tal-UE fiċ-Ċina kienu jammontaw għal EUR 4.9 biljun filwaqt l-investimenti barranin Ċiniżi fl-UE kienu jammontaw fl-istess sena għal EUR 0.9 bilun;

H.

billi d-diverġenza bejn il-mudelli soċjali, ekonomiċi u demokratiċi tal-UE u taċ-Ċina, kif anki r-riżorsi naturali u demografiċi rispettivi tagħhom, għandhom rwol rilevanti fl-iżbilanċi kummerċjali bejn iż-żewġ reġjuni;

I.

billi l-isfida maħluqa miċ-Ċina hija ta' natura aktar industrijali milli kummerċjali u timponi lill-Ewropa l-implimentazzjoni ta' politika industrijali ambizzjuża, maħsuba f'livell Ewropew, billi l-approċċi purament nazzjonali jimpedixxu approċċ Komunitarju koerenti fil-konfront taċ-Ċina;

J.

billi d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni ta' bosta beni ta' konsum fiċ-Ċina eliminaw ħafna impjiegi fl-Unjoni Ewropea; billi tali delokalizzazzjoni kienet ukoll akkumpanjata minn tnaqqis drastiku tal-prezzijiet, li bis-saħħa tiegħu ħafna minn dawn il-beni ta' konsum saru aċċessibbli għan-nuklei familjari tal-Unjoni Ewropea b'introjtu baxx, u li kkontribwixxa għal kuntest ta' inflazzjoni relattivament baxx;

K.

billi fost il-parteċipanti fl-aħħar Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, organizzata f'Durban, ma ntlaħaqx ftehim vinkolanti, u billi l-impenji assunti minn ċerti pajjiżi dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra mhumiex biżżejjed, fid-dawl tal-urġenza li tiġi limitata ż-żieda tat-temperaturi għal żewġ gradi matul is-seklu 21 jekk l-aġenda dwar it-tibdil fil-klima għandha tiġi rispettata;

L.

billi huwa stmat li t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa huwa ħafna aktar dgħajjef meta mqabbel mat-tkabbir fiċ-Ċina, li mistenni jiżdied għal madwar 9 % fl-2012;

M.

billi t-tip ta' żbilanċi ekonomiċi interni li qegħdin jolqtu lill-ekonomiji Ewropej qegħdin jikbru wkoll fl-ekonomija Ċiniża, mhux anqas fis-settur immobiljari, kif turi bħala eżempju l-bużżieqa immobiljari reċenti;

N.

billi l-impatt tal-politika kummerċjali komuni tal-UE jirriżulta kultant kompromess minn interessi nazzjonali diverġenti li l-Istati Membri jsegwu fil-konfront taċ-Ċina;

O.

billi l-kostijiet soċjali tal-kriżi ekonomika attwali huma għoljin; billi r-rata tal-impjiegi fl-UE tbaxxiet b'1,8 %, u li, b'konsegwenza, 9,6 % tal-popolazzjoni ekonomikament attiva huma qiegħda (23 miljun ruħ), ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija 21 %, għadhom inċerti l-prospettivi ta' rkupru tal-livelli tal-impjiegi, u 17 % taċ-ċittadini tal-UE jirriskja li jisfa fqir;

P.

billi ċ-Ċina, peress li aderiet mad-WTO fl-2011, għandha tirrispetta r-regoli tad-WTO billi tilliberalizza l-kummerċ tagħha u tiftaħ is-suq tagħha; billi sal-lum għadha lura ferm milli tilħaq livell sodisfaċenti fl-isforzi tagħha;

Q.

billi l-adeżjoni taċ-Ċina mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) għandha tkun faċilitata mill-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-GPA permezz ta' reviżjoni kif miftiehem fil-15 ta' Diċembru 2011 waqt l-aħħar Konferenza Ministerjali tad-WTO;

R.

billi l-isforzi tal-impriżi Ewropej intiżi li jaċċessaw is-suq Ċiniż huma mxekkla mill-politiki industrijali intervenzjonistiċi tal-Gvern Ċiniż, mill-protezzjoni inadegwata tal-proprjetà intellettwali, minn sistema ta' regoli li hija ambigwa fis-sustanza kif ukoll fl-applikazzjoni, u minn ostakli mhux tariffarji u tekniċi oħrajn għall-kummerċ;

S.

billi s-sottovalutazzjoni tal-yuan għadha toħloq vantaġġi kummerċjali artifiċjali għaċ-Ċina u billi l-pajjiżi membri tal-G20 impenjaw ruħhom li jiffaċilitaw flessibilità aħjar tar-rati tal-kambju;

T.

billi l-UE ssekwestrat fl-2010 aktar minn 103 miljun prodott issuspettat ta' ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-fruntieri esterni tagħha ta' valur totali ta' EUR 1.11 biljun; billi ċ-Ċina hija l-pajjiż fl-oriġini ta' 85 % ta' tali prodotti; billi karatteristika importanti tal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali tikkonsisti fl-eżekuzzjoni korretta tal-liġijiet u tal-impenji internazzjonali eżistenti, fosthom is-sanzjonijiet; billi tali prodotti sikwit jiġu prodotti f'faċilitajiet li jipproduċu wkoll prodotti leġittimament tikkettati, u spiss huma prodotti mhux fir-rispett kemm tad-dritt tax-xogħol kif ukoll tar-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza, u b'hekk huma ta' periklu għall-konsumaturi u, fil-każ tas-sustanzi kimiċi, għall-ambjent kollu kemm hu;

U.

billi ċ-Ċina, skont it-12-il pjan fuq ħames snin tagħha u li xi objettivi fih huma simili għall-objettivi ppreżentati fl-Istrateġija UE 2020, għandha tiżviluppa s-setturi strateġiċi tal-enerġija, tal-kostruzzjoni, tat-trasport u se jkollha tħabbat wiċċha ma' eżiġenzi kbar fis-settur tas-servizzi; billi dan jaf joffri opportunitajiet ta' investiment ġodda għall-impriżi Ewropej u għal kooperazzjoni msaħħa;

Titjib tal-aċċess għas-suq

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju tar-reċiproċità fil-politika kummerċjali komuni tal-UE mal-pajjiżi żviluppati u emerġenti bħaċ-Ċina biex terġa' ġġib kompetizzjoni ġusta u tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd;

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina; jistieden lill-UE u liċ-Ċina jsegwu relazzjoni ta' sħubija u vantaġġi reċiproċi aktar milli jidħlu f'kompetizzjoni u rivalità akkanita;

3.

Jinnota li l-ekonomija Ċiniża ma tissodisfax il-kriterji tal-ekonomija tas-suq hekk kif definiti mid-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Gvern Ċiniż biex sal-2016 jiġu eliminati l-ostakli kollha li fadal, meta suppost l-istatus ta' ekonomija tas-suq jiġi konċess liċ-Ċina min-naħa tad-WTO; jenfasizza li tali status għandu jiġi konċess qabel din id-data biss jekk iċ-Ċina tissodisfa l-kriterji kollha; jitlob li l-UE tipproċedi bil-valutazzjoni regolari, f'forma ta' rapporti annwali dwar ir-rispett min-naħa taċ-Ċina tal-obbligi inklużi fil-Protokoll ta' Adeżjoni tagħha mad-WTO;

4.

Filwaqt li jirrikonoxxi li huwa improbabbli li l-kundizzjonijiet oġġettivi biex iċ-Ċina tikkwalifika għal status ta' ekonomija tas-suq jiġu sodisfatti fil-futur qrib, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa tmiem l-2012, proposta lill-Parlament Ewropew dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni qabel tali status jiġi rikonoxxut mill-UE;

5.

Jiddispjaċih bl-eżistenza ta' bosta ostakli tariffarji u mhux tariffarji fis-suq Ċiniż, bħal ċerti diskriminazzjonijiet fir-rigward tal-operaturi barranin partikolarment fis-settur bankarju, tal-assigurazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet, u l-kumplessità tal-istruttura tariffarja u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ bħan-nuqqas ta' trasparenza tar-regoli tekniċi u tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll tas-sistema Ċiniża taċ-ċertifikazzjoni obbligatorja (CCC); jiddispjaċih li ċ-Ċina, bil-maqlub ta' li hemm previst fil-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (ASCM), ma tinnotifikax sistematikament is-sussidji speċifiċi tagħha;

6.

Ifakkar li ċ-Ċina stabbiliet vantaġġi kummerċjali kunsiderevoli ħafna għaliha fil-konfront tal-UE permezz ta' sussidji statali mmirati, bis-saħħa ta' strutturi ġuridiċi differenti; iħeġġeġ liċ-Ċina tadegwa l-programmi statali tas-sussidji għad-dritt rilevanti tad-WTO; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tipproċedi bir-riforma tar-regolament kontra s-sussidji bil-għan li l-UE tkun tista' tirreaġixxi b'mod effikaċi għall-isfidi sinifikattivi maħluqa miċ-Ċina;

7.

Josserva li ċ-Ċina tiddeplora l-eżistenza ta' ostakli kummerċjali għas-suq Ewropew, bħas-sussidji konsiderevoli tal-UE lill-bdiewa Ewropej, is-sistema kkumplikata ta' tariffi agrikoli, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, kif ukoll l-ostakli mtellgħa biex jimblokkaw l-investimenti ta' pajjiżi terzi f'ċerti Stati Membri;

8.

Jinsab imħasseb bl-inaffidabbiltà tas-sistema ġudizzjarja, li mhijiex kapaċi tinforza l-obbligi kuntrattwali, bin-nuqqas ta' trasparenza u uniformità fl-applikazzjoni tar-reġim regolatorju li jirregola l-investimenti;

9.

Jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta' prevedibbiltà u pubbliċità tar-regoli u tal-istandards tekniċi applikabbli għall-prodotti, partikolarment fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni, li għall-impriżi li jesportaw fiċ-Ċina joħolqu ostakli sinifikattivi għall-kummerċ;

10.

Jistieden liċ-Ċina tadotta standards internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi bil-għan li tippromwovi aktar kummerċ bejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra; jilqa' favorevolment iż-żieda fl-involviment taċ-Ċina fl-entitajiet internazzjonali inkarigati mid-definizzjoni ta' standards u jqis bħala opportun li tali involviment jitħeġġeġ kif ukoll dak tal-Unjoni Ewropea fl-entitajiet Ċiniżi inkarigati mill-istess kompitu; jenfasizza l-importanza li l-prodotti importati miċ-Ċina jirrispettaw l-istandards Ewropej fil-qasam tal-prodotti tal-ikel u dawk li mhumiex tal-ikel;

11.

Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-impriżi barranin iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet meta jaċċessaw l-akkwist pubbliku Ċiniż, li jinsab f'kuntrast mal-fatt li l-aċċess għall-akkwist pubbliku Ewropew huwa garantit; huwa mħasseb bil-kundizzjonijiet possibbilment inġusti tal-kompetizzjoni li japplikaw li bis-saħħa tagħhom, b'mod partikolari, l-għajnuna mill-Istat moħbija tħalli lill-impriżi Ċiniżi jressqu offerti notevolment aħjar meta mqabbla mal-kompetituri Ewropej tagħhom; jilqa' pożittivament ir-reviżjoni, u l-kamp ta' applikazzjoni aktar estiż, tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) li ntlaħaq qbil dwaru matul l-aħħar Konferenza Ministerjali tad-WTO fil-15 ta' Diċembru 2011, u l-impenji assunti miċ-Ċina f'dik l-okkażjoni, minkejja li għadhom mhux biżżejjed; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, liċ-Ċina toffri li tingħaqad mal-ftehim bil-kundizzjonijiet paragunabbli ma' dawk ta' partijiet oħrajn tal-Ftehim, konformement mal-impenn tagħha fil-protokoll tiegħu dwar l-adeżjoni mad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa malajr, fl-2012 jekk hu possibbli, strument Ewropew biex tiġi garantita r-reċiproċità fil-konfront tal-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku; iqis li huwa wkoll kruċjali li jissaħħu l-istrumenti mmirati għall-inkoraġġiment, il-koordinament u s-sostenn tal-aċċess għas-suq għall-SMEs Ewropej fi swieq prijoritarji bħaċ-Ċina;

12.

Josserva li l-krediti għall-esportazzjoni permessi mill-awtoritajiet u mill-banek Ċiniżi jiffavorixxu d-distorsjonijiet kummerċjali; jistieden, għaldaqstant, liċ-Ċina tikkonforma mal-linji gwida tal-arranġament tal-OECD dwar il-krediti għall-esportazzjoni li jibbenefikaw minn sostenn pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni sostni l-isforzi tal-OECD biex tinkiseb il-parteċipazzjoni taċ-Ċina f'dan l-arranġament; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, liċ-Ċina ssir firmatarja tal-konvenzjoni tal-OECD dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

13.

Ifakkar li l-forma awtorizzata prinċipali ta' stabbiliment għall-impriżi barranin fiċ-Ċina hija l-mekkaniżmu tal-joint venture, sistema vinkolanti ħafna u wisq ta' spiss assoċjata ma' trasferimenti ta' teknoloġiji strateġiċi li jistgħu jiffavorixxu l-iżvilupp kompetittiv taċ-Ċina askapitu tal-industrija Ewropej fl-oqsma li fihom l-UE hija fuq quddiem nett; huwa konvint li ftuħ akbar taċ-Ċina dwar il-mekkaniżmu ta' joint venture, flimkien ma' ħarsien aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, se jġib vantaġġi għaż-żewġ naħat, u jaġevola aċċess akbar għall-impriżi Ewropej fis-suq Ċiniż;

14.

Jistieden lill-UE, fil-każ li ċ-Ċina tipprattika skambji kummerċjali illegali, tirrikorri, meta meħtieġ, għal tali strumenti ta' difiża tal-kummerċ li jkunu konsistenti mar-regoli tad-WTO, bħall-miżuri ta' anti-dumping, kontra s-sussidji u ta' salvagwardja, u tagħmel użu usa' tal-mekkaniżmu ta' konċiljazzjoni tad-WTO bil-għan li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta' parità għall-kummerċ UE-Ċina; huwa inkwetat biż-żieda, min-naħa taċ-Ċina, fl-użu ta' miżuri ta' anti-dumping li jimmiraw għall-esportazzjonijiet tal-UE kif ukoll miżuri ta' dumping tal-prezzijiet u ta' sussidji statali; jistieden, għaldaqstant, liċ-Ċina tiggarantixxi li l-miżuri ta' anti-dumping tagħha jkunu konsistenti mar-regoli tad-WTO;

Difiża tal-interessi industrijali Ewropej

15.

Jiddeplora l-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fiċ-Ċina u jiddispjaċih bin-nuqqas ta' mezzi konkreti għad-dispożizzjoni tal-impriżi Ewropej, partikolarment l-SMEs, għall-ġlieda effikaċi kontra l-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tad-direttiva dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefendu aħjar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-organizzazzjonijiet multilaterali kollha li fihom iċ-Ċina hija membru (Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO)); irid li ċ-Ċina tkompli tittrasponi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-dritt internazzjonali fis-seħħ dwar il-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u, aktar fl-ispeċifiku, tiġġieled kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jiggarantixxu l-infurzar, speċjalment fuq livell reġjonali; jiddispjaċih li ċ-Ċina ma pparteċipatx fin-negozjati dwar il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffurmaw aktar kooperazzjoni doganali fl-UE u mal-pajjiżi terzi, partikolarment maċ-Ċina, fis-sekwestru ta' merkanzija ffalsifikata, u jissemplifikaw il-proċeduri doganali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur u mal-liċenzji;

16.

Huwa konvint li ħarsien aħjar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u implimentazzjoni effikaċi tar-regoli relatati ma' dawn fiċ-Ċina jafu jixprunaw bil-kbir lill-investituri tal-UE u ta' reġjuni oħrajn għall-investimenti, għall-kondiviżjoni tal-kompetenzi teknoloġiċi ġodda u għall-modernizzazzjoni tat-teknoloġiji eżistenti f'dak il-pajjiż;

17.

Josserva li ċ-Ċina tipproduċi 97 % tal-elementi rari tal-art użati fid-dinja u jistidinha tiggarantixxi lis-sħab kummerċjali tagħha metodi produttivi sostenibbli u aċċess ġust għas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għal kull restrizzjoni eventwali taċ-Ċina f'dawk li huma tal-esportazzjoni tal-materja prima tagħha; ifakkar f'dan ir-rigward il-kundanna taċ-Ċina min-naħa tad-WTO fil-5 ta' Lulju 2011, ikkonfermata fl-appell, billi stabbiliet restrizzjonijiet għall-esportazzjoni ta' ċerti materji primi; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ta' ġestjoni tajba tal-materji primi permezz taż-żieda tal-effiċjenza enerġetika, ir-riċiklaġġ, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni industrijali fis-setturi promettenti u innovattivi tal-ekonomija ħadra; jitlob negozjati mmirati għall-adozzjoni ta' regoli u prinċipji komuni fil-qasam tal-kummerċ tal-materji primi, b'hekk jinħoloq qafas għall-użu tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet fi ħdan id-WTO u l-G20, billi din il-kwistjoni tikkonċerna primarjament lill-pajjiżi industrijalizzati u ċ-Ċina;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta' investiment UE-Ċina ambizzjuż u bbilanċjat intiż li joħloq ambjent aħjar għall-investituri tal-UE fiċ-Ċina, u li jiggarantixxi t-trasparenza fil-konfront tal-governanza tal-kumpaniji Ċiniżi li jinvesti fl-UE filwaqt li jiżdied il-livell ta' flussi ta' kapital reċiproċi; jistieden lill-Kunsill jelabora l-mandat tiegħu għal ftehim ta' investiment futur maċ-Ċina waqt li jqis l-fehmiet u l-pożizzjonijiet tal-Parlament kif definiti fir-riżoluzzjoni tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali;

19.

Jilqa' pożittivament l-inawgurazzjoni, f'Novembru 2010, taċ-Ċentru tal-Unjoni Ewropea għall-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju (Ċentru tal-UE għall-SMEs) f'Pekin, li fetaħ il-bibien tiegħu għall-SMEs f'Marzu 2011, u li joffri kompetenzi biex jgħin lill-SMEs Ewropej jegħlbu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom huma u joperaw fuq is-suq Ċiniż, partikolarment fl-ewwel fażijiet ta' żvilupp tal-attività; jilqa' favorevolment il-fatt ukoll li ċ-Ċentru jfittex setturi ta' opportunitajiet għall-SMEs tal-UE fiċ-Ċina u jgħinhom fil-kuntest regolatorju Ċiniż;

20.

Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-impriżi, u l-istabbiliment ta' sħubiji bejn universitajiet Ċiniżi u kumpaniji tal-UE bil-għan li jżidu l-innovazzjoni fiċ-Ċina; ifakkar fil-benefiċċji offruti mill-bażi tad-data tal-UE dwar l-Aċċess għas-Swieq li minnha l-impriżi tal-UE jistgħu jsibu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-swieq bħad-dazji fuq l-importazzjoni, ir-rekwiżiti tal-prodotti, l-ostakli kummerċjali, id-dokumentazzjoni u l-istatistika; jesprimi sodisfazzjon għall-attività tal-Kamra tal-Kummerċ Ewropea fiċ-Ċina;

21.

Iqis li l-ħolqien, mill-Kummissjoni, ta' mekkaniżmu għal skambju ta' informazzjoni dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-kummerċ maċ-Ċina se jiffaċilita approċċ koerenti fir-rigward taċ-Ċina;

Taffija tal-kompetizzjoni monetarja

22.

Ifakkar li ċ-Ċina tiddetjeni d-dejn sovran ta' xi pajjiżi membri taż-żona euro; jenfasizza li din id-detenzjoni ħadet dimensjoni politika ġdida wara l-problemi gravi ta' dejn fi ħdan iż-żona euro; jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għal riflessjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Istati Membri dwar il-ħolqien ta' sistema kkoordinata biex tidentifika d-detenturi tad-dejn sovran; jinsab imħasseb li l-kapaċità ta' negozjar tal-UE fin-negozjati kummerċjali maċ-Ċina tirriżulta mminata minħabba l-kontribut li din qiegħda tagħti għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja taż-żona euro;

23.

Jenfasizza li l-allegata sottovalutazzjoni u n-nonkonveritibilità tal-yuan jafu jġibu vantaġġ kompetittiv inġust għall-esportaturi Ċiniżi billi ċ-Ċina tiddetjeni terz tar-riservi dinjin tal-kambju; jappella li r-regolamenti finanzjarji internazzjonali applikabbli għall-pajjiżi tal-G20, u l-koordinament makroekonomiku bejniethom, jissaħħu billi l-istabbiltà ekonomika u l-kummerċ dinji jistgħu nkella jkunu f'riskju; jitlob liċ-Ċina tħalli r-rivalutazzjoni tal-yuan biex jilħaq rata ta' kambju xierqa; ifakkar li, kif jipprevedu t-Trattati Ewropej, l-UE tista', f'każ ta' żbilanċi monetarji dinjija insostenibbli, tadotta politika tal-kambju;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi liċ-Ċina tilliberalizza l-kontijiet kurrenti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta provi tal-modi kif ir-reġim tar-rati ta' kambju fissi jagħmel ħsara lill-kompetittività tal-UE u, wara dan, tqis il-prijoritajiet adegwati għal azzjoni.

Lejn qafas istituzzjonali ġdid għar-relazzjonijiet UE-Ċina

25.

Jistieden lill-Istati Membri, bl-użu ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa, jiggarantixxu li l-impriżi barranin li joperaw fl-UE jirrispettaw il-leġiżlazzjoni kollha fis-seħħ fis-Suq Uniku, inklużi l-istandards soċjali u ambjentali, jiggarantixxu l-ħarsien tal-privattivi u jikkontribwixxu għall-isforzi li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-impjiegi meta jixtru impriżi Ewropej jew joħolqu sussidjarji fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni toħloq korp inkarigat li jivvaluta l-investimenti strateġiċi barranin ex ante fuq il-mudell tal-Committee on Foreign Investment (CFIUS) fl-Istati Uniti biex ikollha stampa ċara tal-impriżi li joperaw u jinvestu fit-territorju tagħha kif ukoll tirrapporta lill-Parlament fuq bażi regolari;

26.

Jistieden lill-UE taġixxi fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali adegwati, bħad-WTO, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) ħalli tagħti bidu għal proċess ta' riforma orjentat għall-inklużjoni ta' standards soċjali, ambjentali u tas-saħħa vinkolanti fir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-kummerċ irregolata mid-WTO;

27.

Jiddeplora l-qafas istituzzjonali għar-relazzjonijiet kummerċjali UE-Ċina, li hu frammentat u mingħajr koordinament; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod urġenti l-organigramma tar-relazzjonijiet bilaterali biex jiġi segwit koordinament aħjar u biex jitneħħa s-superfluwu fil-livell tal-pletora ta' gruppi ta' xogħol, tal-korpi ta' djalogu u ta' korpi formali u informali oħrajn; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet individwali jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom relatati maċ-Ċina, u jieħdu passi urġenti biex jintlaħaq kunsens operattiv intiż li jkompli l-għanijiet komuni tal-UE;

28.

Jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija biex tevita t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija; jawspika, f'dan ir-rigward, il-konklużjoni rapida tal-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattiva Komunitarja;

29.

Jeżiġi li l-prodotti kollha fiċ-ċirkolazzjoni fis-suq intern jirrispettaw rigorożament ir-regoli u l-istandards Ewropej u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi malajr xenarju, konformi mar-regoli tad-WTO, ta' introduzzjoni progressiva ta' kundizzjonalità għall-iskambji kummerċjali u/jew ġabra ta' miżuri ta' adegwament mal-fruntieri bħall-beni li jkunu ġejjin minn pajjiż terz li ma jirrispettax dawn l-istandards;

Valutazzjoni tar-rwol dinji taċ-Ċina

30.

Jenfasizza l-influwenza dejjem ikbar taċ-Ċina fuq ix-xena tal-kummerċ internazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-UE tibqa' tgħasses l-impatt politiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investimenti dejjem ikbar taċ-Ċina fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u partikolarment fl-Afrika u fl-Amerika Latina;

31.

Itenni l-bżonn li l-investimenti Ċiniżi fl-Amerika Latina u fl-Afrika, speċjalment fiż-Żoni Ekonomiċi Speċjali (ŻES), jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi kkonċernati u għall-iżvilupp ta' katini ta' produzzjoni lokali bl-użu tal-ħaddiema tal-post;

32.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi kumpaniji Ewropej jinvestu fiċ-Ċina l-aktar minħabba l-kostijiet baxxi tal-produzzjoni li ġejjin minn standards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem ta' kwalità baxxa; jirrakkomanda enerġikament li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-applikazzjoni ta' prassi effettivi tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) min-naħa tal-kumpaniji Ewropej fiċ-Ċina u jinkoraġġixxi t-tixird u l-pubbliċità tal-aħjar prassi tal-inizjattivi fil-qasam tas-CSR; jitlob barra minn hekk li l-Kummissjoni tivvaluta b'liema mod jistgħu jiddaħħlu dispożizzjonijiet fil-qasam tas-CSR fil-ftehim ta' investiment futur UE-Ċina;

33.

Iqis li jekk l-impenn taċ-Ċina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitqies bħala kompetizzjoni inġusta u jekk isir tentattiv biex jinstab rispons konfliġġenti, dan ma jikkostitwixxix soluzzjoni produttiva, fuq kollox għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp; jenfasizza li fl-aħjar interess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll tal-kompetizzjoni u t-tkabbir globali usa', l-impriżi u l-atturi tal-UE li jixtiequ jikkompetu maċ-Ċina fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jistinkaw biex jagħmlu offerti li huma l-aktar attraenti f'termini ta' sostenibbiltà u benefiċċju fit-tul, li jinkludu aspetti ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' governanza;

34.

Ifakkar li ċ-Ċina hija l-ewwel pajjiż fid-dinja f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden lill-UE tipproponi fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali li l-aspetti ekoloġiċi u l-objettivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu inklużi fit-taħdidiet relatati mal-kummerċ internazzjonali; iqis li l-qawwa ekonomika taċ-Ċina u l-kapaċità tagħha li trawwem l-innovazzjoni teknoloġika għandhom jintużaw bħala sostenn għall-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima;

35.

Iqis li l-isforzi tal-awtoritajiet Ċiniżi għal dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti drittijiet bażiċi fiċ-Ċina, speċjalment id-drittijiet soċjali u ta' ħarsien tal-ħaddiema, mhumiex suffiċjenti; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-UE u liċ-Ċina jagħtu bidu għal djalogu strateġiku aktar mill-qrib u responsabbli msejjes fuq il-fehim reċiproku;

Tisħiħ tal-UE biex taffronta l-kompetizzjoni dinjija

36.

Jitlob li l-UE tiżviluppa politika industrijali komuni ambizzjuża bbażata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li tibbenefika minn finanzjamenti innovattivi bħall-project bonds u li tappoġġa l-iżvilupp tal-SMEs, partikolarment permezz tal-aċċess għall-akkwist pubbliku, bil-għan li żżomm il-kompetittività tagħha quddiem atturi ewlenin ġodda tal-industrija u tar-riċerka; jistieden lill-UE tivvalorizza l-produzzjoni Ewropea billi tforni informazzjoni ta' kwalità aħjar lill-konsumaturi, partikolarment permezz tal-adozzjoni tar-regolament dwar il-marki tal-oriġini (“made-in”) ta' prodotti impurtati fl-UE.

37.

Jawspika li l-UE ssaħħaħ il-governanza ekonomika, baġitarja, fiskali u politika tagħha bil-għan li ssir interlokutur kredibbli u ta' piż fix-xena internazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jitkellmu b'vuċi waħda bil-għan li jiġi evitat li s-sħubiji u l-ftehimiet bilaterali jdgħajfu l-pożizzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri huma u jiddefinixxu l-politiki kummerċjali tagħhom u l-politiki tagħhom relatati maċ-Ċina; jeżiġi li l-UE timplimenta strateġija fit-tul fir-rigward taċ-Ċina, tiggarantixxi l-koordinament operattiv kemm bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll bejn l-UE u l-Istati Membri;

38.

Jenfasizza l-bżonn ta' adozzjoni ta' approċċ bilanċjat fil-konfront taċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu kooperazzjoni estensiva maċ-Ċina fl-oqsma tar-riċerka konġunta, bħas-sikurezza tal-prodotti u s-saħħa tal-bniedem, u jistabbilixxu aktar skambji fil-qasam xjentifiku, teknoloġiku u kulturali;

39.

Ħafna problemi dwar il-kummerċ maċ-Ċina jirrigwardaw il-kwalità tar-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni relatata fid-diversi oqsma politiċi, fosthom il-politika industrijali, il-politika ambjentali, il-miżuri f'każ ta' kriżi, l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jappella biex tali kwistjonjiet jissolvew permezz ta' żieda fil-kooperazzjoni bilaterali jew riżoluzzjoni tat-tilwim fi ħdan id-WTO;

*

* *

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 132.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0412.

(3)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 16.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0364.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0565.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0141.

(7)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

(8)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(9)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.

(10)  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2011)0380.

(12)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 101.