10.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 261/21


Il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2012
L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija

P7_TA(2012)0201

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta’ Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija (2011/2113(INI))

2013/C 261 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tat-28 ta’ Novembru 1995, li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar, u l-programm ta’ ħidma adottat f’dik il-konferenza,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ottubru 2005 dwar il-Proċess ta’ Barċellona rivedut (1) u tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-8 Konferenza Ministerjali Euromed dwar il-Kummerċ (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM (2011)0200),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar “Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni”(COM(2011)0303),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0292),

wara li kkunsidra “l-Pjan Direzzjonali tal-Kummerċ Ewro-Mediterranju sal-2010 u Lil hinn”, kif ġie adottat fit-8 laqgħa Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran tal-2009,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenzi Ministerjali Ewro-Mediterranji u l-konferenzi ministerjali settorjali li saru minn meta ġie mniedi l-Proċess ta’ Barċellona, u b’mod partikolari l-konklużjonijiet tad-9 Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran tal-11 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Tuneżija (3), l-Iżrael (4), il-Marokk (5), il-Ġordan (6), l-Eġittu (7), il-Libanu (8) u l-Alġerija (9), min-naħa l-oħra, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Temporanju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-PLO (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana) (10),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali ta' l-Unjoni Doganali (96/142/KE) (11),

wara li kkunsidra l-ftehim dwar il-kummerċ ħieles, magħruf bħala l-Ftehim ta’ Agadir, li ġie ffirmat mill-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk fil-25 ta’ Frar 2004,

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta' Impatt għas-sostenibbiltà taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja (FTA) imħejji mill-Istitut għall-Politika u għat-Tmexxija tal-Iżvilupp tal-Università ta' Manchester,

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija Reġjonali (2007-2013) u l-Programm Indikattiv Reġjonali għas-Sħubija Ewro-Mediterranja (2007-2013) u l-għanijiet stabbiliti fih (12) kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2011 dwar it-tieni parti tal-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2011 favur ir-reġjun tal-Mediterran. li għandu jiġi ffinanzjat taħt il-partita 19 08 01 01 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (13),

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija, b’mod partikolari l-laqgħa ministerjali li saret fi Brussell fit-12 ta’ Lulju 2011 u r-rapport annwali tagħha għall-2010 li ġie ppubblikat fit-8 ta’ Awwissu 2011,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp tal-5 ta’ Ottubru 2011 biex jiġu allokati fondi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran,

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran,

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Unjoni għall-Mediterran,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2011 biex jiġu adottati direttivi ta' negozjar dwar Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi għall-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura dwar l-investiment internazzjonali (14) tas-7 ta' April 2011 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dimensjoni tan-Nofsinhar (15) u tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha adottati mill-Parlament fil-kuntest tar-Rebbiegħa Għarbija, dwar il-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin u l-kuxjenza bħala valuri fundamentali u universali li huma essenzjali għall-iżvilupp demokratiku u ekonomiku;

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0104/2012),

A.

billi r-Rebbiegħa Għarbija hija l-akbar trasformazzjoni politika fil-Viċinat Ewropew mill-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin u offriet lill-UE l-opportunità biex tallinja l-politika barranija u l-interessi kummerċjali tagħha mal-valuri ewlenin tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-soċjeta ħielsa; billi, skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien, bil-għan li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u viċinat tajjeb, imsejsa fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni, li hija l-uniku metodu essenzjali possibbli għall-istabbiltà permanenti, is-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku u l-progress tal-Ewropa;

B.

billi l-UE għandha kompetenza esklussiva fuq il-kummerċ u l-politika għall-investiment, li tippermetti lill-UE tipprovdi reazzjoni effikaċi għat-taqlib u tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran (SMCs);

C.

billi t-Trattat ta’ Lisbona jiddefinixxi l-kummerċ internazzjonali bħala wieħed mit-tliet fergħat tal-Azzjoni Esterna tal-UE u jirrikjedi koerenza mal-politiki l-oħra tagħha: l-affarijiet barranin u l-iżvilupp internazzjonali; billi l-kummerċ dejjem kien pilastru ewlieni tal-Politika tal-Viċinat u dan kien enfasizzat fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” u “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran”;

D.

billi fost is-soċjetajiet ċivili tal-SMCs hemm perċezzjoni li l-UE għandha tkun aktar proattiva biex tgħin it-trasformazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom;

E.

billi r-rikostruzzjoni ekonomika u politika wara r-Rebbiegħa Għarbija mhux qed tiġi ssorveljata mill-istituzzjonijiet reġjonali li jwettqu rwol simili għal dak tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OKSE) fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fl-Asja Ċentrali;

F.

billi ma teżisti l-ebda istituzzjoni finanzjarja Ewro-Mediterranja speċifika, filwaqt li l-esperjenza miksuba mill-BERŻ matul it-tranżizzjoni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tul dawn l-aħħar snin għandha tippermettilu li jkollu rwol pożittiv fl-SMCs; jinnota b’dispjaċir, madankollu, li diversi Stati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx l-Emendi għall-Ftehim tal-BERŻ li għandhom jgħinu lill-BERŻ biex jopera bis-sħiħ fir-reġjun tal-Mediterran;

G.

billi s’issa l-ekonomiji tal-SMCs kienu mmexxija minn mexxejja mhux demokratiċi, għall-benefiċċju ta’ ftit persuni; spiss ma tawx każ il-ħtiġijiet tal-aktar persuni vulnerabbli; billi ħafna dittaturi issa ġew destitwiti, dan joħloq opportunitajiet ġodda għall-ftuħ tal-ekonomiji tar-reġjun u għall-ħolqien ta' ekonomija tas-suq reali;

H.

billi l-UE diġà għandha Unjoni Doganali mat-Turkija u Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs) eżistenti ma’ SMCs bl-eċċezzjoni tas-Sirja, li ma ffirmatx il-pakkett innegozjat finali, u l-Libja, li n-negozjati magħha ġew sospiżi fi Frar 2011 wara li faqqgħet il-gwerra ċivili;

I.

billi s-sħubija mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mhijiex prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni f’negozjati kummerċjali, kif muri mid-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Libanu u mal-Alġerija, mill-ftehim temporanju mat-Territorji Palestinjani, min-negozjati mal-Libja li ġew sospiżi u mill-ftehim mas-Sirja li ma ġiex ratifikat;

J.

billi ż-Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles, l-aktar proġett ekonomiku ambizzjuż li rriżulta mid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, baqgħet ma seħħitx sad-data prevista tal-2010, minħabba l-kunflitti fir-reġjun u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni intrareġjonali (Nofsinhar-Nofsinhar);

K.

billi l-kriżi ekonomika tal-2008 affettwat b’mod dirett il-muturi ekonomiċi ewlenin tal-SMCs, u billi t-taqlib soċjali u politiku li għaddew minnu t-Tuneżija, l-Eġittu, is-Sirja u l-Libja waqt ir-Rebbiegħa Għarbija komplew jikkumplikaw il-kriżi ekonomika f’dawn il-pajjiżi; billi mhux l-SMCs kollha ntlaqtu l-istess mir-Rebbiegħa Għarbija peress li ċerti pajjiżi għad għandhom reġimi qodma fil-poter, u oħrajn għadhom għaddejjin minn perjodu kontinwu ta’ inkwiet soċjali li qed idgħajjef aktar l-ekonomija tagħhom;

L.

billi r-Rebbiegħa Għarbija kixfet id-dgħjufijiet kummerċjali u fiskali strutturali u sistematiċi tar-reġjun, b’mod partikolari suxxettibilità għal fluttwazzjonijiet 'il fuq fis-swieq tal-komoditajiet, u billi kwalunkwe strateġija kummerċjali ġdida għall-Mediterran għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet, trawwem is-sovranità u s-sigurtà tal-ikel u ttemm l-ispekulazzjoni finanzjarja dwar il-prodotti bażiċi tal-ikel jekk beħsiebha twettaq l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini;

M.

billi l-qgħad kroniku, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u n-nuqqas ta’ diversifikazzjoni kummerċjali għadhom ta’ tħassib serju; billi l-livell tal-qgħad strutturali fit-tul u l-impjiegi informali, inkluż it-tħaddim tat-tfal, għadu għoli fil-parti l-kbira tal-SMCs u mar għall-agħar fil-pajjiżi li għaddew minn problemi soċjali diffiċli ħafna waqt ir-Rebbiegħa Għarbija; billi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tikkalkula li r-reġjun jeħtieġ joħloq madwar 25 miljun impjieg ġdid matul l-għaxar snin li ġejjin biex jinżamm il-livell ta' impjiegi attwali;

N.

billi l-adoloxxenti (ta’ età ta’ bejn 10 snin u 19-il sena) jirrappreżentaw 20 % tal-popolazzjoni u r-rata tal-qgħad għal dawk bejn il-15 u l-24 sena huwa ta’ madwar 25 % u 30 % filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha baxxa ħafna; billi l-qgħad huwa partikolarment għoli fost l-iggradwati universitarji u dan qed iwassal għal eżodu ta' mħuħ u għal ħela ta’ riżorsi umani;

O.

billi huwa fl-ogħla interess tal-Unjoni Ewropew li timmira fl-għoli fir-rigward tal-kooperazzjoni ekonomika u tadotta strateġija li hija ta' benefiċċju reċiproku, responsabbli u flessibbli, ibbażata fuq l-appoġġ għal trażizzjoni demokratika u l-protezzjoni tad-dritttijiet tal-bniedem;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jemmen li l-Rebbiegħa Għarbija hija avveniment storiku mingħajr preċedent li ħareġ mill-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għal-libertà, għad-drittijiet demokratiċi u għal titjib fl-istandards tal-għajxien tagħhom; jesprimi d-diqa kbira tiegħu għat-telf ta' ħajja tul il-ġlieda biex jitwaqqgħu dittatorjati korrotti;

2.

Huwa konxju li, wara dawn is-sagrifiċċji, hemm stennija kbira fost is-soċjetajiet tal-SMCs għal appoġġ ferm akbar u iżjed ġust mill-UE għal riformi demokratiċi u għal żvilupp ekonomiku ġenwin għall-benefiċċju ta’ kulħadd;

3.

Jinnota li l-benefiċċji tar-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija għadhom ma ġewx ikkonsolidati bis-sħiħ u li l-UE għandha taġixxi malajr biex timplimenta l-aġenda tagħha dwar il-Kummerċ għall-Bidla billi, minbarra l-benefiċċji ekonomiċi immedjati, il-kummerċ huwa mod effettiv biex tiġi kkonsolidata d-demokrazija u biex tiġi promossa l-istabilità, għaliex jgħin sabiex tiġi evitata l-korruzzjoni, jiffaċilita t-tqassim iżjed ekwu tal-ġid u jagħti s-setgħa lill-popolazzjoni ġenerali; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta' tranżizzjoni jiżguraw tranżizzjoni paċifika lejn demokrazija ġenwina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw id-dritt tal-poplu tagħhom li jipprotesta b'mod paċifiku, u jżommu lura minn kwalunkwe repressjoni vjolenti;

4.

Jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija tat-Task Force UE-Tuneżija, l-ewwel task force stabbilita ma' pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koordinazzjoni aħjar tal-appoġġ tal-UE u l-appoġġ internazzjonali għat-tranżizzjoni tal-pajjiż; jilqa' l-fatt li l-Parlament kien involut fl-ewwel laqgħa; jitlob lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni jkomplu jinvolvu l-Parlament f'din l-inizjattiva u f'oħrajn fil-futur; jilqa' l-ħolqien fi ħdan il-Parlament ta' grupp ta' sorveljanza għan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex tiġi sorveljata r-reazzjoni tal-UE għall-kriżijiet fil-pajjiżi tal-Mediterran;

5.

Jilqa' l-elezzjonijiet regolari u trasparenti riċenti fit-Tuneżija, li – flimkien tar-riformi ekonomiċi, legali u soċjali – jikkostitwixxu eżempju tajjeb għall-pajjiżi l-oħra fir-reġjun; jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u regolari fl-iżgurar tal-unità ta' dawn il-pajjiżi permezz tal-istabbiliment ta' istituzzjonijiet demokratiċi u pluralistiċi, biex b'hekk jiġu stabbiliti l-bażi għal stabbilità akbar u strutturi soċjoekonomiċi moderizzati, li min-natura tagħhom stess jikkostitwixxu kundizzjoni neċessarja sabiex jinġieb l-investiment internazzjonali u jinħoloq tkabbir sostenibbli; jenfasizza l-bżonn ta' bidliet demokratiċi li għandhom jiġu akkompanjati minn riformi ekonomiċi, legali u soċjali sabiex jinfetħu u jiġu modernizzati l-istrutturi soċjoekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi;

6.

Iqis id-dejn barrani pubbliku tal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani bħala dejn li għandu jiġi mistkerraħ meta jitqies li dan id-dejn inħoloq mir-reġimi dittatorjali, l-iktar permezz tat-tħaxxin tal-bwiet ta’ membri mlaħħqa fl-oqsma politiċi u ekonomiċi u permezz tax-xiri tal-armi, li spiss intużaw għall-oppressjoni tal-popli tagħhom stess; għalhekk jitlob biex dan id-dejn jerġa' jiġi kkunsidrat, u b'mod partikolari dak marbut mal-infiq għall-armi;

7.

Jikkundanna r-rwol tal-kumpaniji Ewropej fl-esportazzjoni tal-armi u ta’ oġġetti b’użu doppju lir-reġimi ripressivi, u fl-involviment tagħhom fit-tfixkil tekonoloġiku organizzat mir-reġimi tad-dittaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida għal kumpaniji tal-UE biex jaġixxu b’mod konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-UE f’sitwazzjonijiet bħal dawn;

8.

Jenfasizza li l-politika tal-kummerċ u tal-investiment hija kompetenza esklussiva tal-UE u din għandha tipprovdi strumenti innovattivi u konkreti għall-kisba tal-għanijiet ta' politika barranija tal-UE ta' demokrazija, prosperità, stabilità u paċi fir-reġjun;

9.

Jirrikonoxxi li l-UE għandha tfassal politika koordinata fir-rigward tal-SMCs, iżda jwissi kontra approċċ wieħed komuni għar-Rebbiegħa Għarbija kollha, għaliex minkejja li l-SMCs għandhom ħafna similaritajiet, huma esperjenzaw forom differenti ta’ gvernijiet ripressivi, ivarjaw fil-livelli tal-iżvilupp ekonomiku tagħhom u jiffaċċjaw sfidi soċjali u demografiċi li huma differenti minn ta’ xulxin;

10.

Jenfasizza li wieħed mir-rwoli ewlenin tal-Parlament Ewropew huwa t-tisħiħ tad-djalogu politiku, tal-ftehim reċiproku u tal-fiduċja bejn l-Ewropa u l-pajjiżi terzi, inkluż l-SMC, fejn il-Parlament Ewropew għandu jiffoka fuq sforzi biex ixerred u jippromwovi riformi demokratiċi, libertajiet żviluppati u l-istat tad-dritt; jissottolinja li dawn il-kompiti importanti, ibbażati fuq relazzjonijiet diretti, jistgħu jkunu wkoll mod kif jiġi vvalutat is-sodisfazzjon tal-kriterji li ġejjin (fid-dawl tal-avvenimenti u l-progress miksub) u biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-kummerċ, l-investiment jew il-finanzi;

11.

Huwa konxju mill-fatt li fl-aħħar għaxar snin l-UE rawmet approċċ iżjed profond u komprensiv għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-mexxejja ta’ ħafna mill-SMCs, dan minkejja n-nuqqas evidenti ta’ leġittimità demokratika tas-sħab fin-negozjati; jenfasizza it-tħassib immedjat dwar l-istabbilizzazzjoni tal-proċessi demokratiċi fil-bini ta’ istituzzjonijiet soċjali u politiċi ġodda, li mbagħad jistgħu jaħdmu bħala sħab leġittimi u infurmati fin-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali;

12.

Jinnota li l-UE hija l-ikbar suq ta’ konsumaturi fid-dinja, li l-aċċess għalih għandu jingħata biss jekk il-pajjiżi msieħba jkunu serji dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftuħ bilaterali tas-swieq, jekk il-benefiċċji tar-riformi ekonomiċi jitgawdew mill-popolazzjoni kollha tal-pajjiż imsieħeb, inkluż l-iżjed vulnerabbli, u jekk jingħataw u jitwettqu impenji politiċi, soċjali u ambjentali xierqa;

13.

Jindika li ħafna mill-SMCs għandhom potenzjal ekonomiku enormi, b’uħud minnhom li wirtu kwantitajiet kbar ta’ assi u riżorsi naturali, li, jekk jiġu ġestit b’mod tajjeb, jipprovdu opportunità għal tkabbir ekonomiku u żvilupp fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran; jikkunsidra għalhekk li jiġu stabbiliti l-miżuri u l-mekkaniżmi meħtieġa li jiggarantixxu standards soċjali, ambjentali u fitosanitarji ekwivalenti;

14.

Jilqa’ l-approċċ imfassal apposta minn isfel għal fuq previst mill-Kummissjoni, ibbażat fuq kundizzjonalità iktar b’saħħitha u fuq differenzazzjoni iktar qawwija fil-kuntest tar-Reviżjoni riċenti tal-PEV, u fuq il-prinċipju ta’ 'aktar għal aktar', sabiex jiżgura assistenza mmirata aħjar lill-pajjiżi ġirien kollha tal-UE u jiggarantixxi li l-finanzjament jaqbel mal-ambizzjoni politika; jemmen li l-kisbiet fir-rigward tar-riformi demokratiċi u l-libertajiet individwali għandhom jiġu riflessi permezz ta’ proċess simili fil-qasam ekonomiku u kummerċjali, u ta’ libertajiet sussegwenti, għall-ħolqien u t-treġija tan-negozju sabiex jitneħħew darba għal dejjem l-oligarkiji li tradizzjonalment kienu jiddominaw l-SMCs;

Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi (DCFTAs) u strumenti oħra ta’ kummerċ

15.

jinnota li l-UE diġà għandha ftehimiet preferenzjali qawwija dwar il-kummerċ ma’ diversi SMCs skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; madankollu jenfasizza li l-ebda wieħed minn dawn il-proċessi ma twettaq bis-sħiħ u jinsab konvint li għad hemm potenzjal kbir biex ir-relazzjonijiet ekonomiċi jiżviluppaw aktar, b’mod partikolari fil-qasam regolatorju, bil-mira fit-tul tal-integrazzjoni fis-suq intern tal-UE;

16.

Għalhekk, jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza mandati għall-ftuħ ta’ negozjati DCFTA mal-Eġittu, mal-Ġordan, mal-Marokk u mat-Tuneżija hekk kif jitlestew il-proċessi preparatorji meħtieġa; jemmen li l-eżerċizzji ta’ stħarriġ sussegwenti għandhom jisiltu mill-esperjenzi tal-fażijiet preparatorji mwettqa mal-imsieħba tal-Lvant, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza politika qawwija li jiġi evitat dewmien mhux meħtieġ għal dawk l-imsieħba li huma lesti li jibdew in-negozjati; iqis li huwa indispensabbli li l-forzi soċjali kollha, speċjalment l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, għandhom ikunu involuti u kkonsultati mill-bidu rigward kwalunwke negozjati kummerċjali;

17.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għadu ma pubblikax dettalji dwar il-kriterji “aktar għal aktar” li jiddeterminaw, flimkien mal-eżerċizzju ta’ stħarriġ kummerċjali, jekk pajjiż huwiex lest għal DCFTA; għalhekk, jitlob lis-SEAE tistipula dawn il-kriterji sabiex il-proċess ikun trasparenti u biex il-pajjiżi msieħba jkunu jafu minn qabel fejn jeħtieġu li jsiru aġġustamenti; jinsisti li r-rispett għall-istituzzjonijiet demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta’ assoċjazzjoni, u r-rispett għal-liġijiet internazzjonal dwar ix-xogħol, il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), għandu jkollhom importanza ċentrali f’dan l-proċess u jqis li għandu jirrejaġixxi għal titjib jew għal deterjorazzjoni sinifikanti fil-pajjiżi msieħba waqt il-fażi preparatorja u tul in-negozjati nfushom; jinsisti li l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tal-qasam ta’ applikazzjoni għandu jqis livell xieraq ta’ ftuħ ekonomiku kif ukoll indiċi ta’ kif il-livelli kollha tas-soċjetà jibbenefikaw mill-kummerċ u mill-investiment barrani dirett (FDI);

18.

Ifakkar li, fihom infushom, l-FTAs mhumiex mingħajr għan u li dawn għandhom iservu għall-benefiċċju ta’ kull pajjiż; isostni li l-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ għandhom ikunu appoġġjati minn klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem imsaħħa b’monitoraġġ b'implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet imtejba, kif ukoll minn kapitolu ambizzjuż ta' żvilupp sostenibbli bi rwol ċentrali għas-soċjetà ċivili, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) li għandha ssaħħaħ is-sieda konġunta tal-proċess;

19.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq l-ostakli għall-kummerċ ta' wara l-fruntiera u l-allinjament mal-acquis tal-UE, iżda jinnota li għad hemm skop għal aktar negozjati dwar tnaqqis ta' tariffi fil-każ ta’ ċerti pajjiżi; jenfasizza li, biex DCFTAs ikunu tassew ta’ valur għall-SMCs, l-UE trid tkun lesta li tagħmel sforzi addizzjonali f’oqsma sensittivi bħall-agrikoltura u s-servizzi tal-Modalità IV; jinnota f’dan il-kuntest, li l-UE fil-fatt għandha bilanċ kummerċjali pożittiv sinifikanti ma’ dawn il-pajjiżi fil-qasam tal-agrikoltura;

20.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tippromwovi b’mod speċifiku lill-Kummerċ Ġust u lill-inizjattivi tal-biedja organika, b’mod partikolari biex tappoġġja lill-bdiewa ż-żgħar, lill-produtturi u lill-koperattivi, bħala mod biex jiġu integrati prattiki agrikoli sostenibbli u l-iżvilupp rurali, u biex fl-istess ħin tiġi żviluppata l-katina tal-provvista sabiex il-konsumaturi Ewropej jingħataw garanzija rigward il-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti, kif ukoll rigward il-kredenzjali soċjali u ambjentali tagħhom;

21.

Jenfasizza l-importanza tal-agrikoltura, li timpjega aktar minn terz tal-popolazzjoni attiva fil-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar, u l-iżvilupp rurali fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni, minħabba li dawn jikkontribwixxu, speċjalment f’kundizzjonijiet ta’ volatilità akbar fis-swieq dinjija, għal żieda fis-sigurtà tal-ikel, ġenerazzjoni u tqassim tad-dħul aktar ekwi, il-ħolqien tal-impjiegi, u l-integrazzjoni tan-nisa u tal-bdiewa żgħar fl-ekonomija;

22.

Jilqa' għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-iżvilupp rurali permezz tal-programm Faċilità Ewropea tal-Viċinat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, li għandu jintegra l-appoġġ għall-investiment u jiżviluppa kapaċitajiet amministrattivi billi jibni fuq l-aħjar prattika tal-UE fl-iżvilupp ta' żoni rurali, sabiex tiġi ffaċilitata l-modernizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola skont l-istandards dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel tal-UE;

23.

Jilqa' wkoll l-impenn tal-Kummissjoni, iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha tal-25 ta' Mejju 2011 (COM(2011)0303), għall-finanzjament ta' programmi pilota għall-iżvilupp agrikolu, rurali u reġjonali, bi spunt mill-esperjenza estensiva tal-UE f'dawn l-oqsma u bl-aħjar użu possibbli tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-FAO, il-Bank Dinji u possibilment il-BEI;

24.

Jistieden lill-UE tappoġġa l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola b’saħħitha kif ukoll l-iżvilupp rurali fir-reġjun bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar, li hija problema persistenti fil-kampanja, u sabiex issaħħaħ il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni; jisħaq, għal dan il-għan, dwar l-importanza ta’ titjib istituzzjonali u infrastrutturali (pereżempju s-sistemi ta’ irrigazzjoni, trattament, ħżin, ippakkjar, trasport, kummerċjalizzazzjoni u l-aċċess għas-servizzi), flimkien mat-titjib teknoloġiku, u l-importanza tal-edukazzjoni u tal-programmi ta’ taħriġ, speċjalment għan-nisa, kif ukoll ta’ sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' organizzazzjoni tal-produtturi u ta' dgħufija tas-soċjetà ċivili, li qegħdin ixekklu wkoll l-iżvilupp ta’ sistema agro-alimentari effiċjenti; jenfasizza r-rwol tas-servizzi ta’ estensjoni fl-iffaċilitar tat-tifrix tal-għarfien; jenfasizza li t-tħassib globali dwar it-tibdil ambjentali u klimatiku għandu jorjenta l-appoġġ lejn il-promozzjoni ta’ użi sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-enerġija, u metodi tal-produzzjoni kompatibbli; jenfasizza li, quddiem żieda fid-domanda globali għall-ikel, għandha tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni fil-produzzjoni biex tiżdied ir-reżiljenza matul varjazzjonijiet fis-suq u kriżijiet ambjentali;

25.

jitlob barra minn hekk, sabiex ma jkunx hemm dumping soċjali u ambjentali bejn il-pajjiżi konċernati kif ukoll mal-UE, li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jippermettu li jinfurzaw l-applikazzjoni ta' azzjonijiet innovattivi għall-promozzjoni tal-għarfien prattiku lokali, it-taħriġ għall-organizzazzjoni tal-produtturi kif ukoll għall-iżvilupp tas-swieq lokali u reġjonali fil-qafas tal-iskambji ta’ prattiki tajba bejn il-pajjiżi u mal-UE kif prattikati waqt il-proċeduri ta’ qabel l-adeżjoni u fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea;

26.

Jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut li integrazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi Sub-Saħarjani tista' toffri, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi fuq livell dinji biex jiġi evitat it-tip ta’ azzjoni unilaterali li tittieħed sikwit b’rispons għall-kriżijiet tal-ikel u l-fenomeni ta’ temp estrem;

27.

Jenfasizza li l-FDI hu ta' importanza partikolari għall-iżvilupp ekonomiku tal-SMCs, minħabba li l-livelli ta’ investiment jew mhumiex suffiċjenti jew inkella huma ffokati żżejjed fuq l-industriji ta' tħaffir ta' materja prima; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-DCFTAs u l-isforzi għall-investiment fir-reġjun ikunu kkoordinati biex tkun promossa d-diversifikazzjoni ekonomika;

28.

Jinnota, madankollu, in-nuqqas ta' suċċess miksub mill-isforzi preċedenti għan-negozjar ta' arranġamenti settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni toħloq inċentivi lill-SMCs biex jinnegozjaw dwar l-investiment, u ukoll dwar “kwistjonijiet ta’ Singapor” oħra bħas-servizzi fil-kuntest ta’ DCFTAs; iqis li l-Kummissjoni għandha tapplika implimentazzjoni asimmetrika, fejn xieraq, u tkun flessibbli fir-rigward ta' setturi sensittivi tal-pajjiżi kkonċernati;

29.

Jenfasizza l-importanza li l-ftuħ kummerċjali jiġi sostnut b'appoġġ tekniku aktar sostanzjali għall-pajjiżi msieħba u għan-negozji tagħhom sabiex ikunu jistgħu jimmassimizzaw l-opportunitajiet ipprovduti; jirrikonoxxi li l-UE diġà toffri din it-tip ta' assistenza, iżda jqis li dawn il-programmi għandhom ikunu aktar immirati lejn l-SMEs, inkluż pereżempju permezz ta’ espansjoni fl-Għajnuna għall-Kummerċ;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel użu minn DCFTAs biex tallinja l-istandards fil-qasam regolatorju, speċjalment rigward standards u regolamenti tekniċi, miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), regoli ta’ trasparenza għall-akkwist pubbliku, regoli għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-iffaċilitar kummerċjali/doganali u t-tneħħija ta’ ostakoli non-tariffarji (ONTs); jirrimarka li din il-kooperazzjoni mhijiex qed tiġi indirizzata b’mod sodisfaċjenti fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u li l-livell ta’ parteċipazzjoni tal-UE jeħtieġ jiġi intensifikat;

31.

Jilqa' b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, ir-riżorsi addizzjonali li ġew allokati għall-kooperazzjoni teknika u jinsisti li dawn għandhom ikunu magħmula disponibbli malajr kemm jista' jkun lid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DĠ DEVCO) tal-Kummissjoni u deċentralizzati għal delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu fuq il-post;

32.

Jirrikonoxxi l-fatt li d-DCFTAs għandhom ikunu l-objettiv ewlieni iżda hu konxju li, sadanittant, il-Kummissjoni qed tfittex li twettaq negozjati settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni eżistenti, inklużi ftehimiet dwar l-evalwazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali (ACAAs), ftehimiet dwar l-agrikoltura u s-sajd, ftehimiet dwar is-servizzi u l-investiment, u ftehimiet dwar arranġamenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll li taġġorna l-ftehimiet settorjali eżistenti ma’ pajjiżi fejn l-offerti jistgħu jittejbu, u fejn DCFTA mhuwiex immedjatament possibbli; jitlob lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni aħjar meta u kif dawn il-proċessi għandhom finalment jingħaqdu mad-DCFTAs futuri, u tiżgura li t-telf tas-sħubija tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP) fl-2014 ma jkollux effetti negattivi fuq l-aċċess tal-SMCs għas-suq Ewropew fi kwalunkwe linja ta’ prodotti;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni tħejji wkoll strateġija għal dawk l-imsieħba ta' “aktar għal aktar” li jew qatt ma sar ftehim magħhom qabel jew li mhumiex fil-mira diretta ta’ DCFTAs, speċjalment dawk, bħal-Libja u l-Libanu, li għad mhumiex membri tad-WTO; jenfasizza li, filwaqt li l-għoti ta’ assistenza teknika biex il-progress ta’ dawn il-pajjiżi fis-sħubija fid-WTO jkompli bis-serjetà, dan waħdu mhuwiex biżżejjed u għandu jkun ikkumplimentat, fejn xieraq, bi ftehimiet kompatibbli mad-WTO li għandhom jiksbu benefiċċji tul il-perijodu qasir;

L-għoti tas-setgħa lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) bħala għodda għad-demokratizzazzjoni ekonomika

34.

Huwa konvint li strateġija kummerċjali ta’ suċċess għar-reġjun għandha ssaħħaħ ir-rwol tal-SMEs, li jipprovdu daqs 30 % tal-impjiegi f’ċerti pajjiżi; jirrikonoxxi l-importanza tal-mikro-intrapriżi, li jirrappreżentaw 98.1 % tal-SMEs fl-Eġittu, 97.8 % fil-Marokk u 89.1 % fil-Ġordan, iżda 9.2 % biss fit-Tuneżija;

35.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-numru għoli ta’ SMEs mhux irreġistrati li joperaw fis-suq iswed u dwar il-fatt li l-persentaġġ ta’ impjiegi informali (eskluż fl-agrikoltura) f’ċerti SMCs jilħaq is-70 %; jinsab konvint li, jekk ir-reġjun beħsiebu jipparteċipa fi tkabbir ekonomiku serju, l-istrateġija kummerċjali tal-UE għandha tagħti inċentivi lin-negozji mhux irreġistrati sabiex dawn jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-programmi għall-bini tal-kapaċità amministrattiva, jiġifieri fir-reġistrazzjoni tan-negozji, fix-xogħol u l-affarijiet soċjali, billi tagħti attenzjoni speċjali lill-bini tal-kapaċità fis-servizzi legali, li għandhom jiżguraw tħejjija aħjar għat-tmexxija tar-riformi meħtieġa;

36.

Jiddispjaċih li l-SMEs u l-kooperattivi għandhom aċċess limitat ħafna għall-investiment u jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi pprovdut aċċess xieraq għall-finanzjament permezz tal-forniment ta’ skemi ta’ mikro-kreditu u ta’ kontrogaranziji affidabbli, aċċessibbli u faċli biex tużahom mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI); jemmen li dawn l-iskemi jippermettu lill-benefiċjarji li jġeddu u jirristrutturaw b’mod li jitħallew jisfruttaw il-potenzjal tas-Suq Intern tal-UE;

37.

Jenfasizza l-importanza li tiġi promossa l-attività intraprenditorjali billi jiġu adottati l-miżuri meħtieġa sabiex jinħoloq ambjent li jibbenefikaha u sabiex tiġi involuta s-soċjetà fiha; jilqa' b'mod partikulari t-tieni fażi tal- programm Med, b'mandat speċifiku li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

38.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI fl-għoti ta’ għajnuna lill-SMEs fin-Nofsinhar tal-Mediterran permezz tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP); jilqa’ d-deċiżjoni li jgħolli l-limitu għall-operazzjonijiet tiegħu fir-reġjun b’EUR 1 biljun, li għandu jwassal biex l-operazzjonijiet tal-BEI fir-reġjun jitilgħu għal EUR 6 biljun tul il-tliet snin li ġejjin; itenni li l-BEI għandu jiffoka l-proġetti ta’ investiment tiegħu b’mod speċifiku lejn l-SMEs u lejn l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ infrastruttura, speċjalment tal-enerġija minħabba l-potenzjal ta’ dan ir-reġjun u l-għajnuna li tista’ tipprovdilu l-UE għall-iżvilupp u l-użu tagħha; jinsisti li l-BEI jeħtieġ li jżid il-kapaċitajiet amministrattivi tiegħu sabiex jikkontrolla l-banek intermedjarji msieħba tiegħu fit-tqassim ta’ “Self Globali” skont il-kriterji tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-UE, sabiex l-operat tiegħu jkun responsabbli bis-sħiħ lejn il-pubbliku;

39.

Jilqa’ l-parteċipazzjoni reċenti tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-reġjun tal-Mediterran u l-fondi żejda mwiegħda mill-UE u minn diversi Stati Membri individwali tal-UE għall-attivitajiet tal-Bank; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex jirratifikaw malajr l-Emendi għall-Ftehim tal-BERŻ li għandhom jgħinu biex il-bank jopera b’mod sħiħ fir-reġjun tal-Mediterran; iqis li għandhom jiżdiedu l-fondi totali disponibbli għall-investiment tal-BERŻ fir-reġjun u li l-SMEs għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin ta’ dawn l-investimenti; iħeġġeġ lill-SMCs juru l-impenn tagħhom billi japplikaw il-prinċipji ta’ demokrazija, pluraliżmu u tal-ekonomija tas-suq sabiex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-investiment kif stipulat mill-Istatut tal-Bank;

40.

Huwa konvint li ċ-ċaqlieq flessibbli ta’ negozjanti bejn il-fruntieri huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb taż-żona ta’ kummerċ; huwa tal-fehma li l-UE għandha tfittex li tikseb koerenza akbar fil-politiki tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-kummerċ;

41.

Jinnota li l-iffaċilitar tal-viżi għadha problema għal ħafna rappreżentanti tan-negozji mill-SMCs li jeħtieġu jivvjaġġaw lejn l-UE għal laqgħat, taħriġ u għal raġunijiet oħra ta’ negozju; f’dan il-kuntest, jilqa’ l-komunikazzjoni riċenti “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”, li fiha l-Kummissjoni tipprevedi ftehimiet għall-iffaċilitar tal-viża għall-appoġġ tal-mobilità, inter alia, tan-negozjanti; iqis li l-proċeduri ta’ “integrità” u ta’ “affidabilità” għall-viża għandhom jiġu ffaċilitati u jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja ftehimiet bħal dawn b’koordinament man-negozjati kummerċjali sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx burokratika żżejjed għall-SMEs;

It-tisħiħ tal-Proċess ta’ Agadir

42.

Jiddispjaċih li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja ma ġietx stabbilita sal-2010 u jittama li l-imsieħba kollha jużaw il-momentum maħluq mir-Rebbiegħa Għarbija biex jibqgħu għaddejjin bir-riformi meħtieġa għall-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles li tiffunzjona u żviluppata għalkollox mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni għal produtturi tal-UE.

43.

Jipproponi li l-impatt taċ-ċaqlieq lejn politika ta' kummerċ ħieles jiġi vvalutat b'mod regolari, sabiex tinżamm sorveljanza kontinwa tar-riperkussjonijiet tal-politika fuq il-pajjiżi tal-Mediterran fin-nofsinhar tal-Ewropa, bl-għan aħħari ikun dak tal-ħolqien ta' benefiċċji għall-pubbliku u għas-sistemi ekonomiċi u produttivi tal-pajjiżi differenti kkonċernati;

44.

Jenfasizza li, filwaqt li għandhom jintlaqgħu strateġiji kummerċjali speċifiċi għal kull pajjiż, dawn il-ftehimiet m'għandhomx ikunu ta' ħsara għall-integrazzjoni reġjonali; jiddispjaċih li l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar għadu limitat ħafna u jinnota, f'dan ir-rigward, li fl-2009, 6 % biss tal-importazzjonijiet mill-SMCs kienu ġejjin minnSMCs oħra, meta mqabbel mal-40 % mill-UE; iħeġġeġ lill-gvernijiet il-ġodda eletti demokratikament biex ikunu aktar miftuħa mill-predeċessuri tagħhom għall-kummerċ mal-pajjiżi ġirien;

45.

Jirrikonoxxi lill-Grupp ta’ Agadir bħala l-uniku eżempju ta’ sforz kollettiv favur il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar u jħeġġeġ lill-firmatarji biex iwessgħu l-ambitu u s-sħubija tar-relazzjoni kummerċjali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja lil dan il-grupp bħala pedament li fuqu għandha tinbena l-istrateġija kummerċjali tal-UE għall-ġejjieni;

46.

Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi ċerti flessibilitajiet fi ħdan id-DCFTAs, li eventwalment jippermettu l-integrazzjoni ta' ftehimiet individwali fil-Ftehim ta’ Agadir għat-tiswir ta' Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles unika;

47.

Jinnota b’sodisfazzjon it-tqassim imminenti tal-Mekkaniżmu tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-Investiment li se jservi bħala database li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiksbu informazzjoni aġġornata dwar il-kondizzjonijiet ta' kummerċ u investiment fir-reġjun; jinsisti li dan il-mekkaniżmu għandu jiġi promoss b’mod attiv fost in-negozji mill-SMC u biex dan jinbidel f'faċilitatur funzjonali għall-kummerċ intrareġjonali, u mhux iservi biss ta' għodda ta’ informazzjoni;

48.

Jilqa’ l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji li għandha tinkludi r-rispett sħiħ għall-arranġament tekniku bejn l-UE u l-Iżrael dwar il-prodotti mill-kolonji; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli tal-oriġini ġodda skont il-Konvenzjoni pan-Ewro-Mediterranja b’pass aktar mgħaġġel sa mhux aktar tard minn tmiem l-2013, meta l-SMCs jitilfu l-preferenzi tal-GSP u r-regoli favorevoli ta’ oriġini skont dik l-iskema;

L-iffaċilitar tal-għarfien u ta’ kuntatti diretti

49.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jwettqu rwol aktar ambizzjuż fl-istrateġija tal-UE għall-Viċinat tan-Nofsinhar billi jipprovdu programmi ewlenin ta’ boroż ta’ studju għal studenti minn SMCs taż-żewġ sessi u mill-isfondi soċjoekonomiċi u etniċi kollha, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ekonomija, tan-negozju, tal-IT, tal-komunikazzjoni, u tal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli biex jipproponu minnufih il-ħolqien ta’ programmi Euromed Erasmus u Da Vinci; josserva li atturi oħra fir-reġjun, bħall-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), kienu effikaċi aktar fl-għoti ta' appoġġ lill-SMCs; jemmen li dawn l-iskambji jistgħu joħolqu rabtiet dejjiema ma’ msieħba kummerċjali futuri fl-SMCs;

50.

Ifakkar fir-rwol li għandhom l-artisti, l-atturi kulturali u l-bloggers biex jippermettu lil uħud mis-soċjetajiet ċivili Għarab li jilliberaw ruħhom mid-dittatorjat u jiftħu t-triq għad-demokrazija; jistieden lill-UE biex fil-politika tagħha tal-kummerċ tintegra l-kooperazzjoni kulturali, inkluż l-inizjattivi konġunti fil-qasam tal-arti, tal-edukazzjoni, tal-midja, tal-Internet u setturi kruċjali oħra sabiex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

51.

Jitlob għall-ħolqien b’mod imminenti ta’ Kmamar tal-Kummerċ tal-UE ma’ pajjiżi msieħba sabiex iservu ta’ mogħdijiet għall-promozzjoni ta’ attivitajiet kummerċjali konġunti u ta’ skambji reċiproċi bejn sħab ekonomiċi, inkluż seminars u fieri tan-negozju; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda Kmamar tal-Kummerċ bilaterali tal-UE fir-reġjun, bl-eċċezzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ UE-Iżrael;

L-immassimizzar tal-impatt ta’ azzjoni tal-UE

52.

Isostni bil-qawwi li l-inizjattivi kummerċjali tal-Kummissjoni jeħtieġu jingħataw appoġġ minn preżenza aktar qawwija ta’ uffiċjali tal-kummerċ tal-UE fuq il-post; jiddeplora l-fatt li d-Delegazzjoni tal-UE għandha uffiċjal tal-kummerċ wieħed biss fit-Tuneżija u li ma għandha l-ebda preżenza fil-Ġordan, minkejja l-fatt li wettqet eżerċizzji ta’ stħarriġ dwar DCFTAs ma’ dawn il-pajjiżi;

53.

Jemmen, barra minn hekk, li huwa essenzjali li l-UE tikkoordina bis-sħiħ l-attivitajiet ta’ appoġġ tagħha fl-oqsma tal-kummerċ, tal-investiment u tal-finanzjament fir-reġjun sabiex jinkiseb l-aqwa impatt pożittiv; jinsab imħasseb għall-fatt li n-numru sinifikanti ta’ atturi, internament fi ħdan l-UE u fil-pajjiżi msieħba nfushom, u atturi esterni oħrajn, jistgħu jwasslu biex jinħlew jew jiġu dduplikati sforzi kruċjali minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni;

54.

Jenfasizza li tenħtieġ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istrumenti ta' finanzjament tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), bħall-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, u l-istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali, internazzjonali u tal-UE varji fir-reġjun, inklużi l-BEI, l-BERŻ u l-Bank Dinji, sabiex tkun iggarantita l-ogħla effikaċja u koerenza massima; jitlob lill-Kummissjoni biex tmexxi l-koordinazzjoni ta’ dawn l-isforzi;

*

* *

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-BERŻ, lill-Kapijiet ta’ Stat u tal-gvern u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u l-SMCs, u lill-Unjoni għall-Mediterran.


(1)  ĠU C 272 E, 9.11.2006, p. 570.

(2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 35.

(3)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

(4)  ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3.

(5)  ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

(6)  ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3.

(7)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.

(8)  ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.

(9)  ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.

(10)  ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3.

(11)  ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1.

(12)  C(2007)0672.

(13)  C(2011)5381.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2011)0141.

(15)  Testi adottati, P7_TA(2011)0154.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2011)0576.