|
7.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 258/91 |
Il-Ġimgħa 20 ta’ April 2012
In-nisa u t-tibdil fil-klima
P7_TA(2012)0145
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima (2011/2197(INI))
2013/C 258 E/14
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bl-isem ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ (COM(2011)0112), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottata f'Pekin u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw adottati matul is-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi sabiex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni ta’ Pekin u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati rispettivament fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-2 ta' Marzu 2010, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 36/CP.7 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) dwar it-Titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fir-rappreżentazzjoni ta’ partijiet f’korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kyoto tad-9 ta' Novembru 2001, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Settembru 2000, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP17) (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar ‘L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima’ (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2008 dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi u Poter lin-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0049/2012), |
|
A. |
billi t-tibdil fil-klima mhuwiex newtrali fir-rigward tal-ġeneru u ma għandux effetti divrenzjati skont il-ġeneru; |
|
B. |
billi l-konsum u t-tendenzi fl-istil tal-ħajja għandhom impatt sinifikanti fuq it-tibdil fil-klima; |
|
C. |
billi n-nisa jirrappreżentaw madwar 50 % tal-popolazzjoni dinjija u billi dawn relattivament għad għandhom aktar responsabbiltà fir-rigward tal-għażliet ta' kuljum tal-konsum, l-attivitajiet għall-kura tat-tfal u dawk domestiċi; billi t-tendenzi tal-konsum ivarjaw bejn in-nisa u l-irġiel għaliex in-nisa jikkunsmaw b'mod aktar sostenibbli mill-irġiel u juru aktar disponibilità għall-preservazzjoni tal-ambjent billi jagħmlu għażliet konsumeristiċi sostenibbli; |
|
D. |
billi minħabba r-rwoli bbażati fuq il-ġeneru, l-impatt tan-nisa fuq l-ambjent mhuwiex l-istess bħall-impatt tal-irġiel, u l-aċċess tagħhom għar-riżorsi u l-mod li bih jaffaċċjaw u jadattaw huwa affettwat bil-qawwi mid-diskriminazzjoni f’termini ta’ dħul, l-aċċess għar-riżorsi, il-poter politiku, l-edukazzjoni u r-responsabilità domestika; |
|
E. |
billi t-tibdil fil-klima se jamplifika l-inugwaljanzi u hemm riskju li l-politiki tat-tibdil fil-klima jkollhom impatt negattiv ukoll fuq il-bilanċ bejn il-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa jekk id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru ma tiġix ikkunsidrata mill-bidu nett; |
|
F. |
billi mhux ser ikun hemm l-ebda ġustizzja fir-rigward tal-klima mingħajr ugwaljanza reali bejn is-sessi, u billi l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima m’għandhomx jitqiesu kontradittorji; |
|
G. |
billi d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fl-opportunità bejn l-irġiel u n-nisa jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali; |
|
H. |
billi s-sorsi ta’ diskriminazzjoni u vulnerabilità apparti l-ġeneru (bħall-faqar, il-ġeografija, id-diskriminazzjoni tradizzjonali u istituzzjonali, ir-razza, eċċ.) flimkien joħolqu ostakolu għall-aċċess għar-riżorsi u l-mezzi sabiex ilaħħqu ma' tibdil drammatiku bħat-tibdil fil-klima; |
|
I. |
billi f’xi reġjuni, kważi 70 % tan-nisa impjegati kollha jaħdmu fl-agrikoltura (6) u jipproduċu sa 90 % ta’ xi prodotti tar-raba’ (7), iżda madankollu huma kważi assenti mid-deliberazzjonijiet baġitarji u l-attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima; |
|
J. |
billi, filwaqt li 70 % tal-foqra li jgħixu b’anqas minn USD 1 kuljum huma nisa, in-nisa għandhom anqas minn 1 % tal-proprjetà fid-dinja; billi, meta mqabbla mal-irġiel, in-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvestu mill-ġdid parti konsiderevolment ikbar mid-dħul tagħhom fil-familji tagħhom; |
|
K. |
billi l-ippjanar tal-familja jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti s-saħħa materna u l-kontroll fuq id-daqs tal-familja u fl-aħħar mill-aħħar iżid l-indipendenza u jnaqqas l-ammont ta’ xogħol tan-nisa, li għadhom meqjusin bħala dawk li prinċipalment jieħdu ħsieb it-tfal, filwaqt li jżid il-kapaċità tan-nisa u l-familji tagħhom li jirreżistu l-impatti tat-tibdil fil-klima, kif indikat fil-pjan fuq 20 sena adottat mill-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp; |
|
L. |
billi l-problemi ambjentali – ikkawżati u aggravati mit-tibdil fil-klima – huma attwalment responsabbli għaż-żieda fil-migrazzjoni furzata, u billi għaldaqstant hemm konnessjoni dejjem aktar b’saħħitha bejn dawk li jfittxu l-asil u ż-żoni ta’ ħsara ambjentali; billi tinħtieġ protezzjoni aħjar u riallokazzjoni ta’ 'rifuġjati tal-klima', kif ukoll attenzjoni speċjali lin-nisa li huma l-iżjed vulnerabbli; |
|
M. |
billi madwar 75 u 80 % mis-27 miljun rifuġjat fid-dinja huma nisa u tfal (8); billi l-migrazzjoni li ssir minħabba t-tibdil fil-klima se taffettwa lill-irġiel u lin-nisa b’mod differenti u spiss in-nisa jiġu affettwati b’mod aktar gravi; billi d-dispożizzjonijiet partikolari rigward is-saħħa, is-sigurtà u l-indipendenza huma meħtieġa sabiex titnaqqas il-vulnerabilità tan-nisa f’każijiet ta’ migrazzjoni mġiegħla jew volontarja; |
|
N. |
billi l-proporzjon ta’ nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u b’mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għadu mhux sodisfaċenti u ftit li xejn sar progress dwar dan; billi n-nisa jammontaw biss għal 12 sa 15 % tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet u għal madwar 30 % tad-delegati; |
|
O. |
billi żewġ terzi tal-persuni illitterati fid-dinja huma nisa (9) u l-aċċess għall-informazzjoni u t-taħriġ permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa huwa għaldaqstant importanti sabiex jiżgura l-indipendenza u l-inklużjoni tagħhom, partikolarment f’każijiet ta’ emerġenza bħad-diżastri naturali; |
|
P. |
billi d-diżastri naturali għandhom effett qawwi fuq perjodu medju u twil fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, il-faqar strutturali u l-ispustar tal-popolazzjoni, u billi t-tfal jirrappreżentaw grupp partikolarment vulnerabbli għall-effetti tad-diżastri naturali; billi hemm konnessjoni ċara bejn l-inċidenza tad-diżastri u t-tnaqqis fil-livell ta' attendenza tal-iskola, u billi d-diżastri jkabbru konsiderevolment id-differenza bejn il-ġeneru fil-livell skolastiku; |
|
Q. |
billi n-nixfa u n-nuqqas ta’ ilma minħabba l-bidla fil-klima jobbligaw lin-nisa jaħdmu aktar biex jipprovdu l-ilma, l-ikel u l-enerġija u billi ż-żgħażagħ spiss jabbandunaw l-iskola biex jgħinu lill- ommijiethom f'dawn il-kompiti; |
|
R. |
billi n-nisa huma wkoll aġenti tal-bidla b’saħħithom u huma aktar attivi globalment fir-rigward ta' attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom f’kull aspett tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiżgura politiki aktar ġusti u aktar komprensivi u effettivi sabiex jiġi indirizzat it-tibdil tal-klima, kemm fl-aspetti tal-adattament kif ukoll tat-taffija; |
|
S. |
billi, minħabba r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni ta’ riżorsi naturali skarsi, in-nisa jiksbu għarfien importanti dwar il-ħtieġa ta' ambjent aktar sostenibbli, li jagħtihom rwol potenzjali – li m’għandux ikun injorat – fit-titjib tal-istrateġiji ta’ adattament u taffija għall-bidla fil-klima; |
|
T. |
billi l-mekkaniżmi jew il-finanzjament għall-prevenzjoni, l-adattament u t-taffija tad-diżastri se jibqgħu insuffiċjenti sakemm ma jintegrawx il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-proċessi ta' tfassil, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; billi prattiki tajba, pereżempju, mit-Tuneżija, in-Nikaragwa, El Salvador u l-Ħonduras urew li l-għarfien u l-parteċipazzjoni tan-nisa jsalvaw il-ħajjiet permezz tal-ġestjoni tad-diżastri, jagħtu spinta lill-bijodiversità, itejbu l-ġestjoni tal-ilma, itejbu s-sikurezza tal-ikel, jipprevjenu d-deżertifikazzjoni, jipproteġu l-foresti u jappoġġaw is-saħħa pubblika; |
Dispożizzjonijiet ġenerali
|
1. |
Filwaqt li jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima, apparti l-effetti katastrofiċi tiegħu l-oħra, jaggrava d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, jisħaq li l-prevenzjoni ta’ tibdil fil-klima perikoluż għandu jkun l-ogħla prijorità tal-UE kemm għall-politika interna kif ukoll għall-politika esterna; |
|
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkorporaw u jintegraw il-ġeneru f’kull pass tal-politiki dwar il-klima, mit-tfassil għall-finanzjament, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni dwar il-klima ma żżidx l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri iżda twassal għal kobenefiċċji għas-sitwazzjoni tan-nisa; |
|
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu – fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet – objettivi għall-ugwaljanza u l-ġustizzja bejn is-sessi fil-politiki, il-pjanijiet ta' azzjoni u f'miżuri oħra relatati mal-iżvilupp sostenibbli, ir-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima, billi jwettqu analiżi sistematika tas-sessi, jistabbilixxu indikaturi u punti ta' referenza li jkunu sensittivi għall-ġeneru u jiżviluppaw għodod prattiċi; jenfasizza li l-proċess tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għandu jikkunsidra l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istadji kollha tiegħu, mir-riċerka u l-analiżi għat-tfassil u l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrateġiji ta' taffija u adattament; |
|
4. |
Ifakkar li, fir-4 Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu tal-2007, il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ikkonferma li l-impatt tat-tibdil fil-klima jvarja skont il-ġeneru, l-età u l-klassi soċjali, fejn il-foqra huma dawk li x'aktarx ibatu l-aktar; huwa tal-fehma li l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u objettiv fundamentali fil-ġlieda kontra l-faqar; jirrikjedi li fit-tfassil tal-politiki dwar l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima, jiġi applikat approċċ ġenerali bbażat fuq il-ġeneru; jitlob li jittieħdu passi biex jiżguraw li l-UNFCCC taġixxi skont l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem u skont il-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali dwar l-ugwaljanza u l-ekwità bejn is-sessi, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW); |
|
5. |
Jenfasizza l-fatt li t-tibdil fil-klima u l-impatti negattivi tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala kwistjoni ta' żvilupp b'implikazzjonijiet għall-ġeneru li hija relevanti għas-setturi kollha (soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi) mil-livell lokali għal dak globali, u li jeħtieġ li jkun hemm sforzi miftiehma mill-partijiet interessati kollha biex jiġi żgurat li t-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' tnaqqis tar-riskju tad-diżastri jirrispondu għall-ġeneru, ikunu sensittivi għall-popli indiġeni u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; |
|
6. |
Jilqa’ s-sensibilizzazzjoni dejjem tikber tal-aspett tal-ġeneru tat-tibdil fil-klima fit-taħditiet ta’ livell għoli dwar il-klima, u fl-interventi mill-atturi ta’ livell għoli; jenfasizza madankollu l-ħtieġa li jara passi konkreti għall-inklużjoni ta’ iżjed nisa fid-diplomazija tal-UE għall-klima, fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u b’mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima permezz ta’ miżuri bħall-introduzzjoni ta’ kwoti 40 %+ fid-delegazzjonijiet; |
|
7. |
Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu għall-konferenza dwar it-tibdil fil-klima ġewwa Durban (COP 17) u jħeġġiġhom jaġixxu fuq l-impenn tiegħu biex jistinkaw għar-rappreżentanza tan-nisa ta' mill-anqas 40 % fil-korpi rilevanti kollha għall-finanzjament fir-rigward tal-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat dan il-prinċipju għat-trasferiment tat-teknoloġija kif ukoll għall-korpi tal-adattament; |
|
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data speċifika skont il-pajjiż u separata skont il-ġeneru fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima, programmi u proġetti, sabiex jiġu vvalutati u indirizzati b'mod effikaċi l-effetti differenti tat-tibdil fil-klima dwar kull ġeneru u biex tinħoloq gwida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tiddefinixxi l-politiki li jistgħu jipproteġu lin-nisa u tagħtihom is-setgħa jiffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima; |
|
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-istatistiki sensittivi għall-ġeneru fl-oqsma kollha tal-politika marbuta mal-ambjent sabiex itejbu l-kejl tas-sitwazzjoni ġenerali tan-nisa u l-irġiel fir-rigward tat-tibdil fil-klima; |
|
10. |
Ifakkar li l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-politika għall-affarijiet barranin tal-UE għandha tkompli tikkontribwixxi sabiex in-nisa jkollhom rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-formazzjoni tal-politika, il-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-monitoraġġ tar-riżorsi naturali u tal-ambjent u fl-isforzi kontra t-tibdil fil-klima; |
|
11. |
Jitlob indikatur 'li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent' (bħala alternattiva għall-PGN) għall-monitoraġġ ta’ kif it-tkabbir, il-konsum u t-tendenzi fl-istil tal-ħajja jinfluwenzaw it-tibdil fil-klima; |
|
12. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw sa liema punt il-politiki relatati mal-klima jqisu l-ħtiġijiet tan-nisa, u jħeġġiġhom japplikaw perspettiva bbażata fuq il-ġeneru meta jifformulaw il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli li tkun sensittiva għall-ġeneru; |
Adattament
|
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu għodod faċli għall-valutazzjoni tal-impatt skont il-ġeneru tal-proġetti matul iċ-ċikli tal-ħajja tal-proġett, bħal pereżempju għodod użati għall-proġetti tal-iżvilupp; |
|
14. |
Jitlob soluzzjonijiet u proġetti lokali inklużivi, inkluż l-għarfien inkorporat tal-vulnerabilitajiet u l-kapaċitajiet eżistenti biex ikampaw, bħall-esperjenzi tradizzjonali u l-għarfien tal-popli indiġeni, u partikolarment in-nisa; |
|
15. |
Jindika li n-nisa globalment huma attivi ħafna fil-livell tas-soċjetà ċivili, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tappoġġa n-networking tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-atturi tas-soċjetà ċivili; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi programmi li permezz tagħhom it-trasferiment tat-teknoloġiji u l-kompetenzi moderni jkunu jistgħu jgħinu komunitajiet u reġjuni li qed jiżviluppaw biex jadattaw għat-tibdil fil-klima; |
|
17. |
Jindika li n-nisa għandhom rwol kruċjali fl-estrazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li dawn spiss huma dawk li jiġbru, jużaw u jqassmu l-ilma, mhux biss fid-dar iżda wkoll fil-biedja; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp ta' programmi aċċessibbli għat-tħaffir ta' bjar permezz ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u sistemi sempliċi u faċli li jinżammu għat-trattament tal-ilma; |
|
18. |
Jitlob li jiġu integrati l-bini ta’ kapaċitajiet u t-taħriġ li jqisu l-ġeneru fis-soluzzjonijiet ta' adattament, li jridu jkunu kompatibbli mal-ħtiġijiet speċjali tan-nisa u jikkunsidraw l-ostakoli speċifiċi, iżda anke l-kapaċitajiet u l-esperjenzi tan-nisa; |
|
19. |
Jenfasizza l-importanza li wieħed iserraħ fuq l-għarfien tan-nisa u t-tħeġġiġ ta' soluzzjonijet lokali li għandhom influwenza konkreta fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni, bħall-proġett ‘Girls in Risk Reduction Leadership’ fin-Nofsinhar tal-Afrika, jew diversi proġetti sabiex jgħinu lill-gruppi tan-nisa jinstallaw faċilitajiet għall-ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet sanitarji fil-kwartieri foqra Indjani; |
|
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-kwistjoni dwar il-ġeneru fi strateġiji għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati mad-diżastri naturali, u jippromwovu s-setgħa u l-għarfien tan-nisa permezz tal-bini tal-kapaċità qabel, waqt u wara diżastri relatati mal-klima, flimkien mal-involviment attiv tagħhom fl-antiċipazzjoni tad-diżastri, is-sistemi ta' twissija bikrija u l-prevenzjoni tar-riskji bħala parti mir-rwol tagħhom fil-bini tar-reżistenza; |
|
21. |
Jinnota li f'ħafna komunitajiet madwar id-dinja, ir-responsabilitajiet tan-nisa fil-familja jagħmluhom aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, li jiġi aggravat mill-impatt tat-tibdil fil-klima; jindika li dawn qed jiġu affettwati fir-rwoli multipli tagħhom bħala dawk li jipproduċu u jipprovdu l-ikel, jagħtu l-kura u bħala atturi ekonomiċi; |
|
22. |
Jitlob li jiżdiedu t-trasparenza u l-inklużjoni tal-mekkaniżmi eżistenti u l-proċessi ta' ppjanar, bħall-Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament u Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali futuri, u sabiex dawn il-prinċipji jiġu promossi fit-trattati futuri li jikkonċernaw il-klima, il-mekkaniżmi u l-isforzi ta’ kooperazzjoni bilaterali; |
|
23. |
Jenfasizza li hemm provi qawwija li l-impatt fuq is-saħħa ta' kundizzjonijiet li huma sensittivi għall-klima, bħan-nutrizzjoni ħażina u l-inċidenza ta' mard infettiv bħall-malarja, ivarja skont is-sess; jinnota bi tħassib ir-rata għolja ta' mwiet fost in-nisa f'sitwazzjonijiet ta' diżastri; huwa tal-fehma li riċerka dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tan-nisa li tkun aktar speċifika għall-ġeneru tista' tgħin biex jinkiseb rispons aktar speċifiku; jitlob lill-gvernijiet kollha jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw prevenzjoni, trattament u aċċess għall-mediċini aħjar – speċjalment għan-nisa, billi dawn huma grupp vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kompetenza tagħhom ta' fornituri tal-kura –, biex jieħdu l-impenn għal sensiela ta' azzjonijiet immirati li jindirizzaw ir-riskji għas-saħħa assoċjati mat-tibdil fil-klima, u biex jipprovdu qafas għall-valutazzjonijiet tar-riskji tas-saħħa speċifiċi għall-ġeneru u miżuri ta' adattament/taffija b'rabta mat-tibdil fil-klima; |
|
24. |
Jenfasizza li 70 % tal-persuni l-aktar foqra fid-dinja huma nisa, li jwettqu żewġ terzi tax-xogħol kollu, iżda għandhom anqas minn 1 % tal-beni kollha; jinnota li dawn jiġu mċaħħda minn aċċess għal u kontroll ugwali tar-riżorsi, it-teknoloġiji, is-servizzi, is-sjieda tal-art, is-sistemi ta' kreditu u ta' assigurazzjoni u s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet u għalhekk huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u milquta minnu b'mod sproporzjonat u għandhom anqas opportunitajiet biex jadattaw; jenfasizza li 85 % tan-nies li jmutu minħabba diżastri naturali kkawżati mill-klima huma nisa, li 75 % tar-rifuġjati ambjentali huma nisa, u li n-nisa għandhom probabbiltà akbar li jkunu l-vittmi inviżibbli ta' gwerer għar-riżorsi u ta' vjolenza li tirriżulta mit-tibdil fil-klima; |
|
25. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw il-prinċipju tal-‘ġustizzja tal-klima’; jinsisti li l-akbar inġustizzja fil-falliment tagħna li nittrattaw b'mod effikaċi t-tibdil fil-klima tkun l-effetti negattivi fuq il-pajjiżi l-foqra u fuq il-popolazzjonijiet, u b'mod partikolari fuq in-nisa; |
It-taffija
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ġejjin iniedu studju li jiffoka speċifikament fuq id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki ta' taffija; |
|
27. |
Jenfasizza li jinħtieġu politiki mmirati biex jiġu evitati s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni tas-sessi fl-ekonomija ekoloġika, fejn l-impjiegi ġodda fit-teknoloġija u x-xjenza huma kważi diġà esklussivament iddominati mill-irġiel; jenfasizza f’dan ir-rigward, l-importanza tal-intraprenditorija f’termini tal-ftuħ tal-ekonomija ekoloġika kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; |
|
28. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lin-nisa jsegwu korsijiet ta’ taħriġ u karrieri tekniċi u xjentifiċi fl-oqsma tat-teknoloġija ambjentali u tal-enerġija, peress li l-ħtieġa ta’ għarfien espert f’dan il-qasam se jiggarantixxi lin-nisa impjiegi sikuri b'futur stabbili u jiżgura kuxjenza akbar tal-ħtiġijiet tan-nisa fid-definizzjoni ta' politiki għat-tibdil fil-klima; |
|
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riforma tal-mekkaniżmi u l-fondi eżistenti sabiex tagħmilhom aktar trasparenti, komprensivi u li jirriflettu l-kontribuzzjonijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-komunitajiet lokali u partikolarment in-nisa u sabiex tippromwovi dawn il-prinċipji fit-trattati, il-mekkaniżmi u l-isforzi ta' kooperazzjoni bilaterali futuri li jikkonċernaw il-klima, bil-għan li joħolqu metodi aħjar għall-għoti tas-setgħa ekonomika tan-nisa; |
|
30. |
Jirrikonoxxi li t-tkabbir fil-popolazzjoni għandu impatt fuq il-klima u jenfasizza l-ħtieġa għal reazzjoni adegwata f'każijiet fejn il-ħtieġa għal kontraċezzjoni għan-nisa u għall-irġiel fis-soċjetajiet kollha jibqgħu mhux sodisfatti; |
|
31. |
Ifakkar li sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għan-nisa u għal popolazzjonijiet vulnerabbli oħra huwa meħtieġ u assolutament kritiku li jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż u li ż-żieda fit-temperaturi medji tkun limitata għal 2 °C, jew għal 1,5 °C jekk huwa possibbli, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali; |
|
32. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sett ta’ għodda li jħeġġeġ it-teħid ta’ deċiżjonijiet komprensiv, kif sar fis-setturi tat-trasport u l-enerġija f’Malmö (l-Isvezja) u ż-żona ta' Vollsmose (id-Danimarka) (10); |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw indikaturi biex jevalwaw l-impatt tal-proġetti u l-programmi fuq il-ġeneri u biex jiġi promoss l-ibbaġitjar għall-ġeneri fil-politiki li jikkonċernaw il-klima, kemm jekk dawn il-politiki jsiru fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew lokali; |
|
34. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod u gwida għall-analiżi tal-ġeneri tal-politiki u l-programmi ta’ taffija, u programmi u attivitajiet ta' riċerka relatati; |
|
35. |
Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom in-nisa fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' taffija fil-ħajja ta' kuljum, pereżempju permezz ta' prattiki għall-iffrankar tal-enerġija u tal-ilma, miżuri ta' riċiklaġġ u l-użu ta' prodotti ekoloġiċi u organiċi, billi dawn jitqiesu bħala l-mexxejja primarji ta' dawn ir-riżorsi fid-dar; jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji sabiex titqajjem kuxjenza mill-għeruq, li jiffukaw fuq l-għażliet ta' konsum ta' kuljum relatati mal-attivitajiet domestiċi u tal-kura tat-tfal; |
|
36. |
Jirrikonoxxi għalhekk, il-kontribut sinifikanti li n-nisa jistgħu jagħtu għall-innovazzjoni b'suċċess permezz tal-kapaċità tagħhom li jedukaw, kemm fin-negozju kif ukoll fil-ġestjoni domestika; |
|
37. |
Jenfasizza f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli bħala mezz kif jiġu ttrattati l-isfidi serji tat-tibdil fil-klima; |
|
38. |
Jindika li t-tibdil fil-klima b’mod inevitabbli se jwassal għal migrazzjonijiet mir-reġjuni milquta mid-diżastri bħal nixfiet jew għargħar u li l-UE għandha żżomm f’moħħha l-ħtieġa li jiġu protetti n-nisa fil-kampijiet stabbiliti għall-persuni spostati f’pajjiżhom u r-rifuġjati; |
|
39. |
Jinnota li l-impatt tat-tibdil ambjentali fuq il-migrazzjoni u l-ispostament se jiżdied fil-futur u li, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), 80 % tar-rifuġjati fid-dinja huma nisa u tfal; itenni l-importanza tal-identifikazzjoni ta' strateġiji sensittivi għall-ġeneru biex jindirizzaw il-kriżijiet ambjentali u umanitarji kkawżati mit-tibdil fil-klima; jikkunsidra għalhekk, li jeħtieġ li ssir riċerka urġenti dwar kif tiġi ġestita l-migrazzjoni ambjentali b'mod sensittiv għall-ġeneru – din tinkludi l-għarfien tar-rwoli u tar-responsabilitajiet tas-sessi fil-qasam tar-riżorsi naturali u r-rispons għalihom, u tista' tinkludi li tkun żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi skarsi għall-komunitajiet fil-bżonn u li jkun ipprovdut l-ilma għar-rifuġjati; |
Il-finanzjament
|
40. |
Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jirrispettaw il-prinċipju stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP 17), sabiex jiġi żgurat li l-bilanċ tal-ġeneri fil-korpi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima jkun iggarantit, anke fil-Bord tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima u f'sottokumitati eventwali għal perjodi individwali ta' finanzjament; |
|
41. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi u strateġiji ta' taffija u adattament għat-tibdil fil-klima li jużaw l-analiżi tal-ġeneru biex itejbu l-benesseri tan-nisa u l-bniet u jqisu l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-aċċess għall-kreditu, l-informazzjoni, it-teknoloġija, l-art, ir-riżorsi naturali, l-enerġija sostenibbli u l-informazzjoni u s-servizzi dwar is-saħħa riproduttiva; jitlob sabiex tali programmi u strateġiji jinkludu soluzzjonijiet ta' finanzjarji innovattivi bħal skemi ta' mikrokreditu, b'mod partikolari f'każijiet ta' emerġenza bħal dawk tar-rifuġjati minħabba l-klima; |
|
42. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' finanzjament li jirriflettu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iżvilupp ta' kriterji għall-finanzjament u fl-allokazzjoni tar-riżorsi għal inizjattivi tat-tibdil fil-klima, partikolarment fuq il-livell lokali u fl-attivitajiet tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima; |
|
43. |
Jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata bħala kwistjoni trażversali fil-fondi u l-istrumenti kollha għall-klima; jenfasizza li din l-integrazzjoni tirrikjedi għarfien espert dwar il-ġeneru u għandha tiġi estiża għall-missjoni, il-governanza u l-modalitajiet operazzjonali ta’ tali mekkaniżmi finanzjarji, u li l-modalitajiet operattivi u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għandhom jiżguraw li n-nisa u l-komunitajiet lokali jibbenefikaw minn finanzjament xieraq; |
|
44. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tal-UE jappoġġaw finanzjament ogħla, ġdid u addizzjonali partikolarment għall-azzjonijiet ta' adattament li minnhom jibbenefikaw in-nisa b’mod dirett, li ta’ spiss huma vulnerabbli b’mod sproporzjonat għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jitlob li l-forniment ta' tali finanzjament għall-adattament ikun esklussivament f'forma ta' għotjiet; |
|
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta’ skambji ta’ teknoloġija u għarfien li jinvolvu l-parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa, bil-ħsieb li jikkontribwixxu fl-istess ħin kemm lejn l-opportunitajiet indaqs u u kemm lejn it-taffija tat-tibdil fil-klima; |
|
46. |
Jindika bi tħassib l-impatt negattiv li t-tibdil fil-klima jista’ jkollu fuq is-suċċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU, b’mod partikolari dawk konnessi mal-kundizzjoni u l-protezzjoni tan-nisa; |
*
* *
|
47. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri. |
(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0515.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0504.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0430.
(4) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.
(5) ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 57.
(6) FAO, The State of Food and Agriculture 2010-11:Women in Agriculture – Closing the gender gap for development, http://www.fao.org/docrep/013/i2050e/i2050e.pdf.
(7) Forum Ekonomiku Dinji, ‘Women’s Empowerment: Measuring the Global Gender Gap’, 2005, https://members.weforum.org/pdf/Global_Competitiveness_Reports/Reports/gender_gap.pdf.
(8) NU, Ecosoc, ‘Women at a glance’, http://www.un.org/ecosocdev/geninfo/women/women96.htm.
(9) UNICEF, Progress for Children, 2005, http://www.unicef.org/progressforchildren/2005n2/PFC05n2en.pdf.
(10) Gender mainstreaming in the public transportation policy in Malmö: http://www.nikk.no/A+gender+equal+and+sustainable+public+transport+system.b7C_wljSYQ.ips; and the project to train ethnic minority women to be environmental ambassadors in Vollsmose: http://www.nikk.no/Women+are+everyday+climate+experts.b7C_wljQ1e.ips.