7.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 258/75


Il-Ġimgħa 20 ta’ April 2012
Is-sitwazzjoni fil-Mali

P7_TA(2012)0141

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni f’Mali (2012/2603(RSP))

2013/C 258 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, adottata f’Marzu tal-2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar Mali tat-22 ta’ Marzu (1), is-26 ta’ Marzu (2), l-4 ta’ April (3) u d-9 ta’ April (4) 2012,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta’ Marzu, is-26 ta’ Marzu u s-7 ta’April 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Mali,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas iffirmat fis-6 ta’ April 2012 bejn il-ġunta militari u l-ECOWAS,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 u t-23 ta' Marzu 2012 dwar ir-reġjun tas-Saħel,

wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta’ Alġeri tal-2006 dwar l-iżvilupp u l-paċi fit-Tramuntana ta’ Mali,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret fit-12 ta' April 2012 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillary (5),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-dipartiment tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni ta’ kriżi umanitarja f’Mali,

wara li kkunsidra t-talba minn aġenziji varji tan-NU – il-UNICEF, il-UNHCR u d-WHO – tal-10 ta’ April 2012 għal finanzjament addizzjonali għall-miljuni ta’ nies affettwati bin-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel fir-reġjun tas-Saħel,

wara li kkunsudra l-appell tal-UNICEF għal USD 26 miljun għal Mali sabiex il-pajjiż ikun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet tas-saħħa u dawk nutrittivi tat-tfal sal-aħħar tas-sena,

wara li kkunsidra t-talba tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tat-23 ta’ Frar 2012 għal USD 35,6 miljun sabiex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja li qed tikber f’Mali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afrika tal-Punent,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi matul il-lejl ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu 2012, il-President ta’ Mali, Amadou Toumani Touré, twaqqa’ f’kolp ta’ stat li ġab fi tmiemu proċess demokratiku twil li kien beda iktar minn għoxrin sena qabel;

B.

billi fil-jiem ta' wara l-kolp ta’ stat, pressjoni internazzjonali u sforzi ta' medjazzjoni, speċjalment min-naħa tal-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (ECOWAS), wasslu għall-konklużjoni ta' ftehim qafas fis-6 ta' April 2012 bejn il-Comité nazzjonali pour le redressement et la démocratie (CNRDE) u l-ECOWAS, li ppermetta l-ħatra ta’ Dioncounda Traore bħala president interim, li ġie nkarigat jorganizza elezzjonijiet nazzjonali fi żmien 40 jum;

C.

billi, bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-1992, il-President tal-Assemblea Nazzjonali nħatar President Interim;

D.

wara li kkunsidra l-mewġa ta' arresti fis-16 u s-17 ta' April 2012, mingħajr ebda proċedura ġudizzjarja, ta' mexxejja politiċi, fosthom żewġ kandidati fl-elezzjonijiet presidenzjali, u ta' uffiċjali militari anzjani li qed jinżammu priġunieri fil-kamp militari ta’ dawk responsabbli għall-kolp ta’ stat;

E.

billi l-pajjiż qiegħed jaffaċċa wkoll ġlied vjolenti mill-ġdid fit-Tramuntana tal-pajjiż bejn il-forzi tal-Gvern u r-ribelli tat-Tuareg, li minn Jannar spostja aktar minn 200 000 persuna; billi n-numru stmat ta’ persuni spustati internament jaqbeż il-100 000, u billi madwar 136 000 refuġjat ħarbu lejn pajjiżi ġirien (l-Alġerija, il-Mawritanja, in-Niġer u l-Burkina Faso), fejn in-nixfa qawwija diġà kkawżat nuqqas sinifikanti ta’ ikel fis-snin reċenti;

F.

billi r-ribelli tat-Tuareg, li jappartjenu prinċipalment għall-Moviment Nazzjonali għal-Liberazzjoni ta’ Ażawad (MNLA), ħakmu t-Tramuntana ta’ Mali wara l-kolp ta’ stat militari, keċċew il-forzi tal-Gvern minn tliet reġjuni fit-Tramuntana ta' Mali (Kidal, Gao u Timbuktu) u pproklamaw unilateralment l-indipendenza tal-istat il-ġdid ta’ ‘Ażawad’ fis-6 ta’ April 2012;

G.

billi grupp Iżlamiku bl-isem ta’ Ansar Dine, li għandu rabtiet mill-qrib mal-Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (ACMI), iddikjara li għandu kontroll fuq Timbuktu u qed jipprova jimponi l-liġi tax-Xarija f’Mali;

H.

billi l-proliferazzjoni tal-armi li qed jemanaw mil-Libja, it-traffikar tad-drogi u l-livell għoli ta' qgħad u faqar qed jikkontribwixxu għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun b’mod ġenerali;

I.

billi jeżistu rabtiet iddikjarati fil-miftuħ bejn gruppi terroristiċ fir-reġjun tas-Saħara u s-Saħel u traffikanti ta’ drogi, armi, sigaretti u bnedmin, li jinvolvu b’mod partikolari l-qbid ta’ ostaġġi għal riskatt;

J.

billi jeżistu wkoll movimenti estremisti oħrajn fit-Tramuntana ta’ Mali, bħalma huma l-AQMI (l-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku), il-Moviment għall-Unità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO) u l-Boko Ħaram, ibbażati fin-Niġerja;

K.

billi kien hemm bosta rvellijiet tat-Tuareg f’Mali, fl-1963, fl-1990 u fl-2006, b’tentattiv biex jiġi żgurat titjib fil-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom, u billi ċerti wegħdiet li saru lit-Taureg ma seħħewx, b’mod partikolari fi żmien il-“Patt Nazzjonali” tal-1992, u dan kollu kompla jgħin biex jinħoloq sens ta' frustrazzjoni;

L.

billi d-daqs enormi u l-popolazzjoni sparsa tat-territorju ta’ Mali u l-fruntieri twal u mhux definiti b’mod ċar jinneċessitaw koordinazzjoni reġjonali tajba ta’ informazzjoni u azzjoni;

M.

billi l-UE għandha interess vitali fis-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp tar-reġjun kollu tas-Saħel, b’mod partikolari fi żmien ta’ nuqqas gravi ta’ ikel li qed jaffettwa miljuni ta’ nies hemmhekk; billi l-vjolenza reċenti se tkompli taggrava l-emerġenza tal-ikel kemm fit-Tramuntana ta’ Mali kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, fejn ir-refuġjati qed jidħlu f’żoni li jsofru minn nuqqas qawwi ta’ sigurtà tal-ikel; billi hemm Strateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel; billi s-Saħel qed jaffaċċa l-agħar kriżi umanitarja f’dawn l-aħħar 20 sena;

N.

billi jeħtieġ li t-terroriżmu fis-Saħel jiġi missielet parzjalment permezz ta’ politika attiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali, l-istat tad-dritt u l-integrazzjoni; billi huwa neċessarju li jiġu offruti prospetti ekonomiċi għall-gruppi tal-popolazzjoni lokali li jipprovdu alternattiva għall-ekonomija kriminali;

O.

billi fis-16 ta' April 2012, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitti Armati, Radhika Coomaraswamy, esprimiet it-tħassib profond tagħha fir-rigward ta’ rapporti dwar ir-reklutaġġ ta' suldati tfal;

P.

billi qed ikun hemm rapporti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni ta' Mali speċjalment fiż-żoni tat-Tramuntana tal-pajjiżi maħkuma mir-ribelli;

Q.

billi bosta ċittadini ta’ Mali sabu ruħhom maqbuda fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż u għandhom aċċess limitat għall-ikel u għal neċessitajiet bażiċi oħrajn, filwaqt li l-operazzjonijiet ta’ għajnuna għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom sospiżi minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u minħabba l-fatt li f'ħafna każijiet l-aġenziji ta’ għajnuna nsterqulhom it-tagħmir, il-vetturi u l-provvisti tagħhom;

R.

billi l-persuni spustati qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar talment estrem li l-bżonnijiet tal-bniedem mhux qed jiġu ssodisfati filwaqt li t-tensjonijiet soċjali qed jiżdiedu; billi aktar minn 50 % ta’ dawk spustati huma nisa miċħuda minn kwalunkwe forma ta' protezzjoni, u jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli;

S.

billi, minħabba s-serq tal-faċilitajiet u l-ħażniet tagħhom, bosta organizzazzjonijiet umanitarji telqu mir-reġjun tat-Tramuntana;

T.

billi l-UE rrilaxxat EUR 9 miljun addizzjonali f’għajnuna finanzjarja għall-1,4 miljun ċittadin ta’ Mali stmati fi bżonn ta' għajnuna alimentari;

U.

billi din is-sena bejn 175 000 u 220 000 tifel u tifla se jsofru minn malnutrizzjoni gravi u billi l-aċċess għat-Tramuntana ta' Mali u għal żoni fejn ir-refuġjati qed jgħixu lil hinn mill-fruntieri qed isir dejjem iktar problematiku;

1.

Jikkundanna l-kolp ta' stat militari f'Mali u s-sospensjoni tal-istituzzjonijiet tar-repubblika tal-pajjiżi;

2.

Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim qafas li jipprovdi għal serje ta' passi mmirati lejn ir-restawr tal-ordni kostituzzjonali; iħeġġeġ il-partijiet kollha kkonċernati ta' Mali jimplimentaw immedjatament dan il-ftehim;

3.

Ifaħħar l-azzjonijiet meħuda mill-ECOWAS, l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi ġirien bl-għan li jiffaċilitaw ir-ritorn rapidu ta’ Mali għall-ordni kostituzzjonali u t-tnedija ta’ miżuri konkreti mfassla biex jipproteġu s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta’ Mali; jieħu nota tal-eżitu tal-konferenza li saret f'Ouagadougou bejn l-14 u l-15 ta' April 2012 taħt l-awspiċi tal-President Burkinjan Blaise Compaoré, il-medjatur maħtur mill-ECOWAS, u jittama li l-kalendarju u l-arranġamenti dettaljati tat-tranżizzjoni se jkomplu jiġu ċċarati bil-ħeffa;

4.

Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżammu u jiġu rrispettati s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta' Mali; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Mali u lill-Moviment tat-Tuareg għal-Liberazzjoni jilħqu soluzzjoni paċifika u fit-tul permezz ta’ djalogu kostruttiv;

5.

Jistieden lill-partijiet kollha jżommu lura bl-għan li terġa' tiġi rrestawrata l-awtorità tar-rappreżentanti eletti, u jikkooperaw biex tiġi żgurata l-organizzazzjoni bikrija ta' elezzjonijiet taħt superviżjoni internazzjonali, flimkein ma’ treġġieh lura fil-pront għad-demokrazija;

6.

Huwa tal-fehma li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fit-Tramuntana u li għandha tinstab soluzzjoni permezz tan-negożjati;

7.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw b’mod attiv il-passi li jmiss fil-proċess ta’ tranżizzjoni anke billi jibagħtu missjoni ta’ osservazzjoni elettorali għall-monitoraġġ tal-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tħaffef l-implimentazzjoni tal-komponenti varji tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel;

8.

Jitlob ir-rilaxx immedjat tal-persuni li qed jinzammu b'mod arbitrarju mill-persunal militari responsabbli għall-kolp ta’ stat;

9.

Jitlob ir-rilaxx immedjat ta’ dawk kollha maħtufa u l-waqfien immedjat ta’ kull vjolenza, u jġedded it-talba tiegħu lill-partijiet kollha f'Mali sabiex isibu soluzzjoni paċifika permezz ta' djalogu politiku adegwat;

10.

Jesprimi tħassib profond rigward it-theddida terroristika ikbar fit-Tramuntana ta' Mali minħabba l-preżenza ta' membri tal-Al Qaeda fil-Maghreb Iżlamiku u ta’ elementi estremisti fost ir-ribelli; jikkundanna, f'dan ir-rigward, kull forma ta' vjolenza u serq, inkluż kontra ħaddiema umanitarji, u l-ħtif f’Gao ta' persunal diplomatiku Alġerjan;

11.

Jikkundanna l-atti ta’ vjolenza mwettqa minn gruppi armati;

12.

Jikkundanna b’mod partikolari l-attroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili, li kienu diretti l-iktar kontra n-nisa milli kontra vittmi oħrajn, u jikkundanna b’mod partikolari l-użu tal-ħtif u l-istupru bħala armi tal-gwerra; jitlob inkjesta fl-attroċitajiet imwettqa f’Mali matul dawn ix-xhur reċenti;

13.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu attenzjoni partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet fir-reġjun tas-Saħel, u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom minn kwalunkwe tip ta' vjolenza u mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

14.

Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Mali jiġġieldu b’mod vigoruż kwalunkwe traffikar b’xeħta Mafjuża;

15.

Jikkundanna s-serq u s-sakkeġġ tal-wirt kulturali;

16.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-koordinazzjoni reġjonali fl-iżforzi li jagħmlu;

17.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istati fir-reġjun u biex jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex jipproteġu n-nies u jippromwovu s-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun b’kooperazzjoni mal-Istati fir-reġjun u l-organizzazzjonijiet interstatali ECOWAS u WAEMU;

18.

Jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibilità ta’ missjoni Ewropea fil-qasam tal-PESD b’mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiġi pprovdut appoġġ loġistiku lill-Armata ta’ Mali jekk il-Gvern ta’ Mali jitlob dan u għall-possibilità ta’ forza tal-ECOWAS jew forza konġunta ECOWAS/Unjoni Afrikana/Nazzjonijiet Uniti biex jiġu protetti ż-żoni ta’ Mali li mhumiex okkupati minn gruppi armati illegali;

19.

Jispera li l-missjoni tal-ESDP se tgħin biex il-pajjiżi fis-sottoreġjun jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom b’mod iktar effettiv u b’mod partikolari biex jiġġieldu t-traffikar ta’ armi, drogi u bnedmin;

20.

Jikkundanna wkoll il-ħtif bejn l-24 u l-25 ta’ Novembru 2011 ta’ żewġ ċittadini Franċiżi, Svizzeru, Olandiż u Sud-Afrikan b’passaport Brittaniku, flimkien mal-qtil ta’ ċittadin Ġermaniz li rreżista lil dawk li ppruvaw jaħtfuħ; jinnota li dan iġib it-total ta' ostaġġi mill-UE fiż-żona tas-Saħel għal 12, bl-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku li għada żżomm żewġ ċittadini Spanjoli u ċittadin Taljan maħtufa fil-Punent tal-Alġerija f’Ottubru 2011 u erba’ ċittadini Franċiżi maħtufa fin-Niġer f’Settembru 2010; u, fil-15 ta’ April 2012, missjonarju Nisrani Svizzeru maħtuf f’Timbuktu;

21.

Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi umanitarja u alimentai li qed tiddeterjora b'rata mgħaġġla u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri iżidu u jħaffu l-kunsinna ta' provvisti umanitarji lill-popolazzjonijiet fil-bżonn; jinnota li l-Kummissjoni qiegħda tagħti fondi addizzjonali ta’ EUR 9 miljun b’reazzjoni għall-ħtiġijiet umanitarji ġodda fit-Tramuntana ta' Mali; jinnota li jinħtieġu sforzi urġenti sabiex jinfetaħ l-ispazju umanitarju u biex il-provvista ta’ ikel u mediċina tkun tista' tilħaq it-Tramuntana ta' Mali; jinsab imħasseb li, sakemm ma jitteħdux tali miżuri rapidi, tista' tiżviluppa kriżi umanitarja kbira li jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq il-pajjiżi ġirien;

22.

Jitlob il-ftuħ ta’ kuritur umanitarju bħala għajnuna għal għexieren ta’ eluf ta’ persuni spustati minħabba l-ġlied f’Mali, li ħafna minnhom fittxew refuġju f’pajjiżi ġirien bħan-Niġer, il-Mawritanja u l-Burkina Faso; jitlob ukoll reazzjoni komprensiva u rapida għall-kriżi umanitarja tas-Saħel b’mod ġenerali;

23.

Jinnota li l-kriżi attwali f’Mali toriġina mill-problemi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż u li jeħtieġ li jiġu ssodisfati b’urġenza l-ħtiġijiet tal-persuni fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, is-saħħa, id-djar u s-servizzi soċjali, f'liema rigward kulħadd irid jiġi trattat b'mod ugwali, filwaqt li jiġu garantiti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi;

24.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea żżid l-azzjoni tagħha biex tassisti lill-persuni tar-reġjun billi tgħin sabiex jingħataw aċċess aħjar għall-ilma, għall-edukazzjoni pubblika u għas-servizzi tas-saħħa, kif ukoll infrastruttura aħjar sabiex jitjieb l-aċċess għar-reġjun;

25.

Jitlob valutazzjoni dettaljata tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun;

26.

Huwa konvint li soluzzjoni dejjiema fir-reġjun għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet statali, tippromwovi l-parteċipazzjoni pubblika attiva fit-teħid ta' deċiżjonijiet u twitti t-triq għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u ekwu;

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-ECOWAS u l-Unjoni Afrikana, lill-President Interim ta’ Mali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  SC/10590.

(2)  SC/10592.

(3)  SC/10600.

(4)  SC/10603.

(5)  http://www.unhcr.org/refworld/docid/4e9bd7382.html