31.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 251/97


Il-Ħamis 15 ta’ Marzu 2012
Is-sitwazzjoni fin-Niġerja

P7_TA(2012)0090

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP))

2013/C 251 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Ashton tas-26 ta' Diċembru 2011 dwar l-attakki bil-bombi f'Jum il-Milied, u tat-22 ta' Jannar 2012 dwar l-attakki bil-bombi f'Kano, in-Niġerja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Diċembru 2011 dwar l-attakki fin-Niġerja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

wara li kkunsidra l-Laqgħa Ministerjali Niġerja-UE tat-8 ta' Frar 2012 b'Abuja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem E/CN.4/RES/2005/69 li titlob lis-“Segretarju Ġenerali jaħtar rappreżentant speċjali dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra ta’ kummerċ”,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-UNEP biex tiġi stabbilita Awtorità għar-Restawr tal-Ambjent f'Ogoniland,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi jinsab ixxukkjat bl-aħħar mewġa ta' attakki permezz ta’ armi tan-nar u bombi mis-setta Iżlamista Boko Haram, li qatlet tal-anqas 185 persuna f'Kano fl-20 ta' Jannar 2012, u li fil-biċċa l-kbira kienu indirizzati kontra l-pulizija; billi Boko Haram wissiet lir-residenti ta' Kano, f'fuljett imqassam madwar il-belt matul il-lejl, li l-attakki tagħhom kontra s-servizzi ta' sigurtà se jitkomplu u ħeġġet il-perseveranza waqt li l-grupp jiġġieled sabiex tiġi stabbilita "Sistema Iżlamika";

B.

billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw l-involviment tal-grupp Iżlamist Boko Haram f'attakki fuq għases tal-pulizija, faċilitajiet militari, knejjes u banek, kif ukoll f'attakk suwiċida bil-bombi fis-sede tan-NU, li ħalla 24 persuna mejta u iktar minn 100 persuna oħra midruba;

C.

billi, b'reazzjoni għall-vjolenza tal-Boko Haram, il-pulizija u l-militar Niġerjani wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' numru sostanzjali ta' membri suspettati tal-grupp;

D.

billi Boko Haram kellha fil-mira l-Kristjani, b'mod partikolari f'Jum il-Milied, meta nqatlu għexieren ta' persuni f'għadd ta' attakki bil-bombi, li l-agħar fosthom qatel 44 ruħ barra knisja Katolika ħdejn il-belt kapitali ta' Abuja; u billi Boko Haram ħalfet li se tibda gwerra reliġjuża fuq il-Kristjani u tkeċċihom mit-Tramuntana tal-pajjiż fejn il-maġġoranza hija Musulmana;

E.

billi fit-3 ta' Jannar 2012, Boko Haram tat ultimatum u tat lill-Kristjani fit-Tramuntana tan-Niġerja tlett ijiem biex jitilqu; billi mill-anqas 8 Kristjani li kienu qed jattendu servizz ta' talb f'Gombe inqatlu fil-5 ta' Jannar 2012 u 20 Kristjani inqatlu matul servizz funebri fis-6 ta' Jannar 2012 f'Mubi;

F.

billi fis-26 ta' Frar 2012, żewġ suwiċidi bil-bombi mill-grupp ta' Boko Haram splodew splossivi mqiegħda f'karozza quddiem knisja fil-belt ta' Jos u qatlu tliet persuni u darbu 38; u billi fil-21 ta' Frar 2012, estremisti splodew bomba barra knisja fil-belt ta' Suleja u darbu ħames persuni;

G.

billi fl-4 ta' Marzu 2012, Boko Haram iddikjarat li se tagħmel serje ta' attakki kkoordinati sabiex teqred il-komunità Kristjana sħiħa li qed tgħix fil-partijiet tat-Tramuntana tal-pajjiż;

H.

billi l-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin, il-kuxjenza u l-ħsieb huma valuri fundamentali u universali u huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi l-Unjoni Ewropea esprimiet b'mod ripetut l-impenn tagħha għal-libertajiet tar-reliġjon, it-twemmin, il-kuxjenza u l-ħsieb, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet fid-dinja kollha;

I.

billi l-Boko Haram qed tingħata l-ħtija tal-mewt ta' aktar minn 900 ruħ f'madwar 160 attakk separat minn Lulju 2009; billi, skont diversi rapport riċenti, hemm konnessjoni possibbli bejn Boko Haram u AQMI (Al-Qaida fil-Maghreb Iżlamiku) u din tista' tikkostitwixxi theddida serja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun ta' Saħel u fl-Afrika tal-Punent;

J.

billi b’reazzjoni għaż-żieda f’daqqa fil-vjolenza, il-President Goodluck Jonathan iddikjara stat ta’ emerġenza f’bosta stati fil-31 ta’ Diċembru 2011 u għalaq temporanjament il-fruntieri maċ-Ċad, il-Kamerun u n-Niġer; billi l-President ammetta li Boko Haram infiltrat l-istituzzjonijiet tal-istat u l-forzi ta’ sigurtà filwaqt li uffiċjali korrotta allegatament ipprovdew lil Boko Haram bl-armi;

K.

billi l-problemi fin-Niġerja ġejjin minn nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjoni ssib l-għeruq tagħha f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, li qed jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u tal-ilsien Hausa;

L.

billi r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess għall-ġustizzja u t-tmiem tal-impunità, kif ukoll l-aċċess ġust għar-riżorsi, u r-ridistribuzzjoni tad-dħul f'pajjiż għani biż-żejt kif inhi n-Niġerja;

M.

billi, għalkemm in-Niġerja huwa t-tmien l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, il-maġġoranza tal-148 miljun abitant tagħha jgħixu fil-faqar;

N.

billi l-Gvern Niġerjan jonfoq madwar $8 biljun fis-sena f'sussidji tal-fjuwil; billi f’pajjiżi mogħnija b’riżorsi u b’differenzi kbar bejn is-sinjuri u l-foqra bħalma hi n-Niġerja, il-gass issussidjat huwa wieħed mill-ftit benefiċċji li jitħalla għaddej minn gvernijiet magħrufa għall-korruzzjoni li jġestixxu ħażin il-profitti li jirriżultaw miż-żejt;

O.

billi fil-bidu ta’ din is-sena, il-protesti pubbliċi vjolenti u l-istrajk ġenerali ta’ ġimgħa, ġiegħlu lill-President Goodluck Jonathan jerġa’ jistabbilixxi b'mod parzjali s-sussidju tal-fjuwil; billi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, jargumentaw li s-sussidji jistgħu jintużaw aħjar għall-finanzjament tal-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u servizzi oħrajn;

P.

billi l-ġestjoni ħażina u l-użu ħażin tar-riżorsi naturali vasti tal-pajjiż – prinċipalment iż-żejt – min-naħa tal-grupp elit fit-tmexxija għadhom għaddejjin bl-istess ritmu; billi, barra minn hekk, tixrid ta’ żejt wieħed wara l-ieħor minn operazzjonijiet taż-żejt multinazzjonali, sabotaġġ tal-pipelines, serq taż-żejt mhux raffinat u prattika mifruxa ta’ ħruq ta’ gass wasslu għal tniġġiż qawwi tad-Delta tan-Niġer; billi skont rapport tan-NU, ir-restawr tal-ambjent ta’ Ogoniland, reġjun taż-żejt tan-Niġerja, jaf ikun l-eżerċizzju l-iktar wiesa' u fit-tul ta’ tindif miż-żejt tad-dinja, jekk l-ilma tax-xorb, l-art, il-qaliet u ekosistemi kkontaminati oħrajn kellhom jitreġġgħu lura għas-saħħa kompleta tagħhom;

Q.

billi, il-Ministru għall-Affarijiet tan-Nisa u l-Iżvilupp Soċjali, Hajia Zainab Maina, tkellmet kontra l-frekwenza għolja ta’ stupru u vjolenza sesswali kontra n-nisa fil-pajjiż u ddikjarat li sabiex jiġi indirizzat dan l-iżvilupp preokkupanti, jeħtieġ li l-abbozz ta’ liġi proposta dwar il-“vjolenza kontra l-persuni” issir liġi;

R.

billi skont il-kodiċi kriminali federali tan-Niġerja, l-imġiba omosesswali timplika sentenza sa 14-il sena ħabs; billi f'ċerti stati fejn tiġi implimentata l-liġi tax-xarija, il-piena għall-imġiba omosesswali konsenswali bejn l-irġiel hija l-mewt filwaqt li fil-każ tan-nisa, hi ta' swat bil-frosta u sentenzi ta' sitt xhur ħabs; billi reċentement ġiet ukoll introdotta leġiżlazzjoni federali li tikkriminalizza unjonijiet bejn l-istess sess, li tagħtihom sentenzi ta' massimu ta' 14-il sena ħabs; billi l-Assemblea Nazzjonali f'żewġ okkażjonijiet ippruvat tintroduċi tali leġiżlazzjoni iżda ġiet imwaqqfa milli tagħmel dan minn attivisti internazzjonali u domestiċi tad-drittijiet tal-bniedem;

S.

billi Osmond Ugwu u Raphael Elobuike, attivisti favur il-ħaddiema u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Niġerjani, qed jinżammu fil-Ħabs Federali ta' Enugu fix-Xlokk tan-Niġerja fuq akkużi ta' attentat ta' qtil ta' pulizija wara li ġew arrestati waqt dimostrazzjoni tal-ħaddiema fl-24 ta’ Ottubru 2011; billi skont Amnesty International u Human Rights Watch, ma hemm l-ebda provi fil-każ ta’ prosekuzzjoni kontrihom;

T.

billi l-UE hija donatur finanzjarju ewlieni tan-Niġerja; billi, fit-12 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-KE u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti bl-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem;

U.

billi, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, l-UE tipparteċipa fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jinkludu d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;

1.

Jikkundanna bis-sħiħ il-vjolenza reċenti – b'mod partikolari l-attakki terroristiċi mwettqa mis-setta Iżlamista Boko Haram – u t-telf traġiku ta' ħajja fir-reġjuni milquta tan-Niġerja, u jestendi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji ta' dawk li mietu u lill-persuni midruba;

2.

Iħeġġeġ lill-komunitajiet kollha joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;

3.

Iħeġġeġ lill-gvern tan-Niġerja biex itemm il-vjolenza mill-aktar fis possibbli, u jiggarantixxi s-sigurtà u l-protezzjoni tal-populazzjoni tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jistieden lill-President tan-Niġerja jinkoraġġixxi d-djalogu interreliġjuż u bejn konvinzjonijiet differenti u jżid il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon;

5.

Jenfasizza l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;

6.

Jistieden lill-Gvern Federali jwettaq investigazzjoni tal-kawżi tal-vjolenza l-aktar reċenti kif ukoll jiżgura li dawk li wettqu atti ta' vjolenza jingħataw f'idejn il-ġustizzja; jistieden, b'mod partikolari, lill-Gvern Federali jieħdu azzjoni ħarxa kontra Boko Haram li qed tkompli tissaħħaħ billi tisfrutta t-tensjoni reliġjuża profonda fin-Niġerja;

7.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali għall-iffaċċjar tat-theddida kkawżata minħabba konnessjoni possibbli bejn Boko Haram u AQMI; jinkoraġġixxi l-pajjiżi fir-reġjun isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż permezz l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, sabiex jiġu pprevenuti s-sinerġiji bejn Boko Haram u AQMI; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-isforzi reġjonali;

8.

Jikkundanna bis-saħħa l-qtil taċ-ċittadin Brittaniku Chris McManus u taċ-ċittadin Taljan Franco Lamolinara – żewġ inġiniera li kienu jaħdmu għal kumpanija ta' kostruzzjoni Taljana u li kienu qed jinżammu bħala ostaġġi mill-AQMI għal 10 xhur fit-Tramuntana tan-Niġerja – matul attentat ta' ħelsin li falla fit-8 ta' Marzu 2012, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

9.

Jitlob eżami usa' tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' dan il-kunflitt inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, u li jiġu evitati spjegazzjonijiet wesgħin u superfiċjali bbażati fuq ir-reliġjon biss li mhux se jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni fit-tul u dewwiema għall-problemi tar-reġjun;

10.

Jistieden lill-Gvern Federali jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' din il-vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u billi jindirizza l-problemi li jinvolvu l-kontroll tal-art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar;

11.

Jistieden lill-Gvern Federali jiġġieled il-korruzzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza u jħabrek bie jagħmel riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex joħloq stat demokratiku, stabbli, sikur u ħieles li jqis id-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jappella lill-awtoritajiet jindirizzaw l-ilmenti ġenwini taċ-ċittadini li jgħixu f’żoni fit-Tramuntana tal-pajjiż li huma ħafna iktar foqra minn xi stati iktar għonja fin-Nofsinhar u jipprijoritizzaw it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien ħżiena tagħhom, filwaqt li ma jinsewx stati oħra bi problemi simili fin-Nofsinhar;

13.

Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-kumpaniji barranin attivi fis-settur taż-żejt tan-Niġerja jgħinu t-tisħiħ tal-governanza billi jżidu t-trasparenza u r-responsabilità fis-settur tal-estrazzjoni, u jistieden lill-kumpaniji jimxu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji tal-Estrazzjoni u jippubblikaw dak li jħallsu lill-Gvern Niġerjan.

14.

Jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet Niġerjani u l-kumpaniji multinazzjonali taż-żejt jagħmlu l-almu tagħhom biex itemmu l-kontaminazzjoni li għaddejja bħalissa, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi indirizzata l-ħsara ambjentali li rriżultat mit-tniġġiż taż-żejt;

15.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Niġerjani jiżguraw li l-abbozz ta’ liġi proposta dwar il-“vjolenza kontra l-persuni” issir liġi u jemmen li din se tkun strumentali biex titnaqqas ir-rata għolja ta’ vjolenza sesswali u ta’ atti oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa;

16.

Jitlob l-abolizzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali li tikkriminalizza l-omosesswalità, li f'ċerti każijiet tagħmilha punibbli bit-tħaġġir; jitlob lill-Parlament Niġerjan jirrifjuta l-‘Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess’, li, jekk ikun approvat, iqiegħed lill-persuni LGBT – kemm Niġerjani u kemm barranin – f'riskju serju ta' vjolenza u arrest;

17.

Jistieden lill-gvern jeħles lill-mexxej tal-union favur il-ħaddiema Osmond Ugwu u lill-membru tal-istess organizzazzjoni Raphael Elobuike minħabba nuqqas ta’ evidenza fil-każ ta’ prosekuzzjoni kontrihom;

18.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rispett sħiħ u effettiv tad-dritt għal-libertà reliġjuża għall-minoranzi reliġjużi f'għadd ta' pajjiż terzi; f'dan il-kuntest jenfasizza li l-libertà tal-qima hija aspett wieħed biss tad-dritt għal-libertà reliġjuża, peress li din tal-aħħar tinkludi l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon tiegħu u li jimmanifesta u jxerred ir-reliġjon tiegħu fit-tagħlim, il-prattika u l-osservanza fuq livell individwali, kollettiv, privat, pubbliku u istituzzjonali; f'dan il-kuntest huwa jenfasizza li l-element pubbliku huwa essenzjali għal-libertà reliġjuża, u li l-Kristjani u oħrajn jiġu mċaħħda milli esprimu t-twemmin tagħhom pubblikament, filwaqt li r-reliġjon tagħhom tiġi limitata għal fenomenu privat jikser b'mod serju d-dritt tagħhom għal-libertà reliġjuża;

19.

Jenfasizza li għad hemm ostakoli f'diversi partijiet tad-dinja li jimpedixxxu l-manifestazzjoni tar-reliġjon jew it-twemmin u jistieden lir-Rappreżentant Għoli Ashton u lill-Kummissjoni jinsistu dwar kwistjonijiet bħal dawn fil-kuntest tal-inizjattivi rilevanti tagħha relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

20.

Jitlob lir-Rappreżentant Għoli, li hija responsabbli għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex tieħu miżuri fin-Niġerja li jikkombinaw id-diplomazija mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien twil sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

21.

Iħeġġeġ lill-UE tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, u biex f'dak il-kuntest tindirizza kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-non-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, kif imħaddna fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan (PAP).