31.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 251/42 |
L-Erbgħa 14 ta’ Marzu 2012
Taħriġ ġudizzjarju
P7_TA(2012)0079
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju (2012/2575(RSP))
2013/C 251 E/07
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu l-adozzjoni permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja ta' miżuri li jkollhom l-għan li jiżguraw “appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju”, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10/09/1991 dwar l-istabbiliment ta’ l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (1), il-pożizzjoni tiegħu tal-24/09/2002 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju (2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-09/07/2008 l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarju Ewropea (3), u r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7/05/2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali (4), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (COM(2010)0171), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-Programm ta’ Stokkolma (5), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar it-taħriġ ġudizzjarju (6), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, “Inkattru l-Fiduċja f'Ġustizzja Ewropea - Dimensjoni Ġdida Għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew” (COM(2011)0551), |
— |
wara li kkunsidra l-proġett pilota dwar it-taħriġ ġudizzjarju propost mill-Parlament fl-2011, |
— |
wara li kkunsidra l-istudju kumparattiv dwar it-taħriġ ġudizzjarju fl-Istati Membri kkummissjonat mill-Parlament mingħand ERA b’kollaborazzjoni mal-EJTN, (7) |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura, |
A. |
billi l-istudju evalwa l-attività żviluppata f’dan il-qasam mill-iskejjel nazzjonali għall-ġudikatura, inkluż it-tip ta’ taħriġ offrut, il-kundizzjonijiet relevanti, u r-riżorsi baġitarji, bl-għan ukoll li jiġu identifikati l-ħtiġijiet u suġġerimenti għal titjib u l-aqwa prattiki, u jinkludi r-riżultati ta’ stħarriġ profond ta’ aktar minn 6 000 imħallef u prosekutur fl-Istati Membri li jiffoka fuq l-esperjenza tagħhom tat-taħriġ legali tal-UE u s-suġġerimenti tagħhom għal titjib, |
B. |
billi t-taħriġ ġudizzjarju għandu jissejjaħ “studji ġudizzjarji” biex jirrifletti n-natura speċjali tal-iżvilupp intellettwali kontinwu li l-membru tal-ġudikatura jridu jwettqu u li fil-fatt l-aħjar persuni biex jipprovdu studji ġudizzjarji huma l-imħallfin infushom, |
C. |
billi bħalissa l-provvista tat-taħriġ għadha ‘l bogħod mill-kisba tal-mira tal-Kummissjoni ta’ nofs il-professjonisti legali tal-UE, |
D. |
billi skont l-istudju, l-ostakoli lingwistiċi, nuqqas ta’ tagħrif (f’waqtu) dwar il-programmi eżistenti, il-fatt li l-programmi mhux dejjem huma adatti għall-ħtiġijiet tal-imħallfin, flimkien mal-ammonti ta’ xogħol kbar li jkollhom l-imħallfin, u n-nuqqas ta’ finanzjament relevanti huma fost ir-raġunijiet għal-livell relattivament baxx ta’ persuni li pparteċipaw fl-istħarriġ li qed jirċievu taħriġ fid-dritt tal-UE (53%, li terz biss minnhom irċevewh f’dawn l-aħħar ħames snin), |
E. |
billi jkun għaqli, anke mil-lat baġitarju fis-sitwazzjoni attwali ta’ strettezza finanzjarja, li nisfruttaw l-istituzzjonijiet eżistenti, partikolarment l-iskejjel nazzjonali tat-taħriġ ġudizzjarju iżda anke l-universitajiet u l-korpi professjonali, f’dak li jirrigwarda l-aspetti tal-“liġi nazzjonali” tal-bini ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea; billi, b’dan il-mezz jistgħu jiġu identifikati l-aħjar prattiki fl-Istati Membri, u mrawwma u mxerrda mal-UE kollha; billi rigward it-taħriġ fid-dritt tal-UE, l-Akkademja tad-Dritt Ewropew (ERA) għandha tkompli ssegwi r-rwol tagħha, |
F. |
billi, bħalma diġà stqarr il-Parlament, il-qasam ġudizzjarju Ewropew irid ikun mibni fuq kultura ġudizzjarja Ewropea fost il-prattikanti, il-ġudikatura u l-prosekuturi li ma tkunx ibbażata biss fuq il-liġi Ewropea imma żviluppata permezz ta' għarfien u fehim reċiproċi tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, reviżjoni kompluta tal-kurrikula universitarji, skambji, żjarat ta' studju u taħriġ komuni bl-appoġġ attiv tan-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea, in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Istitut tal-Liġi Ewropea, |
G. |
billi t-taħriġ ġudizzjarju għandu jkun marbut ma’ riflessjoni dwar ir-rwol tradizzjonali tal-ġudikatura u l-modernizzazzjoni tagħha, il-ftuħ tagħha u t-twessigħ tal-orizzonti tagħha; billi dan jinvolvi wkoll taħriġ lingwistiku u l-promozzjoni tal-istudju tad-dritt kumparattiv u d-dritt internazzjonali, |
H. |
billi hija wkoll kwistjoni ta’ ħolqien ta’ kultura ġudizzjarja komuni fost il-membri tal-ġudikatura bl-użu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ix-xogħol tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa eċċ. għall-promozzjoni tal-valuri ewlenin tal-professjoni ġudizzjarja permezz ta’ diskuzzjoni u promulgazzjoni tal-etika professjonali komuni, l-istat tad-dritt u l-prinċipji għall-ħatra u l-għażla tal-imħallfin, u sabiex tkun evitata l-politiċizzazzjoni tal-ġudikatura, u l-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka meħtieġa biex iż-żona ġudizzjarja komuni ssir realtà, |
I. |
billi jeħtieġ li jinħolqu netwerks bejn l-imħallfin ta’ kulturi differenti u koordinament aħjar tan-netwerks eżistenti għall-ħolqient ta’ “ċrieki ta’ koerenza”; billi għal dan l-iskop, il-komunikazzjoni elettronika mhix biżżejjed, jeħtieġ ikun hemm fora fejn l-imħallfin ikunu jistgħu jagħmlu kuntatt u hu essenzjali li jkunu involuti imħallfin mill-Qrati ta’ Lussemburgu u ta’ Strasburgu, |
J. |
billi l-istudji ġudizzjarji ma jistgħux ikunu limitati għal-liġi sostantiva u proċedurali, l-imħallfin jeħtieġu taħriġ relatat max-xogħol ġudizzjarju tagħhom u mas-“sengħa tal-imħallef”, |
1. |
Jirrikonoxxi li l-kuntatti diretti huma l-aħjar għażla, u jemmen li, fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji, kif ukoll ir-risposti li taw l-imħallfin fl-istudju, taħriġ u pariri tali jistgħu jiġu pprovduti wkoll permezz tal-internet (vidjokonferenzi, korsijiet onlajn, webstreaming) kif ukoll permezz ta’ skambji; jinnota li l-imħallfin talbu li jkun hemm aktar valutazzjoni u adattament tal-programmi ta' taħriġ għall-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li donnhom li jippreferu t-taħriġ interattiv fejn jistgħu jiskambjaw l-esperjenzi u jiddiskutu l-każijiet minflok metodi ta' taħriġ "klassiċi" (huma jgħallmu, l-istudenti jisimgħu); |
2. |
Iqis li għan ulterjuri jkun il-koordinament tal-għoti tat-taħriġ provdut minn skejjel eżistenti tat-taħriġ ġudizzjarju u l-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tad-djalogu u l-kuntatti professjonali; |
3. |
Jinnota li t-taħriġ multilingwi huwa importanti, għax l-istudju juri li għadd relattivament żgħir ta’ mħallfin jitkellmu lingwa barranija tajjeb biżżejjed biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv f’taħriġ ġudizzjarju fi Stati Membri oħra; |
4. |
Hu tal-fehma li mezz wieħed biex jiġu riżolti l-problemi (spejjeż, taħriġ lingwistiku, effikaċja tan-nefqa) hu li tintuża t-teknoloġija moderna u jkun finanzjat il-ħolqien ta’ “Apps” simili għall-ITunes U tal-korporazzjoni Apple; tali Apps, imħejjija mill-iskejjel nazzjonali, ERA, l-universitajiet u ħarrieġa oħra, jkunu jikkonsistu minn korsijiet ta’ taħriġ, b’materjal viżiv, inkluż taħriġ lingwistiku (b’enfasi partikolari fuq it-terminoloġija legali) u struzzjonijiet dwar is-sistemi legali nazzjonali, proċeduri legali partikolari eċċ, u jkun bla ħlas għall-membri tal-ġudikatura; |
5. |
Iqis li parteċipazzjoni b’suċċess f’korsijiet tali tista’ tiftaħ il-bibien għal Erasmus għall-imħallfin u parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ barra mill-pajjiż; |
6. |
Jissuġġerixxi li tali Apps jistgħu ukoll ikunu magħmula disponibbli għall-prattikanti legali, korpi professjonali, akkademiċi u studenti tal-liġi bi ħlas modest u li l-iżvilupp u l-produzzjoni tagħhom jista’ jagħti spinta lill-ekonomija u lill-impjegar bi spejjeż relattivament baxxi; |
7. |
Iqis, rigward il-proġett pilota ppreżentat minn Luigi Berlinguer u Erminia Mazzoni u li se jsir fl-2012, li dan għandu jimmira, l-ewwel nett, biex jidentifika u jespandi l-aħjar prattiki fl-organizzar tal-aċċess għal-liġi tal-UE u taħriġ relevanti fi ħdan is-sistemi ġudizzjarji u skejjel ta’ taħriġ nazzjonali: pereżempju, l-UE għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu l-eżempju ta’ istituzzjonijiet ta’ suċċess, bħall-koordinaturi tal-liġi tal-UE, kif jeżistu fl-Italja u fil-Pajjiżi l-Baxxi fi ħdan l-istruttura tal-qrati nazzjonali, u tippromwovi t-taħriġ ta’ tali koordinaturi u tiffaċilita b’modi oħra x-xogħol tagħhom fil-livell tal-UE; |
8. |
Hu tal-fehma li l-proġett pilota jista’ jinkludi l-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma li jinkludi fornituri ta’ taħriġ ġudizzjarju nazzjonali u Ewropew kif ukoll atturi extraġudizzjarji, li l-għan tagħhom ikun li jidentifikaw sensiela ta’ “gruppi” tematiċi ta’ kwistjonijiet tal-liġi tal-UE bl-ikbar relevanza għall-prattika ġudizzjarja ta’ kuljum, kemm dwar kwistjonijiet “prattiċi” (kif tibgħat talba għal deċiżjoni preliminari, kif taċċessa l-bażijiet tad-data tal-liġi tal-UE, eċċ.) kif ukoll kwistjonijiet sostantivi; |
9. |
Jissuġġerixxi li l-proġett pilota jista’ jikkoordina (a) l-iskambju ta' pariri u għarfien dwar is-sistemi legali individwali fost l-iskejjel ta' taħriġ ġudizzjarju individwali, filwaqt li jibni fuq in-netwerks u r-riżorsi eżistenti u (b) taħriġ formali u familjarizzazzjoni mas-sistemi legali barranin; |
10. |
Jipproponi, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni torganizza forum annwali fejn l-imħallfin ta’ kull livell ta' anzjanità f’oqsma tal-liġi fejn sikwit jinqalgħu kwistjonijiet domestiċi u transfruntieri jkunu jistgħu jiddiskutu dwar qasam wieħed jew aktar riċenti ta' kontraversja jew diffikultà, biex tiġi mħeġġa d-diskussjoni, jinbdew il-kuntatti, jinħolqu kanali ta' komunikazzjoni u jinbnew il-fiduċja u l-komprensjoni reċiproka; forum ta’ dan it-tip jista’ jservi ta' opportunità għall-awtoritajiet kompetenti, dawk li jipprovdu t-taħriġ u l-esperti, inklużi l-universitajiet u l-korpi profes’jonali, biex jiddiskutu l-politika tat-taħriġ ġuridiku u l-ġejjieni tal-edukazzjoni legali fl-Ewropa; |
11. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 267, 14.10.1991, p. 33.
(2) ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 99.
(3) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 27.
(4) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 116.
(5) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.
(6) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 130.
(7) http://www.europarl.europa.eu/delegations/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=60091