20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/46


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

P7_TA(2012)0025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (2011/2087(INI))

2013/C 239 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2011 bl-isem ta’ “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni (COM(2007)0391),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),

wara li kkunsidra ż-żewġ konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-vjolenza u l-imġiba ħażina tal-ispettaturi matul avvenimenti sportivi tad-19 ta' Awwissu 1985 u kontra d-doping tad-19 ta' Awwissu 1990,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar in-nisa u l-isport (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-22 ta' April 2004 dwar ir-rispett għall-istandards fundamentali tax-xogħol fil-produzzjoni ta' prodotti sportivi għal-Logħob Olimpiku (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ April 2005 dwar id-doping fl-isport (3),

wara li kkunsidra d-dikkjarazzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu fil-futbol (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-prostituzzjoni sfurzata fil-qafas tal-manifestazzjonijiet sportivi internazzjonali (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl- Ewropa (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar l-irwol tal-isport fl-edukazzjoni (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 bl-isem ta’ “White Paper dwar l-Isport ” (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (11),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar appoġġ akbar mill-Unjoni Ewropea għall-isports popolari (12),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/37/KE tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur tal-inklużjoni soċjali attiva (13),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-istrateġija l-ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Ġunju 2011 dwar Pjan ta’ Ħidma għall-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (14),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Punta de l’Este ta’ Diċembru 1999 u l-laqgħa madwar mejda tonda tal-UNESCO dwar sports u logħob tradizzjonali (TSG) (15), li tittratta r-rikonoxximent tal-isport u l-logħob tradizzjonali bħala parti mill-wirt intanġibbli u simbolu ta’ diversità kulturali,

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropew u tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-isport,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Isport (Jump in Olympia – Strong(er) Women through Sport),

wara li kkunsidra l-Karta għal Azzjoni biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru fl-isport,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 19 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (16) tal-11 sat-12 ta’ Ottubru 2011 u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 bl-isem “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (17),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0385/2011),

A.

billi l-isport jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni, billi huwa jenfasizza l-valuri pedogaġiċi u kulturali fundamentali u billi huwa mezz ta’ integrazzjoni ladarba huwa jindirizza liċ-ċittadini kollha, indipendentement mis-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-età, in-nazzjonalità u l-kundizzjoni soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

B.

billi n-natura speċifika tal-isport għandha tieħu preċedenza fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-isport,

C.

billi l-partijiet interessati kollha, inklużi dawk li jfasslu l-politika, għandhom iqisu n-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjonijiet soċjali u edukattivi tiegħu;

D.

billi l-ispeċifiċità tal-isport tiġi ddefinita bħala l-grupp ta’ aspetti uniċi u essenzjali tal-isport li jiddistingwuh minn kwalunkwe settur ieħor ta’ attivitajiet, inklużi l-attivitajiet ekonomiċi; billi madankollu għandu jiġi soġġett għal-Liġi tal-Unjoni Ewropea fejn ikun xieraq u meħtieġ, u skont il-każ;

E.

billi l-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport għandha dejjem tkun tqis l-osservanza tal-aspetti soċjali, edukattivi u kulturali tiegħu;

F.

billi skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-isport huwa kompetenza tal-UE mmirata biex tippromwovi l-ġustizzja u t-trasparenza f’kompetizzjonijiet sportivi, il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet responsabbli għall-isport, il-ħarsien tal-integrità fiżika u morali ta’ persuni sportivi, filwaqt li ttejjeb il-benefiċċji relatati mas-saħħa u l-vantaġġi soċjali, kulturali u ekonomċi tal-isport u tirrikjedi appoġġ finanzjaru u politiku xieraq;

G.

billi l-isport jagħti kontribut enormi lill-valuri bħall-fair play, ir-rispett u l-inklużjoni soċjali;

H.

billi biljuni ta’ nies mad-dinja kollha jipprattikaw sport li ġie kkreat, ikkodifikat jew li xxerred fl-Ewropa u jinnota wkoll li l-moviment Olimpiku modern inħoloq fi Franza mill-Baruni Pierre De Coubertin;

I.

billi l-Politika tal-UE għall-Isport għandha tiġi żviluppata sabiex tindirizza u tappoġġa l-miri u l-objettivi kemm tal-isport professjonali kif ukoll dak tad-dilettanti;

J.

billi l-appoġġ għall-isport u l-promozzjoni tiegħu fir-rigward ta’ nies b’diżabilità intellettwali jew fiżika għandhom ikunu prijorità fl-UE meta jiġu kkunsidrati l-irwol importanti tiegħu fil-kisba tal-inklużjoni soċjali, is-saħħa pubblika u l-volontarjat transkonfinali;

K.

billi fl-Ewropa l-volontarjat huwa l-pedament tal-biċċa l-kbira tal-isport tad-dilettanti;

L.

billi l-35 miljun voluntier u billi l-klabbs u l-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitti jippermettu l-iżvilupp tal-isport ta’ bażi, u t-tixrid ta’ ideali sportivi;

M.

billi l-isport huwa deċiżiv għas-saħħa fis-soċjetà moderna u, permezz tal-irwol tiegħu fl-edukazzjoni formali u dik mhux formali, jikkostitwixxi element essenzjali għal edukazzjoni ta’ kwalità, u jikkontribwixxi għall-issodisfar personali taċ-ċittadini anzjani;

N.

billi l-promozzjoni ta’ attivitajiet fiżiċi u sportivi tikkontribwixxi għall-iffrankar kbir fin-nefqa pubblika fir-rigward tas-saħħa;

O.

billi fattur ewlieni li jimmotiva liċ-ċittadin jipparteċipa fl-isport u fl-attività fiżika huwa t-titjib tas-saħħa u l-benessri tal-individwu;

P.

billi l-prattiki marbuta mat-teħid tad-drogi jmorru kontra l-valuri tal-isport u jesponu lill-isportivi għal perikli serji, u jikkawżaw ħsara serja u permanenti lis-saħħa;

Q.

billi l-isport ta’ livell għoli jenfasizza wħud mill-iktar valuri fundamentali tiegħu u jestendihom fi ħdan is-soċjetà, fejn jippromwovi l-fatt li wieħed jipprattika l-isport;

R.

billi s-sitwazzjoni ta’ diversi atleti ta’ livell għoli li jkunu waslu biex itemmu l-karriera sportiva tagħhom hija waħda prekarja;

S.

billi jqis li huwa fundamentali li l-atleti jitħejjew għal sessjonijiet ġodda ta’ taħriġ professjonali billi jitħallew jibbenefikaw minn tagħlim ġenerali jew minn taħriġ professjonali fl-istess ħin li jkunu qed jirċievu t-taħriġ sportiv tagħhom;

T.

billi jeħtieġ li jitħarsu u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-isportivi;

U.

billi hemm il-potenzjal li jiżviluppaw atti ta’ vjolenza, verbali u fiżiċi, u avvenimenti diskriminatorji waqt kompetizzjonijiet sportivi;

V.

billi l-prattika tal-isport min-nisa ma tingħatax biżżejjed importanza u billi n-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fi ħdan il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi;

W.

billi l-attivitajiet sportivi jirrikjedu strutturi, impjanti, tagħmir speċifiku u adegwat u li anke l-iskejjel għandu jkollhom impjanti adegwati biex jippromwovu l-edukazzjoni fiżika;

X.

billi l-isport jokkupa post importanti fl-ekonomija Ewropea ladarba huwa jirrappreżenta, direttament jew indirettament, madwar 15-il miljun impjieg, jiġifieri 5.4% tal-popolazzjoni attiva u valur miżjud annwali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 407 biljun, jiġifieri 3.65% tal-PGD Ewropew, billi b’dan il-mod il-popolarità tal-isport, li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed tiżdied, qed tikkontribwixxi ekonomikament biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

Y.

billi l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-organizzazzjonijiet sportivi u l-popolarità tal-piraterija diġitali, b’mod partikolari t-trażmissjoni mhux awtorizzata tal-avvenimenti sportivi lajv, ipoġġi fil-periklu l-ekonomija tas-settur sportiv kollu;

Z.

billi l-isport ma joperax bħal settur tipiku tal-ekonomija minħabba l-interdipendenza tal-opponenti u l-bilanċ kompetittiv meħtieġ sabiex tinżamm l-inċertezza tar-riżultati;

AA.

billi l-isport ma jaħdimx bħal attività ekonomika tipika minħabba l-karatteristiċi speċifiċi u l-istrutturi tal-organizzazzjoni tiegħu megħjuna mill-federazzjonijiet, li ma joperawx bħala kumpaniji kummerċjali, u billi trid issir distinzjoni bejn interessi sportivi u kummerċjali;

AB.

billi d-djalogu soċjali Ewropew jista’ jkollu rwol importanti u b’hekk jixraq li jiġi promoss;

AC.

billi l-isport għandu rwol importamti u jġib il-ferħ lil ħafna ċittadini sew jekk huma parteċipanti, partitarji jew spettaturi;

AD.

billi l-avvenimenti sportivi ewlenin u l-prattika tal-isport jipprovdu potenzjal qawwi għal aktar żvilupp tat-turiżmu fl-Ewropa, li jista’ jippromwovi l-valuri u l-prinċipji marbuta mal-isport;

AE.

billi l-mudell sportiv Ewropew huwa bbażat fuq federazzjoni skont id-dixxiplina sportiva, u billi mekkaniżmi ta’ solidarjetà sportiva u finanzjarja, bħalma huma l-prinċipji ta’ promozzjoni u ta’ relegejxin, tal-kompetizzjonijiet miftuħin fejn jikkoeżistu klabbs u timijiet nazzjonali, huma organizzati fuq bażi awtonoma, demokratika u territorjali u fi struttura ta' piramida, bħala riżultat ta' tradizzjoni demokratika antika;

AF.

billi t-trasparenza u r-responsabilità demokratika fi klabbs sportivi jistgħu jittejbu bl-involviment ta’ partitarji fis-sjieda u fit-tmexxija tal-klabbs tagħhom;

AG.

billi l-organizzazzjonijiet sportivi tradizzjonali u popolari għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kultura, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tal-komunitajiet;

AH.

billi t-timijiet nazzjonali għandhom rwol essenzjali, billi l-kompetizzjonijiet internazzjonali jibqgħu jservu ta’ referenza, u jkun tajjeb li wieħed jiġġieled kontra n-“naturalizzazzjoni ta’ konvenjenza”;

AI.

billi n-natura nnifisha tal-kompetizzjonijiet bejn it-timijiet nazzjonali timplika li l-federazzjonijiet u l-klabbs sportivi jistgħu jippromwovu t-taħriġ tal-isportivi nazzjonali;

AJ.

billi l-isport professjonali u popolari huma vulnerabbli għan-nuqqas ta’ stabilità finanzjarja u qed jiġu affettwati minnha b'mod gravi, u billi hija r-responsabilità tal-federazzjonijiet inkwistjoni li jħeġġu l-klabbs biex iħaddnu kultura ta’ ppjanar u ta’ investiment raġonevoli;

AK.

billi t-trasferimenti internazzjonali jistgħu jkunu ta’ periklu għal atleti żgħażagħ, minħabba l-falliment fl-isport, il-firda mill-familja u l-marġinalizzazzjoni soċjali li huma wħud miċ-ċirkostanzi li jistgħu jirriżultaw meta atleti żgħażagħ jitilqu mid-dar minn età daqshekk bikrija;

AL.

billi l-federazzjonijiet sportivi m’għandhomx mezzi strutturali u legali biex jaġixxu b’mod effikaċi kontra x-xiri tal-logħob;

AM.

billi s-servizzi tal-logħob tal-azzard huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) u d-Direttiva l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE), minħabba l-ispeċifiċità tagħhom;

AN.

billi l-finanzjament għall-isport popolari huwa assigurat biss jekk id-detenturi tal-liċenzji neċessarji tal-logħob tal-azzard nazzjonali, li jħallsu t-taxxi u jiffinanzjaw għanijiet ta' interess pubbliku oħra fl-Istati Membri, huma ġuridikament obbligati jħallsu imposti ta' 'interess pubbliku' u huma protetti kontra l-kompetizzjoni illegali;

AO.

billi r-regolazzjoni ta’ aġenti tal-plejers tirrikjedi azzjoni koordinata bejn il-korpi għar-regolazzjoni tal-isport u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet kontra aġenti u/jew intermedjarji li jiksru r-regoli;

AP.

billi l-isport jista’ jkollu rwol f’diversi oqsma fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, fost l-oħrajn permezz tad-diplomazija;

Rwol l-isport fis-soċjetà

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi baġit speċifiku u ambizzjuż għall-politika għall-isport skont l-MFF futur minħabba l-benefiċċji relatati mas-saħħa pubblika u l-vantaġġi soċjali, kulturali u ekonomiċi tal-isport;

2.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-edukazzjoni fiżika ssir suġġett obbligatorju tal-iskeda ta’ kull ġimgħa fit-tipi ta’ skola kollha, u jenfasizza l-importanza li titħeġġeġ il-prattika tal-attivitajiet sportivi fil-livelli edukattivi kollha, sa mis-snin bikrin 'il quddiem, inkluż fi skejjel, universitajiet u komunitajiet lokali li għandhom jitħeġġu jkollhom faċilitajiet sportivi b'tagħmir adegwat;

3.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida ċari sabiex l-isport u l-attività fiżika jiġu integrati fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fl-Istati Membri kollha;

4.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni permezz tal-isport u l-potenzjal tal-isport li jgħin lil żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jerġgħu jaqbdu d-direzzjoni t-tajba u jitlob lill-Istati Membri, lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali, lil-ligs u lill-klabbs biex jiżviluppaw u jappoġġaw inizjattivi f’dan ir-rigward;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw il-koperazzjoni bejn l-iskejjel u l-għaqdiet sportivi; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mill-funzjoni koordinattiva tagħha fil-qasam tal-isport sabiex tiġbor eżempji tal-“aqwa prattika” mill-Istati Membri u tagħmilhom aċċessibbli għal kull min ikun interessat madwar l-Ewropa kollha f’bażi tad-data ċentrali;

6.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-anzjani jieħdu sehem f’xi attività sportiva biex b’hekk jinħoloq sens ta’ benessri u livell għoli u tajjeb ta’ saħħa;

7.

Jenfasizza li l-isport f'kull età huwa qasam importanti li għandu potenzjal kbir ħafna li jżid il-livell tas-saħħa globali tal-Ewropej u jitlob għalhekk lill-UE u lill-Istati Membri jiffaċilitaw impenn fl-isports u jippromwovu stil ta' ħajja b'saħħtu fi sfruttament sħiħ tal-opportunitajiet għall-isports, u b'hekk inaqqsu l-infiq dovut għall-kura tas-saħħa;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw b’aktar qawwa r-rwol tal-professjonisti tas-saħħa fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-isport u jeżaminaw kif il-fornituri tal-assigurazzjoni tas-saħħa jistgħu joffru inċentivi bħala mezz biex jinkoraġġixxu lin-nies jaqbdu attivitajiet sportivi;

9.

Jenfasizza l-importanza li l-isport ikun disponibbli għaċ-ċittadini kollha f’ambjenti differenti, sew jekk fl-iskola, ix-xogħol, bħala attività rikreattiva jew permezz ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet;

10.

Jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet sportivi għal persuni b’diżabilità intellettwali jew fiżika fl-UE kollha; jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jiżviluppaw, filwaqt li jiffinanzjaw b'mod adegwat, attivitajiet ta' sports u kompetizzjonijiet sportivi fost il-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar tagħmir sportiv mingħajr ħlas li jkun adattat għall-bżonnijiet tagħhom;

11.

Jenfasizza s-setgħa kbira ta' integrazzjoni soċjali li għandu l-isports f'bosta oqsma, inkluż l-involviment taċ-ċittadini u s-sens ta’ demokrazija, il-promozzjoni tas-saħħa, l-iżvilupp urban, l-integrazzjoni soċjali, is-suq tax-xogħol, l-impjiegi, il-kwalifiki u l-edukazzjoni;

12.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Komunitarji biex iżidu l-għotjiet tagħhom lill-organizzazzjonijiet li jfittxu li jintegraw lill-isportivi li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali jew li jippromwovu l-isport għall-persuni b’diżabilità fiżika jew mentali;

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-isport b’mod permanenti fil-programmi u s-servizzi għal integrazzjoni reali tal-gruppi kollha li jinsabu f'riskju ta' diskriminazzjoni u jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jadottaw programmi xierqa ta’ taħriġ għall-ħaddiema u l-voluntiera għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni jew razziżmu;

14.

Jenfasizza l-funzjoni eżemplari tal-isport lejn is-soċjetà u jħeġġeġ lil korpi għar-regolazzjoni tal-isport biex ikunu minn ta’ quddiem biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni istituzzjonali;

15.

Ifakkar li fl-isport m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn is-sessi u jinsisti dwar it-twessigħ tal-ambitu tal-Karta tal-Valuri Olimpiċi għall-avvenimenti sportivi kollha, b’mod partikolari għal dawk Ewropej;

16.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi nazzjonali li jirregolaw l-isport jimpenjaw ruħhom biex jaffrontaw l-omofobija u t-transfobija, kif ukoll jimplimentaw sew leġiżlazzjoni u politiki kontra d-diskriminazzjoni speċjalment għall-atleti leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru;

17.

Jappella lill-Istati Membri biex jenfasizzaw aktar l-importanza tal-edukazzjoni fiżika ta’ kwalità kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u jissuġġerixxi li dawn jiżviluppaw l-istrateġiji meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;

18.

Jenfasizza li l-kompożizzjoni tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi għandha tirrifletti l-kompożizzjoni tal-assemblea ġenerali u l-proporzjon tan-numru tal-membri nisa u rġiel, biex b’hekk jiġi żgurat li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikollhom l-istess dritt għall-aċċess għall-pożizzjonijiet maniġerjali mal-awtoritajiet fil-livell tranżnazzjonali;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-importanza tal-isport bħala mezz li bih jiġu promossi l-paċi, l-iżvilupp ekonomiku, id-djalogu interkulturali, is-saħħa pubblika, l-integrazzjoni u l-emanċipazzjoni tal-mara;

20.

Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex waqt l-avvenimenti sportivi jiġu osservati r-regoli tal-Karta Olimpika, li tipprojbixxi kwalunkwe dimostrazzjoni u kwalunkwe propaganda politika, reliġjuża jew razzjali, iżda biex ikun żgurat ukoll li ma jkunx hemm pressjoni politika li twassal lin-nisa biex jiksru din ir-regola u li ma tiġix evitata r-regola billi n-nisa ma jintbagħtux għall-kompetizzjonijiet minn pajjiżhom;

21.

Jappella lill-organizzazzjonijiet biex ikomplu jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isports u fil-korpi ta' governanza tal-organizzazzjonijiet sportivi billi jiggarantixxu aċċess ekwu għall-attivitajiet sportivi, b'mod partikolari għal bniet u nisa bi sfond żvantaġġat, billi tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport u billi l-isport u r-riżultati tan-nisa u tal-irġiel jingħataw importanza u viżibilità indaqs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri li jippermettu lill-atleti nisa joħolqu bilanċ bejn il-ħajja familjari u dik ta' sportivi professjonisti u biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki governattivi dwar l-isport; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aqwa prattiki relatati mal-opportunitajiet indaqs għall-persuni taż-żewġ sessi fl-isport;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-korpi Ewropej għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Karta Ewropea tad-drittijiet tan-nisa fl-isport;

23.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu l-għoti ta’ prominenza lis-sessi fl-attivitajiet relatati mal-isport kollha, b’attenzjoni speċifika fuq: l-aċċess għall-isport ta’ nisa migranti u nisa minn minoritajiet etniċi, l-aċċess tan-nisa għal karigi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isport u l-kopertura tal-midja ta’ nisa fl-isport, u biex jiżguraw li l-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-isport ikunu bbażati fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jinkoraġġixxu ir-riċerka Ewropea dwar l-ispeċifiċità tal-attività sportiva tan-nisa, dwar ir-raġunijiet li għalihom in-nisa jabbandunaw l-isport u dwar il-persistenza ta’ nuqqas ta’ ugwaljanzi fl-aċċess tan-nisa għall-isport;

25.

Jinkoraġġixxi l-ħolqien tan-netwerks tan-nisa fil-qasam tal-isport biex jippromwovu l-iskambju tal-aqwa prattiki u informazzjoni;

26.

Jenfasizza li l-projbizzjoni tal-ġenituri biex il-bniet immigranti ma jieħdux sehem fl-isport u fl-għawm fl-iskola ma tistax tiġi ttollerata jew skużata minħabba raġunijiet kulturali jew reliġjużi;

27.

Jindika li ħafna bniet jilagħbu sport fi tfulithom, ħafna jieqfu waqt l-addolexxenza; f'dan il-kuntest jirreferi għar-riċerka li turi li l-bniet jaffaċċjaw pressjoni espliċita jew sottili minn pari u mill-familji biex "jiffemminizzaw" jew jassumu responsabilitajiet li jipprojbixxu t-tkomplija tal-parteċipazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-korpi nazzjonali li jirregolaw l-isport jiżviluppaw strateġiji għall-programmi u kowċis għall-appoġġ, b'mod speċjali, tal-bniet interessati fl-isport biex jiżviluppaw identità atletika;

28.

Jinsisti dwar il-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-atleti, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, permezz tal-prevenzjoni u tal-kampanji ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrattaw it-traffikar tas-sustanzi ta’ droga fid-dinja tal-isport bl-istess mod bħat-traffikar tad-drogi illegali u biex jadottaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward, sabiex b'hekk tittejjeb il-koordinazzjoni Ewropea f'dan il-qasam; jappella lill-World Anti-Doping Agency biex toħloq sistema amministrattiva lokali li tkun preċiża u faċli biex tintuża f’konformità mal-liġi tal-UE, u jenfasizza l-bżonn ta' statistika dwar l-użu tad-doping u testijiet falluti biex jiġi stabbilit approċċ speċifiku għall-ġlieda kontra d-doping;

29.

Jemmen li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Kontra t-Teħid tad-Drogi tal-Kunsill tal-Ewropa hija pass meħtieġ sabiex tiġi kkoordinata implimentazzjoni aktar uniformi tal-kodiċi tal-WADA fl-Istati Membri;

30.

Jesprimi ruħu favur armonizzazzjoni ikbar tal-liġi biex ikun hemm koperazzjoni Ewropea effikaċi bejn il-pulizija u l-ġudikatura fil-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi u forom oħra ta’ manipulazzjoni ta’ avvenimenti sportivi;

31.

Jappella lill-Istati Membri biex jitrattaw il-kwistjoni tal-vizzju tal-logħob tal-azzard u tal-protezzjoni tal-minorenni mir-riskji tal-logħob tal-azzard;

32.

Jesprimi ruħu favur l-istabbiliment ta’ regoli ċari għall-protezzjoni tal-minorenni fl-isport kompetittiv u favur l-iżvilupp ulterjuri ta' miżuri ta' protezzjoni vitali b'konsultazzjoni mal-federazzjonijiet;

33.

Jenfasizza l-importanza kritika ta' taħriġ doppju sportiv u vokazzjonali għal atleti żgħażagħ; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-protagonisti rilevanti kollha, jistabbilixxu linji gwida li jiżguraw li barra t-taħriġ tagħhom fl-isport, l-atleti żgħażagħ igawdu wkoll minn taħriġ skolastiku jew vokazzjonali konvenzjonali, li jkun iqis l-aħjar prattika eżistenti fl-Istati Membri individwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, jikkunsidraw l-esperjenza rilevanti tal-ex sportivi meta dawn ikunu jixtiequ jsiru kowċis, iwaqqfu setturi ta’ studju adattati għall-atleti ta’ livell għoli li jiddeċiedu jkomplu bl-edukazzjoni għolja u li l-esperjenza tagħhom tintuża għall-benefiċċju tal-isport b'mod ġenerali;

34.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi mfassla biex jiffaċilitaw il-kombinazzjoni ta’ tagħlim u taħriġ għall-atleti professjonali;

35.

Jipproponi li jiġi stabbilit qafas għat- taħriġ u l-kwalifiki tal-kowċis u l-edukazzjoni tal-kowċ u jiġi inkorporat fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fil-Programmi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex tiġi żviluppata soċjetà msejsa fuq l-għarfien u tiġi żviluppata l-eċċelenza kemm fil-livell tad-dilettanti kif ukoll f’dak professjonali;

36.

Jenfasizza l-irwol tal-kowċis fl-iżvilupp u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, mhux biss fil-ħiliet sportivi imma wkoll fil-ħiliet tal-ħajja; jinnota li l-kowċis jistgħu jipprovdu gwida liż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw għajxien san;

37.

Jitlob lill-Istati Membri biex, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-federazzjonijiet rilevanti, jipprojbixxu l-aċċess għall-istadji lill-partitarji li jkunu wrew imġiba vjolenti jew diskriminatorja, u biex joħolqu approċċ ikkoordinat biex iwaqqfu u jinfurzaw sanzjonijiet kontrihom, jikkooperaw mill-qrib bejniethom biex dawn il-projbizzjonijiet japplikaw għal-logħob internazzjonali li jiġi organizzat fi Stati Membri oħrajn - fir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet individwali - u biex jistabbilixxu reġistru Ewropew tal-persuni li m’għandhomx permess jidħlu fl-istadji sabiex jaqsmu din l-informazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni permezz ta' sistema mtejba ta' twissija bikrija għal logħbiet b'riskju kbir;

38.

Jaqbel li l-Istati Membri, flimkien mal-federazzjonijiet sportivi Ewropej, jiżviluppaw standards minimi għas-sigurtà fl-istadji u jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ sigurtà possibbli kemm għall-isportivi kif ukoll għall-partitarji;

39.

Jindika li, meta l-isport isir f’ambjent naturali, għandu jiġi żgurat li jinstab bilanċ bejn il-benefiċċji soċjali tiegħu u s-saħħa tal-ambjent fejn isir;

40.

Jenfasizza l-potenzjal tal-avvenimenti sportivi għat-turiżmu fil-livell lokali u nazzjonali u jitlob lill-Istati Membri biex jgħinu l-iżvilupp ta’ dan il-qasam ta’ attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali;

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

41.

Jesprimi ruħu favur il-kunsiderazzjoni tan-natura partikolari tal-isport fil-kuntest tal-kwistjonijiet relatati mas-suq intern u l-liġi tal-kompetizzjoni, u għalhekk iġedded it-talba tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea tadotta linji gwida għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fl-isport sabiex titneħħa l-inċertezza legali li teżisti rigward ħafna kwistjonijiet;

42.

Jinnota li l-isponsorizzazzjoni tipprovdi għajnuna finanzjarja vitali u bosta possibilitajiet fl-isport, f’konformità mal-prinċipji finanzjarji tal-fair play;

43.

Jitlob li kemm il-Kummissjoni Ewropea u kemm l-Istati Membri jagħtu attenzjoni kbira lill-attivitajiet volontarji fl-isport; Itenni l-importanza tal-attività volontarja fl-isport u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas ta' rikonoxximent soċjali u li jiġi żgurat taħriġ adegwat għall-voluntiera, jinsab favur skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri sabiex jippromwovu l-volontarjat fl-isport u favur il-fattibilità ta' qafas legali u fiskali li jkun adegwat għall-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet sportivi;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu sistema ta' rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-volontiera u tal-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjonijiet regolamentati relatati mal-isports;

45.

Jenfasizza li r-rikonoxximent reċiproku tal-korsijiet u tat-taħriġ speċjalizzat fi ħdan qafas Ewropew magħqud għall-professjonisti li jaħdmu fl-isport bħala speċjalisti (referees, kowċijiet) huwa partikularment importanti għax jagħti kontribut fit-tul lejn żieda fil-kompetittività, li mbagħad din tal-aħħar tippermetti li jkun evitat telf qawwi fid-dħul;

46.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw edukazzjoni ogħla għall-isportivi u rikonoxximent armonizzat tal-kwalifiki tagħhom fl-isport u fl-edukazzjoni sabiex tittejjeb il-mobilità professjonali;

47.

Barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istrutturi għall-edukazzjoni tat-tieni ċans għall-ex sportivi u għall-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja tax-xogħol ta’ wara l-isport professjonali;

48.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu mezzi kif itaffu l-piż finanzjarju fuq l-isportivi professjonisti bl-iktar pagi baxxi, li għandhom ħajja professjonali qasira u instabbli; Itenni li l-isportivi professjonisti, li huma kategorizzati bħala atelti, u li l-maġġoranza tal-qligħ tagħhom jiġi mill-isport, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet ta' sigurtà soċjali bħall-ħaddiema;

49.

Iqis li d-djalogu soċjali fl-isport huwa strument importanti biex jintlaħaq il-bilanċ bejn id-dritt fundamentali u d-drittijiet tal-impjieg tal-isportivi flimkien man-natura speċifika tal-isport;

50.

Jemmen li, fid-dimensjoni ekonomika tal-industrija sportiva f'evoluzzjoni kostanti, jeħtieġ titjib immedjat fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-isport f'oqsma kruċjali bħall-moviment liberu tal-ħaddiema u s-servizzi, il-libertà ta' stabbiliment, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat bil-għan li jiġi garantit li l-industrija tal-isport tieħu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-suq intern;

51.

Jenfasizza li l-isfruttament kummerċjali tad-drittijiet awdjoviżivi tal-kompetizzjonijiet sportivi fuq bażi kollettiva, esklużiva u territorjali huwa fundamentali, biex b’hekk jiġi garantit li l-qligħ jitqassam b'mod ġust bejn l-isport għal ftit parteċipanti u l-isport b'parteċipazzjoni tal-massa;

52.

Huwa tal-fehma li l-avvenimenti sportivi li huma meqjusa bħala importanti ħafna għas-soċjetà għandhom ikunu aċċessibbli għall-akbar firxa possibbli ta’ nies; jitlob lill-Istati li għadhom m’għamlux dan biex jieħdu miżuri biex jiżguraw li x-xandara taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jxandrux tali avvenimenti fuq bażi esklużiva;

53.

Jirrikonoxxi d-dritt tal-ġurnalisti li jaċċessaw u jirrapportaw dwar l-avvenimenti sportivi organizzati ta’ interess pubbliku sabiex jipproteġu d-dritt tal-pubbliku li jirċievi aħbarjiet u informazzjoni indipendenti dwar avvenimenti sportivi;

54.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproteġu d-dritt tal-proprjetà intelletwali fuq il-kontenut sportiv f’konformità mad-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni;

55.

Iqis li l-imħatri sportivi jikkostitwixxu forma ta’ sfruttament kummerċjali tal-kompetizzjonijiet u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproteġu lil dawn tal-aħħar minn kull użu mhux awtorizzat, minn operaturi mingħajr liċenzja u minn suspetti ta’ xiri tal-logħob, b’mod partikolari billi jirrikonoxxu d-dritt tal-proprjetà tal-organizzaturi fuq il-kompetizzjonijiet tagħhom, jiggarantixxu kontribut tal-operaturi tal-imħatri sportivi għall-finanzjament tal-isport b'parteċipazzjoni tal-massa u dak popolari u jipproteġu l-integrità tal-kompetizzjonijiet b'enfasi fuq l-edukazzjoni tal-atleti; iqis madankollu li tali drittijiet tal-proprjetà m’għandhomx ikunu ta’ ħsara għad-dritt tar-rappurtar fil-qosor kif stipulat fid-Direttiva 2007/65/KE (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva);

56.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex hija tiddefinixxi l-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, billi jiġi ppreċiżat x’tip ta’ appoġġ pubbliku huwa legali sabiex jitwettqu l-missjonijiet soċjali, kulturali u edukattivi tal-isport;

57.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu b’mod effiċjenti kontra l-korruzzjoni u biex jissalvagwardjaw l-etika sportiva; iqis għaldaqstant li huwa indispensabbli li f’kull pajjiż jidħlu fis-seħħ regoli stretti ta’ kontroll finanzjarju tal-klabbs;

58.

Jinkoraġġixxi lill-assoċjazzjonijiet sportivi jikkoperaw mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, fost affarijiet oħrajn, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex ikun hemm approċċ xieraq u effiċjenti fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob u frodi oħra fl-isport.

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex tassigura l-finanzjamenti tal-isport iġġenerat mil-lotteriji;

60.

Jindika li l-introduzzjoni mill-Kummissjoni tal-kontabilità satellitari fis-settur tal-isport huwa ferm f'waqtu, għaliex jippermetti li ssir evalwazzjoni fil-livell nazzjonali f'konformità ma' standards uniformi tal-attivitajiet marbuta mal-isport, li tagħmel possibbli l-kxif ta' anomaliji u tagħti valur miżjud lill-ekonomija Ewropea u lis-suq uniku;

61.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw b’mod konkret l-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-koperazzjoni stretta fil-kamp tekniku u ta’ riċerka fil-qasam tal-isport;

62.

Iqis li r-rwol tal-entitajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport huwa fundamentali minħabba li l-kompiti istituzzjonali tagħhom jinkludu l-għoti ta' servizzi lill-pubbliku fil-qasam sportiv u l-allokazzjoni ta' finanzjament għall-attivitajiet sportivi u għall-faċilitajiet li jeħtieġu;

63.

Jinsisti li l-isport popolari għandu jibbenefika mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Soċjali Ewropew, li għandhom jippermettu li jsir investiment fl-infrastruttura sportiva, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-Unjoni bi programm tal-baġit speċifiku fil-qasam tal-isport, kif inhu possibbli issa taħt l-Artikolu 165 TFUE;

L-organizzazzjoni tal-isport

64.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrutturi sportivi fl-Ewropa huma bbażati fuq il-prinċipji tan-nazzjonalità u t-territorjalità;

65.

Jerġa’ jafferma l-impenn tiegħu lejn il-mudell sportiv Ewropew, li fil-qalba tiegħu l-federazzjonijiet għandhom rwol ċentrali u li l-bażi tiegħu hija ffurmata minn protagonisti varji, inkluż partitarji, plejers, klabbs, leagues, assoċjazzjonijiet u voluntiera, li għandhom rwol fundamentali fl-appoġġ tal-istruttura tal-isport kollha kemm hi;

66.

Jitlob sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-volontiera fl-isport madwar l-UE;

67.

Jenfasizza l-irwol importanti tal-korpi lokali fil-promozzjoni tal-isport fis-soċjetà kollha u jappella lil dawn il-korpi biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-fora Ewropej għad-dibattitu u d-djalogu mmirati lejn id-dinja tal-isport;

68.

Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni għall-awtonomija u l-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f’konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tar-responsabilità u tad-demokrazija, u jenfasizza l-bżonn għal politika ta’ tolleranza zero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jenfasizza l-bżonn għal rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

69.

Jappella lill-Istati Membri u lill-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport biex jistimulaw b’mod attiv l-irwol soċjali u demokratiku tal-partitarji sportivi li jappoġġaw il-prinċipji tal-fair play, billi jippromwovu l-involviment tagħhom fl-istrutturi ta’ sjieda u tmexxija fil-klabbs sportivi tagħhom u bħala partijiet interessati importanti fl-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport;

70.

Jafferma li l-klabbs sportivi għandhom iħallu l-plejers tagħhom jilagħbu meta dawn jintgħażlu għat-tim nazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għas-suċċess ta' turnaments prinċipali tat-tim nazzjonali, li jafu ma jkunux jinkludu mekkaniżmi ta' assigurazzjoni, u enfasizza li ma jistax jiġi applikat approċċ wieħed li japplika għall-isport kollu;

71.

Jenfasizza li t-taħriġ tal-plejers fil-livell lokali u l-investimenti fl-edukazzjoni tal-isport huma meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-moviment sportiv fl-Ewropa u għat-tixrid tal-impatt pożittiv tiegħu fuq l-individwi u fuq is-soċjetà; iqis għalhekk li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-isport ta’ livell għoli ma jaffettwax l-iżvilupp tal-isportivi żgħażagħ, l-isport amatorjali u r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tal-isport popolari; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm ekwivalenza u rikonoxximent ta’ diplomi jew kwalifiki fl-isport;

72.

Itenni għaldaqstant l-impenn tiegħu lejn ir-regola tal-“plejers imrawma domestikament”, u jqisha bħala mudell adattat anke għal leagues professjonali oħra fl-Ewropa; jemmen li għandhom jiżdiedu l-isforzi tal-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport li jinkoraġġixxu t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ lokali fi ħdan il-limiti tal-liġi tal-UE, u b’hekk isaħħu l-bilanċ kompetittiv fil-kompetizzjonijiet u l-iżvilupp b’saħħtu tal-mudell sportiv Ewropew;

73.

Iqis li l-iżvilupp ta’ talent ġdid huwa wieħed mill-attivitajiet kruċjali ta’ klabb sportiv, u li dipendenza żejda fuq it-trasferiment tal-plejers tista’ ddgħajjef il-valuri sportivi;

74.

Jenfasizza l-importanza tal-allowances tat-taħriġ billi huma jikkostitwixxu mekkaniżmu ta’ protezzjoni effikaċi taċ-ċentri tat-taħriġ u huma redditu ġust għall-investiment;

75.

Iqis li l-professjoni tal-aġenti sportivi għandha tkun attività professjonali regolata, u soġġetta għal kwalifiki uffiċjali adegwati, u li r-residenza fiskali tal-aġenti sportivi hħandha tkun fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet ta’ trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tfassal u timplimenta, b'kooperazzjoni mal-federazzjonijiet sportivi, mal-unjins tal-plejers u mal-assoċjazzjonijiet tal-aġenti, sistema ta' liċenzji u ta' reġistrazzjoni Ewropea, flimkien ma' kodiċi ta' mġiba u mekkaniżmu ta' sanzjonijiet;

76.

Jipproponi l-istabbiliment min-naħa tal-federazzjonijiet sportivi ta’ reġistru Ewropew mhux pubbliku tal-aġenti sportivi, li fih dawn l-aġenti jelenkaw l-ismijiet tal-plejers li huma jirrappreżentaw, sabiex jiġu protetti dawk l-atleti, b'mod partikolari dawk ta' taħt it-18-il sena, biex b’hekk jiġu limitati r-riskji ta’ kunflitt ta’ interess; huwa tal-fehma li l-ħlas tal-miżati tal-aġenti għat-trasferimenti għandu jsir f'għadd ta' rati tul id-dewmien tal-kuntratt, li jidħol fih l-atleta bħala riżultat ta' trasferiment, u l-ħlas sħiħ għandu jiddependi fuq jekk il-kuntratt iseħħx jew le;

77.

Jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu d-dispożizzjonijiet regolatorji eżistenti li jirregolaw lill-aġenti/intermedjarji tal-plejers b’sanzjonijiet deterrenti u biex jimplimentaw dawn is-sanzjonijiet b’mod rigoruż;

78.

Jitlob lill-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport biex itejbu t-traparenza fir-rigward tal-attivitajiet tal-aġenti sportivi u biex jikkoperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiġu eliminati l-prattiki ta’ korruzzjoni;

79.

Jinsab sodisfatt bl-istudju li ntalab mill-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku u ġudizzjarju tat-trasferimenti tal-plejers; iqis, barra minn hekk, li jixraq li jiġu appoġġati l-inizjattivi tal-federazzjonijiet sportivi bl-għan li l-ewwel u qabel kollox tiġi introdotta t-trasparenza fit-trasferimenti internazzjonali;

80.

Jesprimi l-fehma li s-sistemi implimentati mill-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport, li jżidu t-trasparenza fit-trasferimenti internazzjonali tal-plejers, huma pass fid-direzzjoni t-tajba, billi jissodisfaw il-prinċipju ta’ governanza tajba u għandhom l-għan li jiżguraw l-integrità fil-kompetizzjonijiet sportivi;

81.

Juri biċ-ċar l-appoġġ tiegħu għas-sistemi tal-għoti tal-liċenzji u għall-fair play finanzjarju, minħabba li jħeġġu lill-klabbs jikkompetu skont il-kapaċità finanzjarja reali tagħhom;

82.

Iqis li dawn il-miżuri qed jgħinu biex titjieb il-governanza, tinżamm l-istabilità finanzjarja fit-tul u s-sostenibilità tal-klabbs u qed jikkontribwixxu biex ikun hemm ġustizzja finanzjarja fil-kompetizzjonijiet Ewropej, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-konformità ta’ tali regoli mal-liġi tal-UE;

83.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-federazzjonijiet sportivi bl-għan li jiġi pprojbit ix-xiri b’time-share ta’ klabbs sportivi involuti fl-istess kompetizzjoni; iqis li kull operatur tal-imħatri għandu jiġi pprojbit milli jkollu kontroll fuq organizzatur tal-kompetizzjonijiet jew fuq xi parteċipant, hekk kif kull organizzatur tal-kompetizzjonijiet jew xi parteċipant għandhom jiġu pprojbiti li jkollhom kontroll fuq operatur li jipproponi mħatri fuq l-avvenimenti li huwa jorganizza jew li jipparteċipa fihom;

84.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa kollha biex jipprevienu u jikkastigaw l-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-integrità tal-isport, u jagħmlu dawn l-attivitajiet reati kriminali; b’mod partikolari dawk marbuta mal-attivitajiet tal-imħatri, jiġifieri li jinvolvu l-manipulazzjoni intenzjonali u frawdolenta tar-riżultat ta’ kompetizzjoni jew ta’ xi waħda mill-fażijiet tagħha bl-għan li jinkiseb vantaġġ li ma jinkisibx la permezz tal-prattika normali tal-isport u lanqas permezz tal-inċertezza tagħha;

85.

Iħeġġeġ lill-federazzjonijiet sportivi biex jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri sabiex jipproteġu l-integrità tal-isport;

86.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled in-nuqqas ta’ trasparenza tat-trasferimenti u x-xiri tal-logħob, kif stipulat fl-istrateġija tal-UE kontra l-korruzzjoni, billi tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali f’dan il-qasam;

87.

Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-eżistenza ta’ fenomeni ta’ ksur gravi fl-isport, pereżempju l-ħasil tal-flus, u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni bejniethom fil-ġlieda kontra dawn il-fenomeni u biex jiżguraw aktar trasparenza fit-tranżazzjonijiet finanzjarji li jitwettqu fil-qafas tat-trasferimenti tal-isportivi u l-attivitajiet tal-aġenti;

88.

Jikkonferma li l-istrumenti maħsuba biex iħeġġu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, dawk sportivi u l-operaturi tal-imħatri fil-proċessi li fihom jiġu trattati l-każijiet ta’ frodi fl-isport għandhom jiġu żviluppati u li għandha tiġi ppjanata kollaborazzjoni bejn il-Europol u l-Eurojust;

89.

Jirrikonoxxi l-leġittimità tal-ġuriżdizzjonijiet sportivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tal-isport, sakemm dawn ikunu jirrispettaw id-dritt fundamentali taċ-ċittadini ta’ smigħ ġust; jitlob biex il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isports (QAS) tqis id-dispożizzjonijiet legali tal-UE meta tkun qed issolvi tilwim relatati mal-isport fi ħdan l-UE li jkun tilwim li jseħħ fl-UE;

90.

Jitlob lill-Kummisjoni biex sal-2012 tippreżenta proposta li tippermetti li wieħed jifhem aħjar l-ispeċifiċità tal-isport, u li din tiġi implimentata b’mod konkret, billi jiġi osservat il-ħin kollu dak li hemm imniżżel fl-Artikolu 165 TFUE;

Il-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi u ma’ għaqdiet internazzjonali

91.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw mal-pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet bħat-trasferimenti tal-plejers internazzjonali, l-isfruttament tal-plejers minorenni, l-iffissar tar-riżultati tal-logħob, il-piraterija u l-imħatri illegali; jenfasizza wkoll l-importanza li tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp tal-isport fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp;

92.

Jistenna bil-ħerqa r-riżultati tas-sistemi mwaqqfa biex tiġi ssorvaljata t-trasparenza, il-fair play finanzjarju, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-sistema tikkonforma mal-leġiżlazzjoni u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jistieden lill-SGBs jgħaqqdu d-data mis-Sistema ta' Korrispondenza tat-Trasferimenti ma sistemi oħrajn kontra l-korruzzjoni biex ikun hemm monitoraġġ aktar effikaċi għall-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob;

93.

Jisħaq fuq il-ħtieġa biex jiġu indirizzati l-operaturi mhux awtorizzati tal-logħob tal-azzard, dawk ibbażati fl-UE u dawk li mhumiex, peress li dawn jisgħu jevitaw is-sistemi ta' monitoraġġ ta' frodi sportiva;

94.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, f’koperazzjoni sħiħa ma’ pajjiżi terzi, l-osservanza ġenerali tar-regoli u r-regolamenti Olimpiċi;

95.

Jitlob lill-klabbs biex jiżguraw ir-rispett tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni meta jiġu reġistrati żgħażagħ minn pajjiżi terzi u biex jiżguraw li t-termini kollha tal-kuntratt tagħhom ikunu konformi mal-liġi fis-seħħ; jitlob li jekk dawn ikunu jixtiequ huma jkunu jistgħu jerġgħu lura f’kundizzjonijiet tajbin fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom l-iktar jekk il-karriera tagħhom ma taqbadx; f’dan ir-rigward jenfasizza li d-dħul fis-seħħ effettiv tal-leġiżlazzjoni huwa essenzjali;

96.

Jinsisti dwar il-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-minorenni fit-trasferimenti internazzjonali; fil-fatt huwa tal-opinjoni li t-trasferimenti internazzjonali jistgħu jkunu ta’ periklu għall-atleti żgħażagħ li, peress li jkollhom jitilqu lil familthom u minn pajjiżhom ta’ età żgħira, ikunu partikolarment vulnerabbli u għalhekk l-organizzaturi sportivi għandhom jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa;

97.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jippromwovu, minkejja r-regoli jew l-obbligi imposti fuq in-nisa relatati ma' fatturi kulturali, tradizzjonali, storiċi jew reliġjużi fis-soċjetà, il-libertà assoluta kemm għan-nisa, kif ukoll għall-irġiel li jeżerċitaw kull tip ta' sport;

L-identità Ewropea permezz tal-isport

98.

Jitlob lill-Kummissjoni testendi l-programmi eżistenti li jippromwovu l-isport bħala strument tal-politika tal-iżvilupp tagħha u tniedi inizjattivi ġodda f’dan il-qasam;

99.

Jistieden lill-Kummissjoni biex:

torganizza annwalment “Jum Ewropew tal-Isport” li jippromwovi l-irwol soċjali u kulturali tal-isport tad-dilettanti u dak professjonali u l-vantaġġi tal-isport f’termini ta’ saħħa pubblika;

tappoġġa l-fatt li kull sena tintgħażel “Belt Kapitali Ewropea tal-Isport”, taħt it-tmexxija tal-ACES (Assoċjazzjoni tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Isport), bl-appoġġ finanzjarju u l-kontrolli meħtieġa;

tappoġġa l-Isport Lokali, Tradizzjonali u Indiġenu li huwa parti mid-diversità kulturali u storika rikka tal-UE, u dan jissimbolizza t-tema “Magħquda fid-diversità”, billi jżid l-għarfien ta’ dan il-logħob permezz, inter alia, tal-promozzjoni ta’ mappa Ewropea u ta’ festivals Ewropej;

twaqqaf programm ta’ mobilità u miżuri rilevanti għall-atleti żgħażagħ amatorjali u kowċis biex dawn ikunu jistgħu jitgħallmu metodi ta’ taħriġ ġodda, jistabbilixxu l-aħjar prattika u jiżviluppaw il-valuri Ewropej permezz tal-isport pereżempju l-fair play, ir-rispett u l-inklużjoni soċjali u jippromwovu d-djalogu interkulturali;

tgħin biex jiġi ffaċilitat programm ta’ mobilità għall-iskambju ta’ kowċis tal-isport;

taħdem mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi biex tipproteġi l-integrità fundamentali tal-isport popolari;

tappoġġa l-ħidma tal-Istati Membri dwar il-ġbir tad-dejta u r-riċerka sabiex isir skambju tal-aqwa prattika;

100.

Jissuġġerixxi li tittajjar il-bandiera Ewropea waqt l-avvenimenti sportivi ewlenin organizzati fit-territorju tal-UE u jissuġġerixxi li l-federazzjonijiet sportivi jikkunsidraw l-idea li din tkun tidher fuq il-flokk tal-atleti tal-Istati Membri, flimkien mal-bandiera nazzjonali; jenfasizza li d-deċiżjoni dwar din l-għażla għandha ssir fuq bażi kompletament volontarja u hija f’idejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi jekk jagħmlux użu minn din l-alternattiva;

*

* *

101.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-federazzjonijiet sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.


(1)  ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 605.

(2)  ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1067.

(3)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 590.

(4)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 143.

(5)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 292.

(6)  ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 232.

(7)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 131.

(8)  ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 51.

(9)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.

(10)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 30.

(11)  P7_TA(2011)0316.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2010)0498.

(13)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.

(14)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(15)  Almaty, Kazakistan, mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2006.

(16)  CdR 66/2011 fin.

(17)  CESE 1594/2011 – SOC /413.