6.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 227/25


Il-Ħamis 19 ta’ Jannar 2012
Kif nevitaw il-ħela ta' ikel

P7_TA(2012)0014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE (2011/2175(INI)

(2013/C 227 E/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament u l-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-Iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 rigward il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (6),

wara li kkunsidra l-istudju preparatorju dwar l-iskart tal-ikel fost l-UE 27 – DĠ Ambjent, Kummissjoni Ewropea (2010),

wara li kkunsidra l-istudju tal-FAO (2011) dwar it-telf tal-ikel globali u l-ħela tal-ikel (‘Global food losses and food waste’),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0430/2011),

A.

billi kull sena fl-Ewropa ammont dejjem ikbar ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u li jista’ jittiekel – skont xi kalkoli, sal-50% minn dan – jintilef tul il-proċessi tal-katina tal-ikel, f'ċerti każijiet mal-katina sħiħa sal-konsumatur, u jsir skart;

B.

billi studju li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni jikkalkula li l-ġenerazzjoni annwali ta’ skart mill-ikel fis-27 Stati Membru hija ta’ madwar 89 miljun tunnellata, jiġifieri 179 kg għal kull persuna, b’varjabbiltà għolja bejn il-pajjiżi individwali u bejn is-setturi differenti, mingħajr ma jiffoka fuq il-ħela li sseħħ waqt il-produzzjoni fil-qasam agrikolu jew il-qabdiet tal-ħut li jitwaddab lura fil-baħar; billi sal-2020 il-ħela tal-ikel totali se tkun żdiedet għal bejn wieħed u ieħor 126 miljun tunnellata (żieda ta' 40%), sakemm ma jittiħdux azzjonijiet jew miżuri preventivi addizzjonali;

C.

billi fl-Unjoni Ewropea għad hemm 79 miljun persuna jgħixu taħt il-livell tal-faqar, li jfisser li aktar minn 15% taċ-ċittadini tal-UE għandhom dħul nett ta’ inqas minn 60% tad-dħul medju tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom; billi, minn dawn, 16-il miljun persuna ngħataw għajnuna għall-ikel mingħand entitajiet tal-karità;

D.

billi ċ-ċifri allarmanti li ġew żvelati mill-FAO, li skonthom bħalissa 925 miljun persuna fid-dinja jinsabu f’riskju ta’ malnutrizzjoni, u billi dawn iċ-ċifri juru li qed isir dejjem aktar diffiċli li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li għandhom il-mira li jnaqqsu l-faqar u l-ġuħ bin-nofs sal-2015;

E.

billi, skont studji mwettqa mill-FAO, iż-żieda mistennija fil-popolazzjoni dinjija minn 7 sa 9 biljun persuna se tfisser żieda ta’ mill-inqas 70% fil-provvista tal-ikel sal-2050;

F.

billi l-produzzjoni dinjija tal-qamħ żdiedet minn 824 miljun tunnellata fl-1960 għal madwar 2,2 biljun tunnellata fl-2010, b'27 miljun tunnellata miżjuda mal-produzzjoni kull sena; billi, jekk il-produzzjoni agrikola globali tkompli b'din ix-xejra, sal-2050 iż-żieda fil-produzzjoni tal-qamħ meta mqabbla maċ-ċifri ta’ llum għandha tkun biżżejjed biex titma' l-popolazzjoni tad-dinja; billi, sadanittant, it-telf wara l-ħsad jammonta għal madwar 14% tal-produzzjoni totali, filwaqt li 15% oħra jintilef fid-distribuzzjoni u fil-ħela fid-djar, tlieta minn kull ħamsa taż-żieda totali tal-provvista li se jkun hemm bżonn fl-2050 jistgħu jinġabru sempliċiment jekk nieqfu naħlu l-ikel;

G.

billi t-tnaqqis fil-ħela mill-ikel huwa pass preliminari sinjifikanti fil-ġlieda kontra l-ġuħ fid-dinja, iwieġeb għaż-żieda fid-domanda mbassra mill-FAO kif ukoll biex jitjieb il-livell ta' nutrizzjoni tal-popolazzjoni;

H.

billi anqas ħela tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-art, immaniġġjar aħjar tar-riżorsi tal-ilma, u riperkussjonijiet pożittivi għas-settur agrikolu sħiħ mad-dinja kollha, kif ukoll it-tħeġġiġ tal-ġlieda kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

I.

billi l-ħela tal-ikel toħloq konsegwenzi mhux biss etiċi, ekonomiċi, soċjali u nutrittivi iżda wkoll dawk tas-saħħa u ambjentali, ladarba l-muntanji ta' ikel mhux ikkunsmat iwasslu għal aktar tisħin globali u l-ħela tal-ikel tipproduċi l-metanu, li bħala gass b'effett ta' serra huwa 21 darba aktar b'saħħtu mid-dijossidu tal-karbonju;

J.

billi l-ħela tal-ikel mill-konsumaturi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw hija minima; u billi kwalunkwe ħela tal-ikel f'dawk il-pajjiżi hija prinċipalment dovuta għal limitazzjonijiet finanzjarji u tekniċi tul il-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-ikel;

K.

billi fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, fid-deċennji preċedenti, meta l-produzzjoni tal-ikel kienet abbundanti, il-ħela tal-ikel ma kinitx prijorità politika, u dan wassal għal żieda ġenerali fil-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista tal-ikel; billi fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq l-ħela tal-ikel hija marbuta fil-biċċa l-kbira tagħha mal-istadju tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tad-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-produzzjoni, il-ħsad, l-ipproċessar u t-trasport huma l-istadji fejn it-telf huwa l-aktar komuni;

L.

billi, skont l-istudji riċenti, għal kull kilogramma ta' ikel prodott 4.5kg ta' CO jiġu rilaxxati fl-atmosfera; billi fl-Ewropa il-madwar 89Mt ta' ikel moħli jipproduċi 170Mt CO ekwi./fis-sena, maqsum kif ġej: l-industrija tal-ikel 59 Mt CO ekwi./fis-sena, konsum domestiku 78 Mt CO ekwi./fis-sena, oħrajn 33 Mt CO ekwi./fis-sena; billi l-produzzjoni tat-30% tal-ikel li jispiċċa ma jittikilx hija responsabbli għal 50% addizzjonali ta' użu tar-riżorsi tal-ilma għall-irrigazzjoni, filwaqt li l-produzzjoni ta' kilogramma ċanga teħtieġ 5-10 tunnellati ilma;

M.

billi t-theddida għas-sigurtà tal-ikel hija akkumpanjata minn flaġelli opposti fil-pajjiżi sinjuri bħall-obeżità, il-mard kardjovaskulari u l-kanċers li jirriżultaw minn dieta li fiha wisq xaħmijiet u proteini, bir-riżultat li l-għadd ta’ persuni fid-dinja li jieklu żżejjed hu daqs l-għadd ta’ dawk li ma jiklux biżżejjed u għandhom nutrizzjoni ħażina;

N.

billi t-tnaqqis reċenti fil-fatturi ta' produzzjoni jmur kontra l-bżonn li tiżdied il-provvista tal-ikel fl-UE;

O.

billi l-appoġġ li jingħata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-effiċjenza tal-katini tal-provvista tal-ikel tagħhom jista’ jkun ta’ benefiċċju dirett għall-ekonomiji lokali u għat-tkabbir sostenibbli ta’ dawn it-territorji u, b’mod indirett, jgħin il-bilanċ tal-kummerċ dinji tal-prodotti agrikoli u r-ridistribuzzjoni tar-riżorsi naturali;

P.

billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livelli Ewropew u internazzjonali, kif ukoll l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ta' importanza ewlenija fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel mad-dinja kollha;

Q.

billi għadd li kulma jmur dejjem jikber ta’ Stati Membri qed jieħdu inizjattivi biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-ħela tal-ikel, kif ukoll dwar kif din tista’ titnaqqas u dwar il-promozzjoni ta’ kultura xjentifika u ċivili ggwidata mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà;

R.

billi l-ħela tal-ikel isseħħ mal-katina tal-provvista tal-ikel kollha – mill-istadju tal-produzzjoni agrikola, għall-istadji tal-ħżin, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il-ġestjoni u l-konsum;

S.

billi r-responsabbiltà primarja għas-sigurtà tal-ikel u għall-indirizzar tal-ħela tal-ikel li tista’ tiġi evitata hi tal-atturi tal-katina tal-provvista tal-ikel;

T.

billi ċerti Stati Membri jipprojbixxu l-ikel milli jinbiegħ bi prezz aktar baxx mill-prezz ta' kemm iqum, li jtellef l-opportunità lill-bejjiegħa li jbiegħu ikel frisk mhux mibjugħ bi prezz aktar baxx lil konsumaturi lejn l-aħħar tal-ġurnata u b'hekk jikkontribwixxu aktar għall-ħela fil-katina tal-provvista tal-ikel;

U.

billi r-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi li ġie adottat reċentement jistabbilixxi b'mod ċar li l-ikel li jkollu data “uża sa” jrid jitqies bħala mhux sikur wara l-iskadenza tad-data msemmija;

V.

billi l-Forum ta' Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa li Tiffunzjona Aħjar u r-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli qed jaħdmu favur it-titjib tal-effiċjenza u s-sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel;

1.

Jemmen li s-sigurtà tal-ikel hija dritt bażiku tal-bniedem li jista’ jitwettaq permezz tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-użu u l-istabbiltà temporali ta’ dieta tajba, suffiċjenti, xierqa u nutrittiva; jenfasizza li l-produzzjoni tal-ikel mad-dinja hija kkundizzjonata minn numru ta' fatturi, inkluża n-natura limitata tar-riżorsi naturali vis-à-vis l-popolazzjoni globali dejjem tikber u l-aċċess limitat għall-ikel mill-klassijiet l-aktar vulnerabbli;

2.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u l-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jindirizzaw b'mod urġenti l-problema tal-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista u tal-konsum u biex jitfasslu linji gwida u mezzi ta' appoġġ biex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel settur b'settur u jħeġġiġhom sabiex dan isir prijorità fl-aġenda politika Ewropea; f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza tal-ħidma li għaddejja kemm fil-Forum ta' Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel fl-Ewropa li Taħdem Aħjar kif ukoll ir-Roundtable dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli, fosthom rigward ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi ttrattata l-ħela tal-ikel;

3.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ammont konsiderevoli ta’ ikel jintrema kuljum, minkejja li jkun perfettament tajjeb biex jittiekel u li l-ħela tal-ikel twassal għal problemi ambjentali u etiċi u prezz ekonomiku u soċjali, li joħolqu sfidi għas-suq intern għan-negozji u għall-konsumaturi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kawżi u l-konsegwenzi tar-rimi, il-ħela u r-rimi f’landfills kull sena fl-Ewropa ta’ madwar 50% tal-ikel li jiġi prodott, u sabiex tiżgura li din l-analiżi tkun tinkludi analiżi preċiża tal-ħela kif ukoll valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, ambjentali, nutrittivi u soċjali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex barra minn hekk tiżviluppa miżuri prattiċi biex sal-2025 il-ħela tal-ikel titnaqqas b'nofs u biex fl-istess ħin tiġi evitata l-produzzjoni tal-bijoskart;

4.

Jinnota li l-ħela tal-ikel għandha numru ta' kawżi: produzzjoni żejda, immirar ħażin tal-prodotti (daqs jew forma mhux adattati), deterjorament tal-prodott jew tal-imballaġġ tiegħu, regoli tal-kummerċjalizzazzjoni (problemi ta' apparenza jew imballaġġ difettuż), u l-ġestjoni tal-istokk jew strateġiji tas-suq mhux adegwati;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' politika ta' infurzar fir-rigward tal-ħela tal-ikel; jispera li l-politika ta' infurzar tat-trattament tal-iskart tul il-katina tal-ikel se tkun adottata billi jiġi applikat il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”;

6.

Iqis li, sabiex tonqos kemm jista' jkun il-ħela tal-ikel, huwa meħtieġ li jkunu involuti l-parteċipanti kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex jidħlu fil-mira l-kawżi varji tal-ħela settur b'settur; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi tal-katina tal-provvista kollha biex tidentifika liema setturi tal-ikel għandhom l-ikbar ammont ta’ ħela tal-ikel u x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-FAO biex tistabbilixxi miri komuni fir-rigward tat-tnaqqis dinji fil-ħela tal-ikel;

8.

Jinnota li l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel għandha tiġi indirizzata mill-perspettiva tal-effiċjenza tar-riżorsi u jappella lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi speċifiċi ffukati fuq il-ħela tal-ikel taħt l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” biex tiżgura li din il-kwistjoni tingħata l-attenzjoni u l-ħolqien ta’ kuxjenza daqs il-kwistjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, minħabba li dawn huma importanti bl-istess mod għall-ambjent u għall-futur tagħna;

9.

Jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-iskart mill-ikel għall-Istati Membri, bħala parti mill-miri għall-prevenzjoni tal-iskart għall-Istati Membri sal-2014, kif rakkomandat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-2008;

10.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-ħela tal-ikel titnaqqas tul il-katina tal-ikel, mill-għalqa sal-mejda tal-konsumatur; jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija koordinata segwita minn azzjonijiet konkreti, inkluż skambju tal-aħjar prattiki, f’livell Ewropew u nazzjonali, bil-għan li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri ħalli tiġi evitata l-ħela tal-ikel u biex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel; jemmen li dan jista’ jinkiseb billi jiġu promossi relazzjonijiet diretti bejn il-produtturi u l-konsumaturi u billi tiqsar il-katina tal-provvista tal-ikel, kif ukoll billi jsir appell lill-partijiet konċernati kollha biex jieħdu responsabbiltà kondiviża akbar u jinkoraġġihom isaħħu l-koordinazzjoni sabiex itejbu aktar il-loġistika, it-trasport, il-ġestjoni tal-istokk u l-imballaġġ;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki, billi jinġabar it-tagħrif minn fora u pjattaformi relevanti bħall-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut tal-UE dwar is-Sostenibbiltà, ir-Roundtable Ewropea għall-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli tal-Ikel, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, in-Netwerk Informali tal-Istati Membri “Friends of Sustainable Food”, il-Forum tal-Prodotti tal-Konsumatur, eċċ.;

12.

Jappella lill-Kummissjoni biex waqt it-tfassil tal-politiki ta’ żvilupp tappoġġja azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-ħela tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn il-metodi tal-produzzjoni, il-ġestjoni wara l-ħsad, l-infrastrutturi u l-proċessi tal-ipproċessar u tal-imballaġġ huma problematiċi u inadegwati; jissuġġerixxi t-tħeġġiġ tal-modernizzazzjoni tat-tagħmir u l-infrastruttura agrikoli sabiex jitnaqqas it-telf ta' wara l-ħsad u jiġi estiż iż-żmien li l-prodott jibqa’ tajjeb għall-ikel; barra minn hekk jemmen li titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel jista' jgħin lill-pajjiżi kkonċernati biex jilħqu l-awtosuffiċjenza tal-ikel;

13.

Jitlob biex il-miżuri ta' appoġġ jiġu mmirati mill-ġdid fil-livell tal-UE rigward id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għaċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati tal-Unjoni, l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għat-tfal tal-iskola, u l-programm għat-tħeġġiġ tal-konsum ta' frott fl-iskejjel bil-għan li tiġi evitata l-ħela tal-ikel;

14.

Jinnota li teżisti konfużjoni dwar id-definizzjoni tal-espressjonijiet ‘ħela tal-ikel’ u ‘bijoskart’; jikkunsidra li, skont it-tifsira komuni tiegħu, ‘ħela tal-ikel’ tfisser l-ikel li jintrema mill-katina tal-provvista tal-ikel għal raġunijiet ekonomiċi jew estetiċi jew minħabba li d-data ‘uża sa’ tkun qorbot, iżda li xorta waħda jkun perfettament tajjeb biex jittiekel u jiġi kkunsmat mill-bniedem u li, fin-nuqqas ta’ użu alternattiv, jitneħħa u jintrema bir-riżultat li joħloq esternalitajiet negattivi mil-lat ambjentali, spejjeż ekonomiċi u ta’ telf ta’ qligħ għan-negozji;

15.

Jinnota li fl-Ewropa ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata għall-ħela tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva li tiddefinixxi l-‘ħela tal-ikel’ u f’dan il-kuntest biex tistabbilixxi wkoll definizzjoni separata ta' residwi tal-ikel għall-bijofjuwils jew bijoskart, li huma differenti minn ħela tal-ikel ordinarju għax jerġgħu jintużaw għal skopijiet enerġetiċi;

16.

Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jagħmluha possibbli għall-bejjiegħa bl-imnut li jnaqqsu b'mod sostanzjali l-prezz tal-ikel frisk b’mod li jkun irħas mill-ispiża tal-produzzjoni meta toqrob id-data tal-iskadenza tiegħu, sabiex jonqos l-ammont ta' ikel mhux mibjugħ li jintrema u joffri possibbiltà lill-konsumaturi b'introjtu disponibbli aktar baxx biex jixtru ikel ta' kwalità tajba bi prezzijiet irħas;

17.

Jixtieq jenfasizza li minħabba l-karatteristiċi tagħha l-agrikoltura hija effiċjenti f'sens ta' riżorsi u jista’ jkollha rwol importanti u minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġiżlattivi l-ġodda dwar l-agrikoltura, il-kummerċ u d-distribuzzjoni tal-ikel tinkludi miżuri ambizzjużi f'din id-direzzjoni; jittama li jsir investiment konġunt fir-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-edukazzjoni, pariri u innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura biex titnaqqas il-ħela tal-ikel kif ukoll biex il-konsumaturi jiġu edukati u mħeġġa biex jadottaw imġiba aktar responsabbli u konxja li tipprevjeni l-ħela tal-ikel;

18.

Huwa tal-opinjoni li r-rekwiżiti tal-kwalità relatati mal-apparenza, sew jekk huma imposti minn leġiżlazzjoni Ewropea jew nazzjonali u sew jekk huma imposti minn regoli interni tal-kumpaniji, li jistipolaw b’mod partikolari d-daqs u l-għamla tal-frott u l-ħaxix frisk, huma l-kawża ta’ ħafna rimi bla bżonn, li jżid l-ammont ta’ ikel moħli; jitlob lill-partijiet konċernati jirrikonoxxu u jispjegaw il-valur nutrittiv tal-prodotti agrikoli b'għamla jew qies mhux perfetti sabiex jitnaqqas il-volum ta' prodotti mormija;

19.

Jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE) li tiddefinixxi l-prodotti sekondarji, minħabba li n-nuqqas ta’ ċarezza legali taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-distinzjoni bejn dak li hu skart u dak li mhux, jista’ jxekkel l-użu effiċjenti tal-prodotti sekondarji;

20.

Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, lill-proċessuri u lill-bejjiegħa bl-imnut biex jiżviluppaw linji gwida ħalli jindirizzaw il-ħela tal-ikel li tista' tiġi evitata u biex jimplimentaw effiċjenza tar-riżorsi akbar fis-sezzjoni tagħhom tal-katina tal-provvista tal-ikel, biex kontinwament jaħdmu ħalli jtejbu l-ipproċessar, l-imballaġġ u t-trasport ħalli tonqos il-ħela tal-ikel bla bżonn;

21.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki u jippromwovu kampanji li jqajmu l-kuxjenza pubblika biex jinformaw lill-pubbliku dwar il-valur tal-ikel u l-prodotti agrikoli, il-kawżi u l-konsegwenzi tal-ħela tal-ikel u dwar kif din tista’ titnaqqas, u b’hekk irawmu kultura xjentifika u ċivili ggwidata mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u tas-solidarjetà; jappella lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni tal-ikel, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inklużi l-kulleġġi, li jispjegaw, pereżempju, kif wieħed jaħżen, isajjar u jarmi l-ikel, u b'hekk tiġi mħeġġa imġiba aħjar; jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi muniċipali, flinkien mal-bejjiegħa bl-imnut u l-midja, fl-għoti ta’ informazzjoni u appoġġ liċ-ċittadini rigward il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel;

22.

Jilqa’ l-inizjattivi li diġà ġew żviluppati f’diversi Stati Membri u li għandhom l-għan li jirkupraw, fuq livell lokali, prodotti mhux mibjugħa u mormija tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel biex jiddistribwuhom mill-ġdid għall-benefiċċju taċ-ċittadini li d-dħul tagħhom huwa inqas mil-limitu minimu u li għaldaqstant m’għandhomx poter tal-akkwist; jisħaq fuq l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward bejn l-Istati Membri, kif ukoll tal-inizjattivi fil-livell lokali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-kontribut siewi, minn naħa waħda, ta’ voluntiera fit-tqassim u d-distribuzzjoni ta’ prodotti u, min-naħa l-oħra, dak ta’ kumpaniji professjonali li jiżviluppaw sistemi u azzjonijiet li jipprevjenu l-ħela;

23.

Jitlob lill-bejjiegħa bl-imnut biex jimpenjaw ruħhom għall-programmi ta' ridistribuzzjoni tal-ikel għaċ-ċittadini li huma nieqsa mill-poter tal-akkwist u biex jimplimentaw miżuri li jippermettu li prodotti li jkunu qed joqorbu lejn id-data tal-iskadenza jiġu mraħħsa;

24.

Jilqa' l-ħidma tal-kumpaniji u s-sħubiji professjonali fis-setturi pubbliku, privat, akkademiku u komunitarju ħalli jitfasslu u jiġu implimentati, fil-livell Ewropew, programmi ta' azzjoni kkoordinati biex jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel;

25.

Iqis li l-investiment f'metodi li jwasslu għal tnaqqis fil-ħela tal-ikel jaf jirriżulta fi tnaqqis fit-telf li jkollhom l-impriżi agroalimentari u, konsegwentement, tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, filwaqt li jitjieb l-aċċess għall-ikel ta’ gruppi ifqar tal-popolazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tidentifika l-mezzi biex tiġi stimolata parteċipazzjoni akbar fil-prattiki kontra l-ħela min-naħa tal-impriżi agroalimentari, tas-swieq bl-ingrossa, tal-ħwienet, tal-katini ta’ distribuzzjoni, tal-caterers pubbliċi u privati; tar-ristoranti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-NGOs; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-użu tal-internet u ta' teknoloġiji ġodda; jinnota, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-istabbiliment tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC) għall-ikel b’attenzjoni partikolari fuq, inter alia, il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel; jappella lill-Kummissjoni titlob lis-settur agroalimentari u lill-partijiet konċernati jerfgħu il-parti tagħhom tar-responsabbiltà għall-problema tal-ħela tal-ikel, b’mod partikolari billi jipprovdu porzjonijiet ta’ diversi daqsijiet u b’hekk jevalwaw x’benefiċċji joffru l-prodotti tal-ikel bi kwantitajiet kbar u jqisu aħjar lill-persuni li jgħixu weħidhom biex titnaqqas il-ħela tal-ikel u l-marka tal-karbonju tal-konsumaturi;

26.

Jitlob lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi ekonomiċi ħalli tiġi limitata l-ħela tal-ikel;

27.

Jenfasizza li l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra marbuta mal-produzzjoni, l-imballaġġ u t-trasport tal-ikel li jintrema huma emissjonijiet bla bżonn addizzjonali; jinnota li titjib fl-effiċjenza tal-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex tiġi evitata l-ħela tal-ikel u eliminata l-ħela tal-ikel li jista’ jittiekel, huwa pass ewlieni favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

28.

Jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra bidliet possibbli fir-regoli li jirregolaw l-appalt pubbliku għal servizzi tal-catering u tal-ospitalità sabiex fejn il-kundizzjonijiet l-oħra kollha jkunu l-istess, tingħata prijorità fl-għoti tal-kuntratti lill-impriżi li jiggarantixxu li jiddistribwixxu mill-ġdid bla ħlas kwalunkwe prodotti li ma jinbigħux lil kategoriji ta’ ċittadini li ma jkollhomx poter tal-akkwist, u li jippromwovu attivitajiet speċifiċi biex titnaqqis il-ħela upstream, bħal pereżempju billi tingħata preferenza lill-prodotti agrikoli u tal-ikel manifatturati kemm jista' jkun viċin tal-post tal-konsum;

29.

Jappella lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju billi tindirizza l-ħela tal-ikel fl-istituzzjonijiet tal-UE, u biex tieħu l-miżuri neċessarji u ta’ urġenza biex tonqos il-kwantità partikolarment kbira ta' ikel mormi kuljum fil-canteens tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE;

30.

Jappella lill-Kummissjoni tevalwa u tinkoraġġixxi miżuri biex titnaqqas il-ħela tal-ikel upstream, bħal pereżempju l-ittikkettar b’żewġ dati (“biegħ sa” u “uża sa”) u l-bejgħ bi prezz imraħħas tal-prodotti li jkunu qorbu biex jiskadu jew li jkollhom xi tip ta’ ħsara; jinnota li l-ottimizzazzjoni u l-użu effiċjenti tal-imballaġġ jaf ikollu rwol importanti għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel billi jitnaqqas l-impatt ambjentali globali tal-prodott, mhux l-inqas permezz ta’ disinni ekoloġiċi industrijali, li jinkludu miżuri bħall-varjetà ta' daqsijiet tal-pakketti biex tgħin lill-konsumaturi jixtru l-ammont it-tajjeb għal għoti ta' pariri dwar kif għandhom jinħażnu u jintużaw il-prodotti, u d-disinn tal-imballaġġ b’tali mod li jiżdied it-tul tal-ħajja tal-prodotti u jibqgħu friski, filwaqt li jkun żgurat li jintużaw il-materjali xierqa li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa jew għad-durabbiltà tal-prodotti għall-imballaġġ u l-preservazzjoni tal-ikel;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex toħroġ rakkomandazzjonijiet rigward it-temperaturi ta' tkessiħ, abbażi tal-evidenza li temperatura mhux ideali jew ħażina twassal biex l-ikel, qabel ma jiskadi, ma jibqax tajjeb biex jittiekel u tikkawża ħela bla bżonn; jenfasizza l-fatt li l-livelli armonizzati tat-temperatura fil-katina tal-provvista jtejbu l-konservazzjoni tal-prodotti u jnaqqsu l-ħela tal-ikel għal prodotti ttrasportati u kkumerċjalizzati b’mod transkonfinali;

32.

Ifakkar fir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni (L-għoti ta' kapaċità lill-konsumaturi fl-UE - SEC(2011)0469), skont liema stħarriġ 18% taċ-ċittadini Ewropej ma jifhmux it-tikketta ‘preferibbilment uża qabel’ (‘best before’); għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċċaraw it-tifsira tat-tikketti tad-dati (‘preferibbilment uża qabel (best before)’, ‘data ta' skadenza (expiry date)’ u ‘uża sa (use by)’) sabiex inaqqsu l-inċertezza tal-konsumaturi dwar jekk l-ikel ikunx għadu tajjeb biex jittiekel u jagħtu informazzjoni eżatta lill-pubbliku, b'mod partikolari li d-data tad-durabbiltà minima ‘preferibbilment uża qabel’ li tirreferi għall-kwalità, filwaqt li l-frażi ‘uża sa’ hija marbuta mas-sikurezza tal-prodott, ħalli tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet informati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika manwal faċli għall-utent dwar l-użu ta' ikel qrib id-data ta' skadenza tiegħu, filwaqt li tkun żgurata s-sikurezza tad-donazzjonijiet u l-għalf tal-annimali, u tibni fuq l-aħjar prattiki mill-partijiet konċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex, pereżempju, tlaqqa' l-provvista u d-domanda aktar malajr u b'mod aktar effettiv;

33.

Jappella lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jappoġġjaw inizjattivi maħsuba biex jippromwovu l-produzzjoni sostenibbli fuq skala żgħira u medja marbuta mas-swieq u mal-konsum lokali u reġjonali; jagħraf li s-swieq lokali huma sostenibbli mill-perspettiva ambjentali u li dawn jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-settur primarju; jitlob li l-politika agrikola komuni tal-ġejjieni tiżgura finanzjament xieraq għall-promozzjoni tal-istabbiltà fis-settur primarju, pereżempju permezz tal-bejgħ dirett, is-swieq lokali u l-mezzi kollha ta’ promozzjoni ta’ ikel prodott fl-istess post fejn se jiġi kkonsmat, jew qribu;

34.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-produtturi lokali żgħar u l-gruppi ta' produtturi lokali jkunu jistgħu jieħdu sehem f'proċeduri tal-appalt pubbliku għall-implimentazzjoni ta' programmi speċifiċi li jħeġġu b'mod partikolari l-konsum tal-frott u tal-prodotti tal-ħalib fl-iskejjel;

35.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex is-sena 2014, nominata bħala s-Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel, isservi bħala sors importanti ta’ informazzjoni u promozzjoni biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej u biex l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali tinġibed lejn din il-kwistjoni importanti bl-għan li jiġu allokati fondi adegwati għall-isfidi li għandhom jiġu ffaċċjati fil-futur qarib;

36.

Jitlob lill-President tiegħu jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 312, 23.11.2008, p. 3.

(2)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 48.

(3)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0006.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0297.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0307.