6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-abbuż mill-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 161/03

Relatur: is-Sur SIECKER

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-abbuż mill-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġetti, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2013.

Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-21 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’157 vot favur, 17-il vot kontra u 35 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Attwalment m’hemm l-ebda definizzjoni ċara u mingħajr ambigwità li tapplika għall-UE kollha u li tagħmel distinzjoni ċara bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u f’isimhom bona fede u l-persuni li jaħdmu għal rashom b’mod falz. Kull awtorità kompetenti u kull korp individwali juża l-qafas legali jew regolatorju tiegħu stess, li jista’ jkun differenti skont il-qasam ta’ ġurisdizzjoni u politika tagħhom (leġislazzjoni tat-taxxa, sigurtà soċjali, liġi tan-negozju, suq tax-xogħol, assigurazzjoni). Dawn l-abbużi jvarjaw minn evażjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sa evażjoni tat-taxxa u d-dgħajfien tad-drittijiet tax-xogħol relatati ma’ xogħol mhux iddikjarat. Dan huwa distorsjoni serja tal-kompetizzjoni għal dawk li jaħdmu għal rashom b’mod ġenwin, il-mikrointrapriżi u l-SMEs.

1.2

Fil-Green Paper tagħha tal-2006 intitolata “Li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21”, il-Kummissjoni Ewropea qajmet il-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu ċċarati d-definizzjonijiet legali tal-Istati Membri għal xogħol bis-salarju u għax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, sabiex b’hekk isiru iżjed faċli t-tranżizzjonijiet bona fede minn xogħol bis-salarju għal impjieg indipendenti u viċi versa. Fil-konsultazzjoni li segwiet il-Green Paper, ġie rikonoxxut li n-nuqqas ta’ definizzjoni applikabbli għall-UE kollha tista’ twassal għal problemi, partikolarment f’sitwazzjonijiet li jinvolvu xogħol (u forniment ta’ servizzi) transkonfinali.

1.3

Ir-rakkomandazzjoni tal-ILO tal-2006 tieħu approċċ wiesa’ għall-kunċett ta’ “relazzjoni ta’ impjieg” sabiex tippermetti l-azzjoni kontra l-impjieg indipendenti falz. Fid-deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm relazzjoni ta’ impjieg jew le, il-fokus primarju għandu jkun fuq il-fatti dwar l-attivitajiet u r-remunerazzjoni tal-impjegat, irrispettivament minn kif tkun karatterizzata r-relazzjoni, pereżempju, f’termini kuntrattwali. Teżisti relazzjoni ta’ impjieg moħbija meta dak li jħaddem jittratta l-ħaddiem b’mod li jaħbi l-istatus legali veru tal-persuna bħala impjegata, u meta t-termini kuntrattwali jista’ jkollhom l-effett ta’ tneħħija tal-protezzjoni li l-impjegati huma intitolati għaliha.

1.4

Diversi Stati Membri diġà għamlu tentattivi biex isibu definizzjoni preċiża biex tiġi determinata d-differenza bejn persuna li taħdem għal rasha u impjegat, abbażi ta’ sensiela ta’ kriterji stabbiliti minn qabel. Minħabba l-kumplessità ta’ kif inhuma fil-fatt id-diversi sitwazzjonijiet, fil-prattika ħafna drabi jinħolqu problemi biex tinstab definizzjoni definittiva. Il-KESE huwa konxju ta’ dan u għalhekk jipproponi li ssir valutazzjoni tal-esperjenzi differenti fl-Istati Membri biex jinsiltu għadd ta’ konklużjonijiet u jitfasslu rakkomandazzjonijiet għal approċċ iktar effettiv.

1.5

Regolazzjoni affidabbli, u definizzjoni tal-impjieg indipendenti falz, jgħinu lil dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom bona fede u lill-mikrointrapriżi. L-impjieg indipendenti falz għandu jiġi miġġieled permezz tar-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-pożizzjoni reali fis-suq tax-xogħol. Id-dipendenza ekonomika minn klijent (li ta’ spiss ikun dak li kien iħaddem fil-passat) tindika tkomplija tar-relazzjoni ta’ impjieg.

1.6

L-iżvilupp ta’ sigurtà soċjali tajba għall-persuni li jaħdmu għal rashom fl-Istati Membri kollha, b’kunsiderazzjoni tal-aspetti speċifiċi tal-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha, ser jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-abbuż potenzjali u l-prevenzjoni tiegħu.

1.7

Impjegati li jibdew jaħdmu għal rashom b’mod ġenwin huma parti normali mis-suq tax-xogħol u l-ekonomija. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat kif dawn jistgħu jibbenefikaw minn faċilitajiet konġunti bħall-integrazzjoni f’organizzazzjonijiet tal-SMEs, f’organizzazzjonijiet tan-negozju, fi kmamar u f’organizzazzjonijiet tas-suq tax-xogħol eżistenti, kif ukoll l-inklużjoni f’partijiet differenti tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-iskemi tal-pensjoni. Barra dan, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom japplikaw fl-intier tagħhom, u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali għandhom isiru aċċessibbli.

1.8

Il-KESE jisħaq fuq il-valur soċjetali u soċjoekonomiku u l-importanza tal-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha. Madankollu, huwa importanti li ċ-ċittadini, fuq bażi volontarja u b’għarfien sħiħ, ikunu jistgħu jagħżlu jekk jixtiqux jadottaw dan l-istatus.

1.9

Xi skemi li twaqqfu fl-Istati Membri għall-iżvilupp tal-intraprenditorjat jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni għal dawk li jaħdmu għal rashom b’mod ġenwin, il-mikrointrapriżi u l-SMEs. Huwa importanti li jkun hemm studju tal-impatt fuq dawn il-kategoriji kollha. Il-KESE jipproponi li jsir suġġeriment lill-Istati Membri biex jidentifikaw is-setturi partikolarment problematiċi u li jistabbilixxu, permezz ta’ djalogu soċjali, rati minimi fis-siegħa li jistgħu jvarjaw anke bejn ir-reġjuni fl-istess Stat Membru.

Huwa essenzjali li l-akkwist pubbliku fil-livell ta’ Stat Membru ikun jirrispetta pass bħal dan sabiex jingħata eżempju u jkompli jiġu indirizzati sitwazzjonijiet inġusti.

2.   L-iżvilupp tas-suq tax-xogħol

2.1

L-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa wieħed leġittimu fis-suq tax-xogħol u kulħadd għandu d-dritt li jaħdem għal rasu. Il-KESE adotta din il-pożizzjoni f’diversi opinjonijiet li ħejja dwar il-persuni li jaħdmu għal rashom. Iżda hemm ukoll l-aspett oppost ta’ dan il-fenomenu li għadu ma ġiex indirizzat mill-Kumitat. L-aħħar Opinjoni ddikjarat b’mod ċar li: “mhux ser nipprovaw nindirizzaw is-suġġett tax-xogħol mhux iddikjarat jew tal-hekk imsejjaħ “xogħol taparsi indipendenti”, għalkemm it-tnejn li huma jista’ jkollhom, jew jidhru li jkollhom, rabta mal-ħaddiema ekonomikament dipendenti li jaħdmu għal rashom” (1). Sa fl-aħħar l-Opinjoni preżenti tindirizza dawn it-temi.

2.2

Fid-deċennji reċenti seħħew bidliet kbar fil-kompożizzjoni tal-kategorija tal-persuni li jaħdmu għal rashom, hekk kif ġara wkoll fil-kategorija tal-indipendenti u l-intraprendituri ż-żgħar “tradizzjonali”. Fil-perjodu attwali, sar bżonjuż li jiġi vvalutat jekk l-ambjent operattiv ikunx joffri biżżejjed protezzjoni għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-KESE ifakkar fl-Opinjoni preċedenti (2) tiegħu li fiha rrakkomanda li:

tinġabar data dwar l-hekk imsejjaħ “xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti” fl-UE;

jiġu identifikati aspetti komuni fid-definizzjonijiet ta’ persuni impjegati fi Stati Membri differerenti; u

jiġu promossi studji li jippermettu analiżi dettaljata tal-esperjenzi nazzjonali partikolarment f’żoni transkonfinali.

2.3

L-impjieg indipendenti jvarja minn Stat Membru għal ieħor. F’xi pajjiżi (il-Pajjiżi l-Baxxi) huwa definit bħala persuna li taħdem f’isimha, prinċipalment bħala sottokuntrattur għal kumpanija oħra. F’pajjiżi oħrajn (Franza) l-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa riżervat għall-intraprenditur li mhuwiex impjegat tal-kumpanija tiegħu; u jista’ jkollu jew ma jkollux impjegati. L-impjieg indipendenti mhuwiex limitat għas-sottokuntrattar għax jista’ jkollu wkoll konsumaturi bħala klijenti. Definizzjonijiet differenti tal-impjieg u tal-impjieg ta’ persuni li jaħdmu għal rashom għandhom sinifikat kbir mhux biss għal-liġi tax-xogħol, imma għas-sigurtà soċjali u l-leġislazzjoni dwar it-taxxa wkoll.

2.4

Il-ħolqien tas-suq uniku u l-introduzzjoni tal-moviment liberu assoċjat miegħu kkontribwixxew għall-iżvilupp imsemmi f’punt 2.2 u ġabu magħhom l-użu tal-impjieg indipendenti fil-partijiet l-iktar vulnerabbli tas-swieq tax-xogħol tagħna. Ilum il-ġurnata numru ta’ ħaddiema qed jiġu reklutati (permezz ta’ kull tip ta’ aġenzija) bħala “fornituri tas-servizzi li jaħdmu għal rashom” u mhux bħala ħaddiema. Il-persuna reklutata ma tingħatax kuntratt għax permezz tax-xogħol indipendenti tagħha din tipprovdi servizz speċjali f’isimha stess. Ix-xogħol irħis jista’ jiġi provdut b’fattura u mingħajr konformità mal-istandards nazzjonali tax-xogħol (3). Il-mistoqsija dwar kemm huma ġenwin dan l-istatus ta' persuna li taħdem għal rasha hija leġittima.

2.5

Hemm bosta problemi identifikabbli fir-relazzjonijiet tax-xogħol, partikolarment f’każi transkonfinali (4). Hemm xebh bejn tali relazzjonijiet u l-pożizzjoni tal-ħaddiem każwali jew tal-ħaddiem li jieħu xogħol bil-ġurnata (day labourer) tradizzjonali, tip ta’ xogħol bl-użu tal-kapijiet ta’ gangs illegali (gangmasters) li kulħadd ħaseb kienu xi ħaġa tal-imgħoddi (5). Għalhekk, f’ċerti pajjiżi, persuna li taħdem għal rasha u topera f’isimha tista’ tibda twettaq attivitajiet mil-lum għall-għada, meta dawn normalment ikunu jeħtieġu snin ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol fil-każ ta’ persuni b’impjieg permanenti. Żviluppaw kapijiet ta’ gangs illegali u aġenziji ta’ reklutaġġ speċjali li jipprovdu servizzi lil persuni li jaħdmu għal rashom. Dawn jippermettu li n-negozji jaqilbu faċilment għal kuntratti tax-xogħol li bihom persuni li jaħdmu għal rashom iwettqu l-istess xogħol li qabel kienu jagħmluh l-impjegati. Hemm ħtieġa għal evidenza aktar affidabbli biex jiġi evalwat in-numru ta’ ħaddiema milquta u d-delinjazzjonjiet l-aktar kritiċi. Għalhekk hija meħtieġa aktar riċerka professjonali.

2.6

Minbarra l-kuntratturi privati, aktar u aktar negozji u s-settur pubbliku qed jagħmlu wkoll użu regolari ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Kwart tan-negozji li jqabbdu l-persuni li jaħdmu għal rashom isemmu l-għarfien u l-esperjenza bħala l-aktar raġuni importanti għar-reklutaġġ. Il-persuni li jaħdmu għal rashom jitqabbdu biex jiġu indirizzati perjodi intensivi fil-proċess tal-produzzjoni u nuqqas ta’ persunal kwalifikat. Raġuni oħra importanti, skont dawk li jħaddmu, hija l-flessibilità fl-arranġamenti tal-persunal.

2.7

Ma teżisti l-ebda problema jekk il-persuni li jaħdmu għal rashom jagħżlu minn jeddhom li jmexxu f’isimhom negozji b’persuna waħda. Madankollu, jekk il-bidla ma tkunx ibbażata fuq għażla ġenwina għal status ta’ persuna li taħdem għal rasha, fil-fatt ir-riskji soċjali jiġu trasferiti mill-impriża għall-ħaddiema individwali. Dan iwassal għal abbużi li jvarjaw minn evażjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, għal evażjoni tat-taxxa u abbuż tad-drittijiet tax-xogħol, sa xogħol mhux iddikjarat (6). Dan huwa distorsjoni serja tal-kompetizzjoni għal dawk li jaħdmu għal rashom b’mod ġenwin, il-mikrointrapriżi u l-SMEs. Barra dan, xi skemi li twaqqfu fl-Istati Membri għall-iżvilupp tal-intraprenditorjat (il-każ tal-awtointraprendituri fi Franza) jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawk li jaħdmu għal rashom b’mod ġenwin u din il-kategorija ġdida ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

2.7.1

Il-KESE jipproponi li jsir suġġeriment lill-Istati Membri biex jidentifikaw is-setturi partikolarment problematiċi u li jistabbilixxu, permezz ta’ djalogu soċjali, rati minimi fis-siegħa li jistgħu jvarjaw anke bejn ir-reġjuni fl-istess Stat Membru.

Huwa essenzjali li l-akkwist pubbliku fil-livell ta’ Stat Membru ikun jirrispetta pass bħal dan sabiex jingħata eżempju u jkompli jiġu indirizzati sitwazzjonijiet inġusti.

2.8

Il-proporzjon ta’ persuni li jaħdmu għal rashom żdied madwar l-Ewropa fis-snin tmenin, qabel naqas ftit fis-snin disgħin. Fid-deċennji reċenti, is-sitwazzjoni kienet differenti minn Stat Membru għal ieħor. F’xi pajjiżi, l-impjieg indipendenti reġa’ żdied, filwaqt li f’oħrajn il-proporzjon baqa’ stabbli jew wera tendenza ta’ tnaqqis (OECD Employment Outlook 2005 u OECD Factbook 2006). Minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja, ma kienx hemm żieda fil-proporzjon globali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Numru ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jiffurmaw parti minn dak li jissejjaħ “saff flessibli” tal-forza tax-xogħol: relazzjonijiet tax-xogħol li ftit għandhom stabbiltà u li jistgħu jinħallu malajr fiż-żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, biex imbagħad jissejħu lura mill-ġdid meta jerġgħu jibdew ifiġġu prospetti ta’ tkabbir.

2.9

Il-persuni li jaħdmu għal rashom ma jilħqux standards għoljin daqs tal-persuni impjegati fir-rigward tas-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol u l-protezzjoni ambjentali. Mod kif jista’ jingħeleb dan in-nuqqas hu li jinħolqu ċentri ta’ servizzi għal persuni li jaħdmu għal rashom li jwettqu dawn il-kompiti għalihom.

3.   Definizzjoni ta’ persuna li taħdem għal rasha

3.1

M’hemm l-ebda referenza unifikata fil-leġislazzjoni jew fir-regolamentazzjoni għall-persuni li jaħdmu għal rashom (7). Xi kultant it-terminu jirreferi għal ħaddiema freelance, u drabi oħra jirreferi għall-persuni kollha li jaħdmu għal rashom b’mod indipendenti. L-istatus jimplika li huma ma jkollhomx kuntratt tax-xogħol, imma jipprovdu servizzi lil klijenti u kuntratturi abbażi ta’ kuntratt kummerċjali.

3.2

Il-kategorija tal-persuni li jaħdmu għal rashom ta’ spiss hija maqsuma bejn żewġ estremi (Fondazzjoni Ewropea, 1996). F’estrem wieħed insibu professjonisti bi kwalifiki għolja u b’esperjenza li huma konxji tal-pożizzjoni tagħhom fis-suq, jafu x’isarrfu u jixtiequ jkomplu n-negozju f’isimhom stess. Dan l-ewwel grupp huwa magħmul prinċipalment minn persuni aktar imdaħħlin fl-età u mħallsa tajjeb li jippjanaw u jorganizzaw ix-xogħol huma nnifishom. L-estrem l-ieħor jinkludi persuni li jaħdmu għal rashom li l-istatus tagħhom m’għandux skop ieħor ħlief li jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq il-klijent. Il-persuni f’dik is-sitwazzjoni huma persuni li jaħdmu għal rashom b’mod falz, ftit li xejn ikollhom libertà tal-għażla jew saħansitra xejn affattu, u jkunu ekonomikament dipendenti mill-klijent tagħhom b’mod sħiħ. Ħarsa lejn il-letteratura turi li dan jiġri f’żewġ minn ħames kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li ġew definiti fi studju reċenti (8).

3.3

Mill-perspettiva legali, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom mhumiex kollha fl-istess pożizzjoni tajba meta mqabblin ma’ persuni impjegati. Studju Olandiż, li sar fl-2010 mill-EIM għall-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, wera kif il-persuni li jaħdmu għal rashom jimmaniġġjaw ir-riskji. Huma ma jistgħux jiddependu mill-assigurazzjoni kollettiva għall-impjegati, u għalhekk iridu jassiguraw lilhom infushom biex ikopru r-riskji. F’ħafna każi, ma jiġrix hekk. Jiġri pjuttost ta’ spiss li huma jkollhom obbligazzjoni tal-assigurazzjoni (72 %), imma huwa anqas frekwenti li dawn ikunu assigurati kontra l-mard (20 %) jew l-inkapaċità għax-xogħol (36 %). Persuna waħda biss minn kull żewġ persuni li jaħdmu għal rashom qed tibni riżerva għall-irtirar. B’hekk dawn qegħdin fir-riskju li jsibu ruħhom fil-faqar meta jirtiraw. Fl-agrikoltura u l-kostruzzjoni huma għandhom aktar tendenza mill-medja li jkunu assigurati kontra r-riskji, u dawk li jaħdmu fil-kostruzzjoni u s-servizzi tan-negozju għandhom tendenza akbar li jkollhom provvediment ta’ pensjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-persuni li jaħdmu għal rashom, meta japplikaw għal dan l-istatus, għandhom ikunu infurmati sew dwar il-konsegwenzi ta’ kontribuzzjonijiet baxxi ta’ assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa u dwar il-kundizzjonijiet u obbligi oħra meta wieħed jiftaħ negozju.

4.   Nuqqas ta’ armonizzazzjoni u abbuż mill-istatus

4.1

Fis-snin reċenti, reġa’ qam interess f’diversi pajjiżi Ewropej dwar jekk hemmx relazzjoni ta’ impjieg jew le, u liema drittijiet u protezzjoni huma marbuta ma’ dan l-istatus. Dan huwa dovut għal bidliet sostanzjali fil-mod ta’ kif jaħdem in-negozju, b’żieda fl-esternalizzazzjoni u s-sejħiet għall-offerti, filwaqt li l-leġislaturi taw widen għat-talba għal aktar flessibiltà u tnaqqis tal-piżijiet “amministrattivi”, ħaġa li wasslet għal deregolazzjoni u politika li tfittex li twaqqaf il-forom “tradizzjonali” tas-sigurtà tal-impjiegi.

4.2

Mill-perspettiva legali diversi pajjiżi Ewropej ippruvaw jirrestrinġu l-kunċett billi jiżviluppaw aktar id-definizzjoni ta’ “relazzjoni ta’ impjieg” abbażi ta’ diversi kriterji. Tali relazzjoni hija karatterizzata mit-twettiq ta’ attivitajiet imħallsa għal remunerazzjoni, bil-qligħ li jsir mix-xogħol imħallas imur għand il-klijent. Indikaturi importanti f’dan ir-rigward jinkludu l-fatt li x-xogħol isir taħt il-kontroll ta’ parti oħra u li l-impjegat jiġi mitlub ikun disponibbli. Jinkludu wkoll il-fatt li r-remunerazzjoni tkun l-uniku sors jew is-sors prinċipali ta’ introjtu għall-impjegati, u anke n-nuqqas ta’ riskju ekonomiku għalihom.

4.3

L-aktar li jagħmel il-KESE huwa li jiggwida lill-Istati Membri billi jissuġġerixxi mudelli tal-aħjar prattiki, eżempju tajjeb huwa l-mudell minn Malta li kien ta’ suċċess kbir.

Meta jkun qed jiġi kkunsidrat l-istatus tal-impjieg ta’ persuna illi hija ddikjarata bħala persuna li taħdem għal rasha u li prima facie mhux ikkunsidrata bħala impjegata, għandu/jista’ jitqies li hemm relazzjoni ta’ impjieg u li l-persuna għal min is-servizz ikun jiġi provdut hija dak li jħaddem jekk minn tal-inqas ħamsa mill-kriterji li ġejjin jiġu sodisfatti rigward il-persuna li qed tagħmel ix-xogħol:

(a)

hija tiddependi minn persuna waħda għal min is-servizz qed jiġi provdut għal mill-inqas 75 % tad-dħul f’perjodu ta’ sena;

(b)

hija tiddependi mill-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut biex jiġi stabbilit liema xogħol irid isir u fejn u kif ix-xogħol li ġie assenjat irid jitwettaq;

(c)

hija tagħmel ix-xogħol permezz ta’ makkinarju, għodda u materjali provduti mill-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut;

(d)

hija tkun soġġetta għal skeda ta’ ħin tax-xogħol jew għal perjodi ta’ ħin minimu ta’ xogħol stabbilit mill-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut;

(e)

hija ma tistax tagħmel sottokuntrattar tax-xogħol tagħha lil individwi oħra flokha meta jitwettaq ix-xogħol;

(f)

hija persuna integrata fl-istruttura tal-proċess ta’ produzzjoni, l-organizzazzjoni ta’ xogħol jew il-ġerarkija tal-kumpanija jew ta’ organizzazzjoni oħra;

(g)

l-attività tal-persuna hija element ċentrali fl-organizzazzjoni u t-twettiq tal-għanijiet tal-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut; u

(h)

hija tagħmel xogħlijiet simili tal-impjegati eżistenti jew, fil-każ ta’ meta x-xogħol jiġi esternalizzat, hija tagħmel xogħlijiet simili għal dawk li kienu jkunu mwettqa qabel minn impjegati.

4.4

Jeżistu definizzjonijiet differenti mhux biss fid-diversi pajjiżi Ewropej (9), imma wkoll fil-liġi tal-UE. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza joħloq problemi kbar f’sitwazzjonijiet transkonfinali. In-nuqqas ta’ rabta bejn l-oqsfa legali nazzjonali u dawk Ewropej fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-għoti ta’ impjieg u l-provvediment ta’ servizzi jagħmel il-kunċett ta’ impjieg indipendenti suġġett problematiku, partikolarment fejn jidħol xogħol transkonfinali.

4.5

Mill-perspetiva internazzjonali qed isir dejjem iżjed diffiċli biex wieħed jistabbilixxi jekk ikunx hemm relazzjoni ta’ impjieg. Dan jiġri f’sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet tal-kuntratt ma jkunux ċari u inambigwi, jew fejn iż-żieda fil-flessibiltà u d-deregolazzjoni jagħmluha diffiċli biex tiġi stabbilita l-possibbiltà ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Dan jiġri wkoll meta l-leġislaturi joħolqu diversi tipi ta’ forom intermedji, jew sempliċement jittrattaw il-possibbiltà li dak li jkun jibda impjieg indipendenti mil-lum għall-għada bħala wieħed mill-metodi ġodda ta’ kif isir in-negozju.

4.6

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tat twissija bikrija dwar l-abbuż li jista’ jkun hemm mill-impjieg indipendenti, li jwassal għal evażjoni tad-drittijiet tal-impjegati u tal-protezzjoni legali li normalment hija marbuta mar-relazzjoni ta’ impjieg. L-ILO irreferiet għall-possibbiltà ta’ abbuż li jirriżulta minn ġabra ta’ fatturi: leġislazzjoni li tkun ristretta jew interpretata b’mod dejjaq wisq; leġislazzjoni li tkun miktuba b’tali mod li l-ambitu u l-effetti tagħha jkunu minimi; ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg u fl-istess ħin ma jkunx jidher ċar min hu dak li jħaddem; diversi forom ta’ impjieg indipendenti falz ma jkunux koperti; u jkun hemm nuqqas ġenerali fil-monitoraġġ tal-konformità.

4.7

Id-definizzjoni stabbilita fil-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Istatus fl-Impjieg tiddefinixxi x-xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom bħala xogħol fejn ir-remunerazzjoni tiddependi direttament mill-profitti li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-beni manifatturati u s-servizzi mogħtija. Mill-perspettiva storika, dan jiddistingwi tliet gruppi ewlenin ta’ persuni li jaħdmu għal rashom: mikrointrapriżi, negozji żgħar, u freelancers. Fl-Assemblea Ġenerali ta’ Ġunju tal-2006 ġiet adottata rakkomandazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg (Rakkomandazzjoni 198) (10). L-għan prinċipali ta’ dik ir-rakkomandazzjoni kien li tittejjeb il-politika nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati li qegħdin f’relazzjoni ta’ impjieg (Artikolu 1.4).

4.8

Fl-istess ħin, bejn l-2005 u l-2007 l-ILO ħadmet biex tkompli tiżviluppa l-kunċetti użati. Minbarra r-rakkomandazzjoni li ssemmiet diġà, tlestew bosta dokumenti li, fost affarijiet oħra, jagħtu ħarsa ġenerali lejn ir-regoli nazzjonali eżistenti. Minn dik il-ħarsa ġenerali, jidher ċar li qed tikber il-ħtieġa biex jiġu żviluppati definizzjonijiet ċari li jippermettu distinzjoni bejn il-forom ta’ impjieg indipendenti leġittimi u l-prattiċi qarrieqa li l-uniku skop tagħhom huwa li jevadu jew iduru mal-liġi tal-impjieg u d-dispożizzjonijiet legali l-oħra.

4.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-indirizzar tal-problema speċifika tal-persuni li jaħdmu għal rashom tkun diskussa fid-djalogu soċjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew u li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-djalogu soċjali.

Brussell, 21 ta’ Marzu 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44.

(2)  Ibid.

(3)  Pubblikazzjoni reċenti uriet li l-istatus ta' persuna li taħdem għal rasha jintuża wkoll biex ikunu evitati r-ristrizzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol marbuta mal-proċess ta' tkabbir. Skont Béla Galgóczi, waħda mill-iktar kwistjonijiet kontroversjali fid-dibattitu dwar il-mobbiltà tax-xogħol fl-UE, mhux l-inqas fil-kuntest tal-miżuri tranżizzjonali imposti minn xi Stati Membri, kienet il-possibbiltà li impjegat ikun sostitut minn persuna li taħdem għal rasha, skont id-dispożizzjoni tal-libertà tas-servizz, biex ikunu evitati r-ristrizzjonijiet imposta bħala miżuri tranżizzjonali fuq l-impjieg bis-salarju. (p. 23). M'hemmx użu eċċessiv enormi tal-impjieg indipendenti fittizzju, iżda f'pajjiżi b'ristrizzjonijiet minn miżuri tranżizzjonali jidher li qed tintuża strateġija ta' aġġustament. Ir-rata ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mir-Romanija u l-Bulgarija żdiedet mill-2008, u kienet differenti sew fl-2011 fil-Ġermanja, l-Belġju u l-Awstrija meta mqabbla ma persuni li jaħdmu għal rashom minn dak il-pajjiżi stess jew mill-pajjiżi tal-UE8. Fir-Renju Unit, fejn ir-ristrizzjonijiet għall-ħaddiema Rumeni għadhom japplikaw, perċentwal għoli jidħlu fil-pajjiż bl-użu tal-istatus ta' persnua li taħdem għal rasha (kważi 45 %). Meta tqis il-persuni mill-pajjiżi tal-UE8 li m'għadx għandhom bżonn awtorizzazzjoni, fuq medja il-perċentwal ta' persuni li jaħdmu għal rashom naqas għall-medja nazzjonali tar-Renju Unit. Xhieda ta' dan tiġi mill-każ Taljan; billi m'hemmx ristrizzjonijiet fuq il-ħaddiema migranti mill-UE2 fis-settur tal-kura u tal-kostruzzjoni, dawn, il-maġġoranza tagħhom Rumeni li jaħdmu f'dawn is-setturi, għandhom rata inqas ta' persuni li jaħdmu għal rashom meta mqabbla ma' Taljan stess jew pajjiżi oħra tal-UE jew migranti minn barra l-UE. (EU Labour Migration in Troubled Times - Skills Mismatch, Return and Policy Responses by Béla Galgóczi, Janine Leschke, Andrew Watt (Eds.), Ashgate, 2012).

(4)  Ir-Rapport Supiot tal-1999 diġà kien osserva l-wasla tal-persuni li jaħdmu għal rashom “ġodda” f’diversi Stati Membru u rrefera għal dan il-fenomenu bħala problematiku għal żewġ raġunijiet: l-impjieg indipendenti jista’ jservi ta’ mezz kif wieħed jevadi l-obbligi ta’ min iħaddem; u, meta l-ħaddiema aktar żgħażagħ u b’edukazzjoni tajba jagħżlu l-intraprenditorija dawn ma jkunux qed jipparteċipaw fis-solidarjetà tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-impjegati. Fl-istess ħin, hemm ukoll aspett pożittiv tal-fenomenu ta’ persuni li jaħdmu għal rashom “ġodda”. L-impjieg indipendenti jista’ joffri aktar spazju għall-kapaċitajiet tal-ħaddiema li huma ġenwinament awtonomi u li normalment ikollhom kwalifiki għolja u, għaldaqstant, jista’ jikkontribwixxi għal żieda fil-kwalità tax-xogħol u għall-innovazzjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Jintużaw deżinjazzjonijiet bħal “mhux ġenwini (bogus)” u “dipendenti” biex jiġi enfasizzat l-aspett negattiv ta’ dan it-tip ta’ impjieg indipendenti. “Mhux ġenwini” biex wieħed juri li t-terminu “persuni li jaħdmu għal rashom” użat hawnhekk bilkemm jista’ jiġi kwalifikat bħala tali, “dipendenti” biex wieħed juri li l-hekk imsejħhin persuni li jaħdmu għal rashom mhumiex indipendenti, la ekonomikament u lanqas fil-kontroll tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg (M. Westerveld, http://www.uva-aias.net/news_agenda/agenda/522).

(5)  Fi Franza dan it-tip arkajku jissejjaħ “marchandage de main-d'œuvre”. L-ewwel atti legali li jipprojbixxu dan it-tip ta’ reklutaġġ ta’ xogħol biss kienu tfasslu diġà fi Franza f’nofs is-seklu dsatax.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea (KE) tiddeskrivi xi tipi ta’ abbużi: fi Franza, l-istatus ġdid “awtointraprenditur” intuża b’mod abużiv minn xi wħud li jħaddmu biex iħallsu inqas taxxa għall-impjegati li jkunu mġiegħla jaċċettaw l-istatus il-ġdid. Fi Stati Membri differenti, inklużi l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju, hemm “impjieg indipendenti falz” li jirreferi għal dawk il-ħaddiema li, għalkemm jitqiesu bħala li jaħdmu għal rashom, l-istatus tagħom (persuni li jaħdmu għal rashom jew impjegati) mhuwiex ċar. Fit-teorija, dawn jaħdmu għal rashom (min iħaddem iħallas biss somma fissa li minnha l-ħaddiem irid iħallas l-assigurazjoni tiegħu stess u spejjeż oħrajn), imma, fil-prattika, m’hemm l-ebda differenza bejniethom u kwalunkwe ħaddiem ieħor li jagħmel l-istess xogħol (KE, European Employment Observatory Review, Self-employment in Europe 2010, p. 29) (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Il-Kummissjoni Ewropea tinnota (ibid p. 6) li fil-pajjiżi differenti hemm fehim u definizzjonijiet differenti tat-terminu impjieg indipendenti, b’definizzjonijiet għal numru ta’ sottokategoriji differenti: pereżempju, skont l-istatus legali tal-impriża, skont jekk in-negozju għandux impjegati jew le (dawk li jħaddmu mqabbla ma’ ħaddiema li jaħdmu f’isimhom) u/jew skont is-settur li fih jopera n-negozju (eż. l-agrikoltura). Xi pajjiżi jagħmlu distinzjoni wkoll bejn status ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom” u status ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom li huma dipendenti” (eż. Spanja, l-Italja), fejn il-persuna li taħdem għal rasha taħdem għal klijent wieħed biss. Oħrajn jiddistingwu impjieg indipendenti li jitwettaq fl-istess żmien li dak li jkun ikollu impjieg imħallas (eż. il-Belġju).

(8)  Ħaddiema li jaħdmu għal rashom: relazzjonijiet industrijali u kundizzjonijet tax-xogħol. EIRO, 2009.

(9)  Mill-perspettiva legali, tfasslu diversi kriterji fl-Istati Membri tal-UE fir-rigward tad-definizzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg: subordinazzjoni għall-impriża tal-utent; subordinazzjoni għall-ordnijiet u l-istruzzjonijiet fit-twettiq tax-xogħol; integrazzjoni fi skema (kollettiva) ta’ ppjanar; eżekuzzjoni u kontroll imfasslin minn partijiet oħra; il-ħaddiem ikun ekonomikament u finanzjarment dipendenti mix-xogħol imwettaq għal impriża jew minnha; l-intrapriża inkwistjoni tkun tappartieni lil xi ħadd ieħor; dipendenza finanzjarja fuq persuna (unika) li tħaddem (http://www.clr-news.org/CLR-News/CLR%20News%202-2007 %20ISSN.pdf, p. 35).

(10)  Ir-rakkomandazzjoni ġiet aċċettata b’71 % tal-voti mitfugħa. Għandu jkun innutat li d-delagazzjoni ta’ min iħaddem ikkoperat fit-tfassil tar-rakkomandazzjoni iżda fl-aħħar iddeċidiet li tastjeni milli tivvota.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura).

Punt 1.3

Ibdel il-punt kif ġej:

“1.3

Ir-rakkomandazzjoni tal-ILO tal-2006 tieħu approċċ wiesa’ għall-kunċett ta’ “relazzjoni ta’ impjieg” sabiex tippermetti l-azzjoni kontra l-impjieg indipendenti falz. Fid-deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm relazzjoni ta’ impjieg jew le, il-fokus primarju għandu jkun fuq il-fatti dwar l-attivitajiet u r-remunerazzjoni tal-impjegat, irrispettivament minn kif tkun karatterizzata r-relazzjoni, pereżempju, f’termini kuntrattwali. Teżisti relazzjoni ta’ impjieg moħbija meta dak li jħaddem jittratta l-ħaddiem b’mod li jaħbi l-istatus legali veru tal-persuna bħala impjegata, u meta t-termini kuntrattwali jista’ jkollhom l-effett ta’ tneħħija tal-protezzjoni li l-impjegati huma intitolati għaliha. Wieħed għandu jinnota, madankollu, li r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO huma indirizzati lill-gvernijiet nazzjonali u mhux lill-UE.

u Punt 4.6

Ibdel il-punt kif ġej:

“4.6

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tat twissija bikrija lill-gvernijiet nazzjonali dwar l-abbuż li jista’ jkun hemm mill-impjieg indipendenti, li jwassal għal evażjoni tad-drittijiet tal-impjegati u tal-protezzjoni legali li normalment hija marbuta mar-relazzjoni ta’ impjieg. L-ILO irreferiet għall-possibbiltà ta’ abbuż li jirriżulta minn ġabra ta’ fatturi: leġislazzjoni li tkun ristretta jew interpretata b’mod dejjaq wisq; leġislazzjoni li tkun miktuba b’tali mod li l-ambitu u l-effetti tagħha jkunu minimi; ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg u fl-istess ħin ma jkunx jidher ċar min hu dak li jħaddem; diversi forom ta’ impjieg indipendenti falz ma jkunux koperti; u jkun hemm nuqqas ġenerali fil-monitoraġġ tal-konformità.”

Raġuni

Ir-relatur jibbaża parti mill-argumenti tiegħu favur azzjoni fil-livell tal-UE fuq ir-“Rakkomandazzjoni tal-ILO dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg” tal-2006. Madankollu, l-ILO espliċitament tillimita l-ambitu tar-rakkomandazzjoni tagħha għal politiki nazzjonali u liġijiet nazzjonali. Barra dan, ta’ min jinnota li din ir-rakkomandazzjoni ma kinitx adottata b’kunsens (kif hija prattika komuni fl-ILO) – għall-kuntrarju, 71 % biss tal-voti mitfugħa kienu favur il-proposta, bil-grupp ta’ min iħaddem kollu kemm hu kontra.

Skont Artikolu 51(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, dawn iż-żewġ emendi ġew eżaminati flimkien.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

73

Kontra

122

Astensjonijiet

12