14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija Ewropa 2020” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 76/02

Relatur: is-Sinjura AGUDO I BATALLER

Korelatur: is-Sinjura ATTARD

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-17 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’200 vot favur, 6 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE:

1.1

jappoġġja u jikkondividi l-prinċipju li l-Istrateġija Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (1) u l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2) iridu jissaħħu b’mod reċiproku. Għalhekk huwa essenzjali li d-dimensjoni tal-ġeneru (integrazzjoni tal-ġeneru – gender mainstreaming) u l-miżuri speċifiċi jiġu integrati fl-objettivi, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki żviluppati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020;

1.2

iqis fundamentali li jingħeleb il-fatt li d-dimensjoni tal-ġeneru ma ġietx indirizzata b’mod speċifiku f’xi waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk iqis importanti li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata b’mod sistematiku fil-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u fis-Semestru Ewropew, speċjalment meta s-sitwazzjoni ekonomika Ewropea għandha bżonn li l-politiki jiġu implimentati b’mod aktar effikaċi u li jsir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi waqt li jiġi rikonoxxut l-impatt negattiv tal-inugwaljanza bejn is-sessi fuq it-tkabbir ekonomiku;

1.3

jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fejn il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri sabiex jaġġustaw il-baġits tal-PNR b’mod li l-miżuri politiki jqisu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Huwa importanti li l-laqgħat ministerjali għar-reviżjoni u l-monitoraġġ jiggarantixxu li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu applikati, segwiti ujoħorġu fid-dieher il-progress li jsir fil-politika tal-ugwaljanza. Dan jeħtieġ li l-fondi tal-UE, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, jintużaw b’mod koerenti;

1.4

jirrakkomanda li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-2014-2020 jagħmel disponibbli fondi speċifiċi sabiex jiġu avvanzati d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għall-KESE, il-finanzjament għandu jkun adegwat u viżibbli sabiex jiġu garantiti l-applikazzjoni u t-trasparenza tiegħu bil-għan li jiġi promoss l-appoġġ tal-politiki għall-ugwaljanza kif ukoll tal-attivitajiet u l-proġetti fl-oqsma kollha ta’ kompetenza tal-UE;

1.5

iqis li, waqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet konkreti differenti fil-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi, hemm bżonn li jittieħdu miżuri li jippermettu li titjieb is-sitwazzjoni soċjali u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż l-appoġġ sabiex jinħolqu l-intrapiżi. Għandu jiġi appoġġjat il-potenzjal kwantitattiv u kwalitattiv tagħhom fl-oqsma differenti definiti mill-Istrateġija Ewropa 2020: innovazzjoni, riċerka, edukazzjoni u taħriġ professjonali, soċjetà diġitali, klima u ekonomija ekoloġika, enerġija, mobbiltà, kompetittività, impjieg, kwalifiki, esklużjoni soċjali u faqar;

1.6

jenfasizza l-valur tal-impenn u tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, fil-livell Ewropew, nazzjonali, territorjali u settorjali, u fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-politiki differenti, sabiex jiġi garantit il-progress neċessarju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-djalogu soċjali u l-ftehimiet tan-negozjar kollettiv huma strumenti fundamentali sabiex il-pjani nazzjonali ta’ riforma jiġu kkomplementati bid-dimensjoni tal-ġeneru. Il-qafas ta’ miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej huwa eżempju importanti f’dan ir-rigward, li għandu jiġi rifless fl-Istrateġija Ewropa 2020;

1.7

jenfasizza l-importanza li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fl-implimentazzjoni ta’ kull waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin. Dan ser ikun jeħtieġ għarfien tas-sitwazzjoni speċifika u distinta tal-irġiel u n-nisa fir-rigward tas-suq tax-xogħol u t-taħriġ tul il-ħajja; l-aċċess fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-impjieg, il-faqar u r-riskji tal-esklużjoni; l-aċċessibbiltà u l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda tas-settur diġitali; il-parteċipazzjoni fil-livelli kollha tat-taħriġ, ir-riċerka u l-produzzjoni, speċjalment fis-setturi emerġenti ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li titpoġġa enfasi fuq l-edukazzjoni diġitali tan-nisa, li ma tantx huma rrappreżentati fl-impjiegi relatati mal-informatika produttiva. Barra minn hekk iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw l-indikaturi eżistenti tal-ġeneru u jistabbilixxu indikaturi ġodda fl-oqsma fejn dawn ma jeżistux;

1.8

jaħseb li, waqt li titqies is-sitwazzjoni gravi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tat-tluq bikri mill-iskola fil-maġġoranza tal-Istati Membri, li tolqot b’mod differenti lill-irġiel u n-nisa żgħażagħ, huwa importanti ħafna li d-dimensjoni tal-ġeneru tkun integrata aktar mill-qrib fl-iżvilupp tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

1.9

jappella lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni u jieħdu miżuri sabiex itejbu l-kwantità u l-kwalità tal-impjieg tan-nisa fil-pajjiżi kollha. Għal dan ikun hemm bżonn li jiżdiedu l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi għat-tfal u għall-anzjani u li dawn ikunu jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd, titneħħa d-differenza bejn il-pagi u jiġu implimentati miżuri sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-ħajja familjali, dik personali u x-xogħol (tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li jiġu offruti l-leave tal-paternità u l-leave imħallas);

1.10

jirrepeti li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha ttejjeb u tappoġġja, flimkien mal-imsieħba soċjali, il-ftehimiet u l-miżuri speċifiċi u effikaċi li jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tan-nisa tqal u ta’ dawk li wildu reċentement. Il-KESE appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu adottati miżuri għal perjodu adegwat ta’ leave tal-maternità ta’ mhux inqas minn tmintax-il ġimgħa (3);

1.11

għalkemm b’mod differenti fil-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi, il-kriżi laqtet il-ħajja tan-nies u enfasizzat numru ta’ problemi soċjali u tas-saħħa. Għalhekk, huwa jqis neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġu implimentati miżuri li jgħinu jtaffu l-effetti negattivi (stress, vjolenza, fastidju fuq il-post tax-xogħol u fi ħdan il-familja (4)). Dan jitlob l-involviment konġunt sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà, jitneħħew l-inugwaljanzi strutturali u jinbidlu r-rwoli u l-istereotipi tal-ġeneru;

1.12

jikkunsidra li l-progress tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun prijorità speċjalment f’dawk is-setturi u intrapriżi meqjusa strateġiċi u tal-futur fl-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-futur qarib, il-KESE ser jadotta opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu adottati miżuri vinkolanti fil-livell tal-UE sabiex titjieb din il-parteċipazzjoni;

1.13

jinsab imħasseb bit-tnaqqis fis-servizzi soċjali u l-protezzjoni tas-setturi l-aktar żvantaġġati u dawk f’riskju ta’ esklużjoni soċjali u faqar. Il-miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għalhekk iridu jindirizzaw b’mod speċifiku n-numru dejjem jikber ta’ nisa fil-faqar u jimmiraw li jintegraw lin-nisa, fuq medda qasira ta’ żmien permezz ta’ inċentivi sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u fuq medda twila ta’ żmien permezz tal-aċċess għat-taħriġ bażiku u l-kompetenzi ġodda, l-użu tat-teknoloġiji ġodda u forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, filwaqt li jinstab bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjali. Il-KESE jqis li wara 60 sena ta’ bini tal-proġett Ewropew m’għadux aċċettabbli li d-differenza permanenti tal-pagi bejn l-irġiel u n-nisa sservi bħala fattur varjabbli għall-aġġustament jew li s-sikurezza tal-impjieg tan-nisa tonqos. Il-KESE jemmen ukoll li l-Istati Membri jridu jinkludu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, u b’mod urġenti, miżuri li jiggarantixxu impjieg stabbli għan-nisa, b’pagi u pensjonijiet deċenti;

1.14

iqis prijoritarju li, sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istrateġija għall-Ugwaljanza jilħqu l-objettivi tagħhom, jintbagħat messaġġ ċar lill-partijiet interessati u lis-soċjetà inġenerali dwar il-bżonn li jiżdiedu l-miżuri fit-triq lejn l-ugwaljanza. Dan jeħtieġ, l-ewwel nett, koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar u aktar stretta fi ħdan u bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll il-KESE u l-Kumitat tar-Reġuni u, it-tieni nett, li dawn l-aspetti relatati mal-ugwaljanza jiġu integrati fil-livelli kollha tal-kompożizzjoni (5) u fil-ħidma ta’ kuljum tas-sezzjonijiet, il-gruppi u l-kummissjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Istrateġija Ewropa 2020, adottata fl-2010, iddefinixxiet it-triq li twassal għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea f’kuntest ekonomiku kkumplikat li kien diġà qed juri sinjali tad-diffikultajiet finanzjarji u politiċi li għaddejja minnhom bħalissa l-Unjoni. L-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi numru ta’ miżuri sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffaċċjaw, b’mod effikaċi u magħqudin flimkien, l-isfidi li qed toħloq il-kriżi, waqt li fl-istess ħin jerġgħu jniedu mudell ta’ tkabbir li jkun aktar intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.2

Inħoloq ukoll proċess ġdid ta’ governanza ekonomika, imsejjaħ is-“semestru Ewropew”, bil-għan li, fuq naħa, tiġi ssinkronizzata l-evalwazzjoni tal-politiki baġitarji u strutturali tal-Istati Membri u, fuq in-naħa l-oħra, tkun tista’ tiġi kkontrollata l-applikazzjoni tal-Istrateġija.

2.3

B’mod parallel, l-Istrateġija għall-ugwaljanza tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Din il-proposta politika ssegwi l-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) (6) u tikkostitwixxi sal-lum l-aktar tentattiv importanti sabiex jiġi definit sett ta’ objettivi strateġiċi u indikaturi dwar is-sessi.

2.4

Sa mill-1996, l-UE adottat approċċ doppju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi: fuq naħa billi implimentat miżuri speċifiċi sabiex jiġu megħluba d-diskriminazzjonijiet eżistenti li jolqtu lin-nisa u, fuq in-naħa l-oħra, permezz tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru (gender mainstreaming) fid-deċiżjonijiet politiċi (7).

2.5

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju li skontu l-applikazzjoni korretta tal-Istrateġija Ewropa 2020 trid tkun konformi mal-Istrateġija għall-ugwaljanza sabiex ikun hemm risposta effikaċi għall-isfidi tal-kriżi, peress li ż-żewġ strateġiji jissaħħu b’mod reċiproku, u għalhekk jikkondividi l-fehma li esprima l-PE f’dan ir-rigward. Il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f’Marzu 2011 (8), wera wkoll ir-rabta stretta bejn iż-żewġ strateġiji u appella sabiex l-istrumenti li jippermettu l-ħruġ mill-kriżi jiġu applikati flimkien.

3.   L-Istrateġija Ewropa 2020 – analiżi tad-dimensjoni tal-ġeneru

3.1

L-ugwaljanza bejn is-sessi ma ġietx indirizzata b’mod speċifiku fit-test, fl-ebda waħda mill-inizjattivi ewlenin. Lanqas ma ssemmiet fil-ħames objettivi kwantifikabbli, ħlief għar-rata ta’ impjieg fejn jissemma li għandu jkun hemm aktar parteċipazzjoni min-nisa fis-suq tax-xogħol. Dan joħloq kontradizzjoni kbira mal-prinċipji msemmija fil-bidu tal-Istateġija Ewropa 2020, fejn jingħad li r-rispett tal-ugwaljanza huwa wieħed mill-fatturi essenzjali sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, fuq l-istess livell tas-solidarjetà ekonomika, soċjali u territorjali, ir-rispett tal-ambjent u d-diversità kulturali.

3.2

Diversi istituzzjonijiet Ewropej, organizzazzjonijiet rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali insistew ħafna fuq il-bżonn li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun prijorità tal-istrateġija l-ġdida ta’ azzjoni u li titqies bħala fattur ewlieni għall-kompetittività u t-tkabbir. Skont il-PE, il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-taħriġ professjonali kellha tiġi inkluża fit-test, bħalma kellu jiġi inkluż programm li jkollu l-għan li jelimina d-differenza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa.

3.3

Il-formulazzjoni tal-Istrateġija Ewropea 2020 ma kellhiex appoġġ unanimu u rċeviet diversi kritiki minħabba l-kontenut ġenerali ħafna tagħha, struttura kumplessa ħafna u approċċ eċċessivament ekonomiku nieqes mill-aspetti soċjali. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, din pjuttost marret lura meta titqabbel mal-istrateġiji preċedenti dwar l-impjieg. L-uniku aspett viżibbli u espliċitu, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa, jinsa b’mod ċar l-aspetti kwalitattivi tax-xogħol u s-sitwazzjonijiet differenti ta’ tluq eżistenti fis-suq tax-xogħol. Tneħħew ukoll l-objettivi kwantitattivi skont is-sess li kienu jeżistu fl-Istrateġija ta’ Lisbona.

3.4

Il-KESE jqis li la l-Istrateġija Ewropa 2020 u lanqas l-Istrateġija għall-ugwaljanza mhuma ser jilħqu l-objettivi tagħhom jekk ma jittiħdux miżuri konkreti li jtejbu s-sitwazzjoni tan-nisa fl-ambjent soċjali u professjonali. Il-potenzjal kwantitattiv u kwalitattiv tagħhom għandu jiġi appoġġjat bħala kundizzjoni indispensabbli fl-oqsma differenti tal-Istrateġija Ewropa 2020. Mingħajr miżuri konkreti fil-qafas tas-seba’ inizjattivi ewlenin, ser ikun impossibbli li jsir progress fil-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020: tkabbir intelliġenti, sostenibbli u soċjalment inklużiv ma jistax ikun realtà mingħajr politika dwar l-ugwaljanza.

3.5

Il-pjani ta’ riforma tal-Istati Membri differenti għandhom jirrikonoxxu l-valur miżjud li x-xogħol tan-nisa jagħti lill-ekonomija, bħall-valur li ġġib magħha l-professjonalizzazzjoni tas-servizzi lill-individwi (9) u l-problemi konkreti li dawn jiltaqgħu magħhom fis-suq tax-xogħol (aċċess fil-livelli kollha u għall-gruppi kollha ta’ età, karriera professjonali, kontinwità, eċċ.) iżda wkoll fis-soċjetà, fir-rigward ta’ dawk l-aspetti soċjali kollha li l-Istrateġija għall-ugwaljanza tqis bħala kruċjali. Sabiex noħorġu mill-kriżi u niffaċċjaw l-isfidi l-ġodda, l-Istrateġija Ewropa 2020 trid tiġi implimentata permezz tal-istabbiliment ta’ programmi, pjani u miżuri speċifiċi li jagħmluha possibbli li jkun hemm progress fl-ugwaljanza. Dan huwa impossibbli li jsir mingħajr ma jkun magħruf l-impatt differenti li jista’ jkollhom il-miżuri kontra l-kriżi skont is-sitwazzjonijiet differenti ta’ tluq.

3.6

Il-KESE juri t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ miżuri konkreti u ta’ indikaturi speċifiċi relatati mal-ġeneru. Dan kollu jimpedixxi milli jiġi mmonitorjat u evalwat jekk sarx progress jew le fl-Istrateġija Ewropa 2020 u jfisser li s-semestru Ewropew huwa nieqes mill-istrumenti neċessarji sabiex tiġi miġġielda l-inugwaljanza waqt li jitqiesu l-punti differenti ta’ tluq b’rabta mar-realtà distinta tal-ġeneru bejn il-pajjiżi, is-setturi u l-oqsma.

3.7

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tipprovdi strumenti effikaċi sabiex jiġi evalwat ir-rwol tal-mara fit-tkabbir tal-Unjoni kif ukoll il-valur miżjud li dan jirrappreżenta f’termini soċjali, bħalma tenfasizza l-Opinjoni tal-KESE (10), li taqbel ma’ studju li sar taħt il-Presidenza Svediża (11). Fost aspetti oħra, dan jenfasizza li l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol tista’ żżid il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istati Membri b’medja ta’ 27 %.

4.   Prijoritajiet tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015)

4.1

Adottata fl-2010, l-Istrateġija għall-ugwaljanza tiddikjara rabta mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020, fl-aspetti u l-inizjattivi ewlenin kollha, speċjalment fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali adegwati, permezz tal-għajnuna teknika, il-fondi strutturali jew l-istrumenti finanzjarji prinċipali, bħas-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka. Fil-kuntest tal-linji gwida għall-impjieg u l-evalwazzjoni tal-politiki nazzjonali, il-Kummissjoni ser tagħmel monitoraġġ mill-qrib sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tan-nisa.

4.2

L-Istrateġija tirreferi wkoll għar-rwol tal-irġiel fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tindika l-importanza li dawn ikunu involuti sabiex jinkiseb it-tibdil neċessarju fir-rwoli differenti li jaqdu n-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, kemm fil-kuntest tal-familja kif ukoll dak professjonali.

4.3

L-Istrateġija għall-ugwaljanza telenka f’dettall il-miżuri relatati ma’ ħames oqsma prijoritarji identifikati fil-Karta tan-Nisa kif ukoll kapitolu dwar kwistjonijiet orizzontali: a) Indipendenza ekonomika ugwali; b) L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur; c) L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; d) Dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza minħabba d-differenza ta’ sess; e) L-ugwaljanza bejn is-sessi f’azzjonijiet esterni; f) Kwistjonijiet orizzontali (ir-rwoli skont is-sessi, il-leġislazzjoni, il-ġestjoni u l-għodda tal-ugwaljanza).

4.4

Il-KESE jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni li l-istrumenti tal-UE bħas-suq uniku, l-għajnuna finanzjarja u l-istrumenti tal-politika barranija għandhom jiġu sfruttati bi sħiħ sabiex jiġu indirizzati l-problemi u jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jqis li jeħtieġ jiġi pprovdut segwitu dwar il-konsistenza bejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istrateġija għall-ugwaljanza u l-istrumenti prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment is-seba’ inizjattivi ewlenin u l-linji gwida, peress li dawn jiġu implimentati kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Membri.

5.   Id-dimensjoni tal-ġeneru fis-seba’ inizjattivi ewlenin  (12)

5.1   Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi

5.1.1

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir” (13), il-KESE diġà enfasizza fost aspetti oħra, il-bżonn li jissaħħaħ l-aspett tal-kwalità fil-ħolqien tal-impjiegi. Illum il-ġurnata, minħabba l-kriżi u l-effetti ekonomiċi u soċjali tagħha, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jridu jagħmlu kull sforz sabiex jiggarantixxu li jsir aktar progress f’din id-direzzjoni.

5.1.2

Il-KESE jemmen li sabiex tiġi implimentata din l-inizjattiva jeħtieġ li titqies is-sitwazzjoni attwali tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, peress li għalkemm attwalment dawn jirrappreżentaw l-44 % tal-popolazzjoni attiva fl-Ewropa, is-sitwazzjoni tagħhom tibqa’ differenti u vulnerabbli f’oqsma differenti: rata aktar baxxa ta’ impjieg; id-differenzi fil-pagi; il-konċentrazzjoni jew in-nuqqas ta’ nisa f’setturi partikolari; parteċipazzjoni baxxa fil-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda; xogħol part time (75 % tat-total); kuntratti temporanji; in-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati għall-kura tat-tfal; diffikultajiet fil-karrieri; in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet b’responsabbiltajiet ogħla, kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi; żbilanċ fl-aċċess għad-diversi dixxiplini fl-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali u l-istudji universitarji.

5.1.3

Ir-rata ta’ impjieg żdiedet minn 51 % fl-1997 għal 62 % fl-2011, bl-ikbar żieda essenzjalment tkun f’impjiegi f’setturi li primarjament jimpjegaw nisa u li jintlaqtu l-aktar bil-miżuri ta’ aġġustament. Il-kriżi ekonomika li qed tolqot lill-Unjoni Ewropea, għalkemm b’mod differenti f’kull pajjiż, qed tiggrava wkoll is-sitwazzjoni tal-mara u thedded il-progress fraġli miksub fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-KESE jqis li hemm bżonn li jittieħdu l-miżuri neċessarji ta’ appoġġ sabiex, fi tmiem il-kriżi, l-inugwaljanza fid-dinja tax-xogħol ma tkunx żdiedet.

5.1.4

B’mod speċjali, il-Fond Soċjali Ewropew irid jipprogramma, jimmonitorja u jevalwa l-attivitajiet kollha implimentati fl-Istati Membri, sabiex jiġi assigurat li jsir progress fl-Istrateġija għall-ugwaljanza.

5.2   Żgħażagħ attivi

5.2.1

Prinċipalment din l-inizjattiva tkopri żewġ oqsma: l-impjieg u t-taħriġ. Il-kontenut tagħha għalhekk huwa marbut mill-qrib mal-inizjattiva preċedenti: tisħiħ tal-mobbiltà fit-taħriġ, il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, il-promozzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim formali u informali u l-garanzija ta’ investiment effikaċi u sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali.

5.2.2

Għall-KESE, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda mill-iktar elementi ta’ tħassib fl-Ewropa. Attwalment din hija ta’ 20 %. Ir-rata tan-nisa żgħażagħ bla xogħol, speċjalment ta’ dawk li għandhom kwalifiki baxxi, hija ogħla.

5.2.3

L-impatt tal-maternità jew il-paternità fuq is-suq tax-xogħol huwa differenti ħafna. Huwa biss l-64,7 % tan-nisa li għandhom tfal ta’ inqas minn 12-il sena li jaħdmu, meta mqabbel mad-89,7 % tal-irġiel. Dawn iċ-ċifri u differenzi jiżdiedu meta jkun hemm numru akbar ta’ tfal. In-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni preprimarja u l-iżbilanċ fit-tqassim tal-kompiti fil-familja huma problema għall-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħin personali, u dan jirrappreżenta ostakli serji għall-avvanz professjonali tan-nisa.

5.2.4

L-objettivi adottati mill-Kunsill f’Barċellona fl-2002 b’rabta mad-disponibbiltà tal-faċilitajiet ta’ edukazzjoni preprimarja ntlaħqu minn ftit Stati, u hemm ir-riskju li bit-tnaqqis f’dawn is-servizzi pubbliċi, is-sitwazzjoni attwali tiggrava.

5.2.5

Ċifra oħra allarmanti hija r-rata ta’ nisa żgħażagħ li la qegħdin jistudjaw, la qegħdin jaħdmu u lanqas mhuma jsegwu xi taħriġ. Skont il-Eurostat, din is-sitwazzjoni tolqot lill-20 % tan-nisa, meta mqabbel mat-13 % tal-irġiel. It-tnaqqis tar-rata tat-tluq bikri mill-iskola huwa wieħed mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 koperti minn din l-inizjattiva.

5.2.6

Il-KESE jqis li sabiex tiġi implimentata din l-inizjattiva ewlenija, għandha titqies is-sitwazzjoni attwali ta’ nisa żgħażagħ vulnerabbli f’livelli differenti, flimkien ma’ dawk li diġà ssemmew hawn fuq: taħriġ bażiku fqir, inqas aċċess għat-taħriġ professjonali meħtieġ mis-soċjetà ġdida tal-għarfien, validazzjoni insuffiċjenti tal-kompetenzi, nuqqas ta’ gwida professjonali u problemi finanzjarji speċifiċi sabiex joħolqu negozju jew attività tagħhom. Dan kollu jeħtieġ miżuri speċifiċi li jindirizzaw b’mod speċjali lin-nisa żgħażagħ.

5.3   Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar

5.3.1

L-inizjattiva tipproponi li tfassal u timplimenta programmi li jippromovu l-innovazzjoni soċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari billi tiġi pprovduta edukazzjoni innovattiva, taħriġ u opportunitajiet ta’ impjieg għall-komunitajiet li l-inqas li jiġu megħjuna, li tiġġieled id-diskrimnazzjoni (pereżempju l-persuni b’diżabbiltà) u li tiżviluppa aġenda ġdida għall-integrazzjoni tal-immigranti bil-għan li jkunu jistgħu jisfruttaw bi sħiħ il-potenzjal tagħhom. Tipproponi wkoll li jiġi evalwat kemm huma adegwati u sostenibbli s-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet u li jiġu studjati modi li jiżguraw aċċess aħjar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Il-KESE għandu r-riservi tiegħu dwar il-kunċett ta’ innovazzjoni soċjali li l-esperimenti relatati miegħu huma ta’ natura frammentata u ftit li xejn jistgħu jiġu trasposti. Dan il-kunċett huwa bbażat kemm fuq il-prinċipju leġislattiv tas-sussidjarjetà kif ukoll fuq kunċett soċjoloġiku bħall-“ekwità”. Jista’ jkun utli li tiġi provduta soluzzjoni lokali għal bżonn espress minn grupp żgħir ta’ nies iżda din ma tistax tissostitwixxi l-ugwaljanza u l-ġustizzja li joffru s-sistemi l-kbar ta’ protezzjoni soċjali kollettiva (14).

5.3.2

L-Istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara li l-Istati Membri għandhom bżonn jiddefinixxu u jimplimentaw miżuri adatti li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ gruppi li jinsabu f’riskji partikolari u jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet sabiex jassiguraw appoġġ adegwat għad-dħul finanzjarju u aċċess għall-kura tas-saħħa sabiex tiġi garantita l-koeżjoni soċjali. Iż-żieda fir-rati tal-qgħad u tal-inattività, l-insigurtà ekonomika, il-pagi baxxi, il-miżuri ta’ awsterità u t-tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u fl-għajnuniet għall-familji jolqtu b’mod partikolari lin-nisa. L-ewwel nett bħala ħaddiema, hekk kif it-tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol fis-settur pubbliku u s-servizzi jolqothom direttament, peress li dawn huma setturi li l-aktar li jimpjegaw nisa. Jolqtuhom ukoll doppju bħala ċittadini u utenti, jekk inqisu li t-tnaqqis fil-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali jolqot lin-nisa peress li huma l-utenti primarji ta’ dawn is-servizzi.

5.3.3

Fl-Ewropa, aktar minn 70 % tal-ħaddiema b’pagi baxxi huma nisa. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, 17 % tan-nisa jkomplu jintlaqtu mill-faqar, kif ukoll il-15 % tal-irġiel, li hija rata wkoll ta’ tħassib. Il-faqar u l-marġinalizzazzjoni soċjali jimxu id f’id mal-esklużjoni mis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-waqfien mix-xogħol u l-impjiegi prekarji, li huwa komuni ħafna fost in-nisa, speċjalment fost dawk li għandhom kwalifiki baxxi, għandhom effett negattiv immedjat kif ukoll fuq il-perjodu medju u fit-tul.

5.3.4

Il-familji b’ġenitur wieħed, ir-romol, in-nisa b’diżabbiltà, il-vittmi tal-vjolenza sessista, in-nisa anzjani u n-nisa emigranti jintlaqtu b’mod partikolari mit-tnaqqis baġitarju u mill-kriżi u jinsabu f’riskju akbar ta’ esklużjoni soċjali minħabba n-nuqqas ta’ protezzjoni u għajnuna b’miżuri speċifiċi.

5.4   Aġenda diġitali għall-Ewropa

5.4.1

L-għan huwa li jiġi promoss l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u b’mod speċifiku għall-internet u l-użu tiegħu miċ-ċittadini Ewropej kollha, speċjalment permezz ta’ programmi li jżidu l-litteriżmu diġitali u l-aċċessibbiltà.

5.4.2

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ifasslu strateġiji għal internet b’veloċità għolja u jikkonċentraw il-fondi pubbliċi, inkużi l-Fondi Strutturali, f’oqsma li mhumiex totalment koperti mill-investimenti privati, u għandhom jippromovu t-tnedija u l-użu tas-servizzi onlajn moderni (pereżempju: gvern elettroniku, saħħa onlajn, abitazzjoni intelliġenti, kompetenzi diġitali, sigurtà) (15).

5.4.3

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ statistika skont il-ġeneru għaliex b’hekk ma tistax tkun magħrufa s-sitwazzjoni tan-nisa fis-setturi professjonali marbuta mat-teknoloġiji l-ġodda jew il-livelli ta’ użu tagħhom. Ikun importanti li jsiru l-istudji rilevanti sabiex tiġi ddeterminata x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom, anke bħala utenti tas-servizzi, sabiex l-informazzjoni u t-taħriġ propost fl-Istrateġija Ewropa 2020 ikun jista’ jiġi indirizzat b’mod aktar speċifiku.

5.5   Unjoni tal-Innovazzjoni

5.5.1

Fost miżuri oħra, l-inizjattiva għandha l-għan li tippromovi u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni, in-negozju, ir-riċerka u l-innovazzjoni u ser tippromovi l-intraprenditorija. L-Istati Membri jridu jirriformaw is-sistemi nazzjonali u reġjonali tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jitħeġġu l-eċċellenza u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, tingħata prijorità lill-infiq fl-għarfien, tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-università, ir-riċerka u n-negozju, jiġi assigurat numru suffiċjenti ta’ gradwati fil-matematika u l-inġinerija u l-kurrikulu jiffoka fuq il-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija.

5.5.2

In-nisa jistgħu u għandhom jaqdu rwol essenzjali f’dan il-proċess. Fl-2010, madwar 60 % tal-gradwati universitarji kienu nisa u, mingħajr dubju, dan mhux rifless fil-postijiet li għandhom in-nisa fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, attwalment in-nisa jibdew negozju minn kull tlieta, jirrappreżentaw it-13,7 % tal-bords maniġerjali tal-kumpaniji kbar ikkwotati fil-borża u 3 % biss huma presidenti ta’ dawn il-bords.

5.5.3

Fil-maġġoranza tal-pajjiżi għad hemm is-segregazzjoni orizzontali tal-ġeneru skont l-oqsma speċjalizzati ta’ taħriġ: xjenza, inġinerija, matematika, teknoloġija. Dawn l-istudji huma wkoll qasam privileġġjat għall-kooperazzjoni bejn il-mexxejja tad-dinja ekonomika u tar-riċerka speċjalment fost il-programmi tal-masters u tad-dottorat, fejn in-nisa għandhom anqas aċċess. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jittieħdu miżuri li jeliminaw dawn l-ostakli.

5.5.4

In-nisa għadhom sal-lum mhux irrappreżentati biżżejjed fiċ-ċirkli ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fid-dinja xjentifika, kif ukoll f’dik intraprenditorjali u tas-servizzi. In-nisa li għandhom l-ogħla pożizzjonijiet fl-università huma biss 18 %. L-opportunitajiet ta’ impjieg u l-allokazzjoni tal-fondi għar-riċerka għandhom jassiguraw il-progress tan-nisa f’dan il-qasam u jservu sabiex iżidu l-potenzjal għall-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà Ewropea.

5.6   Ewropa effiċjenti fir-riżorsi

5.6.1

L-inizjattiva tipproponi li tiġi adottata u implimentata verżjoni riveduta tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Użu Effiċjenti tal-Enerġija u li jiġi promoss programm sostanzjali għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-appoġġ lill-SMEs u lill-familji, permezz tal-użu tal-fondi strutturali u fondi oħrajn sabiex jinkiseb finanzjament ġdid permezz ta’ sistemi eżistenti ta’ mudelli innovattivi ta’ investiment li rnexxew – dan għandu jippromovi bidliet fl-imġiba tal-konsum u tal-produzzjoni.

5.6.2

L-enerġija u l-ambjent mhumiex suġġetti newtrali: l-użu tal-enerġija, l-aċċess għall-ilma tax-xorb, ir-riċiklaġġ, is-sorsi ta’ sħana sabiex dar ikollha s-sħana u l-elettriku, ir-rispett għall-ambjent u l-konservazzjoni tiegħu, huma xi wħud mill-eżempji li juru li f’dawn l-oqsma, in-nisa jaqdu rwol essenzjali. Il-bidliet fl-imġiba tal-konsum huma inkonċepibbli mingħajr ma jitfasslu miżuri speċifiċi bbażati fuq għarfien konkret tar-realtà u li b’mod differenti jindirizzaw pubbliku distint, u b’mod prinċipali, lin-nisa.

5.6.3

Dan kien rikonoxxut ukoll mill-Kunsill għall-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l- Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2012, fejn enfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu n-nisa fl-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill li n-nisa jistgħu jinfluwenzaw b’mod importanti t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jolqot lill-ambjent, b’mod partikolari fil-kuntest tal-politika dwar it-tibdil fil-klima. Din hija opportunità ġdida għan-nisa, li jistgħu jaqdu rwol importanti u jtejbu s-sitwazzjoni personali u ekonomika tagħhom billi jinvolvu ruħhom fl-ekonomija ekoloġika ġdida u emerġenti, li huwa settur kruċjali għall-iżvilupp u l-ħolqien tal-impjieg.

5.6.4

Fil-livell intraprenditorjali, id-diskriminazzjoni vertikali f’dan is-settur għadha għolja. Minkejja li 33 % tal-pożizzjonijiet eżekuttivi llum huma okkupati minn nisa, meta mqabbel mal-31 % fl-2001, il-maġġoranza ta’ dawn huma fis-setturi tas-servizzi u l-kummerċ u ħafna inqas fl-industrija tal-manifattura, il-kostruzzjoni jew l-enerġija.

5.6.5

Hemm ftit wisq riċerka u informazzjoni disponibbli li jippermettu li tkun magħrufa r-realtà tas-sessi u dwar il-passi neċessarji sabiex jiżdied il-perċentwali tan-nisa f’dan l-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jemmen li l-investiment huwa importanti iżda hemm bżonn ukoll li ssir ħidma sabiex jingħelbu l-istereotipi, jingħataw soluzzjonijiet u jiġu promossi miżuri relatati mal-azzjoni pożittiva, peress li dan huwa settur li qed jikber u, jekk is-sitwazzjoni tat-tluq hija d-diskriminazzjoni, hemm ir-riskju li soċjalment jiżdiedu d-differenzi u d-distakk soċjali.

5.6.6

Waħda mill-prijoritajiet tal-Istrateġija għall-ugwaljanza hija l-azzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE – fuq naħa, il-programmi ta’ kooperazzjoni mar-reġjuni ġirien, bħala parti mil-politiki Ewropej ta’ viċinat, speċjalment ir-reġjun Euromed u fuq in-naħa l-oħra, l-azzjoni tal-UE fil-forums globali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa immigranti minn pajjiżi terzi, in-nisa li jemigraw fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li jiġu minn pajjiżi ġirien. Il-falliment ta’ Rio+20 fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tan-nisa huwa preokkupanti. Ma sar assolutament l-ebda progress fuq kwistjonijiet kritiċi bħar-rabta bejn is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, id-drittijiet tan-nisa li jkollhom proprjetà u jirtu l-art, it-tibdil fil-klima u l-impjiegi ekoloġiċi.

5.7   Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni

5.7.1

Din l-inizjattiva ewlenija għandha rwol fundamentali sabiex jiġu implimentati l-aspetti tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija għall-ugwaljanza: it-trasparenza tal-pagi, l-inizjattivi favur paga ndaqs u miżuri sabiex in-nisa jitħeġġu jagħżlu professjonijiet mhux tradizzjonali huma xi wħud mill-aspetti prinċipali proposti fl-Istratġija u li juru sinerġija adegwata ma’ din l-inizjattiva.

5.7.2

Fl-Ewropa, id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa bħala medja hija ta’ 17 %, li tvarja minn 5 % għal 31 % bejn l-Istati Membri. Fatturi interkonnessi differenti jwasslu għal din is-sitwazzjoni, u fost oħrajn insibu valur aktar baxx għax-xogħol f’setturi li jimpjegaw ħafna nisa, segregazzjoni professjonali qawwija u waqfa fil-karriera għal diversi raġunijiet. Is-sitwazzjoni tal-kriżi qed tiggrava din is-sitwazzjoni.

5.7.3

Id-distakk bejn ir-rata ta’ impjieg u l-pagi naqas f’xi każijiet, iżda, sfortunatament, dan ma kienx riżultat ta’ żieda fl-impjieg u s-salarju tan-nisa iżda minħabba tnaqqis fid-domanda f’setturi li b’mod predominanti jimpjegaw lill-irġiel (kostruzzjoni, manifattura, settur finanzjarju), bħala effett dirett tal-kriżi. Il-KESE jfakkar li t-TFUE jiddefinixxi wieħed mill-għanijiet fil-bini tal-Ewropa bħala “(i)t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib” (16), u dan jgħodd għal kulħadd.

5.7.4

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ tnedija mill-ġdid għat-tkabbir ta’ dawn is-setturi f’diffikultà, u b’mod parallel, miżuri sabiex tiġi miġġielda s-segregazzjoni professjonali, b’mod partikolari sabiex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Hemm bżonn ukoll ta’ miżuri sabiex jitjieb ir-rikonoxximent tas-setturi li jimpjegaw l-akbar numru ta’ nisa, pereżempju x-xogħol domestiku, is-servizzi tas-saħħa u l-kura tal-persuni.

6.   Id-dimensjoni tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali ta’ riforma u fis-semestru Ewropew

6.1

Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika huwa l-istrument il-ġdid li qablu dwaru l-Istati Membri sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jirrakkomanda li jiġu inklużi perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni tal-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jiġu żviluppati u implimentati l-programmi nazzjonali ta’ riforma. Il-Kumitat jappella wkoll li l-Kummissjoni u l-Kunsill japplikaw il-perspettiva tal-ġeneru fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fil-konklużjonijiet u fir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali speċifiċi għall-pajjiżi.

6.2

F’April 2012, 12-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjonijiet nazzjonali speċifiċi li inkludew id-dimensjoni tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni ssuġġeriet u l-KESE jappoġġja riformi speċifiċi fl-oqsma li ġejjin: it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, it-titjib tad-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal u skejjel miftuħin il-ġurnata kollha, it-titjib fil-kura għall-anzjani, li tinkludi l-kura u l-attenzjoni li jingħataw lil persuni dipendenti oħra.

6.3

Il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jżiedu r-rata ta’ impjieg tan-nisa iżda ma jqisux l-ostakli sabiex ikun hemm xogħol ta’ kwalità fir-rigward tal-pagi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll li n-nisa u l-irġiel ikunu ugwali fir-rigward tar-responsabbiltajiet familjali. Pajjiż wieħed biss, l-Awstrija, ingħata r-rakkomandazzjoni li jindirizza d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa minkejja li din tippersisti fl-Istati Membri kollha.

6.4

Il-KESE jinsab imħasseb dwar xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkollhom effett negattiv fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi: dawk li jirreferu għar-riforma tal-pensjonijiet, il-proposti sabiex jiġu riveduti l-mekkaniżmi tar-reviżjoni tal-pagi u tal-pensjonijiet, iż-żieda fl-età tal-irtirar mingħajr ma jitqiesu s-snin ta’ ħajja b’saħħitha u l-proposta li jiġu introdotti inċentivi fiskali għat-tieni dħul finanzjarju tal-koppja.

Brussell, 17 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 2020 final.

(2)  COM(2010) 491 final, minn issa ’l quddiem tissejjaħ “l-Istrateġija għall-ugwaljanza”.

(3)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102-108.

(4)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 21-26.

(5)  Kompożizzjoni tal-KESE: 343 membru li minnhom 81 (23,6 %) huma nisa. Skont il-Gruppi: Grupp 1: 112-il membru li minnhom 22 (22,1 %) huma nisa, Grupp II: 120 membru li minnhom 32 (26,8 %) huma nisa, Grupp III: 111-il membru li minnhom 27 (24,3 %) huma nisa.

(6)  COM(2006) 92 final u ĠU C 354, 28.12.2010, p. 1-7.

(7)  “Gender mainstreaming” tfisser li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi integrata fit-tendenza dominanti tas-soċjetà, b’tali mod li l-irġiel u n-nisa jiksbu l-istess benefiċċji. Dan jinvolvi analiżi ta’ kull pass tal-politiki – tfassil, implimentazzjoni, segwitu u evalwazzjoni – sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa Kummissjoni Ewropea, Gwida EQUAL (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10-13.

(9)  ĠU C 21, 21.1.2011. p. 39.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15-21.

(11)  Gender equality, economic growth and employment (L-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg), Åsa Löfström (http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=3988&langId=en) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Il-KESE adotta opinjonijiet għal kull waħda minnhom.

(13)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-28.

(14)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 88-93.

(15)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9-18.

(16)  Artikolu 151 tat-TFUE.