4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperattivi u l-iżvilupp agroalimentari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/09

Relatur: is-Sur TRIAS PINTÓ

Waqt is-sessjoni plenarja tad-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kooperattivi u l-iżvilupp agroalimentari

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikultura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fit-tiftix ta’ mudell ekonomiku aktar sostenibbli, il-kooperattiviżmu jipprovdi alternattiva kompetittiva u effiċjenti, joffri risposti ġodda għall-iżbilanċi fil-katina tal-valur tas-settur agroalimentari filwaqt li jippromovi l-impjieg u jħeġġeġ il-katini alimentari lokali, is-sigurtà tal-provvista alimentari, il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà soċjali.

1.2   Is-swieq attwali tal-prodotti agroalimentri jeħtieġu riformi strutturali b’konformità mal-isfidi ppreżentati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u inizjattivi oħra tal-UE. Il-kanali konvenzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni ma joffrux biżżejjed trasparenza fit-tiswir tal-prezzijiet, u dan iwassal għal żbilanċi serji fil-kapaċità ta’ negozjar tal-partijiet interessati, għad-detriment tal-produtturi u l-konsumaturi (l-ewwel u l-aħħar ħolqa fil-katina). Bara minn hekk, ikun hemm spejjeż ambjentali mhux neċessarji minħabba distribuzzjoni ineffiċjenti f’termini tal-enerġija, bħalma huwa l-każ tal-ħżin fil-kesħa tal-ikel frisk barra l-istaġun u t-trasport tiegħu lejn swieq ’il bogħod ħafna mill-post tal-produzzjoni.

1.3   Is-suq jeħtieġ li jerġa’ jissawwar b’mod ċirkulari, b’tali mod li jgħin iqassar il-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni sabiex tittejjeb ir-rabta bejn il-provvista u d-domanda f’netwerks, promossi mill-aktar livelli bażiċi u f’kuntest innovattiv u teknoloġikament avvanzat.

1.4   Permezz tal-prinċipji u l-valuri tagħhom li jidentifikawhom, il-kooperattivi jikkontribwixxu għal relazzjonijiet kummerċjali ġusti u sinerġetiċi li jippermettu li jerġgħu jibbilanċjaw il-katina tal-valur agroalimentari, waqt li jgħaqqdu flimkien l-interessi, jottimizzaw il-valur kondiviż u jikkonsolidaw is-sostenibbiltà tal-metodi tal-produzzjoni u l-konsum.

1.5   Għalhekk, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jippromovu l-kundizzjonijiet preċiżi għall-promozzjoni tal-mudell kooperattiv, permezz tal-adozzjoni ta’ politiki tal-UE li jipprovdu l-miżuri adegwati fil-kuntest legali, ekonomiku, fiskali, tekniku, eċċ., bil-għan li jassiguraw li s-suq jiżviluppa b’mod armonjuż.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-mudell kooperattiv iħeġġeġ it-titjib tal-ekosistema intraprenditorjali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, id-demokrazija ekonomika, waqt li jikkontribwixxi għall-bidla meħtieġa tal-mudell tal-produzzjoni.

2.2   L-2012, iddikjarata min-Nazzjonijiet Uniti bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi, toffri l-qafas ideali għal riflessjoni dwar ir-rwol tal-kooperattivi fit-tfassil ta’ xprun ġdid għal tkabbir sostenibbli u inklużiv, li jippermetti li mill-kriżi attwali toħroġ ekonomija soċjali tas-suq kompettiva ħafna (1).

2.3   Ir-realtà tas-settur kooperattiv fl-UE hija diversa ħafna. Jeżistu kooperattivi li l-attività kummerċjali tagħhom mhi xejn differenti minn dik tal-kompetituri tagħhom, filwaqt li jeżistu oħrajn li jorbtu l-attività kummerċjali tagħhom ma’ pożizzjonijiet “politiċi” favur il-konsumaturi, l-ambjent, eċċ., integrati fl-istrateġiji tagħhom ta’ informazzjoni jew ta’ bejgħ. Jeħtieġ ukoll li ssir distinzjoni bejn il-kooperattivi li joperaw fil-bidu (produzzjoni) jew fl-aħħar (konsum) tal-katina tal-valur, ta’ spiss mingħajr ebda koordinazzjoni bejniethom.

2.4   Ir-riforma strutturali tas-swieq, li għandha l-għan li tikseb mudell tal-produzzjoni u tal-konsum sostenibbli, teħtieġ li l-katina tal-valur agroalimentari (2) terġa’ tiġi bbilanċjata, bl-assoċjazzjonijiet agrikoli inġenerali u l-kooperattivi b’mod partikolari jaqdu rwol li jbiddel u jintegra u li jippermetti li jitwettqu l-aġġustamenti u t-tibdil rilevanti – dan kollu permezz tad-djalogu u l-interazzjoni bejn is-setturi.

2.5   Dan l-approċċ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pożizzjonijiet espressi mill-KESE u jipprova jagħti risposta għall-isfidi futuri tal-politiki tal-UE fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konsum, il-Produzzjoni u l-Industrija Sostenibbli u l-Att tas-Suq Uniku.

2.6   F’dan is-sens, għandu jiġu enfasizzat li din l-inizjattiva hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, abbażi tal-għarfien, l-ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju (3), l-impjegabilità u l-koeżjoni soċjali u territorjali.

2.7   Fl-aħħar nett, din il-proposta tikkontribwixxi għal aspetti transversali oħra li huma estremament importanti għall-politiki tal-UE bħal, fost oħrajn, dawk relatati mas-sovranità u sigurtà tal-provvista alimentari, il-bilanċ territorjali u ż-żamma tal-katini alimentari lokali (4), l-intraprenditorija soċjali, il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumatur u l-parteċipazzjoni diretta tas-soċjetà ċivili organizzata fil-qasam agroalimentari (5).

3.   Kummenti tal-KESE

3.1   Analiżi tas-suq attwali

3.1.1   Il-funzjonament tas-suq għandu jiggarantixxi li jiġu offruti l-prodotti tat-tip u l-kwalità mixtieqa mill-konsumaturi. Dan jeħtieġ li l-messaġġi tal-konsumaturi jiġu trasmessi matul il-katina kollha tal-valur u jaslu mingħajr tfixkil għand il-produtturi. Sfortunatament, illum il-ġurnata s-suq ta’ spiss huwa ta’ natura lineari – li jippreveni milli jkun hemm feedback pożittiv – u juri livell ta’ kumplessità li jfixkel il-missjoni tiegħu u b’hekk ikun ta’ ħsara għall-kompitu ġenwin tiegħu, fi kliem ieħor li jipprovdi prodotti għall-popolazzjoni tiegħu bl-aktar mod sodisfaċenti possibbli.

3.1.2   Il-konsumaturi qed jitolbu dejjem aktar prodotti siguri, sostenibbli, u li jiġu prodotti b’mod innovattiv, responsabbli, li jirrispetta l-ambjent u f’kundizzjonijiet adegwati ta’ xogħol u ta’ benesseri tal-annimali; dan kollu mingħajr ma jintesa l-fatt li għandhom jitqiesu wkoll il-prodotti alimentari li jqumu inqas, peress li l-prezz jibqa’ jkun fattur determinanti għad-deċiżjonijiet ta’ xiri. Sfortunatament, il-katina tal-valur agroalimentari mhix qed tittrasmetti l-informazzjoni rilevanti bejn il-ħoloq differenti (produzzjoni primarja, imballaġġ, ħżin, distribuzzjoni u bejgħ).

3.1.3   Il-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni, apparti li biegħdu r-relazzjoni bejn il-fornituri u l-konsumaturi, għamlu aktar diffiċli t-trasparenza tal-operazzjonijiet li jinkorporaw, b’tali mod li l-ispejjeż tal-produzzjoni huma sottovalutati u l-prezzijiet imħallsa lill-produtturi ta’ spiss ma jilħqux il-limiti minimi meħtieġa għas-sopravivenza ekonomika tagħhom.

3.1.4   Barra minn hekk, il-poter fqir ta’ negozjar u d-dipendenzi lsira ta’ dawk l-operaturi li jissaportu prezzijiet inġusti f’rabta mal-attività li jwettqu jżidu l-iżbilanċ li jikkaratterizza l-katina agroalimentari (6), u b’hekk iżommu mġiba anomala tas-suq.

3.1.5   Għalhekk, l-analiżi tas-suq attwali – neċessarja għar-riforma tiegħu – tindika dan li ġej: provvista frammentata, distribuzzjoni konċentrata u domanda inkonsistenti. Dan il-kuntest jipprovdi l-ambjent ideali għall-ispekulazzjoni.

3.1.6   M’għandux jintesa l-fatt li l-istadju tad-distribuzzjoni, barra minn hekk, għandu impatti ambjentali u soċjali li jirriżultaw mit-trasport fuq distanza twila, il-ħżin fit-tul fil-kesħa, ir-rilokazzjoni tan-negozju, eċċ.

3.2   Lejn suq aktar kooperattiv: approċċ iċċentrat fuq metodi ġodda tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli

L-identità kooperattiva għandha tissaħħaħ permezz tal-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza, l-ekwità, is-solidarjetà, it-trasparenza u r-responsabbiltà soċjali. L-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali stabbilixxiet seba’ prinċipji li għandhom jiġu applikati mill-kooperattivi: “l-adeżjoni volontarja u miftuħa; il-kontroll demokratiku tal-membri; il-parteċipazzjoni ekonomika tal-membri; l-awtonomija u l-indipendenza; l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni; il-kooperazzjoni bejn il-kooperattivi u l-attenzjoni għall-komunità” (7).

Suq kooperattiv fil-kuntest agroalimentari huwa wieħed ibbażat fuq il-kooperattivi, li jiffunzjona fuq il-bażi tal-offerta u d-domanda agroalimentari kif ukoll fuq ir-rabtiet tiegħu ta’ reċiproċità jew ta’ benefiċċju reċiproku, waqt li jfittex katina tal-valur aktar ġusta u effiċjenti mil-lat ekonomiku u soċjoambjentali. Fil-qosor, dan ifisser li s-suq jieħu l-forma ta’ logħba fejn kulħadd joħroġ rebbieħ (positive sum game) u fejn l-aġenti kollha jiggwadanjaw, waqt li jiġi massimizzat il-ħolqien ta’ valur kondiviż billi jinħolqu alleanzi u impenji fit-tul bejn il-partijiet interessati prinċipali tiegħu (produtturi u konsumaturi) fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet imparzjali ta’ kompetizzjoni ġusta. Il-fatturi prinċipali sabiex is-suq jerġa’ jiġi organizzat, b’konformità mal-prinċipji mniżżlin f’din l-Opinjoni, huma dawn li ġejjin:

3.2.1

Inverżjoni tal-“piramida tal-produzzjoni”, b’approċċ kooperattiv transnazzjonali li l-massa kritika tiegħu tiggarantixxi l-iskala u l-firxa neċessarji. Abbażi tal-produttur individwali jew familjali, huwa neċessarju li jiġu promossi l-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi fil-livell lokali – element li jistimula l-ekonomija rurali – waqt li jinħolqu strutturi akbar (netwerks reġjonali u raggruppamenti kompetittivi) li jqarrbu lill-bdiewa lejn il-partijiet tal-katini ta’ kummerċjalizzazzjoni li għandhom l-aktar valur miżjud. Din l-istruttura kooperattiva għandha tippermetti li jiġu massimizzati r-rendimenti u tintlaħaq id-diversità tad-domanda, waqt li jitqassru l-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn il-ħoloq tal-produzzjoni u tal-konsum (8). Barra minn hekk, l-integrazzjoni kooperattiva (9) tassigura traċċabilità akbar matul il-proċess kollu, kemm fil-kuntest tal-kwalità kif ukoll fit-tiswir tal-prezzijiet, u dan iwassal għal riżorsi ottimizzati u aktar effiċjenza.

3.2.2

Introjtu soċjali kooperattiv. Il-profitti ġġenerati min-netwerk tal-kooperattivi huma ta’ benefiċċju għall-kooperattivi parteċipanti, u dan iżid il-possibbiltajiet tagħhom li jtejbu l-poter tas-suq tagħhom, jipprovdu impjegabilità aħjar, aċċess għar-riżorsi bażiċi aktar universali u kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-produtturi u l-konsumaturi, waqt li jiġi promoss il-ħolqien ta’ sinerġiji fl-ambjent ġdid ta’ relazzjonijiet kummerċjali.

3.2.3

Konċentrazzjoni tad-domanda  (10). Il-kooperattivi tal-konsumaturi, flimkien mal-promozzjoni tan-netwerks tal-konsumaturi li jiffokaw fuq id-domanda taċ-ċittadini, għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-prodotti f’kundizzjonijiet ta’ prezz u kwalità aktar favorevoli. Il-kuntatt dirett mal-produtturi jinbena fis-swieq lokali u ta’ viċinat, u jippermetti li bil-mod il-mod jiġu ottimizzati t-tranżazzjonijiet kummerċjali virtwali fuq l-internet. Dan l-approċċ jikkoinċidi mal-għanijiet espressi mill-organizzazzjonijiet prinċipali tal-bdiewa u tal-kooperattivi agroalimentari tal-Unjoni Ewropea: “L-għan huwa li jiġu promossi/appoġġjati l-inizjattivi tal-bdiewa li jbigħu direttament il-prodotti tagħhom lill-konsumaturi finali (pereżempju permezz ta’ bejgħ dirett fir-razzett, permezz tal-kooperattivi agrikoli, fis-swieq lokali, permezz ta’ pjattaformi kollettivi jew impriżi kkontrollati mill-produtturi)” (11).

3.2.4

Mudell ċirkolari  (12) tas-suq ibbażat fuq it-tqassir tal-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni. Sabiex jiġi bbilanċjat il-piż żejjed tal-operaturi li ma jżidu l-ebda valur fil-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agroalimentari, għandhom jiġu promossi l-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni li kemm jista’ jkun iqarrbu l-unitajiet ta’ produzzjoni u konsum, fi kliem ieħor il-produtturi primarji u l-konsumaturi finali rispettivament (13). B’hekk dan jgħin biex jinħolqu “ċirkli fis-suq” li jagħmluha possibbli li r-riżorsi disponibbli ta’ produzzjoni jiġu aġġustati, f’termini ta’ mezzi u spejjeż, għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u b’hekk jiġu evitati l-eċċessi u d-defiċits, li apparti hekk jistgħu joħolqu fluttwazzjonijiet artifiċjali fil-prezzijiet. Dan kollu ser jippermetti li l-katina tal-provvista tal-ikel tiffunzjona b’mod aktar ġust, trasparenti u bbilanċjat u tgħin biex jinqerdu dawk il-prattiki abbużivi u inġusti li jqiegħdu f’riskju l-kompetizzjoni leġittima.

3.2.5

Teknoloġiji ġodda  (14). L-innovazzjoni teknoloġika tipprovdi l-pedament li fuqu jistrieħ il-kunċett ta’ suq aktar kooperattiv, kemm fl-iżvilupp innovattiv tat-tekniki ta’ produzzjoni agroalimentari kif ukoll fl-infrastruttura loġistika meħtieġa biex tiġi ottimizzata l-effiċjenza tal-proċessi ta’ komunikazzjoni meta jiġu implimentati netwerks intelliġenti ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u konsum (bħal forom ta’ organizzazzjoni b’livell għoli ta’ awtoorganizzazzjoni u flessibbiltà evoluttiva, u li għandhom il-kapaċità li jitgħallmu jaġixxu sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom). Il-viralità, l-interoperabilità u l-konnettività reċiproka tagħhom f’ambjent diġitalizzat, b’hekk, ser jippermettu li jiġu sostitwiti l-intermedjarji inutli. B’konsegwenza, it-teknoloġiji l-ġodda għandhom ikunu l-għodod li bihom jissawwar il-proċess li jwassal għal aktar effiċjenza kollettiva, billi l-innovazzjoni tiġi applikata fil-katini alimentari u għall-kapaċità tagħhom li jinbidlu.

3.3   Il-ksib ta’ suq aktar kooperattiv

It-trasformazzjoni globali lejn il-produzzjoni u l-konsum responsabbli u sostenibbli għandha titqies bħala realtà li tinkludi diversi partijiet interessati, fejn kull wieħed mill-gruppi ta’ interess jista’ jinfluwenza u jiġi influwenzat mill-attività kooperattiva (koresponsabbiltà soċjali kooperattiva). Kwistjoni strateġika li għandha titqies fil-promozzjoni ta’ mudelli tal-konsum u tal-produzzjoni kooperattivi u interkooperattivi hija l-fatt li hemm bżonn li jkun hemm strumenti u mekkaniżmi istituzzjonali li jippermettu li l-mudell jiġi stabbilit b’tali mod li jkun jista’ jikkompeti mal-katina tal-valur konvenzjonali. Xi konsiderazzjonijiet jistgħu jkunu utli fil-proċess rilevanti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inklużi dawn li ġejjin:

3.3.1

Adozzjoni ta’ miżuri fil-kuntest tal-politiki tal-UE. Għandhom jiġu promossi, permezz tar-riforma tal-qafas legali u ta’ politika adegwata ta’ inċentivi, miżuri li jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kooperattivi permezz ta’ aġenziji ta’ żvilupp, kreditu finanzjarju, eċċ., kif ukoll miżuri ta’ integrazzjoni u internazzjonalizzazzjoni kooperattiva, miżuri ta’ koeżjoni u innovazzjoni soċjali u miżuri li jsaħħu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-kooperattivi, l-għaqdiet tal-konsumaturi u gruppi oħra.

3.3.2

Akkwist pubbliku kooperattiv  (15). Il-progress li sar fl-aħħar snin fil-kuntest tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u, aktar reċenti, anke fl-adozzjoni ta’ kriterji etiċi fil-proċeduri tal-akkwist tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, kellu impatt importanti fuq il-progress soċjali u ekonomiku tal-azzjonijiet ta’ sostenibbiltà u kooperazzjoni. Il-possibbiltà li l-akkwist pubbliku jkun ta’ eżempju kif ukoll il-livell għoli ta’ akkwist li jinvolvi huma, mingħajr dubju, strument kruċjali sabiex jiġu promossi l-objettivi stabbiliti. Il-fatt li l-flussi tas-suq jiġu stimulati bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-netwerks kooperattivi jista’ jkun fattur deċiżiv f’mudell ġdid tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli.

3.3.3

Tikketti ta’ kwalità  (16). It-tikketti ta’ kwalità huma strumenti indiretti ta’ promozzjoni, li jiċċertifikaw l-oriġini, il-karatteristiċi u l-attribwiti tal-prodotti kkummerċjalizzati, u f’dan il-każ il-valur miżjud tal-element soċjali li jakkumpanja l-produzzjoni kooperattiva (“tikketta kooperattiva”). Din l-immaġni ta’ marka (brand image) iżżid ir-reputazzjoni u tippermetti lill-assoċjazzjonijiet agrikoli jimxu minn li jkunu ffokati fuq il-produzzjoni għal li jkunu ffokati fuq is-suq.

3.3.4

Trasparenza u informazzjoni għall-konsumatur  (17). It-trasparenza, flimkien mal-kampanji li jagħmlu liċ-ċittadini aktar konxji mid-deċiżjonijiet ta’ xiri li jieħdu fi ħdan is-suq kooperattiv, speċjalment b’rabta mal-kwalità u t-traċċabbilità, hija fattur ta’ bilanċ fil-katina tal-valur li twassal għal aktar simmetrija ta’ informazzjoni u azzjoni kkoordinata bejn il-produzzjoni u l-konsum (neċessarji għall-effiċjenza ta’ mudell ibbażat fuq is-sostenibbiltà), u torbot il-provvista u d-domanda, kemm temporanjament kif ukoll ġeografikament fl-integrazzjoni tal-proċessi rispettivi tal-kummerċjalizzazzjoni. Għandhom jingħataw prijorità wkoll il-gruppi tal-konsumatur u għandhom jiġu identifikati l-kanali li jwasslu għall-konċentrazzjoni rilevanti tad-domanda finali tal-prodotti agroalimentari.

3.3.5

Edukazzjoni u taħriġ fl-intraprenditorija soċjali u l-moviment kooperattiv  (18). Minkejja li dan huwa b’mod ċar strument proattiv li l-effett tiegħu ma jiġix osservat immedjatament, bla dubju huwa fundamentali sabiex jiġu kkonsolidati l-bidliet li qegħdin iseħħu fis-suq. Jekk il-prinċipji kooperattivi jiġu mgħallma u assorbiti fl-iskola, dan ma jiġġenerax biss attitudni bikrija favur il-mudell kooperattiv u l-kooperazzjoni bħala sors ta’ fiduċja, iżda jippermetti wkoll li din il-prattika tiġi estiża għall-ġenituri tal-istudenti, li jitħeġġu jadottaw mudelli ta’ konsum li huma konformi mal-azzjonijiet proposti. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li tiġi promossa l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, sabiex jiġu inċentivati u stimulati l-ħolqien u l-konsolidazzjoni tal-kooperattivi, kemm jekk ikunu fil-fażi ta’ produzzjoni, fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni jew fil-fażi tal-konsum. Mingħajr dubju, għal dan kollu ser jikkontribwixxu l-għarfien, l-iskambju u t-tixrid tal-prattiki kooperattivi t-tajba.

3.3.6

Trattament fiskali divrenzjat  (19). Tinħtieġ tassazzjoni aktar ekwa li tippermetti li l-konsum jiġi orjentat lejn użu effiċjenti tar-riżorsi (20), sabiex jitqies aktar il-kontenut ta’ kull prodott f’termini soċjoambjentali u l-valur soċjali miżjud abbażi tal-formola tal-kooperattivi. Abbażi ta’ qafas fiskali speċifiku, l-inċentivi fiskali u l-għajnuna ta’ kumpens huma fost l-istrumenti diretti u li potenzjalment l-aktar li jistgħu jiksbu l-objettivi stabbiliti. Bħalma turi l-esperjenza f’diversi Stati Membri, l-adozzjoni ta’ trattament fiskali divrenzjat jippromovi l-awtonomija u l-indipendeza finanzjarja iżda, bħal xi wħud mill-inizjattivi proposti hawn fuq, jeħtieġ valutazzjoni ta’ impatt qabel jiġi adottat.

3.3.7

L-użu tat-teknoloġija. Il-progress teknoloġiku u l-aċċess universali tiegħu huma l-aħjar modi kif jiġi promoss il-ksib ta’ dawn l-objettivi. F’dan is-sens għandhom jiġu enfasizzati l-inizjattivi li ġejjin: ir-riċerka u l-innovazzjoni applikati għall-produzzjoni agroalimentari, il-ħolqien ta’ żoni u kanali ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni u, fl-aħħar, iċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità għolja, billi jingħataw punti addizzjonali għall-valur nutrittiv, il-garanziji ta’ provvista u benefiċċji pubbliċi oħra, waqt li jitnaqqsu punti għall-ispejjeż soċjali u ambjentali negattivi esterni, fost oħrajn, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu akkreditati kriterji bħas-saħħa u s-sigurtà alimentari, il-marka ekoloġika jew il-marka soċjali, u barra minn hekk ikunu jiġu evalwati mill-konsumaturi f’rabta mal-prezz u l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni relatati. Din is-sistema ta’ ċertifikazzjoni tkun teħtieġ li tiġi implimentata flimkien ma’ elementi oħra bħat-telefonija intelliġenti, applikazzjonijiet speċifiċi tal-informatika u netwerks soċjali.

3.4   Vantaġġi kompetittivi tas-suq kooperattiv

Apparti l-vantaġġi evidenti li jġib miegħu mudell ġdid ibbażat fuq is-sostenibbiltà u l-kooperazzjoni ekonomika u soċjali, is-suq kooperattiv joffri għadd ta’ vantaġġi kompetittivi b’implikazzjonijiet fuq aspetti estremament importanti għall-politiki tal-UE fl-oqsma li ġejjin:

3.4.1

Ekonomija: il-fatt li l-prodotti tal-bdiewa jkollhom aċċess stabbli u sigur għas-swieq, il-finanzjament sostenibbli, l-investimenti soċjalment responsabbli, l-istimolu tas-suq, is-salvagwardja tal-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi, eċċ.

3.4.2

Soċjali: l-ippjanar territorjali, l-iżvilupp rurali u l-inklużjoni, il-wirt kulturali u l-identità lokali u reġjonali, is-sovranità u s-sigurtà tal-provvista alimentari, l-ebda produzzjoni żejda u l-aċċessibbiltà għall-ikel, it-traċċabbilità soċjali tal-prodotti, l-ebda rilokazzjoni tal-intrapriżi, il-garanzija ta’ salarji adegwati u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà soċjali u l-konsum responsabbli, is-saħħa tal-komunità u l-istili ta’ ħajja b’saħħithom, il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentawhom, eċċ.

3.4.3

Ambjentali: l-iffrankar tal-enerġija, il-konservazzjoni tal-ekosistemi, il-marki ekoloġiċi, l-agroekoloġija; l-użu razzjonali u responsabbli tal-materja prima u r-riżorsi naturali, iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodotti agroalimentari, il-ħolqien tal-impjieg ekoloġiku bħala strateġija biex jiġi estiż is-suq, eċċ.

Brusell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Att dwar is-Suq Uniku”, COM(2011) 206 final.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni, COM (2008) 397 final.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050.”ĠU C 376, 22.12.2011, p. 110-116.

(4)  Nazzjonijiet Uniti, Assemblea Ġenerali “Rapport mir-relatur speċjali dwar id-dritt għall-ikel”, Oliver de Schutter (A/HRC/19/59 – 26 ta’ Diċembru 2011.

(5)  Konklużjonijiet tal-President Nilsson dwar il-Konferenza “Food for everyone: towards a global deal” (Ikel għall-Kulħadd: lejn patt globali).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”ĠU C 48, 15.2.2011, p. 145.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kooperattivi u r-ristrutturar”. ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24-30

(8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Politika Integrata dwar il-Prodotti”, COM(2003) 302 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  F’dan ir-rigward, bħala mudell intraprenditorjali emerġenti, il-Kooperattiva Integrali jew l-Impriża Kooperattiva ta’ Interess Komuni toħroġ bħala intrapriża li tipproduċi beni jew servizzi sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet kollettivi ta’ territorju, permezz tal-mobilizzazzjoni konġunta tal-partijiet ikkonċernati.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi futuri fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” COM(2010) 672 final.

(11)  Il-Politika Agrikola Komuni wara l-2013. Reazzjoni tal-bdiewa u tal-kooperattivi agrikoli tal-UE għall-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni (COPA-COGECA, 2012).

(12)  Salcedo Aznal, Alejandro. “¿Sociedad de consumo o redes de consumidores? Esbozo para un análisis social del consumidor actual” ((“Soċjetà ta’ konsum jew netwerks ta’ konsumaturi? Abbozz ta’ analiżi soċjali tal-konsumatur attwali”) (2008).

(13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni, COM(2008) 397 final.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-mudell agrikolu Komunitarju: kwalità tal-produzzjoni u komunikazzjoni lill-konsumaturi bħala fatturi ta’ kompetittività”ĠU C 18, 19.1.2011, p. 5.

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” COM(2011) 681 final.

(16)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi futuri fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” COM(2010) 672 final.

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni, COM (2008) 397 final.

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Inizjattiva għan-negozju soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazjoni” COM(2011) 682 final.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “Forom differenti ta’ intrapriża”. ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22-28.

(20)  COM(2011) 571 final u Opinjoni dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE”. ĠU C 191, 29.6.2012, p. 6