15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 44/05

Relatur: is-Sur VARDAKASTANIS

Nhar is-26 ta’ April 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tal-KESE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2012.

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill biex jerġa’ jiftaħ in-negozjati dwar il-konklużjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD – United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities) sabiex jiżgura li l-Ewropej b’diżabilità jgawdu bis-sħiħ mill-UN CRPD.

1.2

Il-KESE jistieden lill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew biex jorganizzaw it-tieni Stat tal-Unjoni dwar id-Diżabilità f’Diċembru 2013, kopresedut mill-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, sabiex tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-UN CRPD.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-UN CRPD tinkludi obbligi li jirrikjedu bidliet leġislattivi u tal-politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, u li s-sitwazzjoni finanzjarja ma tistax tintuża bħala skuża biex l-azzjoni fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità titħalla għal aktar tard.

1.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond u parteċipattiva tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar id-Diżabilità bħala parti integrali mill-istrateġija globali futura tal-UE, li għandha tinkludi r-reviżjoni tal-leġislazzjoni, tal-politiki u tal-programmi eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ proposti ġodda.

1.5

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex permezz tas-Segretarjat Ġenerali tagħha, tiżviluppa għodda għall-valutazzjoni tal-impatt fuq il-UN CRPD.

1.6

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kunsill stabbilixxa qafas indipendenti li jippromovi, jipproteġi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-UN CRPD, u jappella li jiġi adottat baġit speċifiku li bih min jipparteċipa fil-qafas ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod għalkollox indipendenti mill-punt ta’ kuntatt.

1.7

Il-KESE jittama li jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni Ewropea dwar proposta leġislattiva ambizzjuża għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità bl-usa’ kamp ta’ applikazzjoni possibbli, liema proposta tkun tinkludi l-obbligu li l-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati jipprovdu aċċessibilità sħiħa lill-persuni b’diżabilità, kif ukoll definizzjoni ċara u estensiva ta’ x’inhi l-aċċessibilità.

1.8

Il-KESE jilqa’ li l-Aġenda Diġitali tinkludi l-leġislazzjoni dwar l-aċċessibilità tal-websajts pubbliċi u ta’ websajts li jipprovdu servizzi bażiċi lill-pubbliku, u jittama li fl-2012 tiġi ppreżentata leġislazzjoni soda f’dan ir-rigward.

1.9

Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex isaħħu jew iżommu d-dispożizzjonijiet favur il-persuni b’diżabilità fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali, dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (1) u dwar it-TEN-T, kif ukoll fil-programm Orizzont 2020 (2), fil-programm Drittijiet u Ċittadinanza, u fil-programmi fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja billi jinkludu miżuri li jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità permezz tal-finanzjament u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

1.10

Il-KESE jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-UN CRPD tiġi integrata fir-relazzjonijiet barranin u l-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali billi jiġi żgurat, fost affarijiet oħra, li l-pożizzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jiġu kkoordinati fi ħdan il-korpi differenti tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.11

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej jieħdu azzjonijiet adatti biex jimplimentaw il-UN CRPD internament billi jirrevedu l-prattiki tagħhom f’termini ta’ impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol, reklutaġġ, taħriġ, aċċessibilità tal-bini, ambjent tax-xogħol u għodod tal-komunikazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-aġenziji ffinanzjati mill-UE.

1.12

Il-KESE jieħu nota tal-impenn li s-Sur Barroso ħa f’Diċembru 2011 li jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-UN CRPD f’laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u d-diretturi ġenerali, u jappella biex din il-kwistjoni tkun fuq l-aġenda kull sena.

1.13

Il-KESE jilqa’ l-organizzazzjoni ta’ forum ta’ ħidma li jlaqqa’ flimkien lill-punti ta’ kuntatt tal-gvernijiet, il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, il-mekkaniżmi indipendenti tal-UE u tal-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tal-UN CRPD kif ukoll lis-soċjetà ċivili. Hu jesprimi l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-laqgħat li jmiss.

1.14

Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi, permezz ta’ opinjoni, għar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fl-2013.

1.15

Il-KESE jemmen li għandu jieħu azzjoni adatta biex jimplimenta l-UN CRPD internament u jirrispetta l-obbligi tagħha billi jinkoraġġixxi l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità fil-KESE; jiżgura proċess ta’ reklutaġġ mingħajr diskriminazzjoni; itejjeb l-aċċessibilità tal-bini, tal-websajts, tal-għodod tal-ICT u tad-dokumenti; jipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli għall-impjegati, il-membri u l-esperti; jorganizza taħriġ għall-persunal tiegħu, inkluż permezz tal-produzzjoni ta’ ktejjeb dwar il-UN CRPD; u billi jintegra l-kwistjoni tad-diżabilità fl-attivitajiet tiegħu.

1.16

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw u jimmonitorjaw b’mod sistematiku l-UN CRPD, u għalhekk jintrabat li joħloq kumitat ta’ tmexxija dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-UN CRPD. Il-kumitat ta’ tmexxija għandu jappella biex l-istituzzjonijiet tal-UE jressqu rapport dwar il-ħidma tagħhom u jiġbor ir-reazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom kif ukoll tas-soċjetà ċivili, bil-għan li jipprovdi opinjoni indipendenti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-UN CRPD.

1.17

Il-KESE jipproponi li jorganizza laqgħa dwar l-implimentazzjoni tal-UN CRPD, bil-parteċipazzjoni tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

1.18

Il-KESE jappella lill-imsieħba soċjali biex jintegraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fin-negozjar kollettiv abbażi ta’ linji gwida li jintlaħaq qbil fuqhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-persuni b’diżabilità jinkludu lil dawk li għandhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew fis-sensi fit-tul li, fl-interazzjoni ma’ diversi ostakli, jista’ jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ta’ ħaddieħor.

2.2

Fl-Ewropa hawn madwar 80 miljun persuna b’diżabilità, u skont iċ-ċifri tal-Eurostat huma għandhom darbtejn sa tliet darbiet iżjed ċans minn persuni mingħajr diżabilità li jkunu qiegħda; 20 % biss tal-persuni b’diżabilità severa għandhom impjieg, imqabbla ma’ 68 % tal-persuni mingħajr diżabilità. Il-persuni b’diżabilità għandhom aktar minn 50 % inqas ċans mill-persuni mingħajr diżabilità li jilħqu l-edukazzjoni terzjarja. Fl-Ewropa 38 % biss tal-persuni b’diżabilità li għandhom bejn 16 u 34 sena jaqilgħu d-dħul tagħhom, imqabbla ma’ 64 % tal-persuni mingħajr diżabilità.

2.3

Il-KESE jfakkar fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” (3) u fl-Opinjoni tiegħu dwar “Iż-żgħażagħ b’diżabilità: xogħol, inklużjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà” (4).

2.4

Il-KESE jirrikonoxxi li l-UN CRPD u l-Protokoll Fakultattiv tagħha ġew adottati fit-13 ta’ Diċembru 2006 fis-sede tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, infetħu għall-iffirmar fit-30 ta’ Marzu 2007 u daħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008.

2.5

Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD ingħatat appoġġ internazzjonali kbir u diġà għandha 154 firmatarju u 126 ratifika. Il-Protokoll Fakultattiv s’issa għandu 90 firmatarju u 76 ratifika. Is-27 Stat Membru tal-UE lkoll iffirmaw il-UN CRPD u 24 minnhom diġà rratifikawha.

2.6

Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD hija strument integrali tad-drittijiet tal-bniedem li jkopri d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali. Hu jtenni li kull persuna b’diżabilità għandha tkun tista’ tibbenefika b’mod sħiħ mid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

2.7

Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD tkopri l-persuni kollha b’diżabilità u tirrikonoxxi b’mod espliċitu li d-diskriminazzjoni multipla abbażi tad-diżabilità u fatturi oħra bħall-etniċità, is-sess jew l-istatus ekonomiku hija problema sinifikanti li tista’ tiġi indirizzata biss permezz ta’ approċċ multidixxiplinari li jqis il-kawżi differenti ta’ din il-forma kumplessa ta’ diskriminizzazzjoni.

2.8

Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD tinkludi dispożizzjonijiet dwar, fost oħrajn, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-aċċessibilità, il-libertà ta’ moviment u n-nazzjonalità, l-aċċess għall-ġustizzja, il-ħelsien mill-vjolenza, l-għajxien indipendenti u l-ħajja fil-komunità, id-dritt għall-ħajja tal-familja, il-mobilità personali, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, il-kooperazzjoni internazzjonali, il-protezzjoni ċivili, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u l-integrazzjoni tan-nisa u t-tfal b’diżabilità.

2.9

Il-KESE jenfasizza li l-UN CRPD tintroduċi bidla fil-perspettiva fejn il-persuni b’diżabilità ma jitqisux bħala “oġġetti” ta’ karità u trattament mediku, iżda bħala “suġġetti” bid-drittijiet tagħhom, li huma kapaċi jitolbu dawn id-drittijiet u jieħdu d-deċiżjonijiet dwar ħajjithom abbażi ta’ kunsens ħieles u infurmat. Li l-persuni b’diżabilità jerġgħu jingħataw vuċi, li jittejbu l-għażliet u li jiżdiedu l-opportunitajiet fil-ħajja huma fost it-temi ewlenin tal-UN CRPD.

2.10

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Konvenzjoni tiċċara u tikkwalifika kif il-kategoriji kollha tad-drittijiet tal-bniedem japplikaw għall-persuni b’diżabilità irrispettivament minn kemm ikollhom bżonn appoġġ, u tidentifika l-oqsma fejn jeħtieġ li ssir bidla biex il-persuni b’diżabilità jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom u biex dawn id-drittijiet jiġu protetti.

2.11

Il-KESE jirrikonoxxi li l-UN CRPD hija l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jista’ jiġi ratifikat mill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali, bħall-UE, u jiġbed l-attenzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 li biha l-Komunità Ewropea kkonkludiet il-UN CRPD (5) u li taħtar lill-Kummissjoni bħala l-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-UN CRPD.

2.12

Il-KESE jenfasizza li d-deċiżjoni tinkludi lista ta’ oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni; din il-lista tista’ tevolvi u aktarx ser tikber maż-żmien. L-oqsma ta’ kompetenza esklużiva jinkludu l-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u t-tariffa doganali komuni. L-oqsma ta’ kompetenza kondiviża jinkludu l-azzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità, il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, l-agrikoltura, it-trasport bil-ferrovija, bit-triq, bil-baħar u bl-ajru, it-tassazzjoni, is-suq intern, il-paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ta’ valur ugwali, il-politika dwar in-netwerks trans-Ewropej u l-istatistika.

2.13

Il-KESE jinnota li l-Kodiċi ta’ Kondotta (6) li jistabbilixxi l-arranġamenti bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar diversi aspetti tal-implimentazzjoni tal-UN CRPD u dwar ir-rappreżentanza fil-korpi stabbiliti mill-UN CRPD, il-proċeduri għat-tħejjija tar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-proċedura għall-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ għal mekkaniżmu indipendenti wieħed jew aktar bl-involviment tas-soċjetà ċivili.

3.   Il-Konvenzjoni tal-UN CRPD: l-implikazzjonijiet tal-ewwel adeżjoni tal-UE ma’ trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem

3.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha l-Unjoni Ewropea ssieħbet f’konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem billi kkonkludiet il-UN CRPD fit-23 ta’ Diċembru 2010, u jirrikonoxxi r-rwol ta’ tmexxija li qdew l-UE u l-Istati Membri tagħha kif ukoll il-moviment Ewropew dwar id-diżabilità bis-saħħa tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità fit-tfassil tal-UN CRPD. Huwa jemmen li l-UE għandha responsabbiltà speċjali biex iżżid l-isforzi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ u biex tkun xempju għal partijiet oħra tad-dinja.

3.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill biex jerġa’ jiftaħ in-negozjati dwar il-konklużjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-UN CRPD, li jippermetti lill-individwi jew lill-gruppi li jressqu ilment quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha fl-UE, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, biex b’hekk jiġu evitati n-nuqqasijet u jiġu eliminati n-nuqqasijiet eżistenti fil-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità meta jinkisru d-drittijiet fl-oqsma ta’ kompetenza tal-UE.

3.3

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-ratifika ta’ trattati oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, inklużi l-protokolli fakultattivi tagħhom. Huwa jappella lill-UE biex tipparteċipa fid-diskussjonijiet li qed isiru bħalissa fi ħdan il-grupp ta’ ħidma miftuħ tan-Nazzjonijiet Uniti, li qed jikkunsidra t-tfassil ta’ trattat tematiku ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem li jiffoka fuq id-drittijiet tal-persuni anzjani, u biex tiżgura li l-ħidma tagħha tkun konsistenti għalkollox mal-UN CRPD.

3.4

Il-KESE jirrikonoxxi li, bħala parti msieħba fil-UN CRPD, l-Unjoni Ewropea għandha tikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti fil-UN CRPD sa fejn jippermettulha l-kompetenzi tagħha. Dan jinkludi li kull tant żmien tressaq rapport quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD.

3.5

Il-KESE jenfasizza li l-Artikoli 10 u 19 tat-TFUE u l-Artikolu 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdu referenza ċara għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (7).

3.6

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex joħorġu leġislazzjonijiet, politiki u programmi li jimplimentaw b’mod sħiħ il-UN CRPD dwar kwistjonijiet li jagħmlu parti mill-kompetenzi esklużivi u kondiviżi tal-Unjoni, u biex jirrevedu l-leġislazzjoni u l-politiki eżistenti bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tal-persuni kollha b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea.

3.7

Il-KESE jistieden lill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew biex jorganizzaw, bil-kooperazzjoni tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, it-tieni Stat tal-Unjoni dwar id-Diżabilità f’Diċembru 2013 li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-UN CRPD (8).

3.8

Il-KESE jilqa’ li l-Parlament Ewropew, flimkien mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, ser jorganizza Parlament Ewropew tal-persuni b’diżabilità f’Diċembru 2012 bħala parti mill-kontribut tal-Parlament Ewropew għar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD.

3.9

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jieħdu l-azzjonijiet adatti biex jimplimentaw il-UN CRPD internament. Dan jinkludi li:

jinkoraġġixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità fl-istituzzjonijiet tal-UE u jiżviluppaw politiki għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

jirrevedu r-regolamenti, proċeduri u metodi ta’ ħidma interni bil-għan li jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-impjegati b’diżabilità;

jiżguraw li fil-proċess ta’ reklutaġġ il-persuni b’diżabilità jkollhom l-opportunità, permezz ta’ akkomodazzjoni raġonevoli, li jikkompetu ma’ kandidati mingħajr diżabilità fuq bażi ugwali;

jiżguraw akkomodazzjoni raġonevoli għall-impjegati kollha b’diżabilità fejn ikun hemm bżonn fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, inklużi l-assistenza personali, l-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, it-trasport adatt, eċċ.;

jiggarantixxu l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u kontinwu;

itejbu l-aċċessibilità tal-bini, tal-websajts, tal-għodod tal-ICT u tad-dokumenti;

jiżguraw li l-aġenziji kollha tal-UE u l-korpi kollha ffinanzjati mill-UE, inklużi l-iskejjel Ewropej, jikkonformaw mal-UN CRPD;

jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni u l-politiki, anke permezz ta’ finanzjament adegwat.

4.   L-implimentazzjoni tal-UN CRPD mill-UE u l-Istati Membri

4.1

Il-KESE laqa’ l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2011 bħala għodda politika prinċipali għall-implimentazzjoni tal-UN CRPD fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-leġislazzjoni sekondarja eżistenti u futura tirrispetta l-UN CRPD u tipprevedi l-parteċipazzjoni u l-involviment tal-persuni b’diżabilità (9).

4.2

Il-KESE jitlob li ssir analiżi fil-fond u parteċipattiva tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tad-Diżabilità, li tinkludi l-istabbiliment ta’ miri u għanijiet ġodda.

4.3

Il-KESE jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jintegraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE billi jiżguraw li l-ebda ċenteżmu ta’ euro ma jintefaq fuq proġetti jew infrastrutturi li ma jkunux aċċessibbli.

4.4

Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex:

isaħħu jew iżommu d-dispożizzjonijiet maħsubin biex jimplimentaw il-UN CRPD fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonalitajiet ex-ante  (10), il-prinċipji tas-sħubija u l-prinċipji orizzontali;

jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibilità fir-regolamenti dwar it-TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (11);

jiżguraw li l-programm Orizzont 2020 (12) jiggarantixxi li r-riċerka ffinanzjata mill-UE tinkludi lill-persuni b’diżabilità permezz tal-promozzjoni l-parteċipazzjoni tal-utenti u l-aċċessibilità tal-prodotti tar-riċerka, kif ukoll tiġġenera ideat ġodda u innovattivi dwar kif tiġi implimentata l-UN CRPD fil-liġi u l-politika tal-UE, inkluż l-impjieg;

jinkludu dispożizzjonijiet relatati mad-diżabilità fil-programmi ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp.

4.5

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea toħloq mekkaniżmu li jippremja l-eċċellenza fil-konformità mal-UN CRPD fi proġetti ffinanzjati mill-UE fir-rigward tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet aċċessibbli u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità.

4.6

Il-KESE jfakkar fid-dispożizzjonijiet dwar id-diżabilità inklużi fl-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari rigward it-tielet pilastru dwar l-inklużjoni soċjali, kif ukoll fl-Aġenda Diġitali. Huwa jappella biex l-implimentazzjoni tal-UN CRPD tiġi integrata fl-inizjattivi ewlenin kollha.

4.7

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-impatt negattiv li l-miżuri ta’ awsterità meħudin f’ħafna Stati Membri tal-UE qed ikollhom fuq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom; dan iwassal għal aktar esklużjoni soċjali, diskriminazzjoni, inugwaljanza u qgħad. Hu jenfasizza li l-kriżi ma tistax tintuża biex tiġi posposta l-implimentazzjoni tal-UN CRPD.

4.8

Il-KESE jappella lill-Kunsill Ewropew biex jadotta strateġija reali għat-tkabbir li tipprevedi miżuri favur il-gruppi żvantaġġati bħall-persuni b’diżabilità, fosthom miżuri li jistimolaw l-opportunitajiet ta’ impjieg u li jsaħħu s-servizzi li jippromovu l-għajxien indipendenti u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ta’ persuni li jsiru diżabbli fi xjuħithom, kif ukoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura aċċessibbli.

4.9

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol permezz ta’ inċentivi fiskali għall-kumpaniji, miżuri favur l-intraprenditorija, il-possibbiltà li jibdew jew jitilqu impjieg, u l-aċċess ugwali għall-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema.

4.10

Il-KESE jittama li l-Kummissjoni Ewropea tikkonsultah dwar il-proposta tagħha għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità ambizzjuż, bl-usa’ kamp ta’ applikazzjoni possibbli u li jinkludi l-obbligu li l-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati jipprovdu aċċessibilità sħiħa lill-persuni b’diżabilità kif ukoll definizzjoni ċara u estensiva ta’ x’inhi l-aċċessibilità li tkopri sew l-ambjenti virtwali u sew dawk mibnija, u li jippermetti l-interoperabilità u l-kompatibilità mat-teknoloġiji tal-assistenza u jkun marbut mal-istandards Ewropej.

4.11

Il-KESE jitlob lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq il-proposta għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mis-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u biex jallinja din il-proposta mal-UN CRPD billi jinkludi definizzjoni ta’ diżabilità u diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni, jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, jindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, u jissepara b’mod ċar il-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli biex jiġi żgurat aċċess individwali mill-kunċett ta’ aċċessibilità li tinvolvi d-dmir ta’ antiċipazzjoni u d-dmir li jiġi kkunsidrat grupp ta’ nies.

4.12

Il-KESE jenfasizza li l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità għandhom jiġu integrati fil-programmi, l-istrateġiji u l-politiki kollha fil-livell tal-UE li huma mmirati lejn in-nisa, it-tfal, il-gruppi diskriminati bħall-minoranzi etniċi u reliġjużi, il-gays u l-lesbjani, u l-anzjani.

4.13

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm l-ogħla qbil possibbli mal-politiki u l-liġijiet interni tal-UE billi l-UN CRPD tiġi integrata fir-relazzjonijiet barranin tagħha u fl-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp permezz, pereżempju, tal-iżvilupp ta’ linji gwida ad hoc.

4.14

B’mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tikkoordina l-pożizzjoni tagħha ma’ dik tal-Istati Membri fid-diskussjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità billi, pereżempju, tiżgura li l-pożizzjoni tal-UE dwar il-qafas ta’ wara l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju jinkorpora d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b’diżabilità u li l-persuni b’diżabilità jissemmew fl-analiżi komprensiva tal-politika ta’ kull erba’ snin.

4.15

Il-KESE jappella lill-UE biex twassal l-impenn tagħha għall-UN CRPD f’forums multilaterali kontinwi oħra, bħan-negozjati li qed isiru bħalissa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar ir-riforma u l-liberalizzazzjoni tal-liġi dwar id-dritt tal-awtur.

4.16

Il-KESE jfaħħar il-ħidma li saret s’issa fir-rigward tad-djalogu ta’ skambju politiku fil-kuntest tal-Aġenda Transatlantika Ġdida bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar ir-riforma tad-diżabilità. Fid-dawl tar-ratifika imminenti fl-Istati Uniti, jappella li jissaħħaħ aktar id-djalogu transatlantiku dwar il-politika tad-diżabilità bil-għan li jkompli jingħata kontribut fl-avvanz tal-proċess ta’ riforma globali.

4.17

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li f’kull direttorat ġenerali, is-servizzi rilevanti jiġu inkarigati jintegraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-ħidma preparatorja għall-politiki u l-leġislazzjoni.

4.18

Il-KESE jappella lis-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni biex jiżviluppa għodda għall-valutazzjoni tal-impatt li kull proposta leġislattiva jkollha fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, u biex fit-taħriġ tal-persunal ġdid u fit-taħriġ mill-ġdid jinkludi komponent dwar id-drittijiet stabbiliti fil-UN CRPD.

4.19

Il-KESE jenfasizza li, skont il-paragrafu (o) tal-Preambolu u l-Artikolu 4(3) tal-UN CRPD, il-persuni b’diżabilità għandhom jiġu involuti fil-proċessi kollha tat-tfassil ta’ politika u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, fil-politiki u fil-programmi kollha relatati mal-persuni b’diżabilità. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex jistabbilixxu proċessi adatti.

5.   Il-monitoraġġ tal-UN CRPD fl-UE

5.1

Il-KESE jinnota li l-Artikolu 33(2) tal-UN CRPD jobbliga lill-Istati Msieħba jaħtru jew iwaqqfu fi ħdanhom qafas li jinkludi mekkaniżmu indipendenti wieħed jew aktar biex “jippromovu, jipproteġu u jimmoniterjaw” l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

5.2

Il-KESE jappella lill-Kunsill biex jaħtar b’mod formali dan it-tip ta’ qafas permezz ta’ deċiżjoni.

5.3

Il-KESE jinnota li meta jinħatar jew jitwaqqaf dan it-tip ta’ mekkaniżmu, il-Partijiet Imsieħba għandhom iqisu l-prinċipju ta’ Pariġi rigward l-istatus u l-operat tal-istituzzjonijiet nazzjonali li jipproteġu u jippromovu d-drittijiet tal-bniedem.

5.4

Il-KESE jappella, b’mod partikolari, biex il-qafas ikun indipendenti mill-punt ta’ kuntatt u mill-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-UE, u biex jiġi definit mandat ċar għal kull min jipparteċipa fil-qafas kif ukoll baġit speċifiku li jippermettilhom iwettqu l-kompiti tagħhom.

5.5

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli ċari għall-konsultazzjoni strutturata ta’ min jipparteċipa fil-qafas skont ir-rwoli rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-preparazzjoni tal-leġislazzjoni.

5.6

Il-KESE jirrikonoxxi li skont l-Artikolu 33(3) tal-UN CRPD, is-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom għandhom jiġu involuti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess ta’ monitoraġġ, inkluż fil-punt ta’ kuntatt u fil-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni maħturin mill-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-UN CRPD.

5.7

Il-KESE jemmen li l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, bħala l-organizzazzjoni Ewropea komprensiva li tirrappreżenta t-80 miljun ċittadin b’diżabilità fl-Ewropa, għandu jiġu involut fil-monitoraġġ f’livell Ewropew tal-UN CRPD kif ukoll fil-proċessi kollha ta’ tfassil ta’ politiki u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ ħajjet il-persuni b’diżabilità.

5.8

Il-KESE jemmen bil-qawwa li s-sħubija hija għodda għall-iżvilupp sostenibbli, ekonomiku u soċjali u għandha tkun ibbażata fuq perspettiva fit-tul ta’ parteċipazzjoni reali tas-soċjetà ċivili filwaqt li tinkludi t-tisħiħ kontinwu tal-kapaċitajiet tal-imsieħba kollha kif ukoll il-forniment tal-mezzi adegwati għall-parteċipazzjoni (13).

5.9

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex fil-programm futur tagħha dwar id-Drittijiet u Ċittadinanza tinkludi fondi ddedikati għall-implimentazzjoni tal-UN CRPD, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet, u fondi suffiċjenti għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità.

5.10

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jitwaqqaf qafas fil-livell tal-UE konformi mal-UN CRPD, sabiex dan iservi ta’ eżempju għall-pajjiżi li jinsabu barra mill-UE, b’mod speċjali dawk li jagħmlu parti mill-organizzazzjonijiet reġjonali.

5.11

Il-KESE jenfasizza li l-UE għandha tressaq l-ewwel rapport perjodiku tagħha quddiem il-Kumitat tal-UN CRPD kmieni fl-2013 u hu jittama li l-Kummissjoni Ewropea tikkonsultah fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, fosthom is-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-moviment dwar id-diżabilità.

5.12

Il-KESE jilqa’ l-azzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Eurostat biex itejbu u jżidu l-ġbir tad-data u l-istatistika dettaljata u l-indikaturi dwar id-diżabilità, bil-għan li jiġu żviluppati politiki aktar effettivi u monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-KESE qed jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tad-data mill-komponent ad hoc dwar id-diżabilità inkluż fl-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2011, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Eurostat, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Istati Membri biex jinkludu mistoqsijiet dwar id-diżabilità f’kull stħarriġ ewlieni u biex jiżviluppaw sondaġġi u indikaturi speċifiċi li jkejlu l-interazzjoni bejn il-persuni b’diżabilità u l-ostakli li jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom kif ukoll l-impatt tal-istrumenti ta’ politika maħsuba biex jeliminaw tali ostakli.

5.13

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-UN CRPD li jkunu mmirati lejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, il-kumpaniji privati, il-mezzi tax-xandir, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka, l-iskejjel, u s-servizz soċjali u tas-saħħa.

5.14

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-livelli differenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet billi jintegraw id-dispożizzjonijiet tagħha fil-leġislazzjoni, il-politiki u d-deċiżjonijiet amministrattivi u billi jiżviluppaw pjani ta’ azzjoni dwar id-diżabilità li jkunu konformi mal-UN CRPD.

5.15

Il-KESE jinkoraġġixxi s-sħubijiet bejn it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità, sabiex jippromovu l-aċċess tal-persuni b’diżabilità għall-impjieg b’konformità mal-UN CRPD.

6.   Il-KESE u l-UN CRPD – implimentazzjoni interna

6.1

Il-KESE jemmen li għandu jieħu azzjoni adatta biex jimplimenta l-UN CRPD internament u jirrispetta l-obbligi tiegħu. Dan jinkludi b’mod partikolari li:

jinkoraġġixxi l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità fil-KESE, anke billi jiżviluppa programm ta’ apprentistati u jinkoraġġixxi l-applikazzjonijiet ta’ esperti nazzjonali sekondati b’diżabilità;

jiżgura proċess ta’ reklutaġġ mingħajr diskriminazzjoni għall-kandidati b’diżabilità;

jipprovdi aċċess lill-persuni b’diżabilità għas-servizzi ta’ impjieg u għat-taħriġ vokazzjonali u kontinwu;

itejjeb l-aċċessibilità tal-bini, tal-websajts, tal-għodod tal-ICT u tad-dokumenti;

jipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli li tinkludi assistenza personali għall-impjegati, il-membri u l-esperti;

jorganizza taħriġ għall-persunal tiegħu biex dan isir konxju tad-diżabilità u tal-UN CRPD, u jħejji ktejjeb u vidjo dwar l-integrazzjoni tal-implimentazzjoni tal-UN CRPD;

jipparteċipa fil-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-UN CRPD;

jintegra d-diżabilità fl-attivitajiet tiegħu.

6.2

Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għandhom ikunu punt trasversali li jiġi indirizzat fl-opinjonijiet kollha tiegħu li għandhom impatt fuq ħajjet il-persuni b’diżabilità.

6.3

Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet stabbiliti fil-UN CRPD għandhom jiġu integrati fil-ħidma tas-sezzjonijiet kollha tiegħu, peress li huma jikkonċernaw kull qasam ta’ attività soċjali, kulturali u ekonomika.

6.4

Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn jinħoloq kumitat ta’ tmexxija dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-UN CRPD, liema kumitat għandu jappella biex l-istituzzjonijiet differenti tal-UE jressqu rapport dwar il-ħidma tagħhom u jitolbu lis-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità bħala l-organizzazzjoni li tirrappreżenta l-persuni b’diżabilità, biex tesprimi l-fehmiet tagħha bħala kontribut fit-tħejjija u l-preżentazzjoni tar-rapport tal-UE lill-Kumitat tal-UN CRPD. Bis-saħħa tal-involviment ta’ dawn is-sezzjonijiet differenti, il-kumitat ta’ tmexxija jkun jista’ jipprovdi opinjoni indipendenti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-UN CRPD.

6.5

Il-KESE jfakkar fir-rwol li jaqdi biex isaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-UE billi jenfasizza d-demokrazija parteċipattiva, kif ukoll ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

6.6

Il-KESE jappella biex jinħoloq korp li jistimola u jikkoordina d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u s-soċjetà ċivili dwar l-implimentazzjoni tal-UN CRPD fil-livell tal-UE.

6.7

Il-KESE jirrakkomanda li jagħti l-kontribut tiegħu, permezz ta’ opinjoni, għar-rapport li l-UE għandha tressaq quddiem il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 665 final.

(2)  http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

(3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81-86: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011AE1382:MT:NOT

(4)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 2-6: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52012AE0826:MT:NOT

(5)  2010/48/KE.

(6)  16243/10 tad-29 ta’ Novembru 2010.

(7)  SEC(2011) 567 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  L-Istat tal-Unjoni dwar id-Diżabilità ssejjaħ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Barroso, fis-6 ta’ Diċembru 2011, u laqqa’ flimkien lis-Sur Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, lis-Sur Buzek, President tal-Parlament Ewropew, u lis-Sur Vardakastanis, President tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità.

(9)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81-86: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011AE1382:MT:NOT

(10)  Il-kundizzjonalitajiet ex-ante mal-UN CRPD, l-aċċessibilità u l-għajxien indipendenti kienu diġà inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.

(11)  COM(2011) 665 final.

(12)  http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

(13)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1–9.