29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperattivi u r-ristrutturar” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 191/05

Relatur: is-Sinjura ZVOLSKÁ

Korelatur: is-Sur OLSSON

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kooperattivi u r-ristrutturar.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ April 2012. Ir-relatur kienet is-Sinjura ZVOLSKÁ u l-korelatur kien is-Sur OLSSON.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’148 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u astenzjoniji waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.1

Fl-istess natura tagħhom u fid-dawl tal-mudell ta’ negozju li jipprovdu, il-kooperattivi jikkontribwixxu għall-Istrateġija UE 2020. Jiġġestixxu t-tibdil b’mod ekonomikament effiċjenti u soċjalment responsabbli. Jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali. Jorganizzaw mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi biex iżidu l-kompetittività. Dan kollu għandu jiġi enfasizzat fl-2012, li hija s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi.

1.2

Bl-eċċezzjoni notevoli ta’ xi setturi, il-kooperattivi jirrappreżentaw parti limitata mill-ekonomija Ewropea. Madankollu xi data rrapportata f’din l-opinjoni turi li fi żminijiet ta’ kriżi l-kooperattivi huma aktar reżiljenti u stabbli minn forom oħra ta’ intrapriżi u jiżviluppaw ukoll inizjattivi intraprenditorjali ġodda. Dan jista’ jiġi attribwit għall-ispeċifiċità tal-intrapriżi kooperattivi: l-approċċ fit-tul tagħhom, l-għeruq territorjali sodi tagħhom, il-promozzjoni tal-interessi tal-membri tagħhom, u l-enfasi tagħhom fuq il-kooperazzjoni bejniethom. L-eċċellenza kooperattiva li tirriżulta hija importanti biex tinxtered u tiġi żviluppata fil-politiki nazzjonali u tal-UE.

1.3

Id-diversità tal-intrapriża hija rikonoxxuta mit-Trattat u l-ispeċifiċitajiet tal-mudell kooperattiv dan l-aħħar ġew rikonoxxuti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Sentenza tal-Qorti (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Settembru 2011 – Kawżi magħquda C-78/08 sa C-80/08) li tilleġitimizza l-politiki mmirati.

Rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-UE

1.4

Għaldaqstant, il-kooperattivi għandhom jiġu kkunsidrati fil-politiki kollha tal-UE li jikkontribwixxu għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif ukoll fl-inizjattivi ewlenin rilevanti tal-Istrateġija UE2020. Għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-kooperattivi u forom oħra ta’ intrapriżi filwaqt li jiġu ppreżervati l-għanijiet u l-metodi ta’ ħidma tal-kooperattivi.

1.5

Sabiex tiġi enfasizzata l-esperjenza partikolari tal-kooperattivi fir-ristrutturar, l-intrapriżi kooperattivi għandhom jieħdu sehem fl-għanijiet u l-azzjonijiet tal-politika industrijali tal-UE, inkluża l-Inizjattiva Ewlenija speċifika.

1.6

Il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI/FEI għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi finanzjarji fil-livell tal-UE – inkluż il-pjan ta’ azzjoni għall-finanzjament tal-SMEs suġġerit fl-Att dwar is-Suq Uniku – għandhom ikunu aċċessibbli għall-intrapriżi kooperattivi u għandhom jagħmlu sforz speċjali flimkien mas-settur tal-banek kooperattivi biex jaraw li dan huwa verament il-każ anke fl-identifikazzjoni ta’ strumenti speċifiċi. Ir-rwol ta’ medjazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-BEI għal banek kooperattivi iżgħar għandu wkoll isir aktar faċli, speċjalment permezz ta’ rekwiżiti amministrattivi ssemplifikati.

1.7

Ir-regoli ġodda dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat (il-pakkett Alumnia) għandhom jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. Dawn ir-regoli u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri għandhom jigu ssimplifikati u jinkorporaw miżuri speċifiċi biex itejbu l-opportunitajiet għall-kooperattivi soċjali li jimpjegaw persuni b’diżabbiltà jew li jagħmlu parti minn gruppi oħra żvantaġġjati. Dawn għandhom ikopru wkoll l-esperjenza tal-kooperattivi li jamministraw proprjetajiet li jkunu ġew ikkonfiskati minn attivitajiet illegali (ara l-kawża Taljana tal-proprjetà tal-mafja).

1.8

B’segwitu tal-proposta tal-KESE rigward qafas li jiffaċilita l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati, għandhom jiġu introdotti miżuri li jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ negozju lill-impjegati. Il-kooperattivi tal-ħaddiema/il-buy-outs tal-ħaddiema għandhom ikunu appoġġjati minn linja baġitarja speċifika tal-UE li tinkludi wkoll strumenti finanzjarji.

1.9

Il-programmi u l-fondi li huma stabbiliti għall-perjodu li jmiss tal-baġit tal-UE 2014-2020 għandhom isiru strumenti importanti għall-appoġġ tal-kooperattivi, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali. Meta l-programmi operattivi jkunu qed jiġu definiti, il-prijoritajiet u l-miżuri għandhom jiffukaw fuq l-appoġġ li jingħata għall-iżvilupp sostenibbli tal-intrapriża u r-ristrutturar responsabbli u għandhom jinkludu miżuri bħat-trasferiment ta’ negozju lill-impjegati, il-kooperattivi soċjali, l-iżvilupp lokali u l-innovazzjoni soċjali permezz tal-użu ta’ għotjiet globali u strumenti finanzjarji oħrajn.

1.10

Il-KESE jitlob li fl-2012 jiġi adottat regolament issimplifikat dwar is-Soċjetà Kooperattiva Ewropea. Dan għandu jiġi kkompletat b’aġġornament tal-mod kif il-prinċipji kooperattivi jiġu implimentati fil-liġijiet nazzjonali.

1.11

Il-KESE iħeġġeġ lill-Eurofound (Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol), u b’mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Bidliet tiegħu biex jikkollabora mas-settur kooperattiv, biex jeżamina fid-dettall ir-rwol tal-kooperattivi fir-ristrutturar.

1.12

Il-programm ta’ riċerka tal-UE li jmiss Orizzont 2020 għandu jinkludi wkoll referenzi speċifiċi għal fatturi ta’ studji li jsejsu r-reżiljenza waqt il-kriżijiet.

1.13

Permezz tal-objettivi u l-mudell ta’ governanza tagħhom, il-kooperattivi huma parti interessata naturali fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali mnedija dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, l-azzjonijiet ewlenin proposti għandhom jimmiraw ukoll lejn is-settur kooperattiv. L-esperjenza tal-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji mfassla apposta għandha tiġi kkunsidrata b’mod urġenti wkoll fil-proposta reċenti dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej.

Rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-Istati Membri

1.14

B’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-ILO 193/2002 dwar il-Promozzjoni tal-Kooperattivi l-Istati Membri kollha għandhom joħolqu ambjent li jqawwi l-kapaċità għar-rikonoxximent u l-iżvilupp tal-kooperattivi fl-oqsma u s-setturi kollha u għandhom jadottaw politika komprensiva li tappoġġja l-mudell ta’ negozju kooperattiv. B’mod partikolari, għandhom iħeġġu l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar il-kooperattivi kemm għall-istudenti kif ukoll għall-ħaddiema, itejbu l-istatistika biex jidenfitifkaw u jagħmlu s-settur kooperattiv akbar viżibbli, jimmodernizzaw il-leġislazzjoni dwar il-kooperattivi, jintroduċu għodod finanzjarji adegwati u jirrikonoxxu r-rwol tal-kooperattivi fid-djalogu soċjali nazzjonali. Għandhom jistudjaw il-possibbiltà li fil-leġislazzjoni tagħhom jintroduċu sistema ta’ riżervi indiviżibbli jew “imblukkar tal-assijiet” (“asset lock”) għall-kooperattivi, li diġà teżisti f’parti sostanzjali mill-Istati Membri tal-UE, u li rriżultat bħala għodda importanti għall-iżvilupp.

1.15

Il-KESE jirrakkomanda li l-KES nazzjonali jadottaw opinjonijiet fil-qafas tas-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi.

Rakkomandazzjonijiet għall-Kooperattivi

1.16

Il-kooperattivi għandhom isiru aktar viżibbli u jirrinfurzaw it-tagħlim reċiproku kemm ġewwa kif ukoll barra l-moviment kooperattiv. Fuq ġewwa, għandhom jiffukaw fuq il-“kooperazzjoni bejniethom”. Għandhom jabbozzaw linji gwida u jxerrdu l-prattika t-tajba b’mod attiv, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għall-ġestjoni tat-tibdil. Fuq barra, għandhom ukoll jimpenjaw ruħhom fi sħubija ma’ negozji privati oħra, mal-awtoritajiet pubbliċi u ma’ atturi oħrajn.

1.17

Ir-rapporti dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Kooperattiva (jiġifieri responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) b’mod kooperattiv) għandhom ikunu strument ewlieni għall-viżibbiltà u l-promozzjoni. Is-settur kooperattiv għandu jistabbilixxi wkoll regoli għall-governanza tajba u l-verifika interna stretta sabiex jiġi evitat abbuż tal-forma kooperattiva.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li tisħaq fuq kif l-intrapriżi kooperattivi, minħabba l-mudell ta’ negozju partikolari tagħhom, qed jantiċipaw u jiġġestixxu t-tibdil fl-industrija u s-servizzi fil-kriżi attwali, l-impatt kien partikolarment sever fuq l-impjieg, kif jindikaw rapporti reċenti tal-ILO. L-għan tagħha huwa li tinsensibilizza dwar ir-rwol tal-kooperattivi bħala forma ta’ intrapriża li ġġib magħha perspettivi ġodda ta’ innovazzjoni soċjali u tikkontribwixxi għall-ħolqien u d-distribuzzjoni sostenibbli tal-ġid.

2.2

Il-mudell ta’ negozju korporattiv huwa wieħed li jiffoka fuq il-persuni. L-intrapriża kooperattiva ġiet definita mill-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali (ICA) u rikonoxxuta minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali (NU, ILO, UE) bħala “assoċjazzjoni awtonoma ta’ individwi magħqudin b’mod volontarju biex jissodisfaw il-bżonnijiet u l-istennijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali komuni tagħhom permezz ta’ intrapriża b’sjieda konġunta u kkontrollata demokratikament.”

2.2.1

L-opinjoni għandha tikkontribwixxi wkoll fil-ħidma attwali tal-CCMI dwar ir-ristrutturar (1).

2.3

L-identità kooperattiva hija msaħħa permezz tal-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza, l-ekwità, is-solidarjetà, it-trasparenza u r-responsabbiltà soċjali. L-ICA stabbilixxiet seba’ prinċipji għall-kooperattivi kif ġej: “l-adeżjoni volontarja u miftuħa; il-kontroll demokratiku tal-membri; il-parteċipazzjoni ekonomika tal-membri; l-awtonomija u l-indipendenza; l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni; il-kooperazzjoni bejn il-kooperattivi u l-attenzjoni għall-komunità”.

2.4

Il-mudell ta’ negozju kooperattiv jinsab f’konformità sħiħa mal-valuri tat-Trattat tal-UE u l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Billi jipprovaw jiksbu objettivi kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali, il-kooperattivi jiffurmaw parti indispensabbli mill-“ekonomija soċjali tas-suq”.

2.5

Il-kooperattivi għandhom objettiv fuq perjodu twil li jiksbu sostenibbiltà ekonomika u soċjali billi jagħtu l-poter lin-nies, jantiċipaw il-bidliet u jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi. Il-profitti tagħhom ma jintużawx biex jimmassimizzaw ir-remunerazzjoni tal-kapital iżda biex iqassmu l-benefiċċji lejn l-investiment sostenibbli.

2.6

Peress li tiffoka fuq il-persuni u li hija kkontrollata mill-membri, l-intrapriża kooperattiva għandha għeruq lokali b’saħħithom. Dan ma jikkontradixxix il-kapaċità tagħha li topera fi swieq nazzjonali u internazzjonali.

2.7

Il-flessibbiltà u l-kreattività (tal-metodu kooperattiv għamluha possibbli li l-kooperattivi joperaw fis-setturi kollha tal-ekonomija, kemm dawk tradizzjonali kif ukoll oħrajn ġodda.

2.8

Fl-Ewropa, hemm madwar 160 000 intrapriża kooperattiva li huma proprjetà ta’ 123 miljun membru u li jipprovdu impjiegi għal 5.4 miljun ruħ.

2.9

Il-forma ta’ intrapriża kooperattiva għadha mhijiex magħrufa sew fost iċ-ċittadini inġenerali u lanqas fis-setturi tan-negozju privat u tal-amministrazzjoni pubblika. F’xi pajjiżi, it-terminu “kooperattiva” saħansitra għandu konnotazzjoni ħażina b’mod partikolari fil-Pajjiżi Ċentrali u tal-Lvant Ewropej. Il-kooperattivi mhumiex rikonoxxuti bħala intrapriżi bi rwol sħiħ u effettiv bħalma huma l-kumpaniji konvenzjonali. F’xi Stati Membri, l-ostakli għall-iżvilupp tal-kooperattivi ggravaw matul dawn l-aħħar snin (pereżempju fil-Polonja fejn sar tentattiv ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-kooperattivi biex titnaqqas l-awtonomija u l-indipendenza tal-kooperattivi u fl-Italja fejn ġew imnaqqsa b’mod qawwi l-vantaġġi fiskali li jikkumpensaw ir-rwol tas-soċjetà kooperattiva).

2.10

Il-kooperattivi jsibuha diffiċli biex ikollhom aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-kreditu fis-suq tal-kapital regolari.

2.11

Mhux dejjem ikun hemm kundizzjonijiet ekwi peress li l-karatteristiċi speċifiċi tal-kooperattivi ma jiġux ikkunsidrati fil-leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea u l-programmi governattivi fl-appoġġ li jingħata lin-negozju.

3.   Sfidi għar-ristrutturar tan-negozju fl-Ewropa

3.1

Bħalissa għaddejjin minn ristrutturar fuq skala kbira bħala konsegwenza tal-kriżi fl-ekonomija Ewropea. Huwa essenzjali li jkun hemm strateġiji ta’ ristrutturar li jkunu soċjalment responsabbli sabiex nevitaw aktar għeluq u fallimenti ta’ intrapriżi, nippreżervaw u noħolqu l-impjiegi u norganizzaw il-benesseri soċjali billi nistimolaw il-kompetittività u l-iżvilupp lokali.

3.2

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-ristrutturar jinvolvi kunċett usa’ ta’ innovazzjoni fl-intrapriżi li għandu jkun “parti minn viżjoni fit-tul għall-iżvilupp u d-direzzjoni tal-ekonomija Ewropea sabiex jiġi żgurat li t-tibdil li jsir ikun tassew mod kif tissaħħaħ il-kompetittività”, inklużi t-tendenzi organizzattivi u soċjali, sabiex jiġi żgurat żvilupp territorjali sostenibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tqis li l-innovazzjoni “mhijiex iġġenerata biss permezz tar-riċerka u t-teknoloġija, iżda wkoll permezz ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni u ġestjoni”.

3.3

Il-Kummissjoni osservat li “l-kumpaniji li huma kapaċi jieħdu ħsieb strutturar mill-ġdid b’mod soċjalment responsabbli ħafna drabi huma dawk li għandhom riżultati tajba f’termini ta’ kompetittività u fl-addattament għas-suq (2).

3.3.1

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll ix-xewqa li r-ristrutturar responsabbli jinkludi l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (3). L-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE stabbilixxew il-prinċipji ta’ ristrutturar “soċjalment responsabbli” f’dokument konġunt li jisħaq fuq l-importanza li l-impjiegi jinħolqu u jiġu ppreżervati.

3.4

Il-Kummissjoni tixtieq tiffaċilita l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tan-negozji lill-impjegati:

L-impjegati għandhom interess partikolari fis-sostenibbiltà tal-intrapriżi tagħhom u ħafna drabi jifhmu tajjeb in-negozju li jaħdmu fih. Madankollu, ħafna drabi jonqoshom l-appoġġ u l-mezzi finanzjarji adegwati biex jieħdu t-tmexxija f’idejhom u jiġġestixxu intrapriża. It-tħejjija gradwali u bir-reqqa tat-trasferimenti lejn l-impjegati organizzati f’forma ta’ kooperattiva tal-ħaddiema tista’ ttejjeb ir-rati ta’ sopravivenza (4). “Jekk ma jkunx jista’ jinstab suċċessur mill-familja stess, trasferiment lil impjegat jista’ jiżgura livell għoli ta’ kontinwità tan-negozju”. Madankollu, “huma ftit biss l-Istati Membri li jinkoraġġixxu trasferimenti bħal dawn permezz ta’ ħelsien speċjali mit-taxxa fuq id-dħul (…) (5).

3.5

Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas għat-trasferimenti ta’ negozju lill-impjegati abbażi tal-aħjar prattiki sabiex jiġi evitat li n-negozji jagħlqu. Eżempji ta’ dan huma l-“pagament uniku” fi Spanja (“pago único”) u l-“Legge Marcora” fl-Italja, li jħallu l-benefiċċji tal-qgħad jiffinanzjaw start-ups kooperattivi ġodda.

4.   L-ispeċifiċità tal-ekonomija kooperattiva: reżistenza u żviluppi ġodda wkoll fi żmien ta’ kriżi

4.1

L-intrapriżi kooperattivi juru reżiljenza aktar qawwija fi żmien ta’ kriżi meta mqabblin mal-intrapriżi konvenzjonali. Dan jgħodd partikolarment għall-banek kooperattivi, il-kooperattivi tal-ħaddiema fl-industrija u s-servizzi, il-kooperattivi soċjali u l-kooperattivi magħmula minn SMEs. Barra minn hekk, il-mudell ta’ negozju kooperattiv qed jiżviluppa f’setturi ġodda (bħall-enerġija u l-professjonijiet). Ir-ristrutturar fetaħ spazju addizzjonali għall-kooperattivi biex jikkontribwixxu għal pluraliżmu ġenwin tal-ekonomija u, b’mod partikolari, tal-intrapriżi permezz tat-tfittxija ta’ mudelli aktar sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum.

4.2

Skont ir-rapport tal-ILO “Resilience of the Cooperative Business Model in Times of Crisis” (“Reżistenza tal-Mudell tan-Negozju Kooperattiv fi Żmienijiet ta’ Kriżi”), il-kooperattivi finanzjarji baqgħu finanzjarment sodi; il-kooperattivi tal-konsumaturi qed jirrappurtaw żieda fil-fatturat; il-kooperattivi tal-ħaddiema qegħdin jikbru peress li n-nies qed jagħżlu l-forma kooperattiva tal-intrapriża biex jirreaġixxu għar-realtajiet ekonomiċi l-ġodda.

4.3

Dan jidher b’mod partikolari fis-settur bankarju. S’issa l-ebda bank kooperattiv għadu ma falla fl-UE. Id-data tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Kooperattivi turi li dawn għandhom sehem fis-suq ta’ madwar 20 % tad-depożiti. Huma jiffinanzjaw madwar 29 % tal-SMEs fl-Ewropa. Matul dawn l-aħħar snin, żiedu s-suq tagħhom fis-suq b’pass sod. Fir-Renju Unit, il-Banek Kooperattivi kwadrupplikaw sehemhom fis-suq minn 1.2 % fl-2009 għal 5 % fl-2010. Fl-Italja, matul dawn l-aħħar ħames snin, is-sistema tal-“BCC – Banche di credito cooperative” żiedet id-depożiti tagħha b’49 %, is-self b’60 % u l-impjiegi bi 17 % (filwaqt li fil-bqija tas-settur bankarju Taljan, l-impjiegi naqsu b’5 %). Fiċ-Ċipru l-Istituzzjonijiet Kooperattivi tal-Kreditu, skont l-Awtorità għas-superviżjoni u l-iżvilupp tas-soċjetajiet kooperattivi, matul l-2011 żiedu sehemhom fis-suq (minn 35 għal 38 % f’termini ta’ depożiti, minn 27 għal 29 % f’termini ta’ self); dan jikkonferma li ċ-Ċiprijoti jqisu l-Istituzzjonijiet Kooperattivi tal-Kreditu bħala rifuġju sikur fi żmien ta’ kriżi.

4.4

Fin-nota tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2010 (staff position note SPN/10/10: “Redesigning the Contours of the Future Financial System” (“Tfassil mill-ġdid tal-qafas tas-sistema finanzjarja futura”)) il-Fond Monetarju Internazzjonali jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-banek kooperattivi: “Il-banek kooperattivi żgħar jew l-istituzzjonijiet mutwi jistgħu wkoll jissopravivu. B’mod ġenerali, dawn il-banek, li jiddependu inqas mill-istennijiet tal-partijiet interessati, kienu kapaċi jevitaw ħafna mill-iżbalji li għamlu l-istituzzjonijiet il-kbar tas-settur privat. Għad li mhumiex dejjem meqjusa bħala l-aktar istituzzjonijiet effiċjenti, vibranti jew innovattivi, f’ħafna pajjiżi jaqdu lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll lil ħafna familji b’mod sikur u affidabbli billi jissodisfawlhom ħtiġijiethom f’termini ta’ kreditu”.

4.5

Sa mill-2009, is-CECOP (il-konfederazzjoni Ewropea tal-kooperattivi tal-ħaddiema u dawk soċjali u tal-intrapriżi oħrajn li huma proprjetà tal-impjegati fis-setturi industrijali u fis-servizzi) osservat l-effetti tal-kriżi fuq l-intrapriżi fi ħdan in-netwerk tagħha. Il-kooperattivi fil-pajjiżi bi preżenza u esperjenza aktar qawwija ta’ kooperattivi (Franza, l-Italja, Spanja) jidhru aktar reżiljenti biex jindirizzaw il-kriżi mill-intrapriżi konvenzjonali li joperaw fl-istess setturi u fl-istess territorji.

4.6

Tipi differenti ta’ kooperattivi soċjali jaqdu rwol importanti fil-proċess ta’ ristrutturar u kienu instigaturi ewlenin tal-innovazzjoni soċjali. Il-kooperattivi li joperaw fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol jimpjegaw ħafna nies li tkeċċew mix-xogħol u ma setgħux jerġħu lura għas-suq tal-impjieg normali. F’xi pajjiżi, il-kooperattivi soċjali huma fost dawk li l-aktar jimpjegaw nies b’diżabbiltà (pereżempju. l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, l-Italja, eċċ.). Il-kooperattivi li jipprovdu servizzi soċjali huma attivi fir-ristrutturar tas-settur pubbliku. Fenomenu speċifiku ġdid huma l-kooperattivi Taljani li jamministraw il-“proprjetajiet ikkonfiskati minn attivitajiet illegali”.

4.7

F’settur milqut serjament mill-kriżi, il-kooperattivi tad-djar qed jagħtu xhieda ta’ aktar reżiljenza mis-settur privat, meta wieħed ikejjel il-produzzjoni ta’ djar ġodda. Huma wkoll aktar impenjati favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra permezz ta’ żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan ir-rwol huwa partikolarment importanti f’uħud mill-pajjiżi tal-UE, fejn jiġu implimentati proġetti kooperattivi kbar ta’ rinnovazzjoni fejn, bħalma huwa l-każ fir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, ħafna drabi ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

4.8

Ħarsa ta’ malajr lejn uħud mill-pajjiżi Ewropej turi l-prestazzjonijiet superjuri relattivi tal-intrapriżi kooperattivi f’termini ta’ tkabbir, impjiegi, rati ta’ sopravivenza u start-ups (ara b’mod partikolari: Zevi A., Zanotti A., Soulage F. and Zelaia A. (2011), “Beyond the crisis: Cooperatives, Work, Finance”, Cecop Publications, Brussels 2011).

4.8.1

Fl-2009, fir-Renju Unit il-fatturat tal-kooperattivi żdied b’10 % filwaqt li l-ekonomija tar-Renju Unit marret lura b’4,9 %. Fl-2010, is-settur kooperattiv kompla jikber b’4,4 % filwaqt li r-rata tat-tkabbir tal-ekonomija tar-Renju Unit inġenerali kienet ta’ 1,9 %. In-numru ta’ kooperattivi fir-Renju Unit qed jiżdied b’mod kostanti, b’żieda ta’ 9 % fl-2010. Il-kooperattivi qed jikbru fis-setturi kollha tal-ekonomija.

4.8.2

Fil-Ġermanja, is-settur kooperattiv qed jespandi, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, l-SMEs u l-kura tas-saħħa. Matul dawn l-aħħar tliet snin, kien hemm żieda straordinarja fin-numru ta’ kooperattivi ġodda: 370 fl-2011, 289 fl-2010 u 241 fl-2009 (“Genossenschaften in Deutschland” (“Kumpaniji fil-Ġermanja”) tad-DZ-Bank). Skont ir-rapport “DGRV Geschäftsbericht 2010”, li huwa bbażat fuq ċifri pprovduti mill-Creditreform-Datenbank, fl-2010 0,1 % biss tal-insolvenzi kienu jikkonċernaw l-intrapriżi kooperattivi; din kienet l-aktar ċifra baxxa għal kull tip ta’ intrapriża. Madankollu, ġie sostnut ukoll li s-sħubija f’kooperattiva tnaqqas bil-kbir ir-riskju ta’ falliment tal-intrapriżi membri individwali.

4.8.3

Fi Franza, ir-rata ta’ sopravivenza tal-kooperattivi tal-ħaddiema wara tliet snin hija ta’ 74 % meta mqabbla mal-medja nazzjonali ta’ 66 %. 329 intrapriża ġew ikkonvertiti f’kooperattivi tal-ħaddiema bejn l-2000 u l-2009. Aktar minn 250 minnhom issopravivew. Iċ-ċifri għall-2010 kkonfermaw it-tendenza ’l fuq li wieħed seta’ josserva b’mod partikolari dawn l-aħħar tliet snin. Saret aktar minn 50 konverżjoni ġdida (Rapport annwali tas-CG SCOP 2010).

4.8.4

Fl-Italja, l-impjiegi fil-kooperattivi żdiedu bi 3 % fl-2010 f’kuntest ta’ tnaqqis ta’ 1 % fl-impjiegi privati totali. Il-kriżi fil-benesseri soċjali tfisser li n-numru ta’ kooperattivi soċjali żdied b’pass imgħaġġel. Il-biċċa l-kbira tal-kooperattivi l-ġodda huma start-ups iżda madwar waħda minn kull erbgħa huma “spin-offs” promossi minn kooperattivi oħra. Il-kooperattivi għandhom stennija tal-għomor itwal. Terz tal-kooperattivi li nħolqu bejn l-1970 u l-1989 għadhom attivi sal-ġurnata tal-lum, kontra kwart tal-intrapriżi l-oħra. Il-mortalità hija aktar baxxa; 4 % tal-kooperattivi għalqu bejn l-2006 u l-2009 meta mqabbla ma’ aktar minn 6 % tal-kumpaniji l-oħra. Il-falliment kien l-aktar kaġun drammatiku għall-għeluq u laqat 2 ‰ tal-kooperattivi fl-2009 meta mqabbel ma’ 6 ‰ għall-intrapriżi l-oħra. L-impjiegi fil-kooperattivi huma anqas prekarji, meta wieħed ikejjilhom skont it-tipi ta’ kuntratti tax-xogħol. 6 % tal-impjegati li jkunu għadhom kif ġew irreklutati għandhom kuntratti ta’ xogħol temporanju kontra 11 % fl-intrapriżi l-oħra. Fil-kooperattivi, 40 % tal-persunal ingħata taħriġ, filwaqt li l-medja nazzjonali hi ta’ 26 %.

4.8.5

Fil-każ ta’ Spanja, li ntlaqtet mill-kriżi b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-impjiegi fl-2008 u l-2009 kien ta’ 4,5 % fis-settur kooperattiv meta mqabbel ma’ 8 % fl-intrapriżi konvenzjonali. Madankollu, fl-2010 l-kooperattivi tal-ħaddiema żiedu n-numru ta’ impjiegi tagħhom b’0.2 % filwaqt li l-impjiegi totali fl-intrapriżi konvenzjonali naqsu bi 3.2 %.

4.8.6

F’ċerti pajjiżi insibu sitwazzjoni simili għal dik deskritta hawn fuq. Pereżempju, fl-Isvezja, in-numru ta’ start-ups kooperattivi kien proporzjonalment ogħla minn dak ta’ start-ups oħra. Ir-rata ta’ mortalità tal-kooperattivi hija aktar baxxa minn dik tal-intrapriżi konvenzjonali. Barra minn hekk, il-kooperattivi f’Ċipru wkoll qed jikbru. Il-gvern jenfasizza li l-kontribut tagħhom għat-titjib ekonomiku u soċjali tas-soċjetà huwa ta’ importanza vitali.

5.   Kif il-kooperattivi jiġġestixxu t-tibdil

5.1

Il-mudell speċifiku ta’ governanza kooperattiva, li huwa msejjes fuq is-sjieda konġunta, il-parteċipazzjoni demokratika u l-kontroll tal-membri, kif ukoll il-kapaċità tal-kooperattivi li jiddependu minn riżorsi finanzjarji proprji u minn netwerks ta’ appoġġ, jispjegaw għalfejn il-kooperattivi huma aktar flessibbli u innovattivi fil-ġestjoni tar-ristrutturar matul iż-żmien, kif ukoll fil-ħolqien ta’ negozju ġdid.

5.2

Viżjoni fit-tul hija karatteristika bażika tal-intrapriżi kooperattivi. Il-kriżi saħħet l-użu ta’ approċċ fit-tul għall-kisba ta’ sostenibbiltà ekonomika u soċjali għall-membri tagħhom. Intrapriża kooperattiva lesta tissagrifika l-qligħ fuq il-kapital sabiex tippreżerva l-impjiegi u l-investimenti.

5.3

Karatteristika oħra bażika tal-governanza tagħhom hi li l-kooperattivi għandhom għeruqhom fit-territorju li joperaw fih. Bil-kontra tas-settur privat, ma jiddelokalizzawx; dan mhuwiex inkompatibbli mal-globalizzazzjoni.

5.4

Minħabba l-għeruq lokali tagħhom, ir-rwol tal-kooperattivi fiż-żoni rurali qed isir dejjem aktar importanti, peress li jippromovu l-iżvilupp sostenibbli lokali, joħolqu impjiegi ġodda u b’hekk jimmiraw li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali. Billi r-ristrutturar isir fil-livell lokali, huwa importanti li wieħed iħares lejn l-esperjenza tal-kooperattivi huwa u jfittex soluzzjonijiet. Fiż-żoni rurali, il-kooperattivi jippreżervaw l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali, u b’hekk inaqqsu wkoll il-migrazzjoni.

5.5

L-ankraġġ territorjali tagħhom u l-enfasi tagħhom fuq l-interessi tal-membri (familji jew intrapriżi żgħar) jispjegaw għaliex il-banek kooperattivi rnexxielhom ivinċu matul il-kriżi finanzjarja. Il-banek kooperattivi jiffukaw ukoll bil-kbir fuq il-finanzjament sostenibbli u soċjalment responsabbli. L-effetti tal-imġiba tagħhom ġew irrinfurzati mill-konsumaturi li qalbu d-depożiti u s-self tagħhom minn banek privati għal banek kooperattivi.

5.6

Il-kooperattivi jissalvagwardjaw l-impjiegi permezz ta’ mudell ta’ mobbiltà interna flimkien ma’ sigurtà tal-impjiegi. Il-kooperattivi tal-ħaddiema u dawk soċjali jippreferu jaġġustaw il-livelli tas-salarju tagħhom jew in-numru ta’ sigħat tax-xogħol, minflok ma jeliminaw l-impjiegi. Kull fejn huwa possibbli, internalizzaw attivitajiet li qabel kienu jesternalizzaw. Is-sigurtà tal-impjiegi ssaħħet billi l-impjiegi disponibbli tqassmu bejn l-intrapriżi li jiffurmaw parti mill-istess netwerk jew grupp kooperattiv. Il-mudell għall-ħolqien tas-sigurtà għall-ħaddiema tul il-proċess ta’ tranżizzjoni huwa appoġġjat mit-taħriġ vokazzjonali, peress li l-kooperattivi jiffukaw fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani.

5.7

Għal żmien twil, il-kooperattivi żviluppaw diversi tipi ta’ modalitajiet biex jikkooperaw ma’ xulxin b’mod permanenti, kemm permezz ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-livelli kollha kif ukoll permezz ta’ forom intraprenditorjali bħall-gruppi, il-konsorzji u l-kooperattivi sekondarji. Matul dawn l-aħħar snin u għexieren ta’ snin, stajna nosservaw konsolidazzjoni qawwija ta’ din it-tendenza, b’korrelazzjoni pożittiva ppruvata bejn it-tkabbir tal-kooperattivi u l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet li jorbtuhom ma’ xulxin.

5.8

Il-potenzjal tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi joħroġ ċar fl-eżempju tal-Italja. L-Italja hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ bosta assoċjazzjonijiet kooperattivi intersettorjali. It-tipi kollha ta’ kooperattivi (tal-ħaddiema, tal-konsumaturi, agrikoli, eċċ.) huma membri ta’ waħda minn dawn l-assoċjazzjonijiet. Din it-tendenza ffaċilitat il-ħolqien ta’ strutturi ekonomiċi komuni bejn is-setturi, li huma fatturi ta’ importanza kbira. Bis-saħħa tal-possibbiltajiet ta’ trasferiment tar-riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll tal-esperjenzi, minn settur għall-ieħor, ħafna intrapriżi kooperattivi u setturi huma kapaċi jkampaw anke fl-aktar żmenijiet diffiċli.

5.9

Il-gruppi, il-konsorzji u l-kooperattivi sekondarji jippermettu lill-intrapriżi individwali jibqgħu żgħar filwaqt li jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala. L-Italja hija eżempju tajjeb ta’ konsorzji fis-setturi tal-bini u tas-servizzi u fil-qasam tal-kooperattivi soċjali, li jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp ta’ kooperattivi żgħar kif ukoll ġodda. Konsorzji żgħar ta’ kooperattivi soċjali jinsabu wkoll f’pajjiżi oħra bħall-Isvezja. Gruppi kooperattivi importanti jistgħu jinsabu wkoll f’setturi oħra bħall-agrikoltura, il-manifattura, il-banek u d-distribuzzjoni f’diversi pajjiżi oħra tal-UE bħal Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, fost l-oħrajn.

5.10

Il-grupp Spanjol Mondragon huwa eżempju ċar ta’ kif intrapriżi kooperattivi individwali jistgħu jorganizzaw lilhom infushom fuq bażi volontarja fi gruppi intraprenditorjali fuq skala kbira li jinkludu l-industrija, l-agrikoltura, id-distribuzzjoni, is-settur finanzjarju, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-edukazzjoni għolja. Aspett importanti tal-grupp Mondragon huwa l-kapaċità li jippreżerva l-impjiegi f’setturi industrijali globalizzati u li jimpenja ruħu f’ristrutturar kontinwu tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi ta’ wara l-bejgħ, permezz tal-pjattaformi industrijali tiegħu madwar id-dinja u trijangolu tal-innovazzjoni li jinkludi l-intrapriżi industrijali tiegħu, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp.

5.11

L-SMEs jistgħu wkoll jorganizzaw lilhom infushom f’kooperattivi, filwaqt li jsegwu l-istess loġika mmirata lejn iż-żieda fil-volum kummerċjali. Pereżempju, din l-esperjenza kellha suċċess kbir il-Ġermanja, fejn il-kooperattivi ta’ intrapriżi żgħar huma importanti, f’setturi bħall-prodotti tal-forn u tal-laħam, eċċ.

5.12

Qed jidhru fenomeni ġodda bħala tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ ċerti gruppi. Eżempju ta’ dan huwa l-kooperattivi tat-tobba fil-Ġermanja li semmejna aktar kmieni. Fl-Italja, b’mod partikolari, il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ professjonisti b’livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni qed tibda tuża l-mudell ta’ intrapriża kooperattiva biex tisfrutta l-opportunitajiet tas-suq. B’hekk, l-impjieg indipendenti jiġi kkombinat ma’ forma kollettiva ta’ intrapriża. Liġi Taljana li ġiet approvata dan l-aħħar, u li kienet tifforma parti mill-pakkett globali ta’ riformi ekonomiċi, tappoġġja dawn l-inizjattivi.

5.13

Fi Franza, u sa ċertu punt fil-Belġu u fl-Isvezja, inħolqu l-hekk imsejħa “Kooperattivi tal-Attività u l-Impjieg”. Dawn jippermettu lill-persuni f’sitwazzjoni ta’ qgħad isibu impjieg indipendenti, u b’hekk ikunu jistgħu jorganizzaw mhux biss l-attivitajiet kummerċjali tagħhom iżda wkoll it-taħriġ vokazzjonali u s-sigurtà soċjali tagħhom fi ħdan intrapriża kooperattiva.

5.14

Normalment, il-kooperattivi ma jistgħux jiksbu kwantitajiet kbar ta’ kapital mill-membri tagħhom u m’għandhomx aċċess faċli għas-swieq tal-kapital. Il-kooperattivi żviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament proprji. L-ishma tal-kooperattivi ġeneralment mhumiex trasferibbli u l-qligħ ma jintużax biex jirrimunera l-kapital, iżda normalment jiġi investit mill-ġdid fl-intrapriża fil-forma ta’ riżervi li tirrifletti l-istrateġija fit-tul tagħhom: huwa fl-interess tal-membri li jevitaw riskju eċċessiv u li jallokaw investimenti f’attivitajiet li jaqdu direttament il-ħtiġijiet tagħhom.

5.15

F’xi pajjiżi tal-UE, bħal Franza, Spanja u l-Italja, dawn ir-riżervi huma indiviżibbli; jiġifieri ma jistgħux jiġu distribwiti fost il-membri anke f’każ ta’ likwidazzjoni, imma jridu bilfors jintużaw għall-iżvilupp tal-moviment kooperattiv. Ir-riżervi indiviżibbli wrew li għandhom effett dissważiv qawwi kontra d-demutwalizzazzjoni.

5.16

F’xi pajjiżi ġew introdotti dispożizzjonijiet legali biex jippermettu lil partijiet terzi jipprovdu kapital ta’ riskju, kemm bi drittijiet tal-vot u mingħajrhom, fil-kooperattivi (pereżempju, dan huwa l-każ tas-“socio sovventore” fil-liġi Taljana 59/1992). Għal dan il-għan twaqqfu istituzzjonijiet speċjali, pereżempju l-fondi kooperattivi għall-iżvilupp (“fondi mutualistici”) u l-Cooperazione Finanza Impresa (CFI) fl-Italja, l-IDEs fi Franza u l-istruttura ta’ investiment tal-Korporazzjoni Mondragon fi Spanja. Dan ippermetta wkoll lill-kooperattivi jtejbu d-djalogu tagħhom ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2012) 7. Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: x’tgħallimna mill-esperjenza riċenti?

(2)  COM(2005) 120. Strutturar mill-ġdid u impjieg li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol tal-Unjoni Ewropea.

(3)  COM(2001) 66. Il-promozzjoni ta’ qafas Ewropew għas-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  COM(2004) 18. Dwar il-promozzjoni tas-soċjetajiet kooperattivi fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COM(2006) 117. L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Trasferiment tan-negozju - Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid.