6.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali postsekondarji bħala alternattiva attraenti għall-edukazzjoni għolja” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 68/01

Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali postsekondarji bħala alternattiva attraenti għall-edukazzjoni għolja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Diċembru 2011.

Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tad-19 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'208 voti favur, 7 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u proposti

Rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni Ewropea

1.1   Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet stabbiliti għal perjodu twil u qasir fil-Komunikat ta’ Bruges u jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) sabiex isiru iktar attraenti u rilevanti. L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha għandhom ikomplu jaqdu rwol attiv fil-proċess ta’ Kopenħagen u jgħinu jiksbu r-riżultati fil-perjodu l-qasir.

1.2   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tgħaqqad iż-żewġ proċessi – ta’ Bologna u ta’ Kopenħagen – flimkien f'approċċ integrat. Din is-sinerġija ser tgħin tipprovdi lin-nies bil-ħiliet li jeħtieġu biex jilħqu l-potenzjal tagħhom f'termini ta’ żvilupp u impjegabbiltà.

1.3   Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni għandha sservi ta’ pjattaforma għall-evidenza bbażata fuq l-istatistika li timmonitorja s-sitwazzjoni fid-diversi Stati Membri u li għandha toħloq pjattaforma li twassal għall-iskambju tal-prattiki tajbin.

1.4   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li timplimenta strumenti ġodda u tniedi inizjattivi ġodda. Madankollu, l-ewwel u qabel kollox, hemm bżonn urġenti li jiġi vvalutat dak li diġà ġie żviluppat, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-għodod u jiġi żgurat li l-programmi u l-politiki eżistenti jiġu implimentati sew u bis-sħiħ.

Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri

1.5   Li jiġi stabbilit l-għadd ta’ żgħażagħ li jidħlu l-università bħala l-uniku indikatur jagħti impressjoni żbaljata meta tkun qed titfassal il-politika tal-edukazzjoni għax dan huwa biss parzjalment rilevanti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol f'termini ta’ ħiliet. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu bilanċjati.

1.6   Għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv il-Komunikat ta’ Bruges u l-Proċess ta’ Kopenħagen kif ukoll isir kontribut biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-UE ta’ 40 % bħala rata ta’ persuni li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti, li tinkludi livell ta’ ETV ogħla.

1.7   Għandhom jiġu żviluppati inċentivi finanzjarji u mhux finanzjarji kemm għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, il-mikrokumpaniji u l-kumpaniji tal-artiġġjanat, sabiex tiżdied l-attraenza kemm tal-ETV Inizjali u tal-ETV Kontinwu u biex l-intrapriżi jiġu mobilizzati, kif ukoll sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi jikkooperaw mal-intrapriżi.

1.8   Sabiex isiru attivitajiet komprensivi ta’ promozzjoni, bil-għan li jiżdied sistematikament ir-rikonoxximent soċjali tal-edukazzjoni vokazzjonali postsekondarja.

1.9   Għandhom jiġu pprovduti servizzi ta’ parir li jkunu iżjed effettivi u adatti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ, b'pariri individwali għall-persuni b'diżabbiltà. Hemm bżonn urġenti li jitwessgħu l-attitudnijiet taż-żgħażagħ, il-familji tagħhom u l-counsellors tagħhom, li għandhom tendenza jqisu lill-università bħala t-triq li twassal għall-impjieg.

Rakkomandazzjonijiet għall-organizzazzjonjiet tan-negozju

1.10   L-organizzazzjonijiet tan-negozji flimkien ma’ imsieħba soċjali oħrajn għandhom jieħdu sehem b'mod attiv fis-sistemi ta’ pariri u konsulenza billi dawn huma strutturi rilevanti għall-għoti tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-ETV u s-suq tax-xogħol. Huma għandhom jassistu lil min jgħallem fl-iżvilupp ta’ tagħlim integrat max-xogħol u metodi ġodda.

1.11   Is-setturi industrijali u l-kumpaniji għandhom jipprovdu iktar postijiet għall-apprendistati u opportunitajiet għat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol u jħeġġu lill-impjegati jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-apprendisti, lill-persuni li jitgħallmu fuq il-post tax-xogħol jew lill-għalliema temporanji tal-ETV.

Rakkomandazzjonijiet għall-istituzzjonijiet edukattivi

1.12   Għandhom iżidu l-fiduċja tagħhom fil-ħolqien ta’ rabtiet mal-kumpaniji u jagħrfu li hemm bżonn kooperazzjoni kostruttiva u l-valur tal-esperjenza li tinġabar f'ambjenti esterni.

1.13   Għandhom jikkooperaw iktar mill-qrib mas-setturi tal-industrija u jiżviluppaw firxa usa' ta’ metodi ta’ tagħlim integrat max-xogħol. Hemm bżonn attitudni iżjed flessibbli lejn l-ETV.

1.14   Il-kwalità tal-għalliema u l-persuni li jagħtu t-taħriġ għandha tkun garantita. Huma għandhom ikunu familjari mal-ħtiġijiet li jinbidlu tal-post tax-xogħol. Għandhom ikunu mħeġġa apprendistati għall-għalliema u għal dawk li jħarrġu fl-intrapriżi.

Rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-imsieħba soċjali

1.15   Il-Kumitat jappella lill-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali biex jiffaċċjaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, ikunu proattivi fil-proċess billi jużaw il-metodi u l-għodda kollha biex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali postsekondarji (il-kunsilli settorjali tal-impjiegi u l-ħiliet, eċċ.) isiru iktar attraenti.

1.16   L-imsieħba soċjali f'kull livell għandhom iwettqu sew l-impenji li jirriżultaw mill-programmi konġunti ta’ ħidma tagħhom u jikkontribwixxu għall-proċess tat-twettiq u l-implimentazzjoni tal-istrumenti kollha tal-UE relatati mal-ETV fil-livell nazzjonali.

Rakkomandazzjonijiet għall-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

1.17   L-individwi għandhom isiru konxji li l-edukazzjoni għolja ma tagħtix bilfors garanzija li ser jinstab impjieg u li għandhom jiġu kkunsidrati alternattivi effettivi. Għalhekk, huma jridu jagħrfu r-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu għażliet infurmati dwar l-istudju u t-taħriġ. Fl-aħħar nett, huma għandhom ikunu kunfidenti biżżejjed li jimpenjaw ruħhom li jsegwu l-edukazzjoni vokazzjonali postsekondarja.

1.18   Il-preferenzi tal-istudenti u l-istennijiet tal-familji tagħhom iridu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ min iħaddem. Fil-ġejjieni, huma jistgħu jużaw il-panorama ta’ ħiliet tal-UE li ġiet żviluppata dan l-aħħar u l-previżjoni tagħha dwar il-provvista ta’ ħiliet u l-ħtiġiijiet tas-suq tax-xogħol.

2.   Qafas politiku Ewropew

2.1   F'Ġunju 2010, is-Summit tar-Rebbiegħa tal-UE adotta l-istrateġija l-ġdida tiegħu għat-tkabbir u l-impjieg, bit-titolu ta’ Ewropa 2020, imsejsa fuq seba' inizjattivi ewlenin u dokumenti strateġiċi għat-tisħiħ tas-suq intern tal-UE (l-Att dwar is-Suq Uniku).

2.2   L-inizjattiva prominenti dwar l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, li tiffoka fuq li tagħti liċ-ċittadini l-ħiliet meħtieġa għall-impjieg u li tqabbel il-provvista tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, toħloq sinerġija qawwija ma’ inizjattivi oħra (l-Aġenda Diġitali, Unjoni tal-Innovazzjoni, Żgħażagħ Attivi, il-Pjattaforma Ewropea għall-Faqar eċċ.).

2.3   L-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ser jiġu appoġġjati mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) propost (1). Il-baġit għall-Ewropa 2020 ser jinvesti fl-intelliġenza Ewropea billi jżid l-ammonti allokati għall-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

3.   L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – l-iżviluppi u l-isfidi attwali

3.1   Illum il-ġurnata l-iżvilupp tas-swieq tax-xogħol Ewropej huwa influwenzat mill-kriżi finanzjarja u dik ekonomika, mill-globalizzazzjoni, mill-pressjonijiet demografiċi, mit-teknoloġiji l-ġodda u minn ħafna fatturi oħra.

3.2   Fost il-ħames għanijiet orizzontali stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020 insibu:

għan ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % għall-persuni bejn l-20 u l-64 sena.

mira ta’ livell edukattiv li tindirizza l-kwistjoni tat-tfal li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien billi r-rata ta’ ħruġ bikri tonqos mill-15 % attwali għal 10 %.

ir-rieda li l-proporzjon tal-popolazzjoni bejn it-30 u l-34 sena li jkunu spiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied minn 31 % għal mill-inqas 40 % fl-2020.

3.3   Id-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagan tad-29 u t-30 ta’ Novembru 2002 nediet l-istrateġija Ewropea għall-kooperazzjoni mtejba fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, u hija magħrufa bħala l-“Proċess ta’ Kopenħagen”.

3.4   Fit-12 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill adotta qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ETV 2020).

3.5   Il-Komunikazzjoni tal-KE dwar Impetu ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020 (2) tiddeskrivi l-miżuri prinċipali li għandhom jittieħdu biex jitnieda mill-ġdid il-proċess ta’ Kopenħagen u tenfasizza r-rwol ewlieni tal-ETV fit-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà.

3.6   Fil-Komunikat ta’ Bruges, adottat f'Diċembru 2010, il-Ministri tal-UE għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u l-imsieħba soċjali Ewropej ħadu impenn qawwi. Il-Komunikat janalizza u jistabbilixxi l-prijoritajiet li ġejjin għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ETV sal-2020:

l-iżvilupp ta’ ETV postsekondarji u f'livelli ogħla fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK);

il-permeabbiltà u t-toroq miftuħa bejn l-ETV u l-edukazzjoni għolja;

dokument ta’ politika dwar ir-rwol tal-eċċellenza vokazzjonali għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli.

3.7   Sabiex jiġi żviluppat l-impenn ta’ Bruges, il-Kummissjoni qed toħloq Aġenda għall-eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b'enfasi fuq l-ETV Inizjali u Kontinwu. Dan il-proċess għandu jiġi finalizzat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill (fl-aħħar tal-2012).

4.   Bażi ta’ evidenza għall-proċess ta’ kooperazzjoni mtejba fl-ETV

4.1   Il-previżjonijiet ta’ Cedefop dwar il-ħtiġijiet futuri għall-ħiliet juru domanda kbira għal kwalifiki medji u ta’ livell għoli sal-2020, u domanda dejjem inqas għal ħaddiema bi ftit kwalifiki. Madankollu, il-popolazzjoni Ewropea tal-età tax-xogħol bħalissa għadha tinkludi 78 miljun persuna bi ftit kwalifiki.

4.2   Ir-raba' rapport ta’ Cedefop dwar ir-riċerka relata mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa – Nimmodernizzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Modernising vocational education and training) – jipprovdi bażi ta’ evidenza għall-proċess tal-kooperazzjoni mtejba fl-ETV. Dan ir-rapport jistabbilixxi wkoll il-prijoritajiet għar-riforma tal-ETV bil-għan li jagħti kontribut għall-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjieg.

4.3   Il-modernizzazzjoni tal-ETV hija urġenti fir-rigward taż-żieda fil-kompetizzjoni globali, il-popolazzjoni li qed tixjieħ, il-pressjonijiet fuq is-suq tax-xogħol u l-għan li tittejjeb il-koeżjoni soċjali fl-Ewropa.

4.4   Cedefop jindirizza wkoll il-kwistjoni dwar kif jistgħu jittejbu r-reputazzjoni u l-attraenza tal-ETV. L-impressjoni ġenerali, li tirriżulta mill-analiżi tal-indikaturi relatati mal-attraenza tal-ETV, hija waħda negattiva. Xi riċerka wasslet għall-identifikazzjoni tal-gruppi ewlenin li jinfluwenzaw l-attraenza tal-għażliet edukattivi:

a)

il-kontenut u l-kuntest tal-iskejjel: is-selettività tal-għażliet, ir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet, il-monitoraġġ jew il-programmi;

b)

il-prospetti edukattivi tal-istudenti u tas-suq tax-xogħol: aċċess għall-edukazzjoni għolja (b'mod partikolari fil-livell terzjarju), il-prospetti tal-impjieg;

c)

fatturi ekonomiċi: għajnuna finanzjarja jew inċentivi fiskali jew l-onorarji tat-tagħlim.

4.5   Fil-pubblikazzjoni tiegħu, A bridge to the future (Pont għall-futur), Cedefop jiffoka wkoll fuq il-progress li sar fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni Ewropej (tmexxija u pariri, identifikazzjoni u validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali) u l-istrumenti (3) (QEK, ECVET, EQAVET, Europass). Dawn il-prinċipji u l-istrumenti għandhom l-għan li jgħinu tittejjeb il-mobbiltà tal-impjegati, ta’ min ikun qed jitgħallem u ta’ min ikun qed iħarreġ fost id-diversi sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ u bejn il-pajjiżi. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom iħeġġu l-evoluzzjoni fir-riżultati tat-tagħlim f'kull tip u livell ta’ edukazzjoni u taħriġ bħala appoġġ għat-tagħlim tul il-ħajja.

4.6   Id-dokument il-ġdid ta’ riċerka ta’ Cedefop (4), li jindirizza l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli għolja ta’ kwalifiki fi 13-il pajjżi u 6 setturi juru li l-fehmiet u l-ideat dwar l-ETV u l-QEK mil-livell 6 sa 8 huma influwenzati mill-kuntesti nazzjonali.

4.7   Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ tenfasizza bżonn qawwi li tingħata informazzjoni dwar id-diversi setturi professjonali u l-bżonn ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza biex tinħoloq rabta bejn is-settur edukattiv u s-setturi professjonali. Sabiex l-ETV postsekondarji jsiru iktar attraenti, l-Fondazzjoni tirrakkomanda li:

il-lawrji jiġu rikonoxxuti permezz ta’ sħubija mill-qrib mad-dinja korporattiva;

l-ETV postsekondarji (jew l-edukazzjoni għolja vokazzjonali) għandhom jiġu integrati fis-sistema tal-edukazzjoni terzjarja;

jinħolqu għażliet edukattivi u passi intermedjarji għat-tagħlim tul il-ħajja;

jinħolqu sħubijiet internazzjonali għall-edukazzjoni għolja vokazzjonali;

għandu jkun hemm taħlita edukattiva ta’ 20 % lekċers, 40 % tutorials u 40 % workshops;

il-persunal li jgħallem għandu jinkludi kemm il-persunal akkademiku kif ukoll esperti mid-dinja korporattiva.

4.8   Wieħed mill-istudji kummissjonati mill-KE, li jiffoka fuq l-identifikazzjoni u l-analiżi tal-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet fil-mikrokumpaniji u l-kumpaniji tal-artiġġjanat (5), jirrakkomanda li l-programmi tat-taħriġ għandhom jintegraw tendenzi u żviluppi futuri fil-qasam tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet iktar milli qed isir bħalissa. Għandhom jiġu żviluppati, anke fil-livell Ewropew, iktar programmi ta’ tagħlim fuq il-post tax-xogħol u modi ta’ kif jiġi rikonoxxut l-għarfien prattiku miksub b'mod informali.

4.9   Il-laqgħa ministerjali informali tal-OECD dwar l-ETV, li saret f'Kopenħagen f'Jannar 2007, irrikonoxxiet iż-żieda drammatika fil-profil tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u nediet ħidma analitika li fl-2010 wasslet għar-rapport finali “Learning for jobs” (6). Fl-aħħar tal-2010 tniedet analiżi ta’ politika ta’ segwitu b'enfasi fuq l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali postsekondarju – “Skills beyond School” (Ħiliet lil hinn mill-iskola).

5.   L-ETV mill-perspettiva tas-suq tax-xogħol

5.1   Il-bidliet demografiċi, flimkien mal-ħtieġa prevista għal iktar ħaddiema kwalifikati, ifissru li l-Ewropa tinsab konfrontata minn forza tax-xogħol li qed tiċkien u nuqqas ta’ ħaddiema f'xi setturi minkejja l-kriżi ekonomika.

5.2   In-nuqqas strutturali ta’ ħaddiema kwalifikati fl-UE huwa fatt, u għan-negozji Ewropej, il-konsegwenzi immedjati ta’ dawn in-nuqqasijiet huma opportunitajiet mitlufa għat-tkabbir u għall-produttività msaħħa. In-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati ser ikun wieħed mill-ostakli prinċipali għat-tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin.

5.3   L-isforzi biex l-impjiegi jsiru iktar ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-“ekonomija tal-anzjani”, inklużi s-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, jiġġeneraw opportunitajiet biex jinħolqu impjiegi deċenti għall-gruppi kollha tal-età tax-xogħol kif ukoll biex jittejbu l-kompetittività u l-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Huma jirrappreżentaw ukoll domanda ogħla għal professjonijiet ġodda u għal ħiliet aġġornati u ta’ livell ogħla.

5.4   L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jistgħu jikkontribwixxu biex tinkiseb il-mira ewlenija msemmija hawn fuq tal-Ewropa 2020: 1) billi jipprovdu opportunitajiet għall-progress mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali lejn taħriġ speċjalizzat u edukazzjoni għolja, 2) billi jiġu żviluppati l-ETV f'livelli ogħla tal-QEK bbażat fuq sistemi sodi tal-ETV fil-livell sekondarju, 3) billi jikkontribwixxu għall-provvista ta’ arranġamenti adegwati għall-validazzjoni u l-akkreditazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali f'kull livell u 4) billi jiġi żviluppat taħriġ marbut max-xogħol fejn l-adulti jikkontribwixxu sabiex jiżguraw is-suċċess taż-żgħażagħ.

5.5   Biex tittejjeb il-kompetittività tan-negozji u l-kumpaniji Ewropej, huwa kruċjali li l-Ewropa jkollha forza tax-xogħol mobbli, attrezzata b'sett ta’ ħiliet u kompetenzi li jikkorrispondu għad-domandi tas-suq tax-xogħol attwali. In-negozji jeħtieġu kwalifiki trasparenti u kumparabbli, irrispettivament minn kif ikunu ġew akkwistati l-kompetenzi.

5.6   Il-bini tas-sistemi tal-krediti u l-kwalifiki fuq ir-riżultat li fil-fatt joħroġ mit-tagħlim ser jagħmilha iktar faċli biex jiġi analizzat liema kompetenzi jkollu individwu. Dan ser jikkontribwixxi għal tqabbil aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-swieq tax-xogħol Ewropej. Min iħaddem ma jippremjax il-kwalifiki, iżda l-prestazzjoni. Bl-istess mod, is-sistema edukattiva għandha tikkumpensa dejjem iktar ir-riżultat li fil-fatt joħroġ mill-istudji iktar milli pereżempju l-għadd ta’ ġimgħat li jieħu l-kors.

5.7   L-opportunitajiet li individwu jgħaddi mill-ETV għall-edukazzjoni għolja huma importanti u jistgħu jiġu faċilitati billi tittejjeb it-trasparenza fir-rigward tar-riżultat. Il-QEK jista' jkun għodda utli biex tiżdied il-permeabbiltà bejn l-ETV u s-sistema tal-krediti tal-edukazzjoni għolja, billi qed jaħdem bħala konverżjoni tal-kisbiet tat-tagħlim f'unitajiet fil-livell ta’ kwalifika korrispondenti.

5.8   L-ETV postsekondarji ma jistgħux jitqiegħdu f'żona griża bejn l-ETV tas-sekondarja għolja (upper secondary) u l-edukazzjoni għolja. L-ETV postsekondarji huma strateġikament importanti fl-Istrateġija UE 2020 bħala mod kif l-ETV isiru għażla professjonali iktar attraenti għaż-żgħażagħ u biex jappoġġjaw it-titjib tal-ħiliet (upskilling) u riżultati aħjar. L-SMEs fl-Ewropa jqisu li sar xi progress biex l-ETV u l-ETV għolja jsiru iktar rilevanti u attraenti. Madankollu, hemm iktar x'isir f'kull livell – Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali u settorjali – biex tiġi diversifikata l-provvista tal-ETV f'livelli ogħla, tittejjeb il-permeabbiltà, jiġu riformati s-sistemi tal-ETV u jinħolqu inċentivi finanzjarji, sabiex jiġu stimulati kemm il-kumpaniji kif ukoll l-individwi fir-rigward tal-provvista u l-adozzjoni ta’ ETV għoljin.

5.9   Il-kwalità u l-eċċellenza fl-ETV jinfluwenzaw ħafna kemm l-ETV jistgħu jsiru iktar attraenti. Madankollu, ETV ta’ kwalità għolja jqumu l-flus u l-SMEs għandhom sfidi partikolari: 1) huma l-ikbar provvedituri tal-ETV Inizjali, u 2) għandhom bżonn jaġġornaw il-ħiliet tal-ħaddiema kollha tagħhom, mhux biss ta’ dawk bl-aħjar kwalifiki. Rigward dan tal-aħħar, “it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol” huwa kruċjali biex jiġu aġġornati l-ħiliet fl-SMEs.

5.10   Il-mobbiltà tat-tagħlim transkonfinali hija qasam li n-negozju ilu jappoġġjah, l-iktar għaż-żgħażagħ fl-ETV u l-apprendistati. L-Ewropa bħalissa għad għandha livell ta’ mobbiltà insuffiċjenti fir-rigward tal-impjegati tal-ETV, l-istudenti u l-għalliema. Il-mobbiltà tagħhom tista' tittejjeb biss b'għarfien ta’ mill-inqas lingwa barranija waħda.

6.   X'inhuma r-raġunijiet għalfejn l-ETV, u b'mod partikolari l-ETV postsekondarji, mhumiex daqshekk attraenti?

6.1   It-terminu edukazzjoni għolja sikwit jintuża bħala sinonimu għall-edukazzjoni orjentata lejn id-dinja akkademika tal-università. L-edukazzjoni għolja ħafna drabi titqabbel mat-taħriġ vokazzjonali – fejn tal-aħħar jitqies bħala edukazzjoni ta’ livell iktar baxx.

6.2   Il-politiki għall-iżvilupp u l-espansjoni tal-edukazzjoni għolja ma tawx biżżejjed attenzjoni lill-ETV. L-edukazzjoni u t-taħriġ orjentati lejn il-vokazzjonijiet (jew lejn il-professjonijiet/is-suq tax-xogħol) diġà huma parti importanti għalkemm “inviżibbli” tal-edukazzjoni għolja.

6.3   L-ETV hija ferm diversifikata fl-Ewropa. Id-diversità fis-soluzzjonijiet istituzzjonali toħloq il-konfużjoni. F'xi pajjiżi ma tantx jagħmel sens li nirreferu għaliha bħala sistema.

6.4   Is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fihom infushom huma kemxejn opaki u hemm livell baxx ta’ permeabbiltà bejn it-toroq ta’ tagħlim differenti. L-edukazzjoni u t-taħriġ postsekondarji jingħataw minn firxa wiesgħa ta’ provvedituri: universitajiet, istituzzjonijiet tal-ETV terzjarji, skejjel sekondarji, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-adulti, l-imsieħba soċjali u kumpaniji privati.

6.5   Il-kwalifiki tal-ETV kultant ikunu diffiċli li jinfiehmu u mhumiex rikonoxxuti faċilment f'pajjiżi oħra. Il-programmi tal-ETV ma jikkorrispondux mal-mudelli tat-tliet ċikli ta’ Bologna (Bachelor, Master, Dottorat). Għad m'hemmx viżjoni ċara ta’ kif jistgħu jittejbu l-kwalifiki vokazzjonali fil-Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki (QNK) jew fil-QEK.

6.6   M'hemm l-ebda rabta bejn il-kwalifiki u l-ħiliet li jinkisbu mill-istudju u mis-sistemi ta’ klassifika nazzjonali tal-impjieg.

6.7   Ir-reputazzjoni tal-industrija nnifisha tiddgħajjef minħabba l-istampa li ħafna drabi tingħata mill-mezzi tax-xandir u minħabba l-kriżi attwali. Dan iwassal għal suspett dejjem ikbar fil-kumpaniji fl-Ewropa.

6.8   L-istigmatizzazzjoni u r-rikonoxximent soċjali baxx tal-gradwati tal-ETV qed iżommu lil għadd sostanzjali ta’ żgħażagħ milli jieħdu l-impenn f'din il-linja ta’ taħriġ.

6.9   Livell baxx ta’ ħiliet numeriċi fl-iskola primarja jiġi segwit minn nuqqas ta’ rieda miż-żgħażagħ li jorjentaw il-pjani professjonali tagħhom lejn id-dixxiplini xjentifiċi (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika) jew lejn studji orjentati lejn il-prattika.

6.10   Hemm nuqqas fil-kapaċità ta’ reazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet dejjem jinbidlu, ikkważati mill-bidliet mgħaġġla fl-ICT u l-bidla gradwali lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

6.11   Huwa osservat ukoll nuqqas ta’ prospetti edukattivi u fis-suq tax-xogħol f'oqsma bħall-aċċess għall-istudji avvanzati, b'mod partikolari fil-livell terzjarju, il-prospetti tal-impjieg, is-salarji, is-sodisfazzjon fix-xogħol u s-sejba ta’ tqabbil tajjeb bejn l-impjieg u l-edukazzjoni.

6.12   Hemm nuqqas ta’ informazzjoni u assistenza għall-individwi u l-familji tagħhom meta l-karriera futura taż-żgħażagħ tiġi diskussa għall-ewwel darba. L-esperjenzi tal-ħajja u l-karrieri tal-ġenituri ħafna drabi jkunu l-ixpruni ewlenin għad-deċiżjoni finali dwar l-għażla tal-iskola u l-impjieg futur. Il-parir dwar il-karriera wisq drabi jkun frammentat, reattiv u 'l bogħod mill-prattika.

6.13   F'għadd ta’ Stati Membri, il-gvernijiet ftit li xejn jipprovdu inċentivi finanzjarji u mhux finanzjarji lil min iħaddem biex jinvestu u jimpenjaw ruħhom fl-ETV.

6.14   Il-qafas għall-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-intrapriża u l-istituzzjonijiet edukattivi mhuwiex biżżejjed għall-għan tat-tfassil tal-programmi li jibbilanċaw it-tagħlim teoretiku u l-ħiliet professjonali. In-nuqqas ta’ fiduċja fl-iskejjel jew l-universitajiet biex joħolqu r-rabtiet mal-kumpaniji għadu jippersisti. Fost l-istituzzjonijiet edukattivi għad hemm livell baxx ta’ rikonoxximent tal-valur tal-esperjenza li tkun inġabret fl-ambjenti esterni.

6.15   Il-forza tax-xogħol attwali qed tixjieħ. Ħafna pajjiżi qed jiffaċċaw nuqqas ta’ għalliema u persuni li jħarrġu fl-istituzzjonijiet tal-ETV. Uħud mill-għalliema u dawk li jħarrġu m'għandhomx esperjenza reċenti fuq il-post tax-xogħol.

6.16   Ir-rwol tal-ETV fil-ġlieda kontra l-iżvantaġġi soċjali mhuwiex stmat biżżejjed. Il-persuni żvantaġġati għandhom tendenza ikbar li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien.

6.17   L-ETV, u b'mod partikolari l-ETV postsekondarji, ibatu minn stereotipi tan-nisa u l-irġiel li jaffettwaw l-iżvilupp tal-karriera.

6.18   Il-mobbiltà tat-tagħlim transkonfinali hija problema kbira fil-qasam tal-ETV u l-apprendistat. L-Ewropa bħalissa għad għandha livell ta’ mobbiltà insuffiċjenti fir-rigward tal-istudenti u l-għalliema tal-ETV.

6.19   Ser ikun hemm bżonn ħiliet lingwistiċi aħjar sabiex il-mobbiltà tkun kemm possibbli kif ukoll vallapena.

6.20   L-edukazzjoni terzjarja mhijiex ikkunsidrata biżżejjed bħala sfida dinjija, speċjalment l-ETV postsekondarji. Il-parteċipazzjoni fit-tixrid globali tal-għarfien għandha tiġi appoġġjata.

7.   L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali postsekondarji kif jistgħu jsiru iktar attraenti?

7.1   Il-persentaġġ tal-istudenti fl-universitajiet ma jistax jibqa' jitqies bħala l-uniku kejl tal-modernità u l-progress. L-universitajiet waħidhom ma jistgħux jiżguraw it-tkabbir ekonomiku u l-progress soċjali. Kull triq alternattiva għandha tiġi identifikata u promossa.

7.2   Il-Proċess ta’ Kopenħagen, li l-għan tiegħu huwa li jiżgura t-trasparenza u l-kwalità tal-kwalifiki vokazzjonali, għandu jintrabat mill-qrib mar-riforma tal-edukazzjoni għolja. Huwa kruċjali li ż-żewġ proċessi – ta’ Bologna u ta’ Kopenħagen – jingħaqdu flimkien f'approċċ integrat biex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol b'suċċess u b'mod sostenibbli.

7.3   Ir-reputazzjoni tal-industrija fl-Ewropa trid tittejjeb. Hemm bżonn approċċ ġdid lejn il-politika industrijali, minħabba l-kontribut importanti tagħha lejn it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll għall-iżvilupp tal-innovazzjoni. It-tali approċċ jappoġġja l-industrija billi jenfasizza s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-ħiliet umani meħtieġa biex l-industrija tal-UE tibqa' kompetittiva fis-swieq internazzjonali.

7.4   Is-servizzi huma fundamentali għall-ekonomija tal-Ewropa. Huma jirrappreżentaw 70 % tal-PDG tal-UE u madwar żewġ terzi tal-impjiegi globali. Disa' minn kull għaxar impjiegi ġodda jinħolqu fis-setturi tas-servizzi. Huma jipprovdu opportunitajiet ġodda mill-perspettiva tal-ETV postsekondarji.

7.5   Ewropa li qed tiffaċċja nuqqas ta’ ħaddiema f'bosta professjonijiet trid tiffoka iktar fuq kif tibbilanċja s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u biex issib it-taħlita t-tajba bejn l-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u akkademika. L-ETV postsekondarji juru x'inhi eżatt din l-isfida. L-għan tagħhom huwa li l-post tax-xogħol jiġi użat kemm jista' jkun bħala ambjent prezzjuż tat-tagħlim.

7.6   L-oqfsa ta’ kwalifika jistgħu jkunu ferm utli għas-sistemi tal-ETV. Dawn għandhom il-potenzjal li jgħaqqdu s-sistema tal-ETV, iżidu t-trasparenza sabiex il-valur tad-diversi kwalifiki jkun jista' jiġi rikonoxxut b'mod iktar ċar mill-istudenti, minn min iħaddem u minn partijiet interessati oħra, jiffaċilitaw it-tagħlim tul il-ħajja u jtejbu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal kulħadd. Il-ħidma fuq l-oqfsa ta’ kwalifika wasslet għal dibattitu mill-ġdid dwar il-profil u l-istatus tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – u kif għandhom jiġu definiti u jinftiehmu l-ETV.

7.7   Għandu jiġi żviluppat sens ġenwin ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, ir-rappreżentanti tan-negozji u l-SMEs, li jkun ibbażat fuq il-fiduċja u l-fehim reċiproku. Il-KESE jemmen fl-“Alleanzi ta’ Għarfien” (7) li għadhom kif ġew proposti, jiġifieri proġetti komuni li fihom jipparteċipaw in-negozji u s-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu żviluppati programmi ġodda ta’ studju li jindirizzaw il-lakuni bejn il-ħiliet tal-innovazzjoni u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. F'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni biex fl-2012 jitwaqqaf Forum bejn l-ETV u l-intrapriża hija inizjattiva ġdida promettenti.

7.8   Is-setturi industrijali u l-kumpaniji stess għandhom jinvestu fit-taħriġ intern, joffru iktar opportunitajiet għall-apprendistati u għat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, jippermettu lill-impjegati interessati u adatti jsiru għalliema għall-apprendistat u għall-persuni li jitgħallmu fuq il-post tax-xogħol, javvanzaw l-interess tal-impjegati adatti li jaħdmu bħala għalliema temporanji tal-ETV, jippermettu lill-impjegati jistudjaw matul il-ħin tax-xogħol u jikkooperaw mal-provvedituri edukattivi fl-iżvilupp tal-korsijiet skont id-domanda tas-suq għal ċerti ħiliet.

7.9   Il-provvedituri edukattivi għandhom jiżviluppaw iktar il-metodi tat-tagħlim integrati fix-xogħol (jiġifieri l-biċċa l-kbira tat-tagħlim, u mhux biss l-apprendistati, għandu jsir fuq il-post tax-xogħol), għandu jkollhom attitudni iktar flessibbli lejn l-ETV (metodi ta’ tagħlim iktar flessibbli), inkluż l-użu tal-ICT fl-ETV kollha u jikkooperaw mill-qrib mas-setturi industrijali sabiex jiġu identifikati ħtiġijiet ġodda ta’ tagħlim.

7.10   Hekk kif il-karrieri qed jiddiversifikaw, il-pariri effikaċi dwar il-karrieri qed isiru dejjem iktar diffiċli iżda fl-istess ħin iktar kruċjali u impenjattivi. In-nies, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, għandu jkollhom stampa ċara tal-istudji u l-prospetti tagħhom. L-idea antikwata li t-taħriġ vokazzjonali inizjali jħejji lill-istudenti għal impjieg wieħed tul il-ħajja professjonali tagħhom, m'għadhiex sostenibbli. Il-pariri dwar il-karriera jridu jkunu koerenti, igawdu minn riżorsi adegwati, proattivi, oġġettivi u appoġġjati sew mill-fatti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parir ipprovdut lill-persuni b'diżabbiltà, li jrid ikun adattat skont l-individwu, b'kunsiderazzjoni għad-diversi forom ta’ diżabbiltà u bir-restrizzjonijiet u l-ostakli potenzjali għall-mobbiltà li jistgħu jirriżultaw għall-kisba ta’ ċerti kwalifiki.

7.11   Ir-rwol tal-familja ma jistax jiġi sottovalutat. L-informazzjoni, il-pariri u t-tmexxija għandhom jiffokaw ukoll fuq il-familja, għax il-ġenituri u l-membri tal-familja ħafna drabi jaqdu rwol deċiżiv fl-għażla ta’ persuna għall-pjani ta’ studju u karriera. Hemm bżonn iżjed informazzjoni, sensibilizzazzjoni u politiki bbażati fuq il-fatti, biex jintwerew l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol assoċjati mal-ETV għolja.

7.12   Madankollu, il-provvista tal-ETV irid jibbilanċja l-preferenzi tal-istudenti mat-talbiet ta’ min iħaddem. Il-preferenzi tal-istudenti huma rilevanti, iżda tali preferenzi waħedhom is-soltu ma jkunux biżżejjed. Il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem huma importanti, iżda mhux dejjem ikun faċli li jiġu stabbiliti liema huma dawk il-ħtiġijiet. Dan il-bilanċ jiddependi wkoll fuq il-fondi provduti mill-gvern, l-istudenti u min iħaddem.

7.13   It-trattament indaqs irid jiġi żgurat għall-istudenti kollha f'kull triq ta’ tagħlim, l-istess bħall-aċċess indaqs għas-sussidji finanzjarji għad-djar, għat-trasport, għall-kura tas-saħħa u għall-iskemi tas-sigurtà soċjali.

7.14   Il-kwalità tal-għalliema u l-persuni li jagħtu t-taħriġ hija importanti; huma għandhom ikunu familjari mal-post tax-xogħol. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, għandhom jitħeġġu toroq flessibli għar-reklutaġġ, imfassla biex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ dawk il-persuni b'ħiliet industrijali fil-forza tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-ETV. Għandhom jiġu żviluppati l-programmi biex tiżdied il-mobbiltà tal-għalliema.

7.15   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali biex l-ETV isiru iktar rilevanti u flessibbli. Sabiex tiġi promossa l-eċċellenza fl-ETV, l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti iktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-ETV, l-iktar fil-programmi edukattivi, sabiex jiġi żgurat li l-ħiliet mgħallma jkunu rilevanti għas-suq tax-xogħol. Il-fatti juru li dawk il-pajjiżi li jikkoordinaw ir-rabtiet bejn l-iskejjel u s-suq tax-xogħol u jinkludu l-atturi tas-suq tax-xogħol fil-monitoraġġ, is-superviżjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki vokazzjonali, ġeneralment huma meqjusa bħala suċċess. Il-KESE diġà enfasizza ħafna drabi r-rwol tal-Kunsilli Settorjali u Trasversali għall-Impjieg u l-Ħiliet (8) fit-twettiq tal-analiżijiet tal-bżonnijiet kwantitattivi u kwalitattivi tas-suq tax-xogħol u laqa' b'sodisfazzjon l-isforz konġunt tal-imsieħba soċjali Ewropej li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-programmi konġunti tagħhom (9).

7.16   Il-kriżi wriet li ġew żviluppati ħafna soluzzjonijiet intelliġenti u effettivi biex l-impjiegi jinżammu u biex jitniedu bosta skemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-kumpaniji. L-opinjoni tal-KESE dwar l-istrateġiji tal-ħruġ mill-kriżi (10) jinkludu għadd ta’ “prattiki tajbin” f'dan ir-rigward.

7.17   Il-mobbiltà tat-tagħlim tgħin ittejjeb l-impjegabbiltà, b'mod partikolari taż-żgħażagħ, bil-kisba ta’ ħiliet ewlenin. Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-punt ta’ riferiment ambizzjuż iżda politikament neċessarju propost mill-Kummissjoni dwar il-mobbiltà tat-tagħlim. Din il-proposta tispeċifika li mill-inqas 10 % tal-gradwati tal-UE mill-ETV Inizjali għandu jkollhom perjodu ta’ studju jew ta’ taħriġ barra mill-pajjiż. Dan għandu jtejjeb il-mobbiltà tal-ETV f'termini kwantitattivi u kwalitattivi billi jqiegħed lill-ETV u lill-edukazzjoni għolja f'livell indaqs.

7.18   Il-Green Paper reċenti dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki (11) professjonali tat bidu għal diskussjoni pubblika dwar kif jistgħu jitnaqqsu u jiġu semplifikati r-regolamenti restrittivi li jirregolaw il-kwalifiki professjonali sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Intern u jissaħħu l-mobbiltà u l-attività kummerċjali transkonfinali. Is-suċċess tal-karta professjonali Ewropea li ġiet proposta dan l-aħħar ser jiddependi l-iktar mill-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

7.19   Il-KESE huwa konvint li huwa kruċjali li l-għalliema kollha u dawk kollha li jħarrġu, b'mod partikolari fl-ETV, ikollhom il-ħiliet lingwistiċi ta’ kwalità għolja meħtieġa biex jippromovu t-tagħlim ibbażat fuq it-tagħlim integrat tal-kontenut u l-lingwa (ET 2020). Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet provduti f'dan il-qasam mill-Pjattaforma tal-Intrapriżi għall-Multilingwiżmu (12) u l-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili għall-Multilingwiżmu li għandhom l-għan li jiżguraw l-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd (13).

7.20   Fis-seklu 21 huwa assolutament kruċjali li jiġu eliminati l-istereotipi li diġà jeżistu fl-iskejjel primarji u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'kull livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll jiġu appoġġjati l-miżuri kulturali li jorjentaw lin-nisa iktar lejn l-istudju xjentifiċi u teknoloġiċi, kif issemma fil-Patt Ewropew ġdid għall-ugwaljanza bejn is-sessi (14).

7.21   Fl-aħħar għaxar snin, xi pajjiżi żviluppaw u implimentaw diversi approċċi biex jaqsmu l-ispejjeż. Dan bidel il-bilanċ tal-kontributi mill-istati, minn min iħaddem u mill-individwi. Il-miżuri finanzjarji jinkludu l-fondi għat-taħriġ, l-inċentivi fiskali, il-vawċers, il-kontijiet tat-tagħlim individwali, is-self u l-iskemi għat-tfaddil. L-għan tagħhom huwa li jżidu l-investiment privat u l-parteċipazzjoni f'ECVET.

7.22   L-akbar kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit tal-UE fl-investiment fin-nies ġejja mill-Fond Soċjali Ewropew. Sabiex jiżdiedu l-ħiliet u jiġu indirizzati l-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f'ħafna Stati Membri, l-inizjattivi li bħalissa huma appoġġjati mill-programm Leonardo ser jissaħħu fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (15).

8.   L-implimentazzjoni adatta tal-istrumenti u l-prinċipji Ewropej fil-livell nazzjonali

8.1   Bit-tnedija tal-istrumenti li għandhom l-għan li jżidu l-kooperazzjoni Ewropea fl-ETV, ħareġ fid-dieher li hemm bżonn ta’ iżjed kooperazzjoni bejn l-istrutturi differenti biex jittejjeb il-funzjonament tal-istrutturi stess.

8.2   Il-Proċessi ta’ Kopenħagen u ta’ Bologna ma jistgħux ikomplu jiżviluppaw separatament minn xulxin. L-interoperabbiltà u l-komparabbiltà bejn l-istrumenti rispettivi għandhom jiżdiedu. Għandu jiġi rikonoxxut li l-Proċess ta’ Kopenħagen għadu fi stat inqas matur, u għad fadal xi snin qabel ma jiġi garantit il-funzjonament sew tal-ECVET (16) u l-QEK.

8.3   Il-QEK, l-ECVET u l-EQAVET għandhom jgħinu jippromovu t-tagħlim f'kull livell u f'kull tip ta’ edukazzjoni u taħriġ. Il-QEK għandu jiġi vvalutat fil-livelli 6-8 tal-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki fuq l-istess livell tal-edukazzjoni għolja. Għall-ECVET, is-sistema tal-punti tal-krediti għall-ETV, hemm bżonn implimentazzjoni koerenti u konverġenti mal-ECTS (17), għax l-ECVET għadha ma bdietx titħaddem.

8.4   L-istrumenti Ewropej jistgħu jiġu komplementati bl-istrumenti nazzjonali (pereżempju, l-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki) jew adottati fir-regoli nazzjonali (pereżempju, fis-sistemi nazzjonali tal-krediti) meta jidher li jkun hemm bżonn fl-ambitu tar-riformi nazzjonali. Hemm bżonn iktar komunikazzjoni bejn il-livelli differenti (UE, nazzjonali, reġjonali).

8.5   Irid isir progress fl-implimentazzjoni ta’ “Erasmus għall-Apprendistati”. Dan il-programm ser jippermetti lill-ETV jitqiesu b'mod indaqs mal-inizjattivi tal-edukazzjoni għolja u għalhekk jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ETV. Dan ser iżid dimensjoni internazzjonali għall-ETV, jindirizza n-nuqqas ta’ mobbiltà tal-ETV u jsaħħaħ il-viżibbiltà u l-attraenza tal-edukazzjoni vokazzjonali postsekondarja.

8.6   Madankollu, il-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli toħloq strumenti ġodda qabel ma jiġi valutat il-valur miżjud ta’ dawk eżistenti. Il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fl-istrumenti eżistenti u bejniethom għandhom jittejbu biex l-għanijiet tagħhom jissarrfu f'realtà konkreta.

8.7   Il-KESE fassal għadd ta’ opinjonijiet ta’ kwalità dwar l-istrumenti rilevanti – dwar l-ECVET (18) u l-EQAVET (19) – u dwar il-komparabbiltà tal-kwalifiki tat-taħriġ vokazzjonali bejn l-Istati Membri (20).

Brussell, 19 ta’ Jannar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 finali, Parti I u II tad-29.6.2011.

(2)  Komunikazzjoni tal-KE, COM(2010) 296 finali.

(3)  QEK (Qafas Ewropew tal-Kwalifiki – European qualification framework), ECVET (Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali –European credit system for VET), EQAVET (Qafas Ewropew ta’ Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-ETV – European quality assurance reference framework for VET), EUROPASS (ġabra ta’ dokumenti li jappoġġjaw il-mobbiltà ġeografika u tal-impjieg)

(4)  Dokument ta’ riċerka ta’ Cedefop Nru 15, Vocational education and training at higher qualification levels (“L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli għolja ta’ kwalifika”, mhux disponibbli bil-Malti)

(5)  Rapport finali dwar l-identifikazzjoni tal-ħiliet futuri meħtieġa fil-mikrointrapriżi u tal-artiġġjanat sal-2020, FBH (Forschungsinstitute fúr Berufsbildung in Handwerk an der Universität zu Köln), Jannar 2011

(6)  L-analiżi tal-OECD dwar il-proġett Learning for Jobs (iffokat fuq l-ETV), http://www.oecd.org/dataoecd/41/63/43897561.pdf

(7)  Inizjattiva prominenti “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”.

(8)  Opinjoni esploratorja tal-KESE, ĠU C 347/1, 18.12.2010.

(9)  Il-qafas ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-kompetenzi u l-kwalifiki (2002) u l-Ftehim awtonomu dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi (2010).

(10)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE, ĠU C 318/43, 29.10.2011.

(11)  COM (2011) 367 finali, Green Paper – Nimmodernizzaw id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali 22.6.2011.

(12)  http://ec.europa.eu/languages/pdf/business_en.pdf.

(13)  http://ec.europa.eu/languages/pdf/business_en.pdf.

(14)  It-3073 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 7 ta’ Marzu 2011.

(15)  Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 finali, 29.6.2011.

(16)  Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-ETV (European credit system for VET) tgħin tivvalida, tirrikonoxxi u takkumula ħiliet u għarfien relatat max-xogħol.

(17)  Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta’ Krediti (European Credit Transfer System).

(18)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 140.

(19)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 136.

(20)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 90.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċivew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.10

Ibdel kif ġej:

“L-organizzazzjonijiet tan-negozji għandhom jieħdu sehem b'mod attiv fis-sistemi ta’ pariri u konsulenza billi dawn huma l-għoti tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-ETV u s-suq tax-xogħol. Huma għandhom jassistu lil min jgħallem fl-iżvilupp ta’ tagħlim integrat max-xogħol u metodi ġodda.”

Votazzjoni

Favur

:

81

Kontra

:

100

Astensjonijiet

:

20

Punt 1.18

Ibdel kif ġej:

“Il-preferenzi tal-istudenti u l-istennijiet tal-familji tagħhom al-ħtiġijiet ta’ min iħaddem. Fil-ġejjieni, huma jistgħu jużaw il-panorama ta’ ħiliet tal-UE li ġiet żviluppata dan l-aħħar u l-previżjoni tagħha dwar il-provvista ta’ ħiliet u l-ħtiġiijiet tas-suq tax-xogħol.”

Votazzjoni

Favur

:

75

Kontra

:

127

Astensjonijiet

:

18