KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Idoneità Regolatorja tal-UE /* COM/2012/0746 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Idoneità Regolatorja tal-UE 1. Regolamentazzjoni
intelliġenti: Ir-reazzjoni għall-Imperattiv Ekonomiku Il-leġiżlazzjoni tal-UE hi essenzjali
biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat tal-UE u biex tistabbilixxi
l-kondizzjonijiet għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv, li jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini,
in-negozji u l-ħaddiema. Il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet l-oħra
Ewropej u l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà komuni li jilħqu
dawn l-għanijiet. Il-kriżi
ekonomika u finanzjarja żvelat is-siwi f’xi oqsma ta’ nuqqas ta’ azzjoni u
leġiżlazzjoni u eżekuzzjoni fjakki. Din qanqlet sejħa
għal governanza ekonomika u regolamentazzjoni finanzjarja msaħħa
fil-livell tal-UE. Fl-istess waqt, il-kriżi ġibdet l-attenzjoni fuq
l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-isfidi
tal-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-liġijiet li diġà
qegħdin fil-kotba statutorji. L-amministrazzjonijiet nazzjonali, li
diġà qegħdin taħt pressjoni, isibuha diffiċli biex
ilaħħqu mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE. In-negozji u ċ-ċittadini qed
iqajmu tħassib dwar il-kumplessità u l-piż amministrattiv
tal-liġijiet. Il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal aktar sforzi biex
jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali fl-UE u fuq il-livell
nazzjonali. Il-Kummissjoni qiegħda tirrispondi għal
dawn il-preokkupazzjonijiet. Minn meta fasslet inizjattivi ġodda sentejn
ilu[1], hija
kkonsolidat is-sistema tagħha tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-mira ta’ 25%
stabbilita fil-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet
Amministrattivi ntlaħqet u inqabżet. Il-leġiżlazzjoni
ġiet issimplifikata u kkodifikata. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed
jeżaminaw proposti sinjifikanti ta' simplifikazzjoni f'bosta oqsma ta'
politika. Pereżempju, il-Kummissjoni pproponiet aġenda ta’
simplifikazzjoni ambizzjuża li tkopri l-Qafas Mutiannwali Finanzjarju li
jmiss[2].
Il-Kummissjoni ilha tapplika l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb
fiż-Żgħir" u qed tuża s-sett sħiħ
tal-istrumenti regolatorji (minn konsultazzjonijiet u valutazzjoni tal-impatt
imsaħħa għal monitoraġġ ta' implimentazzjoni
speċifika) biex ir-regolament tal-UE jiġi adottat
għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi[3]. Tnedew
evalwazzjonijiet pilota ta’ politika (‘kontrolli tal-idoneità’)[4]. Qed
jiġu riżolti ħafna problemi dwar l-applikazzjoni korretta
tal-leġiżlazzjoni tal-UE mingħajr il-bżonn li wieħed
jirrikorri għal proċeduri formali ta' ksur. Il-pubbliku qed jiġi
kkonsultat sistematikament dwar l-inizjattivi tal-politika. Il-Kummissjoni se tibqa’ għaddejja b’dawn
l-attivitajiet u tinsab determinata li tissodisfa l-għanijiet ta’ politika
bi spiża minima, tikseb il-benefiċċji li tista' ġġib
biss il-leġiżlazzjoni tal-UE u telimina kull piż regolatorju
mhux meħtieġ. Se tkompli ssaħħaħ l-għodod
regolatorji tagħha u tapplikahom sistematikament fil-firxa kollha
tal-attivitajiet regolatorji tagħha. Il-Kummissjoni se żżid
ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha b'kooperazzjoni mill-qrib
mal-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej u l-Istati Membri. Se tikkombina bosta
inizjattivi li għaddejjin bħalissa fi Programm dwar l-Idoneità u
l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (Regulatory Fitness and Performance
Programme (REFIT)) immirat lejn l-eliminazzjoni ta’ kostijiet regolatorji mhux
meħtieġa (jiġifieri piż) u tiżgura li l-korp
tal-leġiżlazzjoni tal-UE jibqa' idoneu. Il-Kummissjoni ma temminx li l-iffissar ta' miri
globali u/jew formuli kwantitattivi għal ġestjoni tal-ġabra
tal-leġiżlazzjoni se jipproduċu r-riżultati mixtieqa. Dan
jirrikjedi approċċ aktar mirqum b'valutazzjoni tal-vantaġġi
u żvantaġġi reali — u jiġi identifikat jekk huma jkunux
relatati direttament mal-leġiżlazzjoni tal-UE jew
mal-implimentazzjoni tal-għażliet magħmula mill-Istati Membri.
Approċċ bħal dan jista' jagħmilha possibbli biex ikun hemm
iffukar aktar preċiż fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż u fuq it-titjib
regolatorju u jkun aktar addattat għall-ispeċifiċitajiet
tat-tfassil tal-politika tal-UE. Fit-tisħiħ tal-approċċ
tagħha għal Regolamentazzjoni Intelliġenti, il-Kummissjoni bniet
fuq kontributi mill-Parlament Ewropew[5],
il-Kumitat tar-Reġjuni[6],
konsultazzjoni pubblika[7],
il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt[8],
ix-xogħol ta' Gruppi ta' Livell Għoli ta' Esperti Regolatorji Nazzjonali
u fuq Piżijiet Amministrattivi, u r-“Rakkomandazzjoni dwar Politika
Regolatorja u Governanza ” tal-2012 tal-OECD[9]. 2. Programm dwar l-Idoneità u
l-Prestazzjoni Regolatorja Is-sitwazzjoni ekonomika attwali titlob li
l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun saħansitra aktar effikaċi u
effiċjenti fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika pubblika: turi valur
miżjud ċar, twassal il-benefiċċji sħaħ bl-anqas
spejjeż filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u
l-proporzjonalità. Ir-riżultat finali għandu jkun qafas regolatorju
sempliċi, ċar, stabbli u prevedibbli għan-negozji,
għall-ħaddiema u ċ-ċittadini. Sabiex toqrob lejn dan l-għan, il-Kummissjoni
se tniedi Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni
(REFIT) li jibni fuq l-esperjenza fl-evalwazzjoni u tnaqqis tal-piż
amministrattiv. REFIT se jidentifika l-piżijiet, l-inkonsistenzi,
il-lakuni u l-miżuri ineffikaċi. Se tingħata attenzjoni
lill-piż regolatorju possibbli relatat ma' kif il-leġiżlazzjoni
tal-UE hija implimentata fuq livell nazzjonali u subnazzjonali[10]. Permezz
ta’ REFIT, il-Kummissjoni se tidentifika, tevalwa, tadotta, u tissorvelja
l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi, li se jirriżultaw fi tnaqqis jew
simplifikazzjoni sinifikanti tal-kost regolatorju. Il-programm REFIT jibni fuq approċċ usa'
lejn politika ta’ evalwazzjoni misjuqa permezz ta’ ‘kontrolli tal-idoneità’
imnedija sa mill-2010[11].
L-esperjenza s’issa turi l-ħtieġa ta’ qafas komuni biex jitwettqu
dawn il-valutazzjonijiet — biex jintwera kif dawn jaqgħu taħt
l-għan globali biex tiġi żgurata regolamentazzjoni
intelliġenti u l-eliminar tal-piżijiet, biex jiġu involuti
l-livelli kollha tal-gvern u biex tiġi ffaċilitata
l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati. Il-proċess REFIT se jibda
b'eżerċizzju ta’ mmappjar biex jidentifika l-oqsma regolatorji u
l-atti leġiżlattivi bl-akbar potenzjal għas-simplifikazzjoni
tar-regoli u t-tnaqqis tal-kost regolatorju għan-negozji u
għaċ-ċittadini mingħajr ma jiġu preġudikati
l-objettivi tal-politika pubblika. Normalment, l-immappjar se jipponta lejn
oqsma fejn hija meħtieġa aktar evalwazzjoni, inkluż
tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Dawn l-evalwazzjonijiet
se jivvalutaw ukoll jekk miri kwantitattivi għat-tnaqqis tal-piżijiet
għandhomx jiġu eżaminati fil-qasam ikkonċernat b’rabta
mar-responsabbiltajiet tal-UE u tal-Istati Membri rispettivament. Fejn
l-immappjar jipprovdi biżżejjed evidenza li turi li tkun
meħtieġa aktar azzjoni immedjata, jiġi mniedi proċess ta'
valutazzjoni tal-impatt għall-proposti. Il-partijiet interessati se jkunu
infurmati matul il-proċess kollu u l-opinjonijiet tagħhom se jkunu
essenzjali għal prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet. Il-programm REFIT se jiġi implimentat b'mod
trasparenti. B’konformità mal-politika "l-ewwel evalwa",
fil-prinċipju, il-Kummissjoni mhix se teżamina proposti f'oqsma
tal-leġiżlazzjoni eżistenti sakemm ma jkunx sar immappjar
regolatorju u xogħol ta’ evalwazzjoni xieraq sussegwenti. L-ippjanar se
jkun pubbliku. L-evalwazzjonijiet REFIT se jkunu pubblikament issenjalati
fil-pjanijiet ta’ evalwazzjoni multiannwali imsaħħa mill-2014 ’il
quddiem. Anness iddedikat fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni se
jelenka l-inizjattivi ppjanati kollha tar-REFIT li jibdew mill-programm ta'
ħidma tal-2014 Se titwaqqaf sistema ta’ rintraċċar (Scoreboard)
biex tevalwa l-progress ta’ proposti permezz tal-istituzzjonijiet tal-UE u
fl-istadju ta' implimentazzjoni. Oqsma possibbli għall-ippjanar
tal-evalwazzjoni REFIT se jiġu wkoll minn attivitajiet li jkunu diġà
għaddejjin jew li huma ppjanati. Dawn jinkludu r-riżultati ta'
konsultazzjoni madwar l-UE kollha tal-SMEs dwar dak li huma jikkunsidraw
bħala l-Aktar Għaxar regolamenti tal-UE li huma ta’ piż u
r-riżultati kontinwi tal-‘kontrolli tal-idoneità’ u xogħol ieħor
ta’ evalwazzjoni regolatorja[12].
Il-programm kontinwu ta’ simplifikazzjoni u x-xogħol fuq it-tnaqqis
tal-piżijiet regolatorji għan-negozji żgħar se jkunu wkoll
immedjatament amalgamati fil-programm il-ġdid. Indikazzjonijiet ulterjuri
se jiġu pprovduti permezz tat-tmiem tal-valutazzjonijiet dwar il-politika
tal-ilma ħelu, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema
fil-qasam soċjali, l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u
l-politika interna tas-suq tal-avjazzjoni u l-leġiżlazzjoni
tal-katina alimentari. L-eżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart,
is-settur tal-bejgħ għall-konsum, is-saħħa u s-sigurtà fuq
il-post tax-xogħol, l-irfinar taż-żejt, l-aluminju u prodotti
industrijali oħra huma wkoll diġà ippjanati. Fl-aħħar nett, REFIT se jinkludi segwitu
għall-Programm għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi (ABR) —
ABR Plus. Il-Programme 2007 kellu l-għan li jnaqqas il-piż fuq
in-negozji li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE b’25 %
sal-2012. Dan kopra madwar 80 % tas-sorsi ewlenin tal-piż
amministrattiv. Il-Kummissjoni marret lil hinn mill-mira billi ppreżentat
proposti sabiex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b'iktar minn 30%,
filwaqt li l-miżuri li kienu daqs 25% ġew adottati
mill-koleġiżlaturi. Ir-riżultati dettaljati tal-Programm ta'
Azzjoni huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja
dan id-dokument[13].
Mhux se jimmaterjalizzaw benefiċċji
sakemm l-ABR ma jkunx implimentat b'suċċess. L-ABR Plus għalhekk
se jiffoka fuq is-segwitu fl-Istati Membri. L-Istati Membri se jintlabu
jirrapportaw sal-31 ta’ Diċembru 2013 dwar kif għandhom jimplimentaw
miżuri ABR. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Piż Amministrattiv
se jkun inkarigat li jassisti u jagħti pariri dwar dan is-segwitu, jqabbel
ir-riżultati stmati mal-estimi tal-bidu u l-iffaċilitar tal-iskambju
tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri. Se jkun inkarigat ukoll li jsegwi
man-negozji u l-Istati Membri, l-implimentazzjoni mill-Istati Membri
tal-miżuri tal-UE li jnaqqsu l-piż amministrattiv bla bżonn
partikolarment għan-negozji żgħar. Għalhekk il-mandat
tal-Grupp ta’ Livell Għoli qed jiġi estiż sa tmiem it-terminu
tal-kariga tal-Kummissjoni preżenti. 3. Għodod ta’
Regolamentazzjoni Intelliġenti: Norqmu l-Prestazzjoni Il-Kummissjoni tuża numru ta' għodod
differenti fil-politika tagħha tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti.
Dawn qegħdin kontinwament jiġu mtejba. 3.1. Valutazzjoni tal-impatt Is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt (IA)
tal-Kummissjoni ġiet iġġudikata bħala tal-ogħla klassi[14] —
tivvaluta b’mod trasparenti l-alternattivi politiki leġiżlattivi u
mhux leġiżlattivi billi tqabbel kemm il-benefiċċji u kif
ukoll il-kostijiet potenzjali f'termini ekonomiċi, soċjali u
ambjentali. Is-sistema hi komprensiva, trasparenti u soġġetta
għal skrutinju indipendenti[15].
L-IAs isiru għall-proposti kollha b’impatti diretti sinifikanti.
Fl-aħħar sentejn, inħarġet gwida operazzjonali biex
jiġu analizzati l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali[16],
il-kompetittività[17]
u fuq il-mikrointrapriżi[18].
Skrutinju indipendenti mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB)[19] itejjeb
il-kwalità tar-rapport u jkun hemm bżonn fil-prinċipju l-opinjoni
pożittiva mill-IAB qabel ma proposta tkun tista' titressaq quddiem
il-Kummissjoni għal deċiżjoni. L-iskrutinju tal-IAB
issaħħaħ permezz ta’ bidliet immirati fil-mandat u r-regoli ta'
proċedura tiegħu[20].
Jekk jistax isir IA jew le, huwa ddikjarat fil-pjanijiet direzzjonali li
huma disponibbli pubblikament[21].
L-IAs kif ukoll l-opinjonijiet tal-BVI huma disponibbli pubblikament.
Mit-twaqqif tal-IAB fl-2006, inħarġu aktar minn 700 opinjoni.
Il-ħolqien ta' Direttorat ġdid għall-Valutazzjoni tal-Impatt
fil-Parlament Ewropew qed iżid fil-livell estern ulterjuri ta’ skrutinju u
kontroll tal-kwalità. Il-biċċa l-kira ta’ dawk li wieġbu
għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati tappoġġja
l-approċċ integrat tal-Kummissjoni. L-aktar suġġerimenti
frekwenti biex tinkiseb kwalità ogħla b'mod aktar konsistenti jinkludu:
sforz akbar biex wieħed jikkwantifika l-impatti, preżentazzjoni aktar
ċara tar-riżultati ewlenin, il-konsultazzjoni dwar l-abbozz
tal-valutazzjonijiet tal-impatt, membri esterni tal-IAB u rekwiżit
vinkolanti għal opinjonijiet pożittivi tal-IAB. L-evidenza u l-istudji eżistenti juru li
l-istruttura attwali qed twassal għal riżultati b’mod
effiċjenti. Skont studju mill-Parlament Ewropew[22],
‘is-sistema tal-UE hija kumparattivament żviluppata sew b’kontrolli u
bilanċi interni u esterni’ u ‘hemm kunsens ġenerali li l-IAB
jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-IAs’. Skont analiżi
tas-CEPS/l-Università ta' Exeter[23]
il-kwantifikazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji hija frekwenti, jew
aktar ta' spiss, milli f’sistemi oħra. Fl-ebda sistema l-opinjoni ta'
korpi ta’ skrutinju indipendenti ma hi vinkolanti fuq dawk li jieħdu
d-deċiżjonijiet politiċi. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li
la l-membri esterni tal-IAB u lanqas l-opinjonijiet vinkolanti tal-IAB ma huma
meħtieġa u li huma ma jkunux kompatibbli mad-dritt proprju ta'
inizjattiva, mar-rwoli istituzzjonali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u
r-responsabbiltà lejn il-pubbliku ġenerali. Rigward l-appelli għall-konsultazzjonijiet
dwar l-abbozzi tar-rapport tal-IA, wieħed għandu jinnota li
l-Kummissjoni diġà titlob li l-partijiet interessati jkunu kkonsultati fuq
l-aspetti ewlenin kollha tal-valutazzjoni tal-impatt u qed jiġi ppjanat
titjib ulteruri f'dawn il-konsultazzjonijiet. Normalment il-konsultazzjoni ssir
fi stadju bikri tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt biex
l-imsieħba interessati jkunu f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l-inkwadrar
tal-problemi u l-għażla tal-opzjonijiet fil-proċess. Jekk
il-konsultazzjoni sseħħ darba biss fuq l-abbozzi tal-IA,
l-alternattivi jkunu diġà ġew identifikati, u jitnaqqas l-ambitu
tas-suġġerimenti bis-sens mill-partijiet interessati. Jekk isiru
żewġ konsultazzjonijiet, iċ-ċiklu ta' politika jkun
terġa' itwal. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-IA li jakkumpanjaw il-proposti
tal-Kummissjoni huma pubbliċi. Dan ifisser li l-partijiet interessati
jistgħu wkoll jagħtu l-opinjonijiet tagħhom matul
il-proċess leġiżlattiv. Madankollu, għad hemm lok biex tkompli
tittejjeb il-kwalità u ċ-ċarezza tar-rapporti tal-IA u jiġu sfruttati
aħjar il-proċessi tal-IA għar-REFIT. Il-Kummissjoni se tkompli
ttejjeb il-valutazzjoni ex ante tal-kostijiet u l-benefiċċji.
Dan se jinkludi wkoll sinteżi standardizzata ta’ żewġ paġni
fir-rapporti tal-IA biex tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni rapida
tar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tal-impatt, inkluż l-istima
tal-kostijiet u l-benefiċċji. Ser tirrevedi u taġġorna
l-linji gwida tal-IA fl-2014 wara konsultazzjoni pubblika. 3.2. Evalwazzjoni L-evalwazzjoni hija parti integrali mill-isforz tal-Kummissjoni
biex timmassimizza l-benefiċċji u timminimizza l-kost tal-politiki
tal-UE, kif diġà kien enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-2010
Regolamentazzjoni Intelliġenti. It-tisħiħ tal-evalwazzjoni ta’
miżuri regolatorji tal-UE imur id f’id ma’ żieda fl-attenzjoni lejn
l-evalwazzjoni tal-programmi finanzjarji. L-Artikolu 318 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-UE (TFUE) introduċa rekwiżit ġdid biex
il-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta'
valutazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati miksuba. Il-Kummissjoni qiegħda ssaħħaħ
is-sistema tagħha ta’ evalwazzjoni u tapplika l-prinċipju tagħha
‘l-ewwel evalwa’. Is-sehem ta' proposti sinifikanti fil-Programm ta’ Ħidma
tal-Kummissjoni appoġġjat minn evalwazzjonijiet disponibbli jew
kontinwi żdied minn 32% għal 44% bejn l-2011 u l-2012. Diversi kwistjonijiet ġew ippreżentati
fi sforz biex wieħed isaħħaħ l-evalwazzjonijiet u
fit-tweġibiet tal-konsultazzjoni pubblika. L-evalwazzjonijiet
tradizzjonalment eżaminaw il-programmi ta' finanzjament individwali jew
atti leġiżlattivi, b’inqas attenzjoni għal-evalwazzjoni ta’
oqsma wiesa' ta’ leġiżlazzjoni u kwistjonijiet ta’ rilevanza
għall-oqmsa kollha. Hemm ukoll il-kwistjoni tal-ipprogrammar b’impatti
kemm tal-programmi u tal-politiki li jkunu jistgħu jitkejlu biss wara
ħafna snin mill-bidu tagħhom. Bil-ħsieb li tittejjeb ir-relevanza politika
u s-sjieda tar-riżultati tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda
teżamina s-sistema ta' evalwazzjoni tagħha u se tistabbilixxi qafas
rivedut għall-politika u l-evalwazzjoni tal-programm fl-2013.
L-approċċ il-ġdid se jeżamina kif ir-riżultati ta’
evalwazzjoni jistgħu jkunu ankrati aħjar fiċ-ċiklu
tal-iżvilupp ta’ politika. Il-proċess tal-evalwazzjoni jista’
jiġi mfassal flimkien mal-politika nnifisha b'monitoraġġ u
rrappurtar aħjar. Hemm lok għal iktar trasparenza fl-ippjanar u
involviment akbar tal-partijiet interessati. Tista’ tiġi kkunsidrata
eżami ta’ tmiem il-kariga tal-Kummissjoni bbażata fuq
ir-riżultati tal-evalwazzjoni. Il-linji gwida tal-evalwazzjoni, inkluża
gwida dwar l-evalwazzjonijiet skont ir-REFIT, se jiġu riveduti wara
konsultazzjoni pubblika. Fl-aħħar, minħabba l-importanza
tal-implimentazzjoni għal effikaċja u effiċjenza regolatorja,
l-approċċ il-ġdid se jniedi wkoll fuq bażi pilota
evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri interessati. Il-Grupp ta’
Livell Għoli ta' Esperti Regolatorji Nazzjonali se jkun
imħeġġeġ biex jagħti parir dwar dan
l-approċċ pilota u dwar il-mezzi ta' involviment tal-Istati Membri.
Il-mandat tal-Grupp ta’ Livell Għoli qed jiġi estiż sa tmiem
it-terminu tal-kariga tal-Kummissjoni preżenti sabiex jipprovdi pariri u
skambju tal-aħjar prassi dwar l-attivitajiet tar-Regolamentazzjoni
Intelliġenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed teżamina
kif tista’ tfassal mill-ġdid u ttejjeb ir-rapport tal-Artikolu 318
tat-TFUE. Hemm bżonn metodu affidabbli ta’ rrappurtar annwali fuq
ir-riżultati miksuba li jislet mill-oqfsa ta’ valutazzjoni skont l-Oqfsa
Finanzjarji Pluriennali attwali u dawk futuri u minn dejta ta’
monitoraġġ mill-istrumenti ta' rrappurtar annwali tal-Kummissjoni[24]. 3.3. Konsultazzjoni
maċ-ċittadini u l-partijiet interessati Li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati
jingħataw widen hu fundamentali għal regolamentazzjoni
intelliġenti fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ politika.
Il-Kummissjoni għandha varjetà ta’ mezzi stipulati fit-Trattati u
dokumenti ta' politika biex tinteraġixxi ma' partijiet interessati[25].
Ġabra wiesgħa ta' għodod — minn pjanijiet direzzjonali sa
konsultazzjonijiet pubbliċi immirati – huma disponibbli
għall-Kummissjoni biex tiddjaloga mal-partijiet interessati f'diversi
stadji. Mill-bidu tal-2012, il-Kummissjoni
saħħet il-vuċi ta’ partijiet interessati billi estendiet
il-perjodu minimu għall-konsultazzjoni pubblika minn tmien
ġimgħat għal tnax-il ġimgħa[26]. Ukoll,
l-SMEs u l-mikrokumpaniji diġà semmgħu leħinhom direttament dwar
il-problemi u t-tħassib tagħhom f’konferenzi ddedikati organizzati
fl-Istati Membri. Ġie iffinalizzat eżami ta’ politika ta’
konsultazzjoni u r-riżultati tagħha qed jiġu ppreżentati
fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li qed jakkumpanja dan id-dokument[27]. Il-Kummissjoni tikkonsulta b’mod wiesa’,
tirrispetta l-prinċipji tal-ftuħ u t-trasparenza u ssegwi l-istandards
minimi li b’mod ġenerali huma rrikonoxxuti bħala xierqa, tirrispondi
għall-aħjar prattika internazzjonali u normalment huma rrispettati.
Matul l-aħħar tliet snin, intalbu l-fehmiet tal-partijiet interessati
permezz ta' iktar minn 300 konsultazzjoni miftuħa ppubblikati fuq is-sit
tal-internet ‘Il-vuċi tiegħek fl-Ewropa’. Ir-rapporti kollha
tal-valutazzjoni tal-impatt li tlestew matul l-istess perjodu kienu
jistrieħu fuq konsultazzjonijiet estensivi, miftuħa u mmirati. F'disgħa
minn għaxar konsultazzjonijiet miftuħa, il-perjodu minimu ġie
rispettat. L-eżami kkonferma l-validità tal-politika u
l-għodod ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll il-progress
fl-implimentazzjoni miksuba matul is-snin. Madankollu, l-eżami u
l-opinjonijiet tal-partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni lejn oqsma
fejn jista’ jsir aktar titjib fl-implimentazzjoni. Il-konsultazzjonijiet mhux
dejjem isaqsu l-mistoqsijiet adatti fil-ħin opportun u xi drabi jonqsu
milli jilħqu dawk li huma direttament affettwati li ma jistgħux dejjem
jiġu indirizzati fil-lingwi nattivi tagħhom. Id-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal li qed jakkumpanja dan id-dokument jagħti
d-dettalji tal-miżuri ppjanati biex jiġu indirizzati dawn
il-kwistjonijiet. Il-Kummissjoni se testendi l-medda ta'
konsultazzjonijiet billi tippubblika kalendarju kontinwu ta' konsultazzjonijiet
ppjanati fuq is-sit tal-internet "Il-Vuċi Tiegħek
fl-Ewropa", biex timmobilizza aħjar il-kanali ta' komunikazzjoni
tal-Istati Membri, billi tesplora l-użu ta' għodod innovattivi ta'
konsultazzjoni, billi ttejjeb il-kwalità tar-rispons u billi teżamina jekk
id-dokumenti ta' konsultazzjoni u tat-taqsiriet jistgħux ikunu tradotti
b’mod aktar wiesa' fil-limiti baġitarji eżistenti. Se
taġġorna u tiċċara wkoll l-istandards minimi billi tinkludi
kriterji operazzjonali aktar ċari. Fl-aħħar, biex trawwem
kwalità mtejba, se jissaħħaħ il-kontroll intern u
l-mekkaniżmi ta’ appoġġ (bħal linji gwida u libreriji
tal-aħjar prattika). Flimkien, dawn il-miżuri se jippermettu
konsultazzjonijiet pubbliċi biex jiġu appoġġjati aħjar
il-fażijiet kollha tal-proċessi tal-evalwazzjoni, tal-valutazzjoni
tal-impatt u tat-teħid ta' deċiżjonijiet. 4. Governanza
tar-Regolamentazzjoni intelliġenti: It-titjib tal-Implimentazzjoni Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tistax taqdi
l-iskop tagħha jekk ma tkux implimentata u eżegwita b'mod
effikaċi. Perspettiva ta’ implimentazzjoni hija essenzjali fil-punti
kollha fiċ-ċiklu tal-politika. Barra minn hekk, il-progress
fl-implimentazzjoni se jkun fattur ewlieni fl-evalwazzjoni tal-idoneità regolatorja. 4.1. Titjib tal-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE L-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà
primarja għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Il-Kummissjoni tappoġġjahom permezz ta' varjetà ta' miżuri:
pjanijiet ta’ implimentazzjoni li jidentifikaw l-isfidi prinċipali
tal-implimentazzjoni u jissuġġerixxu miżuri ta'
appoġġ, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi
bħall-EU Pilot[28]
u skambji tal-aħjar prassi (pereżempju r-Rapport tal-aħjar
prassi tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Piżijiet Amministrattivi)[29]. Ittejbu
wkoll id-djalogu interistituzzjonali u t-trasparenza[30]. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-progress
fl-implimentazzjoni ta' oqsma ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u
tiffoka fuq oqsma prijoritarji identifikati tas-suq uniku[31]. Se
tieħu approċċ aktar sistematiku u approċċ ibbażat
fuq ir-riskju għall-valutazzjoni tal-konformità li se
ssaħħaħ il-verifika tal-konformità u tipprovdi kontribut
prezzjuż għall-evalwazzjoni ex post. Il-Kummissjoni se
tħejji wkoll pjanijiet ta’ implimentazzjoni għal Direttivi fuq
bażi iktar sistematika u tapplika l-użu ta’ dati ta’ bidu komuni
għar-regolamenti tal-UE u deċiżjonijiet li jaffettwaw in-negozju
aktar fil-wisa'. Fl-aħħar, il-Kummissjoni se tagħmel l-almu
kollu tagħha biex tiżgura li jiġi pprovdut ħin xieraq bejn
id-data tal-adozzjoni u dak tat-traspożizzjoni. 4.2. Leġiżlazzjoni li
tkun iktar ċara u iktar aċċessibbli Il-ġestjoni tal-kwalità
tal-leġiżlazzjoni tfisser ukoll li jkun żgurat li tkun
ċara, aċċessibbli u faċli biex wieħed jikkonforma
magħha kemm jista' jkun. Se jkomplu l-isforzi kontinwi għal dan
l-għan. Dawn jinkludu s-simplifikazzjoni,
il-kodifikazzjoni, ir-riformulzzjoni u l-konsolidazzjoni ta' testi legali kif
ukoll tnaqqis tal-volum tal-leġiżlazzjoni billi jitħassru
d-dispożizzjonijiet li m'għadhomx jintużaw. Sa mill-2005, il-Kummissjoni approvat 640
inizjattiva mmirati lejn is-simplifikazzjoni, il-kodifikar jew tfassil
mill-ġdid. Aktar minn 4 450 att legali
ġew revokati, li minnhom 1750 bħala riżultat ta’ kodifikazzjoni
u riformulazzjoni. Ir-regolamenti u
d-direttivi emendati kollha kif ukoll għażla ta’
deċiżjonijiet ġew ikkonsolidati fil-lingwi kollha tradotti
oriġinarjament u huma disponibbli permezz tas-sit tal-internet tal-EUR-LEX L-aċċess elettroniku għall-korp
sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE qed tiġi mtejba wkoll: il-portal il-ġdid e-Justice tnieda fl-2011 u
l-Portal Komuni l-ġdid tal-EUR-LEX se jsir operattiv onlajn fl-2013.
Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet li tagħti effett ġuridiku
lill-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali[32]. Fl-aħħar, il-Kummissjoni se tkompli
bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-abbozzar biex jigu
żgurati testi aktar konċiżi u aktar faċli biex jinqaraw. Dawn il-miżuri se jappoġġjaw
l-evalwazzjoni integrata ta’ oqsma ta’politika, jiffaċilitaw
konsultazzjoni pubblika u jgħinu lill-amministrazzjonijiet nazzjonali
fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni. 5. Regolamentazzjoni
intelliġenti: missjoni kondiviża 5.1. Il-Parlament Ewropew,
il-Kunsill u l-entitajiet konsultattivi Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010,
il-Kummissjoni stiednet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħmlu
użu aħjar tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-proċessi
tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom u biex janalizzaw l-impatti
meta jiddiskutu kwalunkwe emendi sostantivi skont l-impenji tagħhom skont
il-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet. Il-Kummissjoni tinnota li sa issa sar biss
progress limitat fir-rigward tal-analiżi tal-impatti ta’ emendi
sostanzjali. Madankollu, il-Kummisjoni hi sodisfatta
bl-istabbiliment ta' direttorat ġdid għall-Valutazzjoni tal-Impatt
fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tappoġġja l-prattika tajba ta’
uħud mill-Kumitati li jrendu l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
l-punt ta’ tluq għal ħidma ta’ analiżi ulterjuri mill-Parlament
Ewropew. Dan għandu jiżgura komparabbiltà mal-approċċ
tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni stess biex jiġi evitat
duplikazzjoni tal-isforzi. Il-Kunsill ma stabbilixxiex uffiċċju ta’
valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tista’ tuża aktar
il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-proċessi tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, pereżempju billi tikkunsidra
bis-sħiħ il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni meta jibda
x-xogħol fuq il-proposti li jakkumpanjaw. Il-Kummissjoni se tkompli twieġeb b’mod
kostruttiv għal talbiet biex tespandi fuq l-aspetti tal-valutazzjonijiet
tal-impatt u/jew biex taqsam l-informazzjoni u l-metodoloġija tagħha
fuq bażi ta' każ b'każ. Hija tistieden liż-żewġ
Istituzzjonijiet biex jiffokaw fuq it-twettiq, sabiex proporzjon aktar
sinifikanti tal-emendi li jagħmlu jkunu bbenefikaw direttament
mill-analiżi tal-impatt ibbażat fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni hi sodisfatta wkoll
bl-appoġġ u l-approvazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ ħidmietha
biex tnaqqas u timminimizza l-piż amministrattiv u regolatorju u
tistedinhom biex jappoġġjaw il-proposti ta’ simplifikazzjoni li qed
jiġu diskussi u japprovaw u jappoġġjaw il-programm REFIT. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni hi
sodisfatta bl-appoġġ tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u
tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-pjattaformi u n-netwerks tagħhom
jistgħu jkunu għajn importanti ta’ informazzjoni fit-tħejjija
tal-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt. 5.2. L-Istati Membri Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati
Membri hija kruċjali jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE trid
tissodisfa l-benefiċċji kollha tagħha b'kost minimu
għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi.
Is-saħħa tal-kapaċità amministrattiva nazzjonali u l-kwalità
regolatorja nazzjonali għandhom impatt dirett fuq jekk l-għanijiet
tal-politika pubblika tal-UE jistgħux jintlaħqu fil-prattika.
Il-kontributi tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet
huma ta’ importanza kritika fit-tfassil u l-evalwazzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Fit-traspożizzjoni u
l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-regoli li
jirregolaw l-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE, l-Istati Membri
huma responsabbli li jiżguraw li l-qafas regolatorju tagħhom huwa
ċar u–aċċessibbli. Il-Parlamenti Nazzjonali għandhom rwol
ewlieni li jikkontrollaw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun applikat
b’mod korrett. Il-Kummissjoni tħeġġeġ
lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jipparteċipaw b’mod iktar attiv
fil-konsultazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet pubbliċi tagħha,
inkluż billi jiġu mobilizzati n-netwerks dedikati nazzjonali
tagħhom, sabiex itejbu l-bażi ta’ evidenza għat-tfassil
tal-politika. Tenfasizza li, f'dan il-kuntest, rispons kmieni mill-Istati
Membri huwa fundamentali għal analiżi robusta tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-valutazzjoni
tal-impatt nazzjonali tista’ tkun utli biex tgħin id-diskussjonijiet
fil-Kunsill fuq it-tibdiliet tal-proposti tiegħu u biex tgħin
lill-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' traspożizzjoni u eżekuzzjoni. Il-Kummissjoni tistieden l-Istati Membri biex
jiżguraw it-twettiq effettiv fil-livell nazzjonali ta’ inizjattivi li
għaddejjin bħalissa biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, u biex
iqisu r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Frar 2012 dwar l-aħjar
prattiki, biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bl-eħfef mod
u biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-iskambju ta' informazzjoni fuq metodi
effiċjenti tal-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-UE[33].
Tistedinhom ukoll biex jieħdu vantaġġ sħiħ
tal-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni offruti permezz
tal-leġiżlazzjoni tal-UE u biex ikunu żgurati
ċ-ċarezza u l-aċċessibbiltà tar-regoli nazzjonali li
jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza
l-importanza ta' amministrazzjoni pubblika effiċjenti għal
transpożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni f’waqthom
tal-leġiżlazzjoni tal-UE. 6. Konklużjonijiet Biex tiggarantixxi l-kwalità regolatorja tal-UE,
il-leġiżlazzjoni tal-UE u r-regoli nazzjonali li jimplimentawha, trid
tkun mmaniġġjata b'mod li tkompli tilħaq l-objettivi tagħha
ta' politika pubblika b'mod effiċjenti. L-oqfsa regolatorji jridu jkunu
idonei u jibqgħu hekk anki meta jiżvolġu l-problemi,
jitfaċċaw soluzzjonijiet ġodda u jinbidlu l-prijoritajiet
politiċi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tidentifika
l-ispejjeż bla bżonn u oqsma għat-titjib fl-effikaċja
bħala parti integrali u permanenti fit-tfassil tal-politika tagħha u
tal-ipprogrammar fil-firxa kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE. [1] COM(2010) 543
‘Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-UE’. [2] Ara
COM(2011)500 ‘Baġit għall-Ewropa 2020’, Regolament (EU, Euratom) Nru
966/2012 u COM(2012) 42 ‘Aġenda ta' Simplifikazzjoni għall-QFM
2014-2020’. [3] COM (2011) 803 "L-imminimizzar tat-tagħbija
regolatorja għall-SMEs” - Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni se
tippreżenta l-ewwel rapport ta' progress u valutazzjoni li jiffukaw b’mod
partikolari fuq il-prijoritajiet identifikati min-negozji żgħar
fil-konferenzi li jkunu saru fi Stati Membri u f'konsultazzjonijiet madwar l-UE
kollha sa tmiem l-2012. [4] http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/evaluation/docs/fitness_check_en.pdf. [5] Rapport dwar it-18-il rapport dwar
leġiżlazzjoni aħjar u rapport dwar it-28 rapport annwali dwar
il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
tal-UE. [6] Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar
“Regolamentazzjoni Intelliġenti” 2012/C 9/04. [7] http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/smart_regulation/consultation_2012/docs/consultation_mt.pdf. [8] SEC(2012) 101 ‘Rapport tal-Bord
tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-2011’. [9] http://www.oecd.org/gov/regulatorypolicy/49990817.pdf. [10] Hu stmat li l-piż amministrattiv miżjud matul
l-implimentazzjoni tal-leġizlazjzoni tal-UE fuq livell nazzjonali jkun ta'
madwar terz tat-total. [11] Dwar il-politika tal-UE dwar l-ilma ħelu fil-qasam
tal-ambjent, dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema
fil-qasam soċjali, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur, fuq
il-leġiżlazzjoni tal-katina alimentari u fuq il-politika interna
tas-suq tal-avjazzjoni. [12] Notevolment ir-riżultati diġà disponibbli
għall-kostruzzjoni, in-negozju u sservizzi turistiċi. [13] SWD(2012) 422 ‘Reviżjoni tal-Politika ta’
Konsultazzjoni tal-Kummissjoni’. [14] OECD 2011 ‘Sostenibbiltà fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt —
Reviżjoni ta' Sistemi ta’ Valutazzjonijiet tal-Impatt f'għadd ta'
pajjiżi tal-OECD u l-Kummissjoni Ewropea ”, il-Parlament Ewropew 2011,
"Studju komparattiv dwar l-għan, l-ambitu u l-proċeduri ta'
valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa fl-Istati Membri tal-UE ”,
CEPS/l-Università ta' Exeter 2012, “Il-Kwalità Regolatorja fil-Kummissjoni
Ewropea u r-Renju Unit: Mistoqsijiet qodma u sejbiet ġodda”. [15] Ir-rapport
tal-Qorti Ewrpopea tal-Awdituri N° 3/2010 “Valutazzjoni tal-Impatt
fl-Istituzzjonijiet tal-EU: dawn jappoġġjaw it-teħid
tad-deċiżjonijiet?”. [16] http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/sec_2011_0567_en.pdf. [17] http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/sec_2012_0091_en.pdf. [18] http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/meg_guidelines.pdf. [19] http://ec.europa.eu/governance/impact/iab/iab_en.htm. [20] http://ec.europa.eu/governance/impact/iab/members_en.htm. [21] http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/planned_ia_en.htm. [22] Ara n-nota ta’ qiegħ
il-paġna 14. [23] Ara CEPS/l-Università ta’ Exeter 2012
fin-nota 14. [24] Jiġifieri: l-Ippjanar Strateġiku tal-Kummissjoni
u fiċ-Ċiklu tal-Ipprogrammar — Ir-rapporti tal-Attività Annwali,
Dikjarazzjoni Annwali tal-Baġit, eċċ. [25] Ara SWD(2012) 422.. [26] http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/12/1&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en . [27] SWD(2012) 423 “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis
tat-Tagħbija Amministrattiva tal-UE – Rapport Finali”. [28] http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/application_monitoring_en.htm. [29] http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/best_practice_report/docs/bp_report_signature_en.pdf. [30] Ara ĠU L304/47 u ĠU
C369/14. [31] Ara COM (2012) 259 “Governanza
aħjar tas-suq uniku”. [32] COM(2011)
162 “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar pubblikazzjoni elettronika
ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”. [33] http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/best_practice_report/best_practice_report_en.htm