RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens għal ħsara finanzjarja mġarrba minn postijiet ta’ rifuġju meta jakkomodaw bastiment fil-bżonn ta’ assistenza /* COM/2012/0715 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens
għal ħsara finanzjarja mġarrba minn postijiet ta’ rifuġju meta jakkomodaw
bastiment fil-bżonn ta’ assistenza (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. DAĦLA Fl-2005, il-Kummissjoni ddeċidiet tippreżenta
modifika fil-qafas legali dwar ir-riċeviment ta' bastimenti li għandhom bżonn
l-assistenza lill-postijiet ta' rifuġju kif kien stabbilit inizjalment permezz
tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li
tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku
tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva
tal-Kunsill 93/75/KEE. Il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta’
obbligu ta’ riċeviment tal-bastimenti li jeħtieġu assistenza jekk, wara
valutazzjoni, din tidher li tkun l-aħjar azzjoni li għandha tittieħed fid-dawl
tal-protezzjoni ambjentali u tas-sikurezza tal-bniedem. Billi tikkunsidra t-tħassib speċifiku dwar
l-ispejjeż li l-portijiet ikollhom iġorru meta jipprovdu rifuġju
lill-bastimenti li jeħtieġu assistenza, l-Artikolu 20d fit-test emendat
tad-Direttiva 2002/59/KE jesiġi li l-Kummissjoni teżamina l-mekkaniżmi
eżistenti fl-Istati Membri għall-kumpens ta’ telf ekonomiku potenzjali mġarrab
minn postijiet ta’ rifuġju meta jakkomodaw bastiment, u tirrapporta r-riżultati
ta’ din l-eżami lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill[1]. Qabel l-emenda tagħha fl-2009,
id-Direttiva 2002/59/KE, speċifikament l-Artikolu 26(2) tagħha,
stabbilixxa obbligu biex il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni
mill-Istati Membri ta’ pjanijiet xierqa għall-postijiet ta’ rifuġju .
Il-Kummissjoni kienet talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA
– European Maritime Safety Agency) biex tipproduċi wkoll informazzjoni rilevanti
dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens applikabbli fil-każ ta’ riċeviment ta’
bastiment f’post ta’ rifuġju. Id-dejta miġbura minn EMSA ffurmat il-bażi
għar-rapport tal-Kummissjoni fl-2005 u pprovdiet input addizzjonali waqt
id-diskussjonijiet interistituzzjonali għat-tielet pakkett dwar is-sikurezza
marittima, b’mod partikolari għad-Direttiva 2009/17/KE. Wara l-adozzjoni
tad-Direttiva msemmija l-aħħar, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni
addizzjonali, aġġornata, mingħand EMSA, li kienet tiffoka prinċipalment fuq
l-istrumenti internazzjonali applikabbli u l-qafas rinfurzat tal-liġi tal-UE
dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens għad-danni f'postijiet ta' rifuġju. B’mod
aktar preċiż, il-Kummissjoni nnominat konsulent estern biex jiżvolġi studju
dwar il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà u ta’ kumpens disponibbli bil-liġi
nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE. Huwa abbażi ta’ dan l-input li rċeviet
il-Kummissjoni li l-ħtieġa, għal mekkaniżmu addizzjonali dwar ir-responsabbiltà
u l-kumpens għad-danni mġarrba minn post ta' rifuġju wara r-riċeviment ta'
bastiment li jkollu bżonn assistenza, qed tiġi vvalutata f’dan ir-rapport.
Il-kwistjoni tal-assigurazzjoni tal-bastimenti wkoll qed tiġi kkunsidrata f’dan
il-kuntest, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ riċentement tad-Direttiva 2009/20/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri
għal pretensjonijiet marittimi, u l-aħħar emendi għal-limiti tar-responsabbiltà
skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għal Limitazzjoni tar-Responsabbiltà għal
Pretensjonijiet Marittimi (LLMC Convetion 1976 - International Convention for
Limitation of Liability in Maritime Claims), kif emendata bil-Protokoll
tal-1996 fil-livell internazzjonali[2]. 2. QAFAS INTERNAZZJONALI Skont il-liġi internazzjonali pubblika ma hemm
l-ebda obbligu speċifiku biex jiġi akkomodat bastiment li għandu bżonn
assistenza f'post ta' rifuġju. Madankollu, hemm serje ta’ dispożizzjonijiet
legali li jirregolaw it-trasport marittimu u r-responsabbiltajiet li
jirriżultaw minn aċċidenti marittimi, inkluż it-tniggis mill-bastimenti u,
b’mod iktar speċifiku, il-pagament ta’ kumpens lill-partijiet affettwati. Dawn
jinkludu, b’mod espliċitu f’ċerti strumenti, postijiet ta’ rifuġju u d-danni
kkawżati minn vapuri fil-periklu u li jkunu ġew akkomodati hemmhekk, kif turi
l-analiżi li ġejja. 2.1. UNCLOS Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi
tal-Baħar ftit għandha relevanza f’dan il-każ, iżda fiha xi dispożizzjonijiet
ġenerali dwar l-attribut tar-responsabbiltà għal miżuri illegali li jittieħdu
b’reazzjoni għall-inċidenti ta' tniġġis marittimu u l-kumpens f‘każijiet ta'
tniggis marittimu, li jistgħu japplikaw ukoll għal postijiet ta' rifuġju[3]. 2.2. Konvenzjonijiet
Internazzjonali Speċjalizzati Konvenzjonijiet speċjalizzati jistabbilixxu reġimi
stretti ta’ responsabbiltà skont il-liġi internazzjonali, b’limitazzjonijiet
speċifiċi, li jkopru tipi differenti ta’ tniggis tal-baħar. 2.2.1. Is-sistema CLC - IOPC Ir-reġim tar-responsabbiltà l-iktar żviluppat ġie
stabbilit permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1992 dwar
ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara Kkawżata mit-Tniggis taż-Żejt (CLC 1992 -
International Convention on Civil Liability for Oil Pollution Damage),
issupplimentata bil-Konvenzjoni tal-1992 li toħloq il-Fond Internazzjonali
għat-Tniggis taż-Żejt (IOPC Fund - International Oil Pollution Fund) u
l-Protokoll tal-2003 li joħloq Fond Supplimentari bl-istess għan. 27 Stat
huma parti għal dawn l-istrumenti kollha, inklużi 19-il Stat Membru tal-UE. Kamp ta' Applikazzjoni: Is-sistema CLC-IOPC tkopri ħsara kkawżata minn
tniggis li jirriżulta minn telf jew rimi fil-baħar ta’ idrokarburi ttrasportati
minn bastiment. Ħsara bħal din tista’ tirriżulta wkoll minn miżuri ta’
prekawzjoni li jittieħdu biex jiġi evitat it-tniggis. Minkejja n-nuqqas ta’
eżempju ta’ dan it-tip ta' ħsara, ir-riċeviment ta' bastiment f'post ta'
rifuġju jista' jiġi kkunsidrat bħala miżura ta’ prekawzjoni meta tkun ibbażata
fuq deċiżjoni raġonevoli li tfittex li tindirizza riskju ta’ tniggis serju u
imminenti. F’dak il-każ, ma jkunx hemm ħtieġa għal mekkaniżmi addizzjonali ta’
kumpens, sakemm id-deċiżjoni biex jiġi akkomodat bastiment ma tkunx ittieħdet
sabiex jissalva l-bastiment innifsu jew il-merkanzija tiegħu, u dan – fi
kwalunkwe każ – ikun każ diffiċli biex jiġi diżassoċjat minn riskju ta’
tniggis. Il-kunċett tal-ħsara pagabbli huwa ġenerali ħafna f’din is-sistema, u
jkopri ħsarat għal oġġetti, telf ta’ introjtu minħabba t-tniggis, danni
ambjentali, u telf purament ekonomiku (li jirriżulta mill-impossibbiltà li
s-sidien tal-oġġetti mhux imniġġsa jiksbu l-introjtu normali mill-oġġetti
tagħhom). L-unika limitazzjoni applikabbli għat-tip ta’ ħsara tal-aħħar għandha
x’taqsam man-nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn it-telf ekonomiku u
t-tniggis. Responsabbiltà ta’ sid il-bastiment: Skont is-CLC 1992, ir-responsabbiltà stretta
tapplika għas-sid tal-bastiment, li huwa kopert minn assigurazzjoni
obbligatorja skont id-dispożizzjonijiet tal-LLMC. Sid il-bastiment ma jistax
jiġi eżonorat mir-responsabbiltà, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ ħsara li tirriżulta
minn att ta’ gwerra, diżastru naturali fil-forma ta’ force majeure, att
ta’ parti terza kommess bl-intenzjoni li tikkawża ħsara speċifika, jew fil-każ
li l-ħsara ġiet ikkawżata esklussivament minħabba negliġenza tal-awtorità
kompetenti responsabbli milli tipprovdi l-assistenza tan-navigazzjoni
lill-bastiment matul l-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni. Fil-kuntest
tar-riċeviment ta’ bastiment f’post ta’ rifuġju, id-deċiżjoni li l-bastiment
jintlaqa’ tista’ tagħti lok (eż. jekk tkun mingħajr raġuni jew għaliex tkun
ibbażata fuq valutazzjoni skorretta tal-fatti) għar-responsabbiltà tat-tort
min-naħa tal-awtorità kompetenti li qed tieħu d-deċiżjoni jew tan-negliġenza
tal-vittma (jiġifieri l-post ta’ reifuġju); għalhekk, tipprekludi
r-responsabbiltà għal kumpens tas-sid tal-bastiment, parzjalment jew
kompletament. Kopertura addizzjonali tar-responsabbiltà: Għad-danni li jmorru lil hinn mil-limiti tas-CLC,
jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà jew ta’ inadempjenza tas-sid
tal-bastiment, il-Fond IOPC u l-Fond Supplimentari se jikkumpensaw lill-vittmi.
Skont dawn ir-reġimi l-eżenzjonijiet tar-responsabbiltà huma iktar stretti u
japplikaw biss għal ċirkostanzi ta’ tniggis li jirriżulta minn att ta’ gwerra,
minn bastiment tal-gwerra, jew minn bastiment operat minn Stat għal skopijiet
mhux kummerċjali, jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ prova ta’ kawżalità bejn
il-bastiment u l-ħsara mġarrba, jew bejn il-ħsara u l-att intenzjonat jew
in-negliġenza tal-vittma. Il-kumpens pagabbli minn dawn il-fondi jista’ jilħaq
limitu kumulattiv ta’ madwar EUR 1,1 biljun[4] għall-ħsarat kollha.
Bl-eċċezzjoni tal-każ tal-aċċident ta' Prestige, li seħħ meta t-tieni fond
addizzjonali kien għadu ma ġiex stabbilit, ma hemmx eżempji fejn il-kumpens
pagabbli bil-mekkaniżmu CLC-IOPC ma kienx suffiċjenti biex ikopri l-ħsara.
Iktar u iktar, ladarba l-ħsara għal postijiet ta’ rifuġju hija relattivament
żgħira fl-iskala tat-tniggis permezz tal-idrokarburi, il-kopertura tal-kumpens
ipprovdut minn fondi f’dawn il-każijiet tidher li hija suffiċjenti. 2.2.2. Il-Konvenzjoni HNS Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1996 dwar
ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Rabta mal-Ġarr bil-Baħar ta'
Sustanzi Perikolużi u Noċivi (il-Konvenzjoni HNS - Hazardous and Noxious
Substances) tkopri l-ħsara kkawżata minn sustanzi perikolużi u noċivi li jiġu
ttrasportati bil-baħar, apparti mill-idrokarburi. Din il-Konvenzjoni ġiet
emendata permezz ta’ Protokoll fl-2010, li huwa kkunsidrat li neħħa l-ostakli
għar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni u witta t-triq għad-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Konvenzjoni HNS, ibbażata fuq is-sistema
CLC-IOPC tistabbilixxi wkoll żewġ livelli ta’ kumpens għall-vittmi: (a) Fuq l-ewwel livell, il-kumpens jiddependi fuq
ir-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment, li hija awtomatika u għandha limitu
ta’ madwar EUR 137 miljun[5]
li huma koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja li tittieħed mis-sid
tal-bastiment reġistrat. (b) Jekk tal-aħħar ma jkunx responsabbli
(jiġifieri l-Artikolu 7(2)) jew ikun f’inadempjenza jew fil-każ li limitu
tar-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment jinqabeż, fond speċjali jkopri
l-kumpens sa limitu ta' madwar EUR 300 miljun[6]. Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni
mill-Grupp Internazzjonali tal-Protezzjoni u l-Klabs tal-Indennizz (Protection
and Indemnity Clubs - P&I Clubs), ma kienx hemm każijiet ta’ tniggis minn
sustanzi perikolużi u noċivi fejn l-ammont ta’ ħsara kien iktar mil-limitu
definit fil-Konvenzjoni. 2.2.3. Il-Konvenzjoni tal-Karburant
tal-Bastimenti Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar
ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara Kkawżata mit-Tniggis tal-Karburant
tal-Bastimenti (il-Konvenzjoni tal-Karburant tal-Bastimenti) daħlet fis-seħħ
fl-2008 u ġiet ratifikata minn 22 Stat Membru tal-UE. Din il-Konvenzjoni
tistabbilixxi reġim ta’ responsabbiltà għall-ħsara kkawżata mil-karburant
tal-bastimenti, li tinkludi kemm il-ħsara li tirriżulta minn tniggis u
degradazzjoni tal-ambjent, kif ukoll l-ispejjeż ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u
telf jew ħsara addizzjonali kkawżati minn miżuri ta’ prevenzjoni. Ir-responsabbiltà għall-kumpens hija esklussivament
f’idejn sid il-bastiment (definit bħala lato sensu fil-Konvenzjoni),
hija awtomatika – bl-istess eċċezzjonijiet applikabbli bħas-sistema CLC-IOPC, u
hija ggarantita minn kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja għall-bastimenti
ta' iktar minn 1000 tunnellata. Madankollu, ir-responsabbiltà hija
limitata wkoll mil-limiti stabbiliti fil-Konvenzjoni LLMC. Bħala prinċipju,
dawn il-limiti għandhom ikopru kwalunkwe pretensjoni għal kumpens għall-ħsara
li tirriżulta mill-operazzjonijiet ta’ bastimenti, ukoll minħabba l-istatistika
kurrenti tal-aċċidenti, li turi li l-ħsara mit-tniggis fejn il-limiti tal-LLMC
taw prova li ma kinux suffiċjenti kienu relattivament rari. 2.2.4. Il-Konvenzjoni dwar
it-Tneħħija tan-Nawfragi Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Najrobi dwar
it-Tneħħija tan-Nawfragi ġiet adottata fl-2007 u s’issa għadha ma daħlitx
fis-seħħ, billi ġiet irratifikata minn Stat Membru wieħed (1) biss tal-UE . Din
tal-aħħar tippreskrivi b’mod speċifiku l-possibbiltà biex l-Istati kostali
jipproċedu bit-tneħħija ta’ nawfragu, li jkun jinsab f’post ta’ rifuġju, bi
spiża għas-sid tal-bastiment li suppost ikollu assigurazzjoni li tkopri l-ħsara
rilevanti, fi ħdan il-limiti stabbiliti bil-Konvenzjoni LLMC. Ta’ min wieħed jinnota li Stati li huma parti għall-Konvenzjoni
dwar it-Tneħħija ta’ Nawfragi jistgħu, fuq il-bażi ta’ notifika speċjali
lis-Segretarju Ġenerali tal-OMI maħruġa skont l-Artikolu 3.2
tal-Konvenzjoni, jeskludu l-applikazzjoni tal-limiti tar-responsabbiltà tas-sid
tal-bastiment previsti fil-Konvenzjoni LLMC għall-ispejjeż tat-tneħħija ta’
nawfragu fit-territorju tagħhom. Bosta Stati għamlu użu minn din
id-dispożizzjoni biex joħorġu notifiki, u b’hekk ineħħu l-limitazzjonijiet
tar-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-tneħħija ta' nawfragu fl-ilmijiet
territorjali tagħhom, inkluż il-ħsarat imġarrba fil-postijiet ta' rifuġju. 2.3. Proċedimenti internazzjonali
oħrajn Fl-2003, l-OMI adottat il-Linji Gwida dwar
postijiet ta’ rifuġju għal bastimenti fil-bżonn ta’ assistenza[7]. Dawn jinkludu pussess ta’ assigurazzjoni
u s-sigurtà finanzjarja meħtieġa bħala fatturi fil-valutazzjoni tal-bastimenti
minn awtoritajiet kostali għal ammissjoni f’post ta' rifuġju. Wara l-adozzjoni
tal-Linji Gwida, il-Kumitat Legali tal-OMI, f’għadd ta’ okkażjonijiet,
iddiskuta l-kwistjoni tar-responsabbiltà u l-kumpens għal-ħsarat imġarrba, li
ma kinux indirizzati fil-Linji Gwida. Fl-2009, ġie sottomess abbozz ta' strument dwar
"il-Postijiet ta' Rifuġju"[8]lill-Kumitat
Legali tal-OMI, sponsorjat mill-Kumitat Marittimu Internazzjonali (CMI - Comité
Maritime International). L-abbozz ippropona dispożizzjoni speċifika dwar
garanzija jew sigurtà finanzjarja oħra li għandha tiġi pprovduta mis-sid
tal-bastiment fuq it-talba ta’ post ta’ rifuġju li jkun qabel li jakkomoda
l-bastiment. Il-Kumitat ma rax il-ħtieġa ta’ strument addizzjonali biex
jindirizza l-kwistjoni ta’ kumpens għal ħsarat imġarrba minn postijiet ta'
rifuġju wara l-ammisjoni ta' bastiment, u kkonkluda: “ir-reġim
internazzjonali li jinkludi l-konvenzjonijiet eżistenti dwar ir-responsabbiltà
u l-kumpens għad-danni mit-tniggis fil-baħar ipprovda qafas legali komprensiv,
speċjalment meta akkoppjat mal-Linji Gwida dwar il-postijiet ta' rifuġju
adottati skont ir-riżoluzzjoni A.949(23) u ftehimiet reġjonali oħrajn"[9]. Hemm ukoll xi eżempji ta’ strumenti reġjonali, li
għalihom huma parti kemm l-UE kif ukoll ċerti Stati Membri tal-UE, li
jindirizzaw il-kwistjoni tal-akkomodazzjoni tal-vapuri fil-postijiet ta'
rifuġju[10].
Dawn jiffukaw fuq il-kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati kostali fir-reġjun
speċifiku inkluż skambju ta’ informazzjoni u kondiviżjoni ta’ riżorsi għal
reazzjoni immedjata għal sitwazzjonijiet ta’ periklu, bil-ħsieb li jiġi evitat
jew limitat it-tniggis. Madankollu, dawn ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni dwar
ir-responsabbiltà u l-kumpens għal ħsarat imġarrba mill-postijiet ta’ rifuġju.
Huma llkoll jirreferu għall-istrumenti internazzjonali, il-Linji Gwida tal-OMI
tal-2003 u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar dan is-suġġett. Għalhekk, dawn
l-eżempji jikkonfermaw l-importanza tad-dħul fis-seħħ imminenti
għall-istrumenti rilevanti kollha, kif ukoll tal-interess ta' Stati Membri
individwali tal-UE li jiżguraw l-implimentazzjoni aħjar tal-qafas eżistenti
fir-reġjun tagħhom. 3. QAFAS TAL-UE Minbarra d-Direttiva 2002/59/KE, il-liġi
tal-UE tirregola, indirettament, il-kwistjoni tar-responsabbiltà u l-ħsara
għat-telf imġarrab minn postijiet ta’ rifuġju meta dawn jakkomodaw bastiment
f’perikolu f’żewġ strumenti legali deskritti hawn taħt. Dawn huma mingħajr
preġudizzju għall-konvenzjonijiet internazzjonali li diġà japplikaw fl-UE
(il-Konvenzjonijiet CLC-IOPC, tal-Karburant tal-Bastimenti, u LLMC – li qed
jistennew ratifika u d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjonijiet HNS u tat-Tneħħija ta’
Nawfragi). Barra minn hekk, dwar il-kwistjoni konċernata, il-Qorti Ewropea
tal-Ġustizzja ddeċidiet[11]
li partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE jistgħu jipprovdu bażi għal kumpens
għal miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju għall-amministrazzjonijiet tal-Istati
Membri, minbarra l-kamp ta' applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali,
bħad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-Iskart[12]. 3.1. Id-Direttiva 2004/35/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li
għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali Id-Direttiva tapplika għal ħsarat ambjentali
kkawżati mit-trasport bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi u li jniġġsu jew għal
kwalunkwe theddida imminenti ta’ ħsara bħal din li tirriżulta minn inċident,
bl-eċċezzjoni ta’ ħsara li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet
internazzjonali elenkati fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva (eż.
il-Konvenzjoni CLC-IOPC, il-Konvenzjoni HNS, il-Konvenzjoni tal-Karburant
tal-Bastimenti). Din id-Direttiva tistabbilixxi r-responsabbiltà
tat-trasportatur ta’ dawn l-oġġetti fil-limiti tal-Konvenzjoni LLMC
fil-verżjoni aġġornata tagħha, sabiex tiffinanzja miżuri ta’ prevenzjoni jew
ta’ reparazzjoni u ta’ restituzzjoni. Dan l-istrument qed jimponi obbligi importanti fuq
l-operatur tal-bastiment biex jevita l-ħsara u biex inaddaf it-tniġġis li
jirriżulta. Min-naħa l-oħra, dan jippermetti biss lill-portijiet li qed jaġixxu
ta’ positijiet ta’ rifuġju biex jinvokaw ir-responsabbiltà tas-sidien
tal-vapuri għar-reparazzjoni tal-ħsara ambjentali. It-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati
Membri hija lesta, u l-kontroll tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni pproduċa
wkoll riżultati sodisfaċenti ħafna. 3.2. Id-Direttiva 2009/20/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri
għal pretensjonijiet marittimi Id-Direttiva toħloq obbligu għall-vapuri kollha li
jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru jew li jidħlu f’port ta' Stat Membru li
jkollhom kopertura tal-assigurazzjoni suffiċjenti għall-pretensjonijiet
marittimi kollha suġġett għal-limiti tal-Konvenzjoni LLMC kif emendata
bil-Protokoll tal-1996. Skont l-Artikolu 2(1) tal-LLMC, il-lista ta’
pretensjonijiet suġġetta għal-limitu tar-responsabbiltà tinkludi ħsara lil
proprjetà (inklużi installazzjonijiet tal-port) f’rabta diretta
mal-operazzjonijiet tal-vapur jew l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ, kif ukoll
it-telf li jirriżulta minn dawn l-operazzjonijiet. Il-ħsarat marbuta
mat-tneħħija tal-fdalijiet ta’ bastimenti tissemma ukoll b’mod espliċitu f’din
il-lista. Għalhekk, il-ħsara prinċipali li jistgħu isofru l-postijiet ta’
rifuġju jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/20/KE u hija
koperta minn assigurazzjoni obbligatorja fl-UE. Dawk il-każijiet biss fejn it-totalità
tal-pretensjonjiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-bastiment konċernat
jmorru lil hinn mil-livell limitu stabbilit mill-Konvenzjoni, jista’ l-post ta’
rifuġju jitħalla minħajr kumpens għal parti mil-ħsara tiegħu. Filwaqt li
jitqies l-ammont rilevanti ta’ dawn il-livelli limiti, il-probabbiltà ta'
każijiet bħal dawn għandha tkun limitata, jekk mhux ineżistenti. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din
id-Direttiva, huwa improbabbli li bastiment li ma jkollux kopertura tal-assigurazzjoni
suffiċjenti, se jsib lilu nnfisu f'pożizzjoni li jitlob għal akkomodazzjoni
f'post ta' rifuġju, għaliex fl-ebda każ ma jistax jidħol fl-ilmijiet tal-UE.
Dan jintroduċi saff addizzjonali ta’ kopertura tar-responsabbiltà - rationae
loci - għal postijiet ta’ rifuġju kontra sidien ta’ bastimenti fil-każ ta’
ħsara. Minkejja li dan huwa improbabbli, wieħed ma jistax jeskludi x-xenarju
fejn bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat terz, u għalhekk mhux kopert
mill-obbligu strett li jkollu assigurazzjoni applikabbli tal-Istati Membri
tal-bandiera kollha tal-UE skontt din id-Diretttiva, ikun irid jiġi aċċettat
f’post ta’ rifuġju mingħajr kopertura suffiċjenti tal-assigurazzjoni (l-Artikolu 20c(1) tar-Direttiva 2002/59/KE). Il-mekkaniżmu tal-assigurazzjoni japplika biss
fejn tiġi invokata r-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment. Ġeneralment, sakemm
dritt ta' azzjoni legali diretta tal-vittmi kontra l-assiguratur ikun inħoloq
b'regoli speċifiċi (jiġifieri termini speċjali fil-kuntratt tal-assigurazzjoni),
il-prinċipju prevalenti jiddikjara li s-sidien tal-bastimenti l-ewwel iridu
jikkumpensaw lill-vittmi qabel ma jkunu jistgħu jduru lejn l-assiguratur
tagħhom biex ikopri l-ispejjeż rilevanti. Skont il-prattika tal-P&I Clubs –
li jipprovdu assigurazzjoni tar-responsabbiltà lil iktar minn 90 %
tat-tunnellati tal-flotta tad-dinja – l-assiguratur ikopri biss
ir-responsabbilità tas-sid tal-bastiment jekk din tkun ġiet stabbilità permezz
ta' sentenza ġudizzjarja definittiva jew għotja arbitrarja approvata mill-assiguratur.
Id-Direttiva 2009/20/KE kellha tiġi trasposta
mill-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2012. Il-maġġoranza kbira
tal-Istati Membri diġà kkomunikaw il-miżuri adottati lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni ppjanat eżami dettaljata tal-miżuri ta’ traspożizzjoni
notifikati li għandhom jitwettqu fit-tieni nofs ta’ din is-sena. 4. QAFAS NAZZJONALI F’każijiet li mhumiex koperti minn mekkaniżmi
speċifiċi li jirriżultaw minn konvenzjoni internazzjonali jew
mid-Direttiva 2004/35/KE il-ħsara mġarrba minn post ta’ rifuġju huma
indirizzati bid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ta' wieħed
mit-22 Stat kostali tal-UE. B’mod aktar speċifiku, il-każijiet fejn il-liġi
nazzjonali tapplika minflok il-qafas internazzjonali jew tal-UE spjegat hawn
fuq huma limitati għal: (a) in-nuqqas ta’ ratifika mill-Istat konċernat
tal-istrument internazzjonali rilevanti; (b) in-nuqqas ta’ dħul fis-seħħ
tal-konvenzjoni internazzjonali rilevanti; (c) l-eżenzjonijiet għal u
l-limitazzjoni tar-responsabbiltà li huma stabbiliti hawn fuq bil-liġi
internazzjonali u tal-UE; u (d) it-tip ta’ ħsara f’postijiet ta’ rifuġju li
mhumiex koperti mil-liġi internazzjonali u tal-UE. Fir-rigward ta’ dawn
tal-aħħar, wieħed għandu jinnota li dawn ma tantx huma probabbli għaliex
l-iżjed tipi importanti ta' ħsara (jiġifieri iż-żejt, HNS, it-tneħħija ta’
fdalijiet ta’ bastimenti, jew kwalunkwe ħsara ambjentali) issa ġew koperti minn
strumenti internazzjonali speċjalizzati u mid-Direttiva 2004/35/KE. 4.1. Responsabbiltà tas-sidien
tal-bastimenti It-‘tort’ huwa l-bażi tar-responsabbiltà
tal-operaturi privati, l-aktar is-sidien tal-bastimenti, li jikkostitwixxu bażi
komuni fost it-22 Stat kostali tal-UE. F’10 minn dawn l-Istati,
ir-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment tista’, madankollu, tinżamm ukoll fin-nuqqas
ta’ tort, jew fil-kapaċità tiegħu bħala operatur ta’ attività li tinvolvi
r-riskji, jew bħala gwardjan ta’ oġġett li għandu l-potenzjal ta’ periklu, jew
bħala responsabbli – fil-prinċipju – għal ħsara ikkawżati mis-subordinati
tiegħu. F’żewġ (2) Stati oħra r-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti
fir-rigward tal-ħsara kkawżata mir-riċeviment ta’ vapur f’post ta’ rifuġju
hija, f’ħafna każijiet, awtomatika. B’mod ġenerali, ir-reparazzjonijiet dovuti lil
postijiet ta’ rifuġju jkopru t-totalità ta’ din il-ħsara, indipendentement
mill-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta jew indiretta. Ir-regoli ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà
tas-sidien tal-bastimenti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni LLMC japplikaw, jew
fil-verżjoni tagħhom tal-1976 (IE), jew fil-verżjoni emendata tagħhom tal-1996
(18-il Stat Membru kostali rratifikaw l-Protokoll tal-1996). Fit-3 Stati
kostali l-oħra, ir-responsabbiltà hija suġġetta għal limitazzjonijiet speċifiċi
(IT) jew fil-prinċipju hija mingħajr limitu, mingħajr preġudizzju għal konvenzjonijiet
internazzjonali pertinenti (PT, SL). 4.2. Responsabbiltà tal-Istat
kostali Fil-każijiet fejn ir-responsabbiltà tas-sid
tal-bastiment ma tistax tiġi invokata, huwa possibbli li tiġi attivata
r-responsabbiltà tal-Istat kostali li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun ħadet
id-deċiżjoni li taċċetta bastiment f'post ta' rifuġju, u b'hekk, tirriżulta
fil-ħsara eventwalment imġarrba . L-Istati Membri kostali tal-UE kollha jistgħu
jinżammu responsabbli f’każijiet bħal dawn abbażi ta’ tort. Madankollu, fi
11 minnhom, ir-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi bbażata wkoll
fin-nuqqas ta’ tort. Dak isir jew skont reġim ġenerali ta' 'reponsabbiltà
oġġettiva' tal-Istat (abbażi ta' riskju jew ksur ta' ugwaljanza vis-à-vis
piżijiet ta’ responsabbiltà pubbliċi), inkella abbażi ta’ dispożizzjonijiet
speċjali li jippreskrivu r-reparazzjoni ta’ ħsara ikkawżati speċifikament lil
postijiet ta’ rifuġju. F’dawn il-każijiet, ir-reparazzjoni tista’ tkun limitata
għal ħsara rregolari, li taqbeż il-livell limitu tal-ħsara li post ta’ rifuġju
jrid isofri b’mod raġonevoli. B’mod ġenerali, fil-każijiet residwi fejn id-dritt
għal reparazzjoni tal-ħsara mġarrba minn post ta’ rifuġju huwa bbażat biss fuq
liġi nazzjonali, minkejja n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, wieħed
isib qafas ta’ responsabbiltà aċċettat b’mod ġenerali u bbażat fuq it-tort fost
l-Istati Membri tal-UE. Madankollu, hemm bosta każijiet fejn tipi oħrajn ta’
responsabbiltà jistgħu japplikaw, kemm għall-operaturi privati kif ukoll
għall-Istat (eż. ir-responsabbiltà oġġettiva, jew ir-responsabbiltà assoluta). B’konsiderazzjoni tal-liġijiet nazzjonali
applikabbbli dwar din il-kwistjoni, wieħed jista’ jasal għall-konklużjonijiet
li ġejjin. F’6 Stati Membri kostali (DK, EE, FR, DE, PT, SL) l-awtorità
nazzjonali li tikkontrolla post ta’ rifuġju tista’ fil-prinċipju dejjem tikseb
kumpens għal-ħsara mġarrba, jew mis-sid tal-bastiment inkella mill-Istat.
F’każijiet speċifiċi biss ċerti tipi ta’ danni, irregolari jew li
jikkostitwixxu telf purament ekonomiku, jistgħu jibqgħu fir-responsabbiltà
tal-awtorità kompetenti li tieħu d-deċiżjoni li takkommoda bastiment f'post ta'
rifuġju. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra (BU, GR, IT, LV, LT, MT, NL,
PL, RO, ES, SW, UK), din il-kwistjoni partikolari hija koperta minn reġim ta’
responsabbiltà fejn il-bażijiet tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà jibqgħu
limitati ħafna: force majeure, nuqqas ta’ tort tal-awtorità pubblika, jew –
f’ċerti każijiet – ħsara li tikkostitwixxi telf purament ekomoniku. 5. KONKLUŻJONIJIET Fid-dawl ta’ din l-analiżi, hemm tliet livelli ta’
liġi applikabbli għall-kwistjoni tar-responsabbiltà u l-kumpens għal ħsara
mġarrba minn postijiet ta’ rifuġju, li huma komplementari. Il-konklużjonijiet
tal-Kummissjoni kif ukoll xi rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni aħjar
tal-qafas eżistenti huma ppreżentati hawn taħt. 5.1. Internazzjonali Il-konvenzjonijiet internazzjonali adottati s'issa
dwar is-suġġett tar-responsabbiltà fil-qasam tat-trasport marittimu joffru
sistema ta' regoli li jiżguraw l-applikabblità tal-mekkaniżmi ta'
responsabbiltà li huma sodisfaċenti fl-oqsma koperti minn dawn
il-konvenzjonijiet, u wkoll pertinenti fil-kuntest tar-riċeviment ta’ bastiment
f’post ta’ rifuġju. Huwa importanti li wieħed jinnota li fil-Kunsill
tal-2008 l-Istati Membri ħaddnu impenn strett biex jirratifikaw l-istrumenti
internazzjonali rilevanti kollha għas-sistema ta’ regoli internazzjonali
kompluta marbuta mas-sikurezza marittima – li tindirizza wkoll ħsara
lill-postijiet ta’ rifuġju – biex jidħlu fis-seħħ[13]. Il-Kummissjoni fakkret
lill-Istati Membri dwar dan l-impenn f’diversi okkażżjonijiet wara dak
l-avveniment. Għal dan il-għan l-OMI qed jippubblika tabella aġġornata dwar
l-istatus tar-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali pertinenti, inkluż
l-Istati Membri tal-UE[14].
Rakkomandazzjonijiet
għal implimentazzjoni aħjar. (a)
Fir-rigward tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà
tat-talbiet marittimi, l-Istati Membri għandhom jirratifikaw il-Protokoll
tal-1996 tal-Konvenzjoni LLMC. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' tnaqqis
tal-kumpens pagabbli wara l-applikazzjoni ta' dawn il-limiti, dan tal-aħħar
għandu jiġi aġġornat regolarment, kif sar riċentament fl-OMI (LEG 99, ara hawn
fuq). (b)
Ikun għaqli li l-Istati Membri kollha li huma parti
jew parti prospettiva għall-Konvenzjoni LLMC jeskludu mill-kamp ta’
applikazzjoni tagħha, kif inhu possibbli taħt l-Artikolu 3.2
tal-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta’ Nawfragu ta’ Najrobi, l-ispejjeż biex
jitneħħew in-nawfragi fi ħdan l-ilmijiet territorjali tagħhom, inkluż il-ħsara
lil postijiet ta’ rifuġju. Dan ifisser li ma jistax ikun hemm limitu
tar-responsabbiltà għal ħsara bħal dawn. (c)
Jista’ jkun utli wkoll li jinkisbu l-kjarifiki
rilevanti kollha fil-livell tal-OMI sabiex jiġi kkonfermat li r-riċeviment ta'
bastiment f'post ta' rifuġju jista', fil-prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala
miżura ta’ prevenzjoni, għaliex dan ikun jiżgura l-applikabbiltà ta’ xi
konvenzjonijiet internazzjonali (eż. CLC-IOPC, Karburant tal-Bastimenti) għal
din il-kwistjoni. (d)
Titjib ieħor possibbli tas-sistema preżenti jkun l-kjarifika,
fil-livell tal-OMI, tal-kunċett ta’ “telf purament ekonomiku ” li għalih
il-kumpens jista’ jiġi eskluż, sabiex jinkiseb approċċ koerenti f’din
il-kwistjoni, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li dawn mhux neċessarjament
ikollhom rabta kawżali diretta mal-att tal-ħsara. (e)
Rekwiżit tal-assigurazzjoni obbligatorja
għar-responsabbiltà ġenerali, inkluż ir-responsabbiltà ta’ parti terza,
f’konformità mal-prattika preżenti tal-CLUBS P&I, għandu jinħoloq
fil-livell internazzjonali, b'segwitu għal diskussjonijiet preċedenti fl-OMI
dwar dan is-suġġett[15]. 5.2. UE Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar din
il-kwistjoni żżid approċċ partikolarment strett mal-konvenzjonijiet
internazzjonali għar-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali, u obbligu ta’
kopertura tal-assigurazzjoni suffiċjenti jew ta’ garanzija finanzjarja oħra
għal kull bastiment li jidħol fl-ilmijiet tal-UE – mingħajr eċċezzjonijiet. Dan
ir-reġim jipproteġi wkoll il-postijiet ta’ rifuġju għaliex jindirizza l-aspetti
l-iktar ‘sensittivi’ tal-operazzjoni tagħhom. Minkejja li mhumiex rilevanti għall-finijiet ta'
dan ir-rapport, it-titjib tal-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-Istati
Membri sabiex jiffaċilitaw it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-każijiet fejn
il-bastimenti li jeħtieġu assistenza jistgħu jiffurmaw titjib potenzjali
fil-qafas ġenerali dwar il-postijiet ta' rifuġju. 5.3. Nazzjonali Għal każijiet residwi li jiddependu biss fuq
il-liġijiet nazzjonali, l-istudju mwettaq f’isem il-Kummissjoni juri li
fil-maġġoranza tal-ħsara tal-Istati Membri lill-postijiet ta’ rifuġju hija
suffiċjentament koperta minn regoli ta’ tiswija, li – f’ċerti każijiet,
jiżguraw saħansitra kumpens sistematiku għal kwalunkwe ħsara potenzjali. Il-ftit differenzi li jeżistu fir-reġimi ta’
kumpens bejn l-Istati Membri ma jheddux l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva
fir-rigward tar-riċeviment ta' bastimenti fil-postijiet ta' rifuġju. Għalhekk,
dawn ma humiex suffiċjenti biex jiġġustifikaw il-ħolqien ta' reġim ġdid
speċifiku għal kategorija waħda ta' operaturi. Rakkomandazzjoni għal
implimentazzjoni aħjar: L-Istati Membri, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom,
għandhom ikomplu jikkunsidraw bir-reqqa u jiddefinixxu r-riskji li l-postijiet
ta’ rifuġju jridu jassumu bħala parti mill-operat normali tagħhom, kif inhu
l-każ ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn. [1] Id-Direttiva 2009/17/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/59/KE, ĠU L 131 tat-28/05/2009, p.
101. [2] Riżoluzzjoni IMO LEG.5 (99), adottata fid-19/04/2012
(għadha mhix fis-seħħ) li tipproponi ż-żieda tal-ammonti rilevanti tal-limiti
tar-responsabbiltà biex jirriflettu l-bidliet fil-valuri monetarji,
l-inflazzjoni ur-rati tal-aċċidenti. [3] Ara l-Artikoli 232 u 235(2) ta’ UNCLOS: http://www.un.org/Depts/los/convention_agreements/texts/unclos/unclos_e.pdf
[4] Dawn l-ammonti huma kkalkulati abbażi ta’ rati ta’
konverżjoni ta’ Drittijiet Speċjali ta’ Prelevament (SDR - Special Drawing
Rights) sa mis-26 ta’ Settembru 2012: http://www.imf.org/external/np/fin/data/rms_five.aspx [5] Ibid. [6] Ibid. [7] Ir-Riżoluzzjoni IMO 949(23), adottata fil-05/12/2003. [8] Id-Dokument LEG95/9 tat-23/01/2009, sottomess minn CMI
taħt “Kwakunkwe Kwistjoni Oħra”, l-Anness I “Abbozz ta’ Strument dwar
il-Postijiet ta’ Rifuġju”. [9] Id-Dokument LEG95/10 tat-22/04/2009, “Rapport dwar
il-Kumitat Legali dwar ix-Xogħol tas-Sessjoni tiegħu numru Ħamsa u
Disgħin", p. 24-25. [10] Protokoll dwar il-Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni
tat-Tniġġiż minn Vapuri, u fil-Każijiet ta’ Emerġenza, il-Ġlieda kontra
t-Tniġġiż fil-Baħar Mediterran, adottat fil-25/01/2002, u li daħal fis-seħħ
fis-17/03/2004. (Sors: www.unepmap.org ). Ukoll, il-Ftehim ta’
Kooperazzjoni fil-Ġestjoni tat-Tniġġis fil-Baħar tat-Tramuntana miż-Żejt u
Sustanzi Oħra Dannużi (il-Ftehim ta’ Bonn) iffirmat fl-1983 kif emendat permezz
tad-Deċiżjoni tal-21/09/2002, il-Kapitolu 27 “Postijiet ta’ Rifuġju”. (Sors:
www.bonnagreement.org
). Il-Kummissjoni tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-Baltiku (HELCOM),
ir-Rakkomandazzjonijiet dwar il-“Pjan Reċiproku għal Postijiet ta’ Rifuġju
fiż-Żona tal-Baħar Baltiku”, id-Dokument HELCOM “Rakkomandazzjoni 31E/5”
adottata fl-20/05/2010, disponibbli fuq: http://www.helcom.fi/Recommendations/en_GB/rec31E_5/ [11] ĠU L 194, 25/07/1975, p. 39, imħassra permezz
tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart, ĠU L 114,
27/04/2006, p.9. [12] Il-Każ C-188/07, Commune de
Mesquier v. Total France SA, ECR 2008, p. I-4501. [13] Id-Dokument tal-Kunsill
Nru 15859/08 ADD 1, tad-19/11/2008, ”Dikjarazzjoni mill-Istati Membri dwar
is-Sikurezza Marittima”. [14] Ara s-sit tal-internet tal-IMO fuq: http://www.imo.org/About/Conventions/StatusOfConventions/Pages/Default.aspx
[15] Ir-Riżoluzzjoni tal-IMO A.898(21), il-Linji Gwida dwar
ir-Responsabbiltà tas-Sidien tal-Vapuri fir-Rigward tat-Talbiet Marittimi,
adottata fil-25/11/1999.