52012DC0702

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv /* COM/2012/0702 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

1.           Introduzzjoni

Is-Suq Uniku tal-UE huwa mutur għat-tkabbir u jipprovdi lill-konsumaturi b’għażla akbar u bi prezzijiet aħjar. It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv huwa objettiv tal-istrateġija Ewropa 2020[1], li għandha l-għan li tgħin lill-Ewropa u lin-negozji tagħha joħorġu mill-krizi aktar b’saħħithom u biex jinħolqu aktar impjiegi. Il-linji ta’ politika kollha tal-UE huma immirati lejn dan l-objettiv.

Ir-reklamar għandu impatt ekonomiku qawwi fuq il-kumpaniji peress li huwa element kruċjali ta’ kwalunkwe strateġija kummerċjali. Huwa jippermetti lill-kummerċjanti jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom u huwa element importanti għas-suċċess kummerċjali. Jista’ wkoll itejjeb il-kompetizzjoni billi jipprovdi lill-klijenti b’informazzjoni aħjar u bil-possibbilità li jqabblu l-prodotti. Fis-Suq Uniku, in-negozji jistgħu jilħqu lill-konsumaturi minn kull rokna tal-Ewropa b’messaġġ kummerċjali.

Fir-relazzjonijiet ta’ negozju, il-klijenti u d-ditti kompetituri jistennew mill-kumpaniji li dawn jużaw komunikazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni li tkun tirifletti s-sewwa u li jaġixxu b'reqqa professjonali. Il-kumpaniji żgħar – is-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa[2] – għandhom vulnerabilità partikolari quddiem prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni peress li m’għandhomx ir-riżorsi biex jipproteġu lilhom infushom. Għandhom bżonn ta’ qafas ċar u effiċjenti li jħares il-kompetizzjoni ġusta u jipprovdi mezzi effettivi biex iħarsuh.

Ir-regoli tal-UE fejn jidħol ir-reklamar bejn in-negozji (B2B) għandhom il-għan li jaraw li l-kumpaniji jużaw reklamar jew kummerċjalizzazzjoni bbażati fuq is-sewwa. Dispożizzjonijiet bħal dawn joħolqu qafas regolatorju meħtieġ fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ bejn in-negozji fejn il-kumpaniji jkunu jgawdu minn grad għoli ta’ libertà kuntrattwali. B’mod partikolari, id-Direttiva kontra r-Riklamar Qarrieqi u Komparattiv[3] tipprovdi livell minimu komuni ta’ protezzjoni kontra reklamar qarrieqi għal kummerċjanti madwar l-UE u tirregola wkoll ir-reklamar komparattiv.

Hekk kif ir-reklamar qiegħed kull ma jmur isir dejjem aktar bl-internet, il-prattiki tar-reklamar u tal-kummerċjalizzazzjoni qed jinbidlu u jistgħu jaffettwaw eluf ta’ negozji madwar id-dinja. Prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħal ma hu l-każ ta' kumpaniji ta’ direttorju[4] qarrieqa, għadhom qed joħolqu ħsara konsiderevoli fost il-kumpaniji u speċjalment fost negozji żgħar. Il-Kummissjoni ħabbret għalhekk, fl-analiżi tagħha tal-Att dwar in-Negozji Żgħar[5], l-intenzjoni tagħha li terġa' tqis il-funzjonament tar-regoli eżistenti.

B’mod aktar ġenerali, il-prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġġeneraw falliment tas-suq billi jtellfu l-ħila tan-negozji li jagħmlu għażliet infurmati, u għalhekk effiċjenti. Id-distorsjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi tan-negozji jagħti wkoll lok għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Dan jiġri jew għaliex il-kummerċjant li jkun qiegħed jaġixxi b'mod żleali jirnexxielu jbiegħed lill-klijenti minn kompetituri onesti, jew inkella għaliex in-negozji affettwati jkollhom bilfors iħallsu għal servizzi bla użu li ma jiswew xejn. Barra minn dan, prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa jħallu l-effetti tagħhom fuq il-konsumaturi peress li dawn ikollhom iħallsu aktar għal prodotti u servizzi.

Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn kif id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieq u Komparattiv qed tiġi implimentata bħalissa fl-Istati Membri, tidentifika l-problemi fil-mod ta' kif qed tiġi implimentata u tfassal pjanijiet dwar kif għanda tiġi riveduta fil-futur.

2.           Id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri

2.1.        L-iżvilupp u l-ambitu tar-regoli tal-UE dwar ir-reklamar fir-relazzjonijiet kummerċjali

Id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieq u Komparattiv hija strument orizzontali li japplika għar-reklamar kollu bejn in-negozji. Hija tiddefinixxi r-reklamar b’mod wiesa’ ħafna bħala kwalunkwe komunikazzjoni jew rappreżentazzjoni biex jiġu promossi oġġetti u servizzi, mingħajr speċifikazzjoni ta’ forma. F’dan hemm għalhekk inkluż sew ir-reklamar klassiku kif ukoll tipi oħra ta' prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni. Id-Direttiva tistabbilixxi standard legali minimu ta’ protezzjoni li japplika għal reklamar qarrieqi fi kwalunkwe tranżazzjoni bejn in-negozji madwar l-UE, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jiġi stabbilit livell ogħla ta’ protezzjoni.

Id-Direttiva tistipula wkoll regoli uniformi dwar reklamar komparattiv[6], u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jiġi evalwat meta dan ir-reklamar ikun jista’ jitħalla.[7] L-għan huwa li jiġi żgurat li r-riklamar komparattiv iqabbel dak li jista’ jitqabbel, li jkun oġġettiv, li ma jbaxxix, u ma jiskreditax, l-istima li jgawdu kumpanniji oħrajn, u ma joħloqx konfużjoni bejn il-kummerċjanti.

L-azzjoni tal-UE fil-qasam tmur lura għall-1984 meta kienet ġiet adottata l-ewwel Direttiva dwar reklamar qarrieqi[8] biex tipproteġi kemm lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji. Mill-qasam ħafna aktar estensiv tal-liġi tal-kompetizzjoni żleali u l-prattiki kummerċjali żleali, id-Direttiva kienet oriġinarjament limitata għall-qasam importanti ta’ reklamar. Madankollu, bosta Stati Membri diġà kellhom dispożizzjonijiet kontra r-reklamar qarrieqi u l-bidliet li ġabet magħha d-Direttiva fis-sistemi legali tagħhom kienu limitati. Ir-regoli ġew emendati fl-1997 biex jiddaħħlu dispożizzjonijiet kompletament armonizzati dwar ir-reklamar komparattiv[9] minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar ir-reklamar komparattiv ivarjaw ħafna[10], b’mod li dan joħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi u joħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Fl-2005 id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali[11] ħolqot qafas legali komprensiv separat li jipproteġi lill-konsumaturi kontra l-forom kollha ta’ prattiki kummerċjali żleali, qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali, u applikabbli wkoll għall-prattiki kollha ta’ reklamar li jikkawżaw dannu għall-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, irrispettivament jekk dan jaffettwax l-interessi ta’ xi kompetitur. Id-Direttiva dwar Prattiki kummerċjali Żleali illimitat l-ambitu tad-Direttiva kontra r-Riklamar Qarrieqi u Komparattiv għal sitwazzjonijiet fejn ir-reklamar ikun indirizzat biss lin-negozji. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv baqgħu rilevanti għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi minħabba li jipprovdu test ġenerali biex ikun jista’ jiġi determinat jekk xi reklamar komparattiv ikunx skont il-liġi.

Id-Direttiva oriġinali kontra r-Riklamar Qarrieqi u Komparattiv u l-emendi sussegwenti tagħha ġew ikkonsolidati permezz ta’ direttiva ġdida fl-2006[12].

2.2.        Ħarsa ġenerali lejn kif id-Direttiva tiġi implimentata fl-Istati Membri

Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv ġiet trasposta fl-Istati Membri permezz ta’ strumenti leġiżlattivi varji, bħal kodiċijiet kummerċjali, leġiżlazzjoni ġenerali tal-konsumatur u liġijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni. Filwaqt li r-regoli totalment armonizzati dwar ir-reklamar komparattiv ġew trasposti b’mod uniformi, skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni dwar is-sistemi legali tal-Istati Membri kollha, teżisti varjetà kbira ta’ regoli li jmorru lil hinn mill-protezzjoni minima madwar l-UE kollha, kontra r-reklamar qarrieqi.

Xi Stati Membri ddeċidew li jmorru lil hinn mill-minimu legali standard imnaqqax fid-Drettiva dwar Rekamar Qarrieqi u Komparattiv u estendew il-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali għar-relazzjonijiet bejn in-negozji, jew parzjalment jew fl-intier tiegħu. Fl-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Isvezja, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipproteġi lill-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali inġusti tapplika wkoll jew parzjalment jew kompletament għal prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni li jaffettwaw lin-negozji. Stati Membri oħra, minflok, jenfasizzaw il-libertà kuntrattwali u l-grad ogħla ta’ reqqa mistennija fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji, u ma jikkunsidrawhiex bħala ħaġa xierqa li n-negozji u l-konsumaturi jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni. Pereżempju fir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u r-Renju Unit il-leġiżlazzjoni relevanti dwar ir-reklamar bejn in-negozji tagħti biss il-protezzjoni minima stabbiliti mir-regoli tal-UE. B’mod ġenerali, l-Istati Membri għażlu ħafna mudelli differenti biex jittrasponu d-Direttiva[13].

Għaldaqstant, il-livell ta’ protezzjoni għan-negozji Ewropej għadu jvarja b’mod li n-negozji huma inċerti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Id-differenzi bejn is-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tan-negozji jkomplu jċajpru l-istampa.

Fir-rigward tas-sistemi ta’ infurzar, ir-rekwiżiti introdotti mid-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv huma pjuttost limitati. F’termini ġenerali, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u sabiex tiġi infurzata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv. Dan jinkludi l-obbligu li tiddaħħal il-possibbiltà ta’ azzjoni legali kontra reklamar mhux konformi, li l-qrati jingħataw setgħat sabiex jordnaw il-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ tali reklamar u li tippermettilhom jesiġu minn min jirreklama li jagħti prova dwar l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar[14]. Bħalissa l-Istati Membri jinfurzaw din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ sistemi nazzjonali differenti. Id-differenza kruċjali tirrigwarda l-possibilità ta’ infurzar pubbliku. F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet jistgħu jieħdu azzjoni kontra kummerċjanti illegali, filwaqt li fi Stati Membri oħra huma biss il-vittmi li jistgħu jfittxu rimedju. Dawn l-inkonsistenzi jibdlu l-livell effettiv ta’ protezzjoni b'mod sostanzjali, speċjalment fejn jidħol ir-riklamar transkonfinali.

L-infurzar min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi kontra kummerċjant li juża prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni hija possibbli f’pajjiżi bħal ma huma l-Bulgarija, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija u r-Renju Unit[15].

Fi Stati Membri oħra huma biss il-kumpaniji jew assoċjazzjonijiet speċifiċi affettwati li jistgħu jieħdu azzjoni bil-qorti. Pereżempju, l-Awstrija u l-Ġermanja għandhom sistema ta’ assoċjazzjonijiet privati awtoregolatorji li jistgħu jressqu kawżi kontra kummerċjanti fil-qrati. L-infurzar huwa bbażat fuq azzjonijiet ta’ liġi ċivili u s-sanzjonijiet jistgħu jinkludu ordni ta’ tneħħija, rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni jew kumpens għad-danni. Fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Irlanda huwa f’idejn il-kumpanija milquta li tfittex rimedji fil-qrati, u l-awtoritajiet pubbliċi jintervjenu biss f’każijiet fejn prattiki inġusti jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi kriminali[16].

Barra minn hekk, hemm ġurisprudenza sinifikanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-qasam tar-reklamar qarrieqi u komparattiv[17]. Mill-1984, meta ġiet adottata l-ewwel Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv, is-sentenzi tal-Qorti pprovdew diversi kjarifiki importanti. Huwa importanti li jiġi nnutat li l-Qorti bdiet tiżviluppa l-kunċett ta’ “konsumatur medju”. Aktar tard, fl-2005, dan it-terminu ġie kkodifikat mid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali, li issa tirregola r-reklamar f’relazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv ġew eżaminati mill-Qorti f’diversi okkażjonijiet. Dan huwa minħabba l-fatt li r-riklamar komparattiv ikkostitwixxa forma ġdida ta’ kummerċjalizzazzjoni f’ħafna Stati Membri u kellhom jiġu stabbilit l-konfini tiegħu. Pereżempju, il-Qorti spjegat il-kundizzjoni għal paragun ta’ livelli ġenerali ta’ prezzijiet[18] u interpetat id-dispożizzjonijiet rigward il-paragun ta’ prodotti b’denominazzjoni tal-oriġini[19].

3.           Konsultazzjoni pubblika u l-problemi identifikati

Sabiex tinġabar informazzjoni aktar speċifika dwar prattiki kummerċjali qarrieqa, il-Kummissjoni ppubblikat konsultazzjoni pubblika u talbet informazzjoni dettaljata mill-Istati Membri fil-forma ta’ kwestjonarju[20].

Bħala parti minn din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni mhux biss ġabret id-dejta dwar l-effikaċja globali u l-problemi eżistenti fl-applikazzjoni tad-Direttiva, imma wkoll ġabret informazzjoni dwar kwistjonijiet usa’ li jolqtu l-prattiku ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-evalwazzjoni kopriet tipi differenti ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali fir-relazzjonijiet ta’ bejn in-negozji li għandhom bħala l-għan tagħhom il-promozzjoni ta’ merkanzija u servizzi[21].

Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li wkoll jinkludu r-reklamar qarrieqi u tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni li taħt id-definizzjoni attwali mhux faċli li jiġu kklassifikati bħala reklamar. Pereżempju, hija tikkonċerna sitwazzjonijiet fejn l-intenzjoni jew l-identità kummerċjali ta’ xi kummerċjant tkun moħbija u l-komunikazzjoni suppost hija sempliċi aġġornament jew komunikazzjoni mill-awtoritajiet.

Il-konsultazzjoni pubblika saret bejn il-21 ta’ Ottubru 2011 u s-16 ta’ Diċembru 2011, u ġibdet attenzjoni konsidereveoli u total ta’ 280 tweġiba. Intlaħaq blanċ tajjeb, kemm fir-rigward tal-kopertura ġeografika[22], kif ukoll tat-tip ta’ dawk li wieġbu (16-il assoċjazzjoni Ewropea, 10 awtoritajiet nazzjonali, 41 organizzazzjoni tan-negozju, 142 kumpanija inkluż 126 SME u 38 ċittadin)[23].

3.1.        L-aktar prattiki kummerċjali komuni qarrieqa

Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet interessati ffukaw it-tħassib tagħhom fuq għadd ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa u li ta’ spiss jiġu mħaddma b’mod transkonfinali (xi kultant imsejħa frodi jew qerq tal-kummerċjalizzazzjoni tal-massa)[24].

Minbarra l-iskemi l-aktar prominenti ta’ kumpaniji tad-direttorju qarrieqa[25], ġew irrapportati l-prattiki komuni li ġejjin:

· Formoli qarrieqa ta’ ħlasijiet li jidhru qishom kienu fattura għal servizzi li l-kummerċjant ikun suppost diġà ordna, meta fil-fatt ma jkunx, jew talbiet għall-ħlas li suppost ġejjin minn awtoritajiet pubbliċi, eż. reġistru uffiċjali tal-kummerċ.

· Offerti biex jiġu estiżi ismijiet ta’ domains tal-internet (pereż., estensjoni għal domains ta’ pajjiż ieħor) li bihom kummerċjant, permezz ta’ tekniki tal-kummerċjalizzazzjoni tal-massa jipprovdi informazzjoni falza u jagħmel pressjoni psikoloġika sabiex jiġi konkluż kuntratt. Il-kummerċjant jagħmel ta’ birruħu li jkun qed joffri servizz distintiv iżda fil-fatt ikun qed jitlob prezzijiet abbużivi għal sempliċi reġistrazzjoni ta’ domain li tkun tista’ faċilment tinkiseb mingħand fornituri uffiċjali bi prezzijiet ferm aktar baxxi.

· Offerti għall-estensjoni ta’ protezzjoni ta’ marki kummerċjali f’pajjiżi oħra użati minn kummerċjanti li jużaw reklamar qarrieqi u li jipprovdu informazzjoni li ma tkunx vera dwar in-natura tas-servizz. Fil-fatt tali protezzjoni tat-marki kummerċjali tista’ tingħata biss minn korpi uffiċjali u l-kummerċjant joffri sempliċement elenkar f’direttorju.

· Parir legali permezz ta’ pjattaforma fuq l-internet ibbażata fuq skema ta’ kummerċjalizzazzjoni fejn is-servizz offrut ikun purament ibbażat fuq databases pubblikament aċċessibbli liberament u l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni qarrieqa dwar il-karatteristiċi tas-servizz. Għalhekk ma jkun hemm kważi l-ebda valur miżjud offrut mill-kummerċjant, minkejja li l-prezz mitlub ikun għoli.

· Kummerċjalizzazzjoni qarrieqa li tkun tinvoli reklami fuq netwerks soċjali bbażata fuq prattika li tkun tinvolvi prezzijiet abbużivi (eż. li jinvolvu prezzijiet għoljin ħafna kull darba li wieħed jikklikkja), filwaqt li attwalment dan is-servizz huwa offrut minn netwerks soċjali nfushom b’rati ħafna aktar baxxi.

F’xi Stati Membri hemm problema ta’ kummerċjanti li jibagħtu fatturi għal servizzi li suppost ikunu ġew ordnati minn fuq it-telefon, fejn fil-fatt ma jkun ġie konkluż l-ebda kuntratt.

Numru limitat ta’ kumpaniji li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni lmentaw ukoll dwar stqarrijiet ambjentali qarrieqa[26], prattiki ta’ reklamar komparattiv inġust u, b’mod aktar ġenerali, dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti fl-istadju prekuntrattwali f’relazzjonijiet bejn in-negozji fejn wieħed minnhom ikollu setgħa qawwija fis-suq.

Barra minn hekk, il-partijiet interessati qiesu li l-prattiki kummerċjali qarrieqa fil-kuntest tal-internet huma problema sinifikanti u li hemm żieda f’riklamar qarrieqi transkonfinali li qed jaffettwa lin-negozji. Xejra ġdida li ġiet identifikata tieħu l-forma ta’ għadd dejjem jikber ta’ skemi onlajn li jaffetwaw lin-negozji madwar id-dinja.

3.2.        Il-Kumpaniji ta' Direttorju Qarrieqa

3.2.1.     L-istorja tal-problema

Fost l-aktar prattiki kummerċjali qarrieqa li jikkawżaw problemi għan-negozji fl-Ewropa, il-kwistjoni tal-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa tidher li tqanqal tħassib partikolari. Dawn l-iskemi, li jintużaw fuq skala kbira u li jikkawżaw dannu ekonomiku konsiderevoli, ma huma bl-ebda mod ġodda[27]. Madankollu, l-Internet, l-għodda l-ġodda għall-kummerċjalizzazzjoni tal-massa[28] u l-kosti baxxi tal-pubblikazzjoni f’dawn l-aħħar snin biddlu l-iskala tal-problema. Jingħad li l-iktar operaturi magħrufa ta’ din ix-xorta ta’ teknika ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-massa kapaċi jibagħtu sa 6 miljun formola fis-sena.

Din il-kwistjoni tifforma l-bażi ta’ żewġ Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew adottati fis-16 ta’ Diċembru 2008[29] u fid-9 ta’ Ġunju 2011[30] li appellew bil-qawwa għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri, reviżjoni tad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv u protezzjoni aħjar tan-negozji.

L-iskemi jistgħu jieħdu diversi forom. Il-prattika l-aktar frekwenti hija li l-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa jibagħtu formoli li fihom jitolbu lin-negozji biex jaġġornaw id-dettalji fid-direttorji tagħhom, apparentament bla ħlas. Jekk in-negozji mmirati jiffirmaw il-formola, jiġu mgħarrfa li jkunu ffirmaw kuntratt, u jkollhom jibdew iħallsu somma fis-sena. It-tentattivi biex jirtiraw mill-kuntratt jiġu normalment rifjutati u ħafna drabi l-kumpaniji jiġu segwiti għall-ammont li suppost huwa dovut permezz ta’ aġenziji tal-ġbir tad-djun.

Il-kwistjoni speċifika ta’ kumpaniji tad-direttorju qarrieqa huwa eżempju tajjeb ta’ problema ikbar ta’ diversi skemi qarrieqa mmirati lejn negozjanti, b’mod partikulari għan-negozji ż-żgħar u professjonisti indipendenti, bħal tobba jew plamers.

3.2.2.     Dejta dwar kemm hi mifruxa l-problema

Stħarriġ għar-rapport ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew fl-2008 ddokumenta aktar minn 13,000 ilment minn 16-il Stat Membru u ssuġġerixxa li dawn iċ-ċifri jindikaw biss biċċa żgħira ħafna mill-firxa tal-problema[31].

Diversi Stati Membri naturalment ikkunsidraw il-problema ta’ kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa bħala waħda serja[32]. Madankollu, ftit biss għandhom dejta affidabbli dwar il-vera firxa tagħha. Fil-Belġju l-awtoritajiet irċevew 460 ilment fl-2008, 1165 fl-2009 u 1258 fl-2010. Fir-Renju Unit kien hemm 1318 ilment fil-perjodu 2008-2010. L-awtoritajiet Ċeki pprovdew ċifri mill-assoċjazzjoni taghom għall-protezzjoni tan-negozju, li tistima li madwar 2000 persuna sfaw vittma ta’ diversi frodi ta’ dan it-tip bejn l-2007 u l-2010. Ftit taż-żmien ilu, biss, fl-Ungerija kien hemm attenzjoni qawwija mill-medja fuq każ ta’ frodi mifrux ħafna li kkonċerna kumpanija ta' direttorju qarrieqa. Fl-istess ħin, f’xi Stati Membri, bħalma huma l-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja u r-Rumanija l-problema tidher li jew ma teżistix jekk inkella mhux rappurtata.

In-negozji wkoll iqisu l-problema bħala sinifikanti ħafna: Kważi nofs ir-risposti għall-konsultazzjoni pubblika ġew minn kumpaniji affettwati direttament minn skemi ta’ direttorju qarrieqa. L-SMEs u l-professjonisti indipendenti huma l-aktar vulnerabbli iżda tipi oħra ta’ negozji u organizzazzjonijiet huma affettwati wkoll. Huwa ferm diffiċli li jiġi valutat id-dannu finanzjarju għal kumpaniji individwali, iżda dan jista’ jkun stmat għal bejn EUR 1000 u EUR 5000 fis-sena għal kull kumpanija.

Ħafna negozji żgħar jenfasizzaw ukoll li jkunu sofrew minn fastidju psikoloġiku kostanti. Għal bosta snin, dawn jiffaċċjaw ġlieda taħt theddida ta’ azzjoni legali f’ġuriżdizzjoni barranija, b’għadd dejjem jikber ta’ “spejjeż amministrattivi” u ta’ telefonati kostanti minn kolletturi tad-dejn, deskritti mill-vittmi bħala li jixbhu ħafna t-theddid. Uħud minn dawk li wieġbu kienu kapaċi wkoll li jipprovdu dejta speċifika biex jindikaw il-firxa tal-problema[33].

3.2.3.     Azzjonijiet leġiżlattivi u ta’ infurzar kontra kumpaniji tad-direttorju qarrieqa

Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv tkopri skemi ta’ direttorju qarrieqa iżda xi awtoritajiet ta’ infurzar qajmu dubji dwar jekk dawn il-prattiki humiex reklamar peress li, fir-realtà, ma jiġu promossi kważi l-ebda merkanzija jew servizzi u hemm biss stħajjil ta’ relazzjoni kummerċjali. Għalhekk, l-applikazzjoni tad-Direttiva u l-effettività tagħha għadhom problema. Xi skemi ttellgħu il-Qorti, iżda jidher li r-riżultati kienu jvarjaw. Fid-Danimarka u l-Awstrija, bis-saħħa tal-kooperazzjoni effettiva bejn l-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-pulizija, kif ukoll tal-ġurisprudenza konsistenti mill-qrati, dawn l-iskemi kważi nqerdu għal kollox fil-livell nazzjonali, iżda l-prattiki transkonfinali għadhom kwistjoni. L-awtoritajiet fil-Belġju, Franza u Spanja wkoll ħadu azzjoni sabiex jinfurzaw ir-regoli, iżda anki hawn, dan kien l-aktar fil-livell nazzjonali.

L-Awstrija[34] fl-2000 u l-Belġju[35] fl-2011 introduċew dispożizzjonijiet legali speċifiċi fil-leġislazzjoni tagħhom immirati lejn il-prattiki ta’ kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa. L-Awstrija naqqset il-problema b’mod sinifikanti fuq livell nazzjonali iżda l-kumpaniji Awstrijaċi għadhom fil-mira ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Fil-Pajjiżi l-Baxxi ġie stabbilit punt ta’ kuntatt għall-għajnuna fil-każ ta’ frodi fil-kummerċjalizzazjoni, li jipprovdi għajnuna għall-vittmi.

3.3.        Rispons ġenerali mill-konsultazzjoni

L-azzjoni leġiżlattiva tgawdi appoġġ mifrux mill-partijiet interessati. Fil-konsultazzjoni pubblika kien hemm sejħa qawwija ħafna biex tiżdied il-protezzjoni għal kumpaniji żgħar u professjonisti indipendenti kontra prattiki kummerċjali qarrieqa[36]. Barra minn hekk, jeżisti tista’ tgħid qbil ġenerali li l-proċedura ta’ koperazzjoni jeħtieġ li tiġi żviluppata għal każijiet transkonfinali ta’ reklamar qarrieqi, peress li l-maġġoranza ddikjarat li l-proċeduri ta’ infurzar eżistenti mhumiex effettivi.

Dan kien il-messaġġ rikorrenti, imqajjem kemm min-negozji ż-żgħar, mill-kmamar tal-kummerċ kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi[37]. Daqstantieħor kien hemm appoġġ qawwi għal strument mifrux madwar l-UE biex jipproteġi lin-negozji kontra l-prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni li l-aktar jagħmlu ħsara[38].

Il-konsultazzjoni turi wkoll li kważi l-ebda Stat Membru s’issa ma ħa xi azzjoni transkonfinali rigward reklamar qarrieqi. Ħafna mill-Istati Membri jikkunsidraw li dan huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni strutturata u d-dgħufija tad-Direttiva ta’ Reklamar Qarrieq u Komparattiv, li fiha biss klawżoli ġenerali għall-evalwazzjoni ta’ jekk komunikazzjoni kummerċjali tkunx qarrieqa[39].

4.           Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni fil-fond tal-kwistjonijiet fir-rigward tal-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni, imsejsa fuq il-konsultazzjoni pubblika, l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri u fuq diversi lmenti, u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

· Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv[40] u s-sistemi eżistenti tal-awtoregolazzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva jidhru li jipprovdu qafas regolatorju pjuttost sod għal parti konsiderevoli tas-suq tar-reklamar bejn in-negozji. F’bosta Stati Membri n-negozji ħolqu kodiċi ta’ awtoregolazzjoni volontarji u standards għal reklamar li huma ta’ għajnuna fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni ġusta, fid-definizzjoni tal-prattiki tajba ta’ negozju u f’li joffru modi alternattivi ta’ kif jiġu solvuti d-disputi.

· Madankollu, il-persistenza ta’ ċerti skemi qarrieqa fuq skala kbira turi li t-taħlita li teżisti bħalissa ta’ regoli li jgħoddu madwar l-UE kollha, flimkien ma’ ħtiġijiet ta’ awtoregolazzjoni, jeħtieġ li jissaħħu biex jindirizzaw ċerti każijiet ta’ frodi li jiġu identifikabbli b’mod ċar. In-negozji ż-żgħar huma l-iktar affettwati minn prattiki bħal dawn, peress li l-vulnerabbiltà tagħhom mhijiex differenti wisq minn dik tal-konsumaturi. Fl-istess ħin, f’relazzjonijiet bejn in-negozji huwa mistenni l-istess livell ta’ reqqa minn negozji żgħar u minn korporazzjonijiet kbar.

· Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-interpretazzjoni ta’ regoli dwar reklamar komparattiv fejn ġiet żviluppata ġurisprudenza sinifikanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

4.1.        Prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni li jeħtieġu azzjoni leġiżlattiva fuq il-livell tal-UE

L-iskala, il-persistenza u d-danni finanzjarji li jirriżultaw minn ċerti prattiki kummerċjali li huma biċ-ċar qarrieqa, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak transkonfinali, jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod aktar immirat u effiċjenti fil-livell tal-UE.

L-ewwel nett, id-definizzjoni ta’ reklamar fid-Direttiva attwali mhix ċara biżżejjed biex jitwaqqfu ċerti prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li qed jitwettqu bħalissa, u biex ikun hemm reazzjoni għal żviluppi futuri. Id-Direttiva tiddefinixxi r-reklamar f’termini wesgħin bħala rappreżentazzjoni li ssir fi kwalunkwe forma sabiex tippromwovi prodotti jew servizzi iżda din id-definizzjoni tista’ ma tkunx preċiża fejn jidħlu prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni moħbija bħala fattura jew ħlas obbligatorju. Konsegwentement, il-kummerċjanti affettwati, kif ukoll l-aġenzjiji ta’ infurzar nazzjonali jsibuha xi kultant diffiċli biex jirrikonoxxu li prattiki bħal dawn huma "reklamar" skont it-tifsira tad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv u għalhekk ma jagħmlux użu xieraq minnha bħala bażi legali għal azzjoni.

Barra minn hekk, it-test għad-determinazzjoni ta’ jekk prattika hix qarrieqa ma jagħtix biżżejjed ċertezza legali biex jiġu indirizzati b’mod ċar dawn l-iskemi li jkunu b’mod ċar qarrieqa[41] peress li hija wiesgħa, ġenerali u miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti u valutazzjoni każ b’każ. Il-projbizzjoni ulterjuri speċifika ta’ prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni, pereżempju billi tinħeba l-intenzjoni kummerċjali ta’ komunikazzjoni, fil-forma ta’ "black-list" issaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-livell ta’ protezzjoni, mingħajr ma taffettwa bla bżonn il-libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet kummerċjali.

Id-Direttiva attwali ma tipprovdix għal proċedura ta’ kooperazzjoni transkonfinali[42] u għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom l-ebda bażi formali biex jitolbu azzjoni ta’ infurzar mill-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda strumenti stabbiliti għall-iskambjar tal-informazzjoni dwar prattiki tas-suq li jaffettwaw lin-negozji fl-Ewropa.

Barra minn hekk, f’xi Stati Membri[43] l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx setgħat ta’ infurzar biex iwaqqfu prattiki bħal dawn f’relazzjonijiet bejn in-negozji. Konsegwentement, f’każijiet ta’ prattiki qarrieqa transkonfinali l-vittmi jeħtieġ li jieħdu azzjonijiet ċivili f’ġurisdizzjonijiet barranin, bi spejjeż kbar għalihom. Anke jekk il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa jsiru fuq skala kbira u jikkawżaw danni finanzjarji ġenerali sinifikanti, l-unika reazzjoni amministrattiva hija permezz ta’ investigazzjonijiet kriminali dwar il-frodi li ma jidhrux li jġibu riżultati suffiċjenti. Ta’ spiss ikun diffiċli biex jiġi ppruvat li prattiki qarrieqa jkunu frodi f’sens kriminali peress li jista’ jkun li apparentement ikun hemm xi servizz li jingħata b’kumpens.

L-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx sistema ta’ koperazzjoni reċiproka u ma jistgħux jitolbu azzjoni ta’ infurzar mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri l-oħra meta l-prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni jipperikolaw l-interess ekonomiku kollettiv tan-negozji. L-għan mhux dak li wieħed jidħol f'disputi kummerċjali u li jiġu nfurzati d-drittijiet ta' kumpanniji individwali iżda li jsir intervent f’każijiet serji fejn is-suq ma jaħdimx, fejn prattiki mifruxa jkunu ta’ dannu għan-negozji Ewropej.

4.2.        Ir-Reklamar komparattiv

Għalkemm f’reklamar komparattiv hemm ir-riskju inerenti ta’ qerq fir-rigward tal-prodotti mqabbla u l-prezzijiet tagħhom, dan it-tip ta’ riklamar jista’ jippromwovi t-trasparenza fis-suq u l-kompetizzjoni. Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttva dwar ir-Reklamar Komparattiv evolva korp rispettabbli ta’ ġurisprudenza dwar l-ambitu tar-reklamar komparattiv[44].

Abbażi ta’ dik il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-ambitu tad-definizzjoni ta’ reklamar komparattiv u r-relazzjoni tiegħu ma’ ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-kompetituri. Oqsma li għandhom mnejn jeħtieġu aktar kjarifika huma relatati mal-użu ta’ marka kummerċjali ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv, il-paragun ta’ prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini ma’ dawk mingħajr denominazzjoni bħal din kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar ta’ kummerċjant ikun jista’ legalment jiġi bbażat fuq tqabbil tal-prezzijiet li jikkonċerna biss ċerti gruppi ta’ prodotti.

5.           Passi futuri

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-problemi madwar id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv turi li hija meħtieġa azzjoni leġiżlattiva minħabba li l-qafas leġiżlattiv attwali għandu diversi nuqqasijiet, kemm fir-rigward ta’ regoli sostantivi kif ukoll tal-infurzar (regoli proċedurali). Il-Kummissjoni għalhekk fi ħsiebha tressaq proposta biex tissaħħaħ il-protezzjoni tan-negozji kontra prattiki transkonfinali qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni. Din il-proposta, li tiġi emendata d-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv, se tkun imsaħħa b’inizjattiva li se titħabbar dalwaqt li tindirizza prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozji fil-katina tal-bejgħ bl-imnut.

Din ir-reviżjoni tad-Direttiva se tkun immirata lejn oqsma speċifiċi ta’ tħassib. Ser tiċċara l-interazzjoni tad-Direttiva mad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali. Hija ser tiffoka wkoll fuq it-titjib tal-effettività tal-infurzar transkonfinali, inkluż il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ewlenija sostantivi. Se tkun ta’ reazzjoni għall-ħtiġijiet tan-negozji filwaqt li fl-istess ħin jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż amministrattiv mhux meħtieġ[45]. Il-Kummissjoni se żżid ukoll l-infurzar u toħloq grupp ta’ ħidma ad hoc ta’ infurzaturi nazzjonali b’effett immedjat.

5.1.        L-intensifikar tal-infurzar tar-regoli eżistenti bħala azzjoni immedjata

Minkejja l-limitazzjonijiet tal-qafas leġiżlattiv attwali dwar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn in-negozji, il-Kummissjoni se tinsisti għal infurzar aħjar fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet eżistenti.

Bħala l-ewwel pass u b’mod parallel mal-ħidma leġiżlattiv tagħha, il-Kummissjoni se tqawwi l-infurzar tad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv. Għal dan il-għan hija se tesplora, flimkien mal-Istati Membri, liema miżuri jistgħu jittieħdu fi ħdan id-dispożizzjonijiet eżistenti biex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-negozji qabel ma tidħol proposta ġdida fis-seħħ.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin se toħloq grupp ta’ ħidma ad hoc ta’ infurzaturi nazzjonali u ta’ awtoritajiet ewlenin biex jiskambjaw informazzjoni dwar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq skala kbira u biex aktar jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ infurzar.

Il-Kummissjoni Ewropea se: - Tistabbilixxi, immedjatament, netwerk ad hoc ta’ awtoritajiet biex issaħħaħ l-infurzar tad-Direttiva ta’ Reklamar Qarrieqi u Komparattiv biex tiġi skambjata l-informazzjoni.

5.2.        It-tressiq ta’ proposta leġiżlattiva

5.2.1.     Regoli sostantivi ġodda dwar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni

Flimkien ma’ infurzar u kooperazzjoni aħjar, huwa ċar li n-negozji jeħtieġu regoli sostantivi addizzjonali li jiċċaraw il-pożizzjoni legali u li jkunu mmirati lejn l-aktar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li jaffettwahom madwar l-Ewropa.

B’mod partikolari, l-ambitu tad-Direttiva għandu jiġi ċċarat sabiex klawżola ġenerali tkopri mingħajr ambigwità u tipprojbixxi t-tipi differenti kollha ta’ prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni.

L-introduzzjoni ta’ definizzjoni ġdida ta’ x’inhuma prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni se tiċċara l-ambitu tad-Direttiva u taqdi aħjar l-iskop tal-protezzjoni tan-negozju peress li tkun tkopri aħjar sitwazzjonijiet fejn prattika ta' kummerċjalizzazzjoni ma tkunx tista’ faċilment tingħaraf bħala reklamar tipiku. Dan jelimina l-konfużjoni u tiġi stabbilita ċ-ċertezza legali. Xi prattiki speċifiċi ta’ reklamar, bħal “green claims”[46], jista’ jkun li jkunu jinħtieġu definizzjonijiet addizzjonali u ċari minħabba l-prattiki qarrieqa rrappurrati f’dan il-qasam[47].

Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ il-protezzjoni mogħtija mill-klawsoli ġenerali fid-Direttiva billi tintroduċi saff addizzjonali ta’ protezzjoni, li se jiffaċilita wkoll infurzar aktar ċar, fil-forma ta’ “black-list” ta’ prattiki pprojbiti ta’ prattiki qarrieq ta’ kummerċjalizzazzjoni. Konsegwentement, l-istrumenti leġiżlattivi tal-futur ser ikunu bbażati fuq sistema ta’ żewġ livelli ta’ projbizzjoni flimkien ma’ klawżola ġenerali li tkun tkopri l-prattiki qarrieq kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll “black-list” speċifika tal-aktar skemi ta’ ħsara fir-relazzjonijiet bejn in-negozji.

B’mod partikolari, tali “black-list” tkun tinvolvi projbizzjoni bil-quddiem fuq prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni bħal ma hu l-ħabi tal-intenzjoni kummerċjali ta’ xi komunikazzjoni, l-identità ta’ kummerċjant jew informazzjoni materjal dwar il-konsegwenzi meta komunikazzjoni tingħata tweġiba. Barra minn dan, għandu jiġi pprojbit b’mod ċar li komunikazzjoni kummerċjali tingħata l-bixra qarrieqa ta’ fattura jew ta’ pagament obbligatorju. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll soluzzjonijiet fil-livell nazzjonali, bħal fl-Awstrija u l-Belġju, fejn hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu jew għadd ta’ prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni jew biss il-prattiki tal-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li teżamina l-possibilità li jissaħħu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikati skont id-Direttiva. Kwalunkwe tali proposta ġdida tkun teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-penali għal prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni f’relazzjonijiet bejn in-negozji ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi[48].

Il-Kummissjoni qiegħda tippjana wkoll li tkompli tikkjarifika aktar ir-regoli dwar ir-reklamar komparattiv, b’mod partikolari fejn jolqot it-tqabbil tal-prezzijiet u r-relazzjoni bejn reklamar komparattiv u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Il-Kummissjoni Ewropea bi ħsiebha tirrevedi d-Direttiva sabiex: - Tikkjarifika l-ambitu tagħha billi tintroduċi definizzjoni aktar ċara ta’ x’inhuma prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni; - Tintroduċi “black-list” tal-aktar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li jagħmlu ħsara; - Tintroduċi penali effettivi, proporzjonati u disswasivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni tad-Direttiva; - Tikkjarifika ċerti aspetti ta’ reklamar komparattiv abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

5.2.2.     Proċedura ġdida ta’ kooperazzjoni tal-infurzar

Sabiex tindirizza d-diverġenzi fis-sistemi ta’ infurzar nazzjonali u n-nuqqas fid-Direttiva eżistenti ta’ bażi għal kooperazzjoni transkonfinali effiċjenti, il-Kummissjoni beħsiebha toħloq proċedura ta’ koperazzjoni fl-infurzar f’dan il-qasam li, filwaqt li toħloq kosti addizzjonali minimi, tkun tippermetti lill-infurzaturi li b’mod effiċjenti jirreaġixxu kull meta l-problemi transkonfinali jsiru sistematiċi, jaffettwaw l-interess kollettiv tal-intrapriżi fl-Ewropa u b’mod evidenti jiksru r-regoli tal-kummerċ ġust u prattiki kummerċjali tajba.

Il-Kummissjoni għaldaqstant biħsiebha tipproponi proċedura ta’ kooperazzjoni fl-infurzar bl-iskop tal-protezzjoni tan-negozji fil-qasam ta’ prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Sabiex tiġi stabbilita bażi ċara għal azzjoni ta’ infurzar transkonfinali, jiddaħħal obbligu espliċitu ta’ assistenza reċiproka fil-proposta leġiżlattiva. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom jobbligaw lill-Istati Membri biex jaħtru awtoritajiet b’setgħat ta’ infurzar ex officio għall-implimentazzjoni tajba u effettiva tad-Diretttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi u Komparattiv. Dan ifisser li l-Istat Membru jkunu jistgħu anki jestendu s-setgħat tal-awtoritajiet eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur jew il-kompetizzjoni[49] u mhux neċessarjament jintroduċu korpi amministrattivi ġodda. Applikazzjoni onlajn għall-iskambju ta’ talbiet tkun garanzija ta’ kooperazzjoni ħafifa, sikura, u kosteffiċjenti mingħajr wisq piż u kosti addizzjonali għall-Istati Membri. Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) li diġà teżisti tista’ tintuża għal dan l-iskop.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tfittex ukoll kooperazzjoni fuq livell internazzjonali sabiex jiġi żgurat li n-negozji Ewropej ma jkunux fil-mira ta’ prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li joriġinaw minn barra l-Ewropa[50].

Fil-kuntest tar-reviżjoni leġiżlattiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li: - Toħloq proċedura ta’ kooperazzjoni fl-infurzar (netwerk ta’ infurzar) li jiġbor l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali inkarigati mil-leġiżlazzjoni li tipproteġi n-negozji biex jikkooperaw f’każijiet ta’ prattiki transkonfinali qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa; - Tintroduċi obbligi ta’ assistenza reċiproka għall-Istati Membri li jinvolvu l-possibilità espliċita li jintalbu miżuri ta’ infurzar f’sitwazzjonijiet transkonfinali; - Tintroduċi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jaħtru awtorità ta’ infurzar fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni bejn in-negozji.

6.           Konklużjonijiet

L-intrapriżi żgħar u medji ħolqu 85% tal-impjiegi netti ġodda fl-UE bejn l-2002 u l-2010[51]. Huma għandhom il-potenzjal biex jikbru u joħolqu impjiegi ġodda, li huwa eżattament dak li teħtieġ l-Ewropa fi żminijiet ta’ inċertezza ekonomika. Sabiex jiffjorixxu u jespandu fis-Suq Uniku, in-negozji kollha għandhom bżonn ta’ ambjent regolatorju pożittiv li mhux biss jiggarantilhom il-libertà ekonomika iżda wkoll iservi ta’ garanzija ta’ sigurtà fi tranżazzjonijiet ma’ kummerċjanti oħra. In-negozji ż-żgħar, b’mod partikolari, jeħtieġu wkoll sigurtà bażika kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Il-Kummissjoni għaldaqstant beħsiebha tipproponi tibdil speċifiku għad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv bil-ħsieb li jiġu eliminati prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-settur ta’ bejn in-negozji, bħal fil-każ tal-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva mmirata u se żżid l-azzjonijiet biex tiżgura li r-regoli eżistenti jiġu implimentati kif suppost.

[1]               Ewropa 2020 “Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” - COM(2010) 2020.

[2]               L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, 9 minn kull 10 SMEs huma mikroimpriżi, li jħaddmu anqas minn 10.

[3]               Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (imsemmija f’din il-Komunikazzjoni bħala “id-Direttiva”); ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

[4]               Ara t-taqsima 3.2. Kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa huma kummerċjanti li jużaw prassi ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa u jibagħtu formoli li fihom jitolbu lin-negozji biex jaġġornaw id-dettalji fid-direttorji tagħhom, apparentament b’xejn. Jekk in-negozji mmirati jiffirmaw il-formola, huma madankollu jiġu mgħarrfa li jkunu ffirmaw kuntratt, u jkollhom jibdew iħallsu somma fis-sena.

[5]               Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji Żgħar għall-Ewropa, COM(2011)78

[6]               Kull reklamar li espliċitament jew b’implikazzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur.

[7]               Skont l-Artikolu 1 tagħha id-Direttiva tipproteġi n-negozji biss kontra reklamar qarrieqi iżda tistabbilixxi kundizzjonijiet għal reklamar komparattiv, immirat kemm lejn il-konsumaturi kif ukoll in-negozji.

[8]               Id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE tal-10 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi; ĠU L 250, 19.09.1984, p. 17

[9]               Id-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997 li temenda d-Direttiva 84/450/KE

[10]             Filwaqt li fid-Danimarka, l-Isvezja jew ir-Renju Unit ir-reklamar komparattiv kien jintuża b’mod relattivament wiesa’ u fi Franza, il-Ġermanja u l-Italja kien espliċitament permess permezz tal-ġurisprudenza, għalkemm b’mod restrittiv, fil-Lussemburgu kien ikkunsidrat bħala att ta’ kompetizzjoni żleali u fil-Portugall kien kienet soġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni ad hoc.

[11]             Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prassi Kummerċjali Żleali) ĠU L 149, 11.06.2005; p.22

[12]             Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv; ĠU L 376, 27.12.2006. p. 21

[13]             Fil-Bulgarija hemm dispożizzjonijiet dwar reklamar qarrieqi u komparattiv inklużi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Kompetittività. F’Ċipru hemm liġi separata dwar il-kontroll ta’ riklamar qarrieqi u komparattiv. L-Ungerija, f’sitwazzjonijiet bejn in-negozji, tiddistingwi bejn reklamar qarrieqi, regolat mill-Att dwar ir-rekwiżiti bażiċi u ċerti restrizzjonijiet ta’ reklamar kummerċjali, u prassi oħrajn inġusti, regolati mill-Att dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki inġusti ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni inġusta. Il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom liġijiet separati dwar ir-reklamar.

[14]             L-Artikolu 5(1) u (3), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/114/KE

[15]             Fi Franza, l-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Konsumatur tista’ twettaq investigazzjonijiet kontra kummerċjanti illegali u xi reati jistgħu jinvolvu sanzjonijiet kriminali. L-Awtorità Taljana tal-Antitrust għandha setgħat biex tinvestiga każijiet ta’ reklamar qarrieqi li jeffettwa n-negozji u biex timponi multi. Fil-Litwanja, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni jista’ jimponu penali amministrattivi. Bl-istess mod, ir-Rumanija għandha sistema ta’ infurzar fejn id-Direttorat Ġenerali għal għajnuna mill-Istat, il-Prattiki Inġusti u l-Prezzijiet Regolati jista’ jimponi multi fuq il-kummerċjanti. Fir-Renju Unit, l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust jista’ jibda proċedimenti tal-qorti għal inġunzjoni ċivili, iżda reklamar qarrieqi huwa wkoll reat kriminali li jista’ jwassal għal ssa entejn priġunerija.

[16]             Xi każijiet ta’ prattiki fuq skala kbira ta’ reklamar li jkun b’mod ċar qarrieqi ġew indirizzati taħt il-leġiżlazzjoni penali nazzjonali kontra l-frodi.

[17]             Ara b’mod partikolari l-każijiet C-362/88 GB-INNO-BM; C-373/90 Proċedimenti kriminali kontra X; C-126/91, Schutzverband gegen unwesen in der Wirtschaft; C-210/96 Gut Springenheide u Tusky; C-220/98 Estee Lauder; C-112/99 Toshiba Europe; C-44/01 Pippig Augenotopic; C-71/02, Herbert Karner Industrie-Auktionen; C-228/03 Gillette; C-59/05. Siemens; C 533/06 O2 Holdings; C-487/07, L 'Oréal; C-414/06 Lidl Belgium; C-159/09 Lidl.

[18]             C-356/04 Lidl Belgium.

[19]             C-381/05 De Landtsheer Emmanuel SA.

[20]             21 Stat Membru wieġbu għall-kwestjonarju.

[21]             Dan inkluda r-riklamar online, il-pretensjonijiet ambjentali, ir-reklamar komparattiv, eċċ. Il-Komunikazzjoni ma tindirizzax ċerti prattiki kuntrattwali bejn il-kumpaniji l-aktar fis-settur tal-bejgħ bl-imnut li jistgħu possibbilment jiġu kkunsidrati inġusti minħabba relazzjoni żbilanċjata li tirriżulta minħabba s-saħħa superjuri konsiderevoli ta’ negozjar ta’ xi kompetituri fis-suq. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu indirizzati fl-inizjattiva li ġejja dwar prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozji fil-katina tal-bejgħ bl-imnut.

[22]             Il-Kummissjoni rċeviet risposti mill-partijiet interessati mill-Istati Membri kollha minbarra mil-Latvja, il-Litwanja u Malta.

[23]             Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?userstate=DisplayPublishedResults&form=MisleadingAd

[24]             Il-Federazzjoni Finlandiża tal-Impriżi nnutat li, skont stħarriġ, 60% tal-kummerċjanti li jimpjegaw lilhom infushom irċivew reklamar distrurbanti fl-2010. L-Assoċjazzjoni Ġermaniża kontra l-Kriminalità Ekonomika (DSW) tistma li n-negozji potenzjalment iġarrbu telf fis-sena ta’ madwar € 340 miljun minn dawk il-prattiki fil-Ġermanja.

[25]             Ara t-taqsima 3.2.

[26]             Prattika fejn negozjanti jiddikjaraw b’mod falz li l-prodotti tagħhom ikollhom effetti ta’ benefiċċju fuq l-ambjent, pereż. f’rabta mat-tema tal-effiċjenza enerġetika.

[27]             L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pubblikaturi ta’ Direttorji u Databases (EADP), li tirrappreżenta l-industrija tad-direttorji, tosserva li dan it-tip ta’ prattiki inġusti kienu ġew irrappurtati anke 40 sena ilu u waħda mir-raġunijiet għall-ħolqien tal-assoċjazzjonijiet membri tagħha kienet preċiżament biex issir distinzjoni bejn kummerċjanti leġittiimi u dawk qarrieqa.

[28]             Bħal ma huma l-ittri elettroniċi, is-siti elettroniċi jew ir-reklamar fuq il-medja soċjali, il-messaġġi bit-telefon ċellulari.

[29]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa 2008/2126 (INI) A6-0446/2008.

[30]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar il-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa 2011/0269 B7 0342/2011.

[31]             "Prattiki qarrieqa ta’ kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni tas-suq intern attwali u futura mmirata lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-SMEs" IP/A/IMCO/FWC/2006-058/LOT4/C1/C6.

[32]             B’mod partikolari l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

[33]             Pereżempju, il-Federazzjoni Daniża tal-Impriżi kienet qed tirċievi f’mument minnhom 200 telefonata kull xahar rigward din il-problema. Kumpanija tal-awtoregolazzjoni r-reklamar Spanjola rċeviet 902 ilmenti matul l-aħħar 5 snin. L-awtoritajiet Belġjani rapportaw li aktar minn 9% tal-ilmenti kollha (mingħand il-konsumaturi u n-negozji) jikkonċernaw il-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa.

[34]             UWG (il-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta) it-Taqsima 28a.

[35]             L-Art 95-99 tal-liġi Belġjana tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar il-prattiki kummerċjali u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kapitolu 4 Taqsima 2: Prattiki żleali fis-suq fir-rigward ta’ persuni għajr il-konsumaturi.

[36]             79% ta’ dawk li wieġbu kienu favur it-tisħiħ tal-ħarsien ta’ negozji żgħar, speċjalment fi tranżazzjonijiet transkonfinali.

[37]             85% ta' dawk li wieġbu appoġġjaw il-ħolqien ta' proċedura ta’ koperazzjoni f’każijiet transkonfinali.

[38]             84% ta’ dawk li wieġbu jappoġġjaw leġiżlazzjoni għall-UE kollha kontra l-prattiki kummerċjali li l-aktar jagħmlu ħsara li jaffettwaw lin-negozji.

[39]             Id-dgħufija ta’ dispożizzjonijiet sostantivi tikkonċerna prinċipalment il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ jekk reklamar ikunx qarrieq kif spjegat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

[40]             Id-definizzjoni wiesgħa ta’ reklamar (l-Artikolu 2a), reklamar qarrieqi (l-Artikolu 2b) u r-raġunijiet għall-valutazzjoni ta’ jekk reklamar ikunx qarrieq (l-Artikolu 3).

[41]             L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/114/KE

[42]             Pereżempju, proċedura simili għall-obbligi ta’ assistenza reċiproka stipulata fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi.

[43]             Eż. ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Pajjiżi Baxxi u l-Polonja.

[44]             C-112/99 Toshiba Europe, C-44/01 Pippig Augenoptik, C-356/04 Lidl Belgium, C-59/05 Siemens AG; C-381/05 De Landtsheer Emmanuel, C-533/06 O2 Holdings; C-487/07 L 'Oréal SA u C-159/09 Lidl.

[45]             L-azzjonijiet previsti se jkunu suġġetti għal valutazzjoni sħiġa ta’ impatt u għar-regoli stabbiliti fil-qafas finanzjarju propost mill-Kummissjoni.

[46]             Meta ssir dikjarazzjoni li l-prodott huwa aktar ta’ benefiċċji jew jagħmel anqas ħsara lill-ambjent minn prodotti offruti mill-kompetituri.

[47]             B’mod parallel, il-Kummissjoni beħsiebha tirrakkomanda l-aħjar prattiċi abbażi ta’ approċ taċ-ċiklu tal-ħajja u ta’ metodoloġiji adegwati, bħall-metodoloġiji armonizzati Ewropej li ġejjin għall-kalkolu tal-Impatt Ambjentali tal-Prodotti (PEF) u l-Organizzazzjonijiet (OEF).

[48]             Simili għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prassi kummerċjali inġusti.

[49]             Se ssir valutazzjoni kemm tal-vijabbiltà li jiġi estiż l-ambitu tal-proċedura eżistenti ta’ koperazzjoni, bħall-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi fil-każ ta’ xi prattiki bejn in-negozji kif ukoll tal-istabiliment ta’ proċedura ddedikata ġdida ta' kooperazzjoni.

[50]             Pereżempju tali kooperazzjoni tista’ sseħħ fil-qafas tan-Netwerk Internazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Infurzar (ICPEN)

[51]             “L-SMEs joħolqu aktar impjiegi, u aħjar?", Studju dwar l-impatt tal-SMEs fuq is-suq tax-xogħol tal-UE mħejji mill-EIM Business and Policy Research b’appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea. Zoetemeer, Novembru 2011.