52012DC0686

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tieni rapport biannwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen Mill-1 ta’ Mejju 2012 sal-31 ta’ Ottubru 2012 /* COM/2012/0686 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tieni rapport biannwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen Mill-1 ta’ Mejju 2012 sal-31 ta’ Ottubru 2012

1.           Introduzzjoni

Kif imħabbar mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2011 fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tisħiħ tal-governanza Schengen[1] u appoġġat mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni/il-Kumitat Imħallat fit-8 ta’ Marzu 2012, fis-16 ta’ Mejju 2012 il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport biannwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament taż-żona Schengen[2]. Konsegwentement, kien diskuss fil-laqgħa tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2012 u fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fl-4 ta’ Lulju 2012. Dan it-tieni rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2012 sal-31 ta’ Ottubru 2012.

2.           Is-Sitwazzjoni

2.1.        Is-sitwazzjoni fuq il-fruntieri esterni ta’ Schengen

Matul April u Ġunju 2012, instabu madwar 23 000 qsim irregolari tal-fruntieri, li jikkonsistu fi flussi mħallta ta’ migrazzjoni. Dan jikkostitwixxi tnaqqis ta’ 44 % fl-UE meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, f’nofs ir-Rebbiegħa Għarbija. B’kuntrast, il-Greċja rrappurtat żieda ta’ 29 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-maġġoranza tas-sejbiet kollha, 56 %, saru fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Greċja u t-Turkija, li jfisser li din is-sezzjoni tal-fruntiera tibqa’ żona taħraq għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE. L-aktar nazzjonalità misjuba b’mod komuni f’din il-parti tal-fruntiera kienet ta’ Afgani, segwit min-nies mill-Bangladexx u mis-Sirja[3].

Madankollu, wara t-tnedija Griega f’Awwissu 2012 tal-operazzjoni Shield, li fiha l-Greċja rridistribwiet madwar 1 800 gwardja tal-fruntiera fuq l-art bejn il-Greċja u t-Turkija, iż-żieda qawwija ta’ qabel fin-numru ta’ qsim tal-fruntieri irregolari misjuba kienet segwita minn tnaqqis sinifikanti. Sa issa, l-awtoritajiet Griegi rrappurtaw tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ qbid fiż-żona Evros.

Wara d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u ta’ sigurtà fis-Sirja, kien hemm żieda sinifikanti ta’ Sirjani fis-sejbiet tal-qsim tal-fruntieri irregolari, kif ukoll soġġorni irregolari, primarjament fil-Greċja. Barra minn hekk, is-Sirjani huma kklassifikati t-tieni fost l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, l-aktar fl-Isvezja u l-Ġermanja, fejn iċ-ċittadini Sirjani li jitolbu l-asil huma mogħtija l-protezzjoni. Kwalunkwe deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fis-Sirja x’aktarx jirriżulta f’aktar żieda fin-numru ta’ persuni li qegħdin ifittxu refuġju fil-pajjiżi ġirien u, eventwalment, fl-Istati Membri tal-UE[4].

2.2.        Is-sitwazzjoni fi ħdan iż-żona Schengen

Għalkemm bħalissa l-Greċja hi l-punt ta’ daħla prinċipali għall-migranti irregolari, għall-maġġoranza tal-migranti dan hu pajjiż ta’ tranżitu aktar minn pajjiż ta’ destinazzjoni. Il-movimenti sekondarji huma riflessi fis-sejbiet ta’ qsim tal-fruntieri irregolari matul il-fruntieri fuq l-art tal-Balkani tal-Punent, il-fruntieri fuq il-baħar Taljani u titjiriet minn ajruporti Griegi għal ħafna ajruporti ewlenin tal-UE[5].

L-aħħar eżerċizzju ta’ ġbir tal-informazzjoni dwar il-flussi migratorji fl-UE/fiż-żona Schengen, l-operazzjoni Balder, twettqet mis-16 sat-22 ta’ April 2012, f’24 Stat Membru[6], kif ukoll fin-Norveġja u fl-Isvizzera. L-għan tal-operazzjoni kien li tinġabar dejta dwar il-flussi migratorji fl-Istati Membri, b’mod partikolari rigward pressjonijiet migratorji f’pajjiżi diversi, ir-rotot prinċipali użati minn migranti irregolari, il-pajjiżi destinatarji prinċipali tal-migrazzjoni, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti irregolari u l-postijiet ta’ sejbien ta’ migranti irregolari u l-mezzi ta’ trasport użati.

Skont id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri parteċipanti, kkompilata mill-Pulizija Nazzjonali Daniża[7] u kkomunikata f’Ġunju 2012, matul din il-ġimgħa ġew maqbuda 2 396 ċittadin ta’ pajjiżi terzi minn 115-il pajjiż differenti. L-akbar numru ta’ migranti irregolari fi ħdan iż-żona Schengen instabu fil-Ġermanja (520 persuna), Spanja (369 persuna) u l-Awstrija (178 persuna) u kienu daħlu fl-UE fi Spanja (207 persuni) u l-Greċja (180 persuna). Il-pajjiżi ta’ destinazzjoni prinċipali kienu Spanja (341 persuna), il-Ġermanja (281 persuna) u l-Awstrija (175 persuna).

Għalkemm tipprovdi xi informazzjoni bażika utli, id-dejta miġbura f’dawn it-tip ta’ operazzjonijiet hi pjuttost mhux kompluta, għaliex din tkopri biss ftit ġimgħat fis-sena u mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw. Għalhekk, kif innutat mill-Kummissjoni fl-ewwel rapport biannwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen u mill-Kunsill ĠAI/il-Kumitat Imħallat fis-7 ta’ Ġunju 2012, teżisti l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir u l-analiżi tad-dejta tal-movimenti migratorji irregolari fi ħdan l-UE. Minħabba li l-Istati Membri qablu li l-Kummissjoni għandha jkollha rwol f’din il-kwistjoni u li l-istrutturi eżistenti għandhom jintużaw għall-akbar skop possibbli, il-Kummissjoni, flimkien mal-Frontex, stiednet lill-Istati Membri għal laqgħa tal-esperti fit-2 ta’ Ottubru 2012 biex jiddiskutu kif jista’ jinkiseb l-aħjar għarfien tas-sitwazzjoni. L-Istati Membri kkonfermaw il-ħtieġa biex tinġabar u tiġi analizzata dejta fuq bażi regolari, filwaqt li fl-istess ħin qajjmu t-tħassib dwar ix-xogħol addizzjonali u l-użu tal-analiżi. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Frontex, bħalissa qed tiddiskuti dwar kif l-aħjar biex jipproċedu.

3.           L-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen

3.1.        Każijiet fejn reġa’ ddaħħal temporanjament il-kontroll fil-fruntieri interni

L-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[8] jistipula li, f’każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, Stat Membru jista’ jerġa’ jdaħħal il-verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni tiegħu. Matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru 2012, il-kontroll fil-fruntieri interni ġie introdott mill-ġdid darbtejn.

L-ewwel, fl-20 ta’ April 2012, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li minħabba l-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew f’Barċellona bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju 2012, kellha ddaħħal mill-ġdid il-verifiki fuq il-fruntiera interna ma’ Franza kif ukoll fl-ajruport ta’ Barċellona u ta’ Gerona bejn it-28 ta’ April u l-4 ta’ Mejju 2012. Matul din il-ġimgħa, Spanja għamlet verifiki fuq il-fruntieri fuq 669 385 persuna, li minnhom 68 persuna ġew miċħuda d-dħul, jew għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà interna, jew għax ma kellhomx dokumenti tal-ivvjaġġar validi[9].

It-tieni, fl-4 ta’ Mejju 2012, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li minħabba l-kampjonati tal-futbol EURO 2012 mit-8 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Lulju 2012, kienet iddeċidiet li ddaħħal mill-ġdid il-kontroll fil-fruntieri interni tagħha bejn l-4 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju. Matul dan il-perjodu, 28 980 persuna kienu vverifikati, li minnhom 22 persuna kienu miċħuda d-dħul u 15 kienu maqbuda[10].

3.2.        Iż-żamma tan-nuqqas ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni

Il-maġġoranza l-kbira tal-ksur allegat tal-acquis ta’ Schengen jirrigwarda l-fatt dwar jekk it-twettiq ta’ spezzjonijiet tal-pulizija qrib il-fruntieri interni jkollhomx effett ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntiera (l-artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen) u l-obbligu biex jitneħħew l-ostakoli għall-fluss fluwidu tat-traffiku, bħal-limitazzjonijiet tal-veloċità, f’punti ta’ qsim fit-toroq fil-fruntieri interni (l-artikolu 22 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen). Fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar ksur possibbli tal-artikoli 21 u/jew 22 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen f’żewġ każijiet ġodda (li jirrigwardaw lill-Ġermanja u l-Litwanja), filwaqt li għalqet tliet każijiet (li jinvolvu lill-Belġju, l-Estonja u l-Pajjiżi l-Baxxi) u kompliet tinvestiga seba’ każijiet eżistenti (li jirrigwardaw lill-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u l-Isvezja). Dan l-aħħar kien hemm bosta każijiet fi qrati Olandiżi differenti li ttrattaw il-kwistjoni dwar jekk is-sorveljanza mobbli mwettqa mill-Koninklijke Marechaussee viċin il-fruntieri interni tal-art tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-Belġju u l-Ġermanja (l-artikolu 4.17a tad-Digriet dwar il-Barranin 2000) hix kompatibbli mal-artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen. Fis-7 ta’ Frar 2012, fil-każ C-88/12 (Jaoo), ir-Rechtbank Roermond ressqet għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-kwistjoni dwar jekk din is-sorveljanza mobbli tiksirx il-projbizzjoni ta’ verifiki ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntieri (l-artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen). Barra minn hekk, fl-4 ta’ Ġunju 2012, fil-każ C-278/12 (Adil), ir-Raad van State ippreżentat l-istess kwistjoni għal deċiżjoni preliminari urġenti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fid-19 ta’ Lulju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat is-sentenza tagħha fil-każ C-278/12 (Adil). Il-Qorti kkonkludiet li l-artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jipprekludux il-verifiki minn uffiċjali responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri u l-monitoraġġ tal-barranin f’żona ġeografika qrib fruntiera interna bil-ħsieb li jivverifikaw ir-rekwiżiti għal residenza legali, sakemm il-verifika tkun ibbażata fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali dwar is-soġġorn irregolari f’dan il-post jew, sa ċertu punt, sabiex tinkiseb din l-informazzjoni u l-esperjenza, u dawn il-verifiki jkunu kkundizzjonati minn ċerti limitazzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-intensità u l-frekwenza. Billi s-sorveljanza mobbli Olandiża hi mmirata biex tiġġieled kontra s-soġġorn irregolari u għalhekk għandha skop differenti minn dak ta’ verifiki fuq il-fruntieri, hi bbażata fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali tal-pulizija, issir b’mod differenti minn verifiki fuq il-fruntieri u hi kkundizzjonata mil-limitazzjonijiet meħtieġa, il-Qorti kkonkludiet li ma għandhiex effett ekwivalenti għall-verifiki fuq il-fruntiera.

Il-Kummissjoni tinnota li, minbarra l-Pajjiżi l-Baxxi, Franza u l-Ġermanja għandhom ukoll leġiżlazzjoni speċifika applikabbli biss f’żoni tal-fruntieri interni. Barra minn hekk, hu nnotat li l-leġiżlazzjonijiet Olandiżi u Franċiżi ġew emendati diġà wara s-sentenza ta’ Melki[11]. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri li jipprovdu għal dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni speċifika biex jiżguraw li hi konformi mas-sentenzi msemmija hawn fuq u tinsab lesta li toffri l-parir tagħha lill-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tagħhom.

3.3.        Ksur allegat ta’ partijiet oħra tal-acquis ta’ Schengen

It-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (2008/115/KE) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

L-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (2008/115/KE) skadiet fl-24 ta’ Diċembru 2010. L-Istati Membri kollha tal-UE marbuta bid-Direttiva u l-pajjiżi assoċjati kollha ħlief l-Islanda nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni bdiet teżamina t-traspożizzjoni legali u l-applikazzjoni prattika fl-Istati Membri fid-dettall u se tippreżenta l-ewwel rapport ta’ applikazzjoni tagħha sal-aħħar tal-2013.

L-Implimentazzjoni tar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera (KE Nru 1931/2006)

Mid-dħul fis-seħħ tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera fl-2006, il-Kummissjoni qiegħda timmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu. F’Lulju 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob informazzjoni minn tliet Stati Membri (il-Latvja, il-Polonja u s-Slovenja) dwar il-ftehimiet bilaterali li dawn il-pajjiżi kkonkludew mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom. It-tħassib ivarja bejn l-Istati Membri, iżda jinkludi r-rekwiżiti għal assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar kif ukoll il-limitazzjonijiet tal-ambitu biss fuq iċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti, in-nuqqas ta’ rekwiżit għal perjodu minimu ta’ residenza fiż-żona tal-fruntiera, eċċ.

L-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen matul is-sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar

Hekk kif ġie rrappurtat qabel, f’Ottubru 2009 l-Kummissjoni ħarġet ittra ta’ avviż formali lill-Greċja, wara allegazzjonijiet ta’ diffikultajiet serji li jiltaqgħu magħhom l-immigranti fl-applikazzjoni għall-asil u t-trattament ħażin tal-persuni li jfittxu l-asil, inkluż ir-rifjut ta’ persuni li jistgħu jiffaċċjaw persekuzzjoni jew periklu serju. L-analiżi tal-Kummissjoni qed issir fid-dawl tal-iżviluppi kostanti, bħall-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Grieg.

Barra minn hekk, minħabba l-gruppi ta’ migranti li allegatament ġew interċettati mill-awtoritajiet Taljani fl-ibħra miftuħa u mibgħuta lura lejn il-Libja, f’Lulju tal-2009 l-Kummissjoni talbet lill-Italja biex tipprovdi tagħrif dwar il-miżuri biex jiġi evitat ir-riskju ta’ refoulement u fuq assigurazzjonijiet miksuba mill-awtoritajiet Libjani fir-rigward tal-persuni kkonċernati. Fit-23 ta’ Frar 2012, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet lill-Italja li kienet qed tikser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq il-bażi ta’ dawn l-istess fatti[12]. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni issa qed tanalizza l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza fuq l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar u fuq l-acquis dwar l-asil.

3.4.        It-twettiq tal-operazzjonijiet fuq il-fruntieri tal-baħar ikkoordinati mill-Frontex

Fil-5 ta’ Settembru 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja[13] annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE, li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-fruntieri tal-baħar ikkoordinati mill-Frontex, minħabba li fiha elementi essenzjali dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar li jmorru lil hinn mill-ambitu ta’ miżuri addizzjonali skont it-tifsira tal-artikolu 12(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u l-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea biss hi intitolata li tadotta deċiżjoni bħal din. Il-Qorti żammet l-effetti tad-deċiżjoni annullata sakemm jidħlu fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, tar-regoli ġodda intiżi li jibdluha. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva fil-bidu tal-2013.

3.5.        Dgħufijiet identifikati fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen

Fil-qafas tal-mekkaniżmu attwali ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen[14], l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri hi evalwata b’mod regolari minn esperti mill-Istati Membri, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Mejju 2012 sal-31 ta’ Ottubru 2012, saru evalwazzjonijiet ta’ Schengen dwar il-fruntieri tal-baħar fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u s-Slovenja, dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija fl-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, dwar il-fruntieri tal-ajru fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja, dwar is-SIS/Sirene fid-Danimarka, l-Islanda u n-Norveġja kif ukoll dwar il-viża fil-Latvja u l-Litwanja. Ir-rapporti għadhom qed jiġu ffinalizzati, iżda huma mistennija li jinkludu kummenti kemm pożittivi kif ukoll negattivi u rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħalma huma t-taħriġ, l-użu tal-analiżi tar-riskju, l-iskambju tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-infrastruttura fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera u l-ambaxxati/il-konsulati. Kif kien il-każ ukoll matul l-aħħar sitt xhur, ġeneralment ikun hemm lok għal titjib, iżda ma nstabu l-ebda nuqqasijiet li jkunu jeħtieġu lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata.

Barra minn hekk, mit-28 ta’ Mejju sat-2 ta’ Ġunju 2012, missjoni peer-to-peer lill-Greċja twettqet sabiex jiġi vvalutat il-progress tal-pjan ta’ azzjoni Grieg biex jissewwew in-nuqqasijiet misjuba fl-evalwazzjoni ta’ Schengen fl-2010-2011 u li jidentifikaw is-suġġetti fejn l-Istati Membri jistgħu joffru l-assistenza. Din il-missjoni marret lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni ‘Eleftherios Venizelos’, il-Port ta’ Piraeus r-reġjun ta’ Evros u għalhekk kopriet t-tipi kollha ta’ fruntieri. Kien innutat li għalkemm sar titjib viżibbli, dan xorta jeħtieġ li jitrawwem u jiġi avvanzat.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Greċja biex tkompli l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ Schengen tagħha u ttenni l-impenn tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Greċja biex tamministra l-fruntieri esterni tagħha, fost oħrajn permezz tal-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-assistenza tal-Frontex.

Għal kalendarju indikattiv ta’ evalwazzjonijiet dwar Schengen bejn Novembru 2012 u April 2013, ara l-Anness I.

3.6.        It-tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni mal-Bulgarija u r-Rumanija

Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill f’Ġunju 2011 biex kemm ir-Rumanija u kemm il-Bulgarija jissodisfaw il-kriterji biex japplikaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, f’Marzu 2012 il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill sabiex jidentifika u jimplimenta miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għall-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi. Minn dakinhar, il-Kunsill identifika numru ta’ miżuri bħal dawn, inklużi attivitajiet tal-Frontex li għaddejjin u oħrajn ippjanati, miżuri relatati mal-ġlieda kontra d-dokumenti foloz u l-frodi tal-identità u miżuri dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tiġi sorveljata kostantement.

4.           Miżuri ta’ akkumpanjament

4.1.        L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

Kif enfasizzat fir-rapport preċedenti, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hi sistema ta’ suċċess kbir li tipprovdi ħafna eluf ta’ riżultati b’suċċess kull sena. Dan is-suċċess iġib miegħu xogħol sinifikanti fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Uffiċċji SIRENE. Sar seminar fejn id-delegati tal-Uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri u l-Kummissjoni ddiskutew modi kif jistgħu jagħmlu l-prattiki ta’ ħidma aktar effiċjenti. Is-seminar wassal għal bosta proposti li jistgħu jiġu implimentati fi żmien qasir. Proposti oħrajn se jiġu indirizzati b’kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jivvalutaw jekk il-kwistjoni hix, fi kwalunkwe każ, se tiġi riżolta fl-2013 mill-karatteristiċi tas-SIS II jew teħtieġx li tiġi rfinata fi prattika ta’ ħidma riveduta.

4.2.        L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) hi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar viżi għal żjarat qosra, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati ta’ Schengen li jipproċessaw dejta dwar l-applikazzjonijiet għall-viża u dwar il-viżi kollha li jinħarġu, jinċaħdu, jiġu annullati, revokati jew estiżi. Fl-10 ta’ Mejju 2012, il-VIS ġiet imnedija b’suċċess fit-tieni reġjun, il-Lvant Qarib (l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja). Aktar minn hekk, fit-2 ta’ Ottubru 2012 il-VIS bdiet operazzjonijiet fit-tielet reġjun, il-Golf (l-Afganistan, l-Arabja Sawdija, il-Baħrejn, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Iran, l-Iraq, il-Jemen, il-Kuwajt, l-Oman u l-Qatar). Id-dati għall-bidu għall-bqija tar-reġjuni qed jiġu diskussi fost l-Istati Membri u se jiġu miftiehma fix-xhur li ġejjin.

Il-VIS qed taħdem sew mil-lat operattiv u sal-4 ta’ Novembru 2012, is-sistema kienet ipproċessat 1 774 965 applikazzjoni għall-viża, ħarġet 1 457 708 u ċaħdet 220 644 viża.

Il-kwistjoni ewlenijia ta’ tħassib tibqa’ l-kwalità tad-dejta (kemm bijometrika u kemm alfanumerikali) introdotta mill-awtoritajiet konsulari tal-Istati Membri fil-VIS. Dawn il-kwistjonijiet affettwaw f’waqtiet il-prestazzjoni tas-sistema u għandhom jiġu evitati fil-futur, minħabba l-applikazzjoni kontinwa fost ir-reġjuni tad-dinja kollha. Minkejja t-titjib gradwali, għandhom isiru sforzi biex isir aktar titjib fl-użu tal-marki tas-swaba’ ta’ kwalità tajba u biex tiġi introdotta fil-VIS l-informazzjoni obbligatorja kollha mill-applikazzjonijiet tal-viża.

4.3.        Il-politika dwar il-viża u l-ftehimiet ta’ riammissjoni

Mekkaniżmu ta’ monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

F’Awwissu 2012, il-Kummissjoni ppreżentat it-tielet rapport ta’ monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina[15], fejn spjegat l-azzjonijiet reċenti meħuda u pproponiet il-passi li jmiss. Filwaqt li n-numru ta’ persuni li qed ifittxu l-asil mis-Serbja u minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja naqas fl-ewwel nofs tal-2012 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2011 (-13% għas-Serbja u -48% għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja minn Mejju 2011 sa Mejju 2012), kien hemm żieda konsiderevoli ta’ persuni li qed ifittxu l-asil mill-Albanija (+725%), il-Bosnja-Ħerzegovina (+14%) u l-Montenegro (+77%). L-aktar talbiet għall-asil huma meqjusa bla bażi, u r-rata ta’ rikonoxximent tal-asil tibqa’ baxxa ħafna. Il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Isvezja jibqgħu il-pajjiżi destinatarji ewlenin. Dawn l-Istati Membri ħadu miżuri biex inaqqsu ż-żmien tal-ipproċessar, iżda għad hemm lok għal titjib fir-rigward, fost oħrajn, l-iskambju tal-informazzjoni, l-investigazzjoni ta’ faċilitaturi, il-kontrolli tal-ħruġ u tad-dħul imsaħħa, il-kampanji mmirati għall-għarfien u l-assistenza għall-komunitajiet ta’ minoranza.

Il-ftehimiet ta’ riammissjoni

F’April 2012, il-Kummissjoni bdiet ftehim ta’ riammissjoni mal-Kap Verde u sussegwentement nediet il-proċedura għal ratifika formali. In-negozjati mat-Turkija dwar ftehim ta’ riammissjoni ġew iffinalizzati u t-test ġie mibdi f’Ġunju 2012. L-iffirmar tal-ftehim ta’ riammissjoni u t-tnedija ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża huma mistennija. F’Ottubru 2012, ftehim ta’ riammissjoni mal-Armenja ġie mibdi u l-Kummissjoni issa qed taħdem lejn l-iffirmar u l-konklużjoni tiegħu malajr kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, tnedew negozjati mal-Azerbajġan dwar l-iffaċilitar tal-viża u l-ftehimiet ta’ riammissjoni.

ANNESS I: Il-kalendarju indikattiv tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen f’Novembru 2012 – April 2013[16]

Perjodu || L-Istati Membri || Tema

11-17 ta’ Novembru 2012 || L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja || Il-kooperazzjoni tal-pulizija

18-28 ta’ Novembru 2012 || Ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, is-Slovakkja || Il-fruntieri tal-ajru

20-26 ta’ Jannar 2013 || L-Estonja || Il-viża

10-20 ta’ Marzu 2013 || Il-Polonja, is-Slovakkja || Il-viża

14-25 ta’ April 2013 || L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja || Il-fruntieri tal-art

[1]               COM (2011)561 finali.

[2]               COM (2012)230 finali.

[3]               Analiżi tar-riskju trimestrali tal-Frontex, April-Ġunju 2012

[4]               Analiżi tar-riskju trimestrali tal-Frontex, April-Ġunju 2012

[5]               Analiżi tar-riskju trimestrali tal-Frontex, April-Ġunju 2012

[6]               Franza, il-Greċja u l-Irlanda ma pparteċipawx.

[7]               Sommarju tar-rapport tal-Pulizija Nazzjonali Daniża, Ġunju 2012

[8]               Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)

[9]               Dokument tal-Kunsill 10491/12 FRONT 84 COMIX 337

[10]             Dokument tal-Kunsill 13219/12 FRONT 115 COMIX 467

[11]             Is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010 fil-każ C-188/10.

[12]             Il-Każ ta’ Hirsi Jamaa u oħrajn vs l-Italja. L-applikazzjoni nru 27765/09

[13]             Is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012 fil-każ C-355/10, il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill

[14]             SCH/Com-ex (98) 26 def.

[15]             COM (2012) 472 finali.

[16]             Id-dokumenti tal-Kunsill 5090/4/12 SCH-EVAL 1 COMIX 6 REV 4 u 12032/12 SCH-EVAL 99 COMIX 423