52012DC0683

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-azzjoni li ttieħdet minn Spanja b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012 bil-ħsieb li ttemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern /* COM/2012/0683 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tal-azzjoni li ttieħdet minn Spanja b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012 bil-ħsieb li ttemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-gvern

1.           Proċedura ta' defiċit eċċessiv: Sfond

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fi Spanja kien hemm defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni sabiex jiġi kkoreġġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva u li wara li kienet ġiet adottata dik ir-Rakkomandazzjoni, kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-gvern. . Konsegwentement, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv mhux iktar tard mill-2013 l-aktar tard b’manjiera kredibbli u sostenibbli billi jieħu azzjoni f’qafas ta’ terminu ta’ żmien medju.

Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 biex iġġib id-defiċit tal-gvern tagħha taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG u qieset li għalhekk ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva iżda wara li kienet ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni riveduta fl-2009, kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-gvern. Il-Kunsill għalhekk adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE (ir-‘rakkomandazzjoni tal-EDP riveduta’) u talab lil Spanja tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014. Sabiex id-defiċit nominali tal-gvern jinżel għal inqas minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sal-2014, Spanja ġiet irrakkomandata li fl-2012 tagħmel titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 2.7% tal-PDG, 2.5 % tal-PDG fl-2013 u 1.9 % tal-PDG fl-2014. Abbażi tal-aġġornament tas-servizzi tal-Kummissjoni fit-Tbassir tar-rebbiegħa tal-2012, il-miri tad-defiċit nominali bit-titjib miltub tal-bilanċ tal-baġit strutturali huma 6.3 % tal-PDG għall-2012, 4.5 % tal-PDG għall-2013 u 2.8 % tal-PDG għall-2014.

L-awtoritajiet Spanjoli ġew rakkomandati wkoll jimplimentaw il-miżuri adottati fil-baġit tal-2012 u fil-pjanijiet ta' bbilanċjar mill-ġdid tal-Komunitajiet Awtonomi u biex sa tmiem Lulju 2012 jadottaw il-pjan baġitarju pluriennali għall-2013-14, inkluża strateġija baġitarja għal terminu ta’ żmien medju, li tispeċifika kompletament il-miżuri strutturali, li abbażi tal-aġġornament tat-Tbassir tar-rebbiegħa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni , huma meħtieġa biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014. Ġew rakkomandati wkoll jadottaw mingħajr dewmien miżuri addizzjonali fl-2012, jekk jimmaterjalizzaw riskji għall-pjanijiet baġitarji. Barra minn hekk, Spanja ġiet mitluba tapplika b’mod strett id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja dwar it-trasparenza u l-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-baġit. F’konformita mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fis-Semestru Ewropew, il-Kunsill talab ukoll lil Spanja tistabbilixxi istituzzjoni fiskali indipendenti biex tipprovdi analiżi, pariri u timmonitorja l-politika fiskali, iżżomm man-natura infurzabbli tal-qafas baġitarju tagħha għat-terminu ta’ żmien medju, kif ukoll timmonitorja mill-qrib l-aderenza mal-miri baġitarji matul is-sena għal-livelli kollha tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika.

2.           Valutazzjoni tal-azzjoni effettiva meħuda

Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Tqis l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji mill-10 ta' Lulju 2012, meta inħarġet l-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE.

Skont it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-PDG reali huwa projjettat li se jonqos b'1.4 % kemm fl-2012 kif ukoll l-2013, qabel ma jikber b’0.8 % fl-2014. Meta saret l-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE, il-PDG reali kien mistenni li jonqos b'1.9 % u 0.3 % fl-2012 u l-2013, rispettivament. Peress li l-irkupru kien mistenni li jasal iktar malajr u li jkun iktar b’saħħtu, it-tkabbir tal-PDG reali kien previst li jilħaq +1.1 % fl-2014. It-tbassir kemmxejn inqas negattiv għall-2012 huwa dovuta l-aktar għad-domanda domestika kemmxejn iktar reżiljenti għaliex il-konsolidazzjoni fiskali kellha impatt iktar bil-mod milli mistenni fil-mument tal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE. Fir-rigward tal-2013 u l-2014, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm bidla ta’ politika, filwaqt li t-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni iqis ukoll miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-pjan baġitarju 2013-14 u l-baġit tal-2013.

Fl-2012, skont it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa projjettat li jonqos għal 8.0 % tal-PDG, jew 7.0 % tal-PDG bl-esklużjoni tal-effett tal-injezzjonijiet kapitali fil-banek imwettqa fl-2012, minn 9.4 % tal-PDG fl-2011 (8.9 % tal-PDG bl-esklużjoni tal-injezzjonijiet kapitali fil-banek imwettqa fl-2011). Dan jaqbel mal-mira tar-rakkomandazzjoni tal-gvern u tal-EDP riveduta ta’ 6.3 % tal-PDG. Minkejja d-devjazzjoni projjettata mill-mira, it-tnaqqis mistenni fil-bilanċ nominali jkun appoġġat minn titjib sostanzjali fil-bilanċ primarju, ta’ madwar 2½ punti perċentwali (nett tal-injezzjonijiet kapitali fil-banek imwettqa fl-2012), fl-isfond tal-ekonomija li qed tiċkien bi kważi perċentwal ta’ 1½. Biex tikkumpensa għad-devjazzjoni probabbli mill-mira tad-defiċit u f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, fit-13 ta’ Lulju 2012 Spanja adottat miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali ta’ madwar 1¼ % tal-PDG. Flimkien mal-miżuri ta’ konsolidazzjoni preċedenti, inklużi fil-pakkett ta’ Diċembru 2011, ġew adottati għall-2012 l-abbozz tal-baġit tal-2012 u l-pjanijiet reġjonali tal-ibbilanċjar mill-ġdid , miżuri totali ta’ madwar 5¼ % tal-PDG. Madankollu, parti konsiderevoli ta’ dawn il-miżuri (iktar minn 1½ % tal-PDG) ma kinetx ta’ natura permanenti. Diversi żidiet fit-taxxa ġew introdotti biss fuq bażi temporanja jew kienu jikkonsistu f’li jġibu ’l quddiem il-pagamenti tat-taxxa fil-ħin. L-eliminazzjoni tal-bonus tal-Milied fis-settur pubbliku wkoll kien limitat għall-2012 biss. L-isforz ta’ konsolidazzjoni imdaqqas se jkun parzjalment kontrobilanċjat minn nuqqasijiet ta’ introjtu b’saħħithom marbuta ma’ kompożizzjoni ta’ inqas tkabbir mit-taxxa, u deterjorazzjoni iktar b’saħħtiha fis-suq tax-xogħol, pagamenti ta’ interess iktar għoljin u trasferimenti soċjali ogħla, marbuta maż-żieda fil-pensjonijiet adottati f’Diċembru tal-2011. Barra minn hekk, bħal fis-snin preċedenti, hemm indikazzjonijiet li għadd ta’ reġjuni se jerġgħu jimmissjaw il-miri baġitarji tagħhom.

Permezz tal-kalkolu tal-valur nett tal-fatturi ċikliki u miżuri ta’ darba u temporanji, it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 1.2 punti perċentwali għal -6.3 % tal-PDG fl-2012, meta mqabbel ma' titjib fil-bilanċ struttrali ta’ 2.7 % tal-PDG meħtieġ fir-rakkomandazzjoni tal-EDP riveduta. Bħala korrezzjoni għar-reviżjoni minn fuq għal isfel tat-tkabbir potenzjali tal-output fil-mument tal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7), l-isforz strutturali stmat fl-2012 se jkun madwar 0.1 punti perċentwali ogħla. Barra minn hekk, il-bidla fil-bilanċ strutturali kienet affettwata b’mod negattiv min-nuqqasijiet fl-introjtu (jiġifieri b’mod relattiv għall-iżviluppi tal-PDG bl-użu tal-elastiċitajiet tal-introjtu standard) li jammontaw għal madwar 1½ punti perċentwali tal-PDG. Fuq kollox, filwaqt li jitqiesu dawn in-nuqqasijiet fl-introjtu, l-isforz strutturali stmat ikompli jiżdied għal madwar 2¾ punti perċentwali – konformi mal-isforz meħtieġ skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Għall-2013, it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojjetta li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jonqos għal 6 % tal-PDG, meta mqabbel ma' mira ta' 4.5 % tal-PDG indikata kemm mill-gvern kif ukoll fir-rakkomandazzjoni tal-EDP riveduta. Il-bilanċ primarju huwa mistenni li jitjib b’1.8 punti perċentwali, nett tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni bankarja, fl-isfond tal-ekonomija li hija mbassra li tiċkien b’1.4 %. Wara l-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE, f'Awwissu 2012, il-gvern Spanjol ippreżenta pjan baġitarju pluriennali għall-2013-14. Madankollu, għall-2013, il-pjan ma speċifikax ħafna miżuri ta’ introjtu meta mqabbel ma' dak li kien imħabbar diġà fil-pakkett ta’ Lulju 2012. L-abbozz tal-Baġit tal-2013 li ġie ppreżentat f’Settembru ftit fih miżuri ġodda li ma kinux imħabbra preċedentament (eż. l-estensjoni b’sena tat-taxxa fuq il-ġid). Bħala total, l-impatt baġitarju tal-miżuri diskrezzjonali fl-2013 huwa mistenni li jkun madwar 1¼ % tal-PDG min-naħa tan-nefqa u madwar 1 % tal-PDG min-naħa tal-introjtu. Id-devjazzjoni tal-baġit ta’ 1½ % tal-PDG mistennija fl-2013 hija parzjalment spjegata bl-agħar pożizzjoni tal-bidu li ġiet riportata mis-sena preċedenti. Madankollu, l-abbozz tal-baġit tal-2013 huwa bbażat ukoll fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi ottimisti li jbassru li l-PDG reali se jiċkien b’0.5 % biss u li l-impjiegi se jistabbilizzaw. Dan jimplika riskju ċar li l-introjti jerġa’ jkollhom prestazzjoni inqas milli mistenni u li t-trasferimenti soċjali jaqbżu l-valur. Barra minn hekk, l-abbozz tal-liġi tal-baġit jidher li qed jissottovaluta wkoll iż-żieda fil-benefiċċji soċjali inklużi l-pensjonijiet u l-benefiċċji tal-qgħad. Għar-reġjuni, il-miżuri ta’ konsolidazzjoni ewlenin fl-2013 huma t-tnaqqis fis-saħħa u fl-edukazzjoni inklużi fil-Pjan Baġitarju tal-2013-14. Madankollu, ma hemmx informazzjoni disponibbli preżentament dwar l-implimentazzjoni attwali fil-baġits reġjonali ta' dawn il-miżuri ppjanati.

Skont it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit strutturali huwa projjettat li jkompli jonqos b’2.3 punti perċentwali u li jilħaq 4.0 % tal-PDG fl-2013, b’mod mifrux konformi mal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE li jirrikjedi titjib strutturali ta’ 2.5 % tal-PDG. B’korrezzjoni għall-bidla fi tkabbir pontenzjali stmat tal-output bejn il-projjezzjonijiet li jappoġġaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EDP riveduta u t-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-isforz strutturali jkun ta’ madwar 0.1-0.2 punti perċentwali ogħla.

Għall-2014, it-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi titjib fid-dehra ekonomika fejn it-tkabbir reali tal-PDG jmur lura għat-territorju pożittiv. Dan ma jkunx suffiċjenti biex jinkiseb iktar tnaqqis fid-defiċit nominali, li huwa mistenni li se jikber b’6.4 % tal-PDG meta mqabbel ma’ mira ta’ 2.8 % tal-PDG. Apparti minn dan l-effett bażiku, id-devjazzjoni mistennija tirrifletti l-iktar l-iskadenza ta’ miżuri temporanji meħuda fis-snin preċedenti, il-fatt li miżuri ppjanati ta’ konsolidazzjoni għall-2014 ma kinux suffiċjentament speċifikati fil-pjan baġitarju pluriennali mħabbar f’Awwissu u għalhekk ma setgħux jiġu inklużi fit-Tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni, u li l-kompożizzjoni tat-tkabbir ekonomiku se tkompli tkun fqira fit-taxxa, fejn id-dħul mit-taxxi ma jiżdiedx għal proporzjon sħiħ tal-PDG nominali. Il-pagamenti tal-interess ukoll se jkomplu jiżdiedu minħabba stokk tad-dejn ikbar.

Id-defiċit strutturali huwa projjettat li jiddeterjora b’1.3 punti perċentwali fl-2014, meta mqabbel mat-titjib rakkomandat ta’ 1.9 % tal-PDG. B’korrezzjoni għall-bidla fi tkabbir pontenzjali stmat bejn il-projjezzjonijiet li jappoġġaw l-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) u t-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-isforz strutturali stmat fl-2014 ikun ta’ madwar 0.1-0.2 punti perċentwali ogħla. Dan iħalli l-isforz strutturali madwar 3 punti perċentwali inqas mil-livell meħtieġ mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-aġġustament għal nuqqasijiet fl-introjtu mhux mistennija, probabbilment ikompli jnaqqas din id-differenza, għaliex xi introjti mhux qed isegwu d-direzzjoni tat-tkabbir implikata mit-tkabbir nominali tal-PDG. Madankollu, minħabba l-fatt li s'issa ftit li xejn miżuri ġew speċifikati għall-2014, f'dan l-istadju mhix possibbli valutazzjoni kompluta tal-azzjoni effettiva għall-2014.

Fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) ta’ Lulju 2012, Spanja kienet mitluba wkoll tapplika b’mod strett id-dispożizzjonijiet ġodda tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja (Budgetary Stability Law (BSL) fir-rigward tat-trasparenza u l-kontroll tal-eżekuzzjoni tal-baġit u li tistabbilixxi istituzzjoni fiskali indipendenti biex tipprovdi analiżi, pariri u monitoraġġ tal-politika fiskali kif ukoll biex timmonitorja tl-aderenza mal-miri baġitarji għal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Fir-rigward tal-BSL, sar titjib, b'mod partikolari, dwar ir-rapportar tad-dejta fiskali għall-gvernijiet reġjonali, li jirrapreżentaw pass ‘il quddiem fil-kisba ta’ trasparenza fiskali ikbar. Madankollu, minħabba l-isfida tal-introduzzjoni ta’ proċeduri ġodda ta’ rappurtar madwar l-amministrazzjonijiet reġjonali, għadu jrid jinkiseb rekord ta’ imġiba tajjeb fir-rigward tal-kwalità u l-konsistenza tar-rapportar. B’mod kritiku, l-implimentazzjoni tal-parti preventiva u korrettiva tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja tidher li mhix suffiċjenti. S’issa għadhom ma ġewx skattati mekkaniżmi ta’ twissija bikrija uffiċjali jew azzjoni korrettiva, minkejja l-fatt li diversi Komunitajiet Awtonomi jinsabu ċarament f’risjku li ma jissodisfawx il-miri fiskali tagħhom fl-2012. Fir-rigward tal-istabbilment ta’ istituzzjoni fiskali indipendenti, fis-27 ta’ Settembru l-gvern Spanjol ħa deċiżjoni li jistabbilixxi tali istituzzjoni. Bħalissa qed jiġu definiti l-mandat u l-istruttura governattiva tagħha. L-istituzzjoni trid tinħoloq fl-2013, ladarba tkun ġiet adottata l-liġi organika rilevanti.

3.           Konklużjonijiet

Dwar l-informazzjoni preżenti, jidher li Spanja ħadet azzjoni effettiva li tirrapreżenta progress adegwat lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2012 u l-2013 fi ħdan il-limiti speċifikati mill-Kunsill fl-10 ta’ Lulju 2012. B’mod partikolari, Spanja adottat miżuri ta’ konsolidazzjoni mdaqqsa li jammontaw għal madwar 5¼ % tal-PDG fl-2012 u għal 2¼ % tal-PDG fl-2013. B’korrezzjoni għar-reviżjonijiet tat-tkabbir potenzjali tal-output u għan-nuqqasijiet tal-introjtu minħabba tkabbir fqir fit-taxxi, it-titjib annwali stmat għall-bilanċ strutturali huwa konformi mal-isforz meħtieġ mill-Kunsill għall-2012 u l-2013. Madankollu, fl-2012 id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja fir-rigward tal-mekkaniżmi previsti tat-twissija bikrija u korrettivi biex jillimitaw id-devjazzjonijiet mill-miri baġitarji tal-Komunitajiet Awtonomi, ma ġewx implimentati b’mod effettiv. Dan jista’ jwassal għal nuqqasijiet baġitarji mġedda fil-livell reġjonali. Għall-2013, hemm riskji ċari biex jinkisbu l-miri nominali li jirriżultaw parzjalment minn xenarju makroekonomiku ottimist li jappoġġa l-abbozz tal-Baġit 2013 u projjezzjonijiet ottimisti għas-sigurtà soċjali.

Fir-rigward tal-2014, jidher li s’issa Spanja għadha ma ħaditx miżuri suffiċjenti biex twassal l-isforz strutturali meħtieġ. Il-pjan tal-baġit pluriennali mħabbar f’Awwissu ma ppreżentax miżuri speċifikati b’mod suffiċjenti biex isaħħaħ l-isforz fiskali rakkomandat. Għalhekk, għad hemm ħtieġa li jiġu speċifikati miżuri addizzjonali u permanenti għall-2014.

Fid-dawl tal-valutazzjoni t’hawn fuq, filwaqt li ttieħdet azzjoni effettiva għall-2012 u l-2013, il-miżuri għall-2014 ma jissodisfawx ir-rakkomandazzjoni tal-EDP riveduta. Abbażi ta' din il-valutazzjoni prekarja, il-Kummissjoni tikkunsidra li bħalissa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv ta' Spanja. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fi Spanja, f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-governanza fiskali, minkejja li sar progress fir-rigward tar-rapportar baġitarju fil-livell reġjonali, il-kisba ta’ grad ogħla ta’ trasparenza fiskali jkun jeħtieġ rapportar iktar komprensiv, konsistenti u f’waqqtu, fuq bażi konsolidata tal-amministrazzjoni pubblika, f'konformità mal-ESA95. Finalment, ikun importanti li jipproċedu bl-istabbilment ta' kunsill fiskali kif ippjanat u biex jiżguraw l-indipendenza istituzzjonali u finanzjarja kompluta tiegħu.

Tqabbil tal-projjezzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin

|| || 2009 || 2010 || 2011 || 2012 || 2013 || 2014

PDG reali (% bidla) || COM AF 12 || -3.7 || -0.3 || 0.4 || -1.4 || -1.4 || 0.8

COM SF 12 || -3.7 || -0.1 || 0.7 || -1.9 || -0.3 || 1.1

SP || -3.7 || -0.1 || 0.7 || -1.7 || 0.2 || 1.8

Differenza fl-output1 (% tal-PDG potenzjali) || COM AF 12 || -4.2 || -4.8 || -4.2 || -4.6 || -4.8 || -2.7

COM SF 12 || -4.3 || -4.8 || -4.2 || -5.3 || -4.7 || -2.8

SP || - || - || -3.8 || -4.3 || -3.8 || -2.1

Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika3 (% tal-PDG) || COM AF 12 || -11.2 || -9.7 || -9.4 || -8.0 || -6.0 || -6.4

COM SF 12 || -11.2 || -9.3 || -8.9 || -6.3 || -6.1 || -6.4

SP || - || - || -8.5 || -5.3 || -3.0 || -1.1

Bilanċ primarju (% tal-PDG) || COM AF 12 || -7.7 || -7.0 || -5.0 || -2.2 || -2.5 || -2.1

COM SF 12 || -9.4 || -7.4 || -6.5 || -3.1 || -2.8 || -3.1

SP || - || - || -6.1 || -2.2 || 0.2 || 2.0

Bilanċ aġġustat ċiklikament1 (% tal-PDG) || COM AF 12 || -9.4 || -7.6 || -7.6 || -6.0 || -4.0 || -5.3

COM SF 12 || -9.3 || -7.3 || -6.9 || -4.1 || -4.1 || -5.1

SP || - || - || -6.9 || -3.4 || -1.4 || -0.2

Bilanċ strutturali2 (% tal-PDG) || COM AF 12 || -8.7 || -7.6 || -7.5 || -6.3 || -4.0 || -5.3

COM SF 12 || -8.7 || -7.3 || -7.0 || -4.3 || -4.1 || -5.1

SP || - || - || -7.3 || -4.4 || -2.2 || -0.2

Dejn gross tal-gvern3 (% tal-PDG) || COM AF 12 || 53.9 || -61.5 || 69.3 || 86.1 || 92.7 || 97.1

COM SF 12 || 53.9 || -61.2 || 68.5 || 80.9 || 86.8 || 91.8

SP || - || - || 68.5 || 79.8 || 82.3 || 81.5

Noti: 1 Id-differenzi fl-output u l-bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi. 2 Bilanċ aġġustat ċiklikament bl-esklużjoni ta’ miżuri ta' darba u temporanji oħrajn. 3 Il-programm ta’ assistenza tas-settur finanzjarju għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek imdaħħal fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 2012 għadu ma kellux impatt fuq id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika u t-tbassir tad-defiċit għall-2012-14. Sors: COM AF12-Tbassir tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni; COM SF12-Tbassir tar-rebbiegħa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni; PS – Programm ta’ Stabbiltà April 2012