RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-seba’ rapport dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità /* COM/2012/0681 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-seba’ rapport
dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi
terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4 2........... Ir-riżultati miksuba minn meta
sar is-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reċiproċità........ 5 2.1........ L-Awstralja.................................................................................................................... 5 2.2........ Il-Brażil.......................................................................................................................... 7 2.3........ Il-Brunej Darussalam...................................................................................................... 8 2.4........ Il-Kanada....................................................................................................................... 8 2.5........ Il-Ġappun..................................................................................................................... 10 2.6........ L-Istati Uniti tal-Amerika (US)...................................................................................... 11 3........... Konklużjoni.................................................................................................................. 15 ANNESS................................................................................................................................... 17 1. Introduzzjoni Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001,
tal-15 ta’ Marzu 2001[1],
li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid
ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni
tal-Istati Membri (l-Anness I għar-Regolament, il-“lista negattiva”)
u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik
il-ħtieġa (l-Anness II għar-Regolament, il-“lista
pożittiva”), huwa l-istrument bażiku tal-politika komuni tagħna
dwar il-viża, li jipprovdi mekkaniżmu ta’ reċiproċità
għal każijiet fejn pajjiż terz li qiegħed fuq il-lista
pożittiva jżomm jew jintroduċi obbligu tal-viża
għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità
tal-viża attwali ġie introdott mir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 851/2005 tat-2 ta' Ġunju 2005 li jemenda
r-Regolament tal-Kunsill (KE) 539/2001[2].
Fil-qafas ta' dan il-mekkaniżmu, fil-każ li pajjiż terz
mil-lista pożittiva jintroduċi obbligu ta’ viża
għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew aktar,
il-Kummissjoni trid tieħu passi biex tikseb ir-restawr
tal-ivvjaġġar mingħajr viża mill-pajjiż terz
ikkonċernat u trid tipprovdi rapport lill-Kunsill li jista’ jkun
akkumpanjat minn proposta dwar ir-restawr temporanju tal-obbligu ta’ viża
għal ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn
hekk, il-Kummissjoni trid tipprovdi rapporti darbtejn fis-sena lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ta’ nonreċiproċità li
jistgħu jkunu akkumpanjati minn proposti xierqa, jekk ikun
meħtieġ. Is-sitt rapporti regolari dwar
ir-reċiproċità tal-viża adottati mill-Kummissjoni sa issa[3] juru li l-mekkaniżmu ta’
reċiproċità attwali deher li kien pjuttost effiċjenti: permezz
tal-isforzi li saru mill-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati,
in-numru ta’ każijiet ta’ nuqqas ta' reċiproċità li kienu
jeżistu fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu jew
fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-2005[4] - b'kollox, kważi mitt
każ bi 18-il pajjiż terz - naqas b’mod konsiderevoli. Minbarra s-sitt rapporti regolari,
il-Kummissjoni adottat rapport ad hoc dwar l-introduzzjoni
mill-ġdid mill-Kanada tal-obbligu tal-viża
għaċ-ċittadini Ċeki f'Lulju 2009[5]. Dan jirrappreżenta
l-uniku każ mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta'
reċiproċità dwar il-viża attwali fl-2005 fejn pajjiż terz
fil-lista pożittiva ġie impost mill-ġdid obbligu tal-viża
għal ċittadini ta' Stat Membru. Ir-rapporti ta’ reċiproċità
tal-viża ppreżentati mill-Kummissjoni s'issa juru li għadu
jeżisti biss numru limitat ta’ “każijiet ta' nuqqas ta’
reċiproċità”. Fis-sitt rapport ta’ reċiproċità tagħha,
il-Kummissjoni ddikjarat li: “Meta tindirizza l-każijiet l-oħra
li fadal ta’ nuqqas ta’ reċiproċità, jiġifieri rigward l-US
(l-obbligu ta’ viża għall-Bulgarija, għal Ċipru,
għar-Rumanija u għall-Polonja), u rigward il-Kanada (l-obbligu ta’
viża għall-Bulgarija u għar-Rumanija), l-UE qed tiġi ffaċċjata
bil-limiti tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità tagħha kif ġie
stabbilit fl-acquis preżenti. Tabilħaqq f’dawn il-każijiet
l-Istati Membri jiġu kkunsidrati mill-pajjiżi terzi bħala li ma
jissodisfawx il-kriterji oġġettivi għall-eżenzjoni
mill-viża stabbiliti b’mod unilaterali minn dawn il-pajjiżi terzi
fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom (eż. ma
joħorġux passaporti bijometriċi, ma jilħqux limiti ffissati
għar-rati ta’ rifjut tal-viża u/jew għar-rati ta’
soġġorn itwal minn dak awtorizzat).” Konsegwentement, il-Kummissjoni tistieden
ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex
jirriflettu dwar kif jistgħu jkunu indirizzati iktar dawn il-każijiet
ta' nuqqas ta’ reċiproċità. F’Marzu 2011, il-Parlament Ewropew adotta
dikjarazzjoni li fiha sejjaħ, fost l-oħrajn, għal reviżjoni
ta’ mekkaniżmu eżistenti ta’ reċiproċità[6]. Fil-proposta tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011
li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[7], il-Kummissjoni pproponiet li
timmodifika l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità eżistenti fid-dawl
tal-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, billi
żżid miegħu r-rwol kodeċiżiv tal-Parlament Ewropew.
Wara s-suġġerimenti li saru minn xi Stati Membri, u b’kunsiderazzjoni
għas-sejħiet magħmula mill-Parlament Ewropew għal mekkaniżmu
ġdid ta’ reċiproċità, in-negozjati mal-Parlament Ewropew u
mal-Kunsill għadhom għaddejjin bil-għan li jkun hemm
reviżjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità attwali sabiex
isir aktar effiċjenti, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ
id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. B’mod partikulari, il-mekkaniżmu
ta’ reċiproċità ġdid u rivedut għandu jimmira għal
reazzjoni aktar mgħaġġla u aktar effiċjenti f’każ li
pajjiż terz fil-lista pożittiva jdaħħal obbligu ta’
viża għal Stat Membru wieħed jew aktar. Skont id-dispożizzjonijiet
tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità eżistenti, dan is-seba'
rapport ta’ reċiproċità tal-viża jqis ir-riżultati
tal-isforzi li saru mill-adozzjoni tas-sitt rapport fil-5 ta’ Novembru 2010,
bil-ħsieb li jikseb ir-reċiproċità ta’ viża sħiħa
mal-pajjiżi terzi kollha fil-lista pożittiva. 2. Ir-riżultati
miksuba minn meta sar is-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar
ir-reċiproċità 2.1. L-Awstralja Is-sitwazzjoni fiż-żmien tas-sitt
rapport ta’ reċiproċità Iċ-ċittadini tal-Istati Membri
kollha u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen huma intitolati biex
jużaw is-sistema eVisitor mis-27 ta’ Ottubru 2008[8]. Il-Kummissjoni tqis li,
fil-prinċipju, l-eVisitor tipprovdi trattament ugwali
liċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati ta’
Schengen kollha. Madankollu, ir-rapporti ta’ kull tliet xhur dwar
l-istatistiċi tal-applikazzjonijiet tal-eVisitor juru li minħabba
d-diffikultajiet tal-Awstralja dwar l-integrità, l-applikazzjonijiet
miċ-ċittadini ta’ xi Stati Membri qed jiġu pproċessati
prinċipalment b’mod manwali sabiex ikunu jistgħu jiġu
eżaminati ulterjorment. Għalhekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha
biex tkompli tissorvelja mill-qrib l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet
għall-eVisitor. Il-Kummissjoni għandha tressaq il-valutazzjoni
tagħha ta’ jekk eVisitor tkunx ekwivalenti għall-proċess
tal-applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen f'dokument separat. Is-sitwazzjoni attwali Iċ-ċittadini tal-Istati Membri
kollha u l-pajjiżi assoċjati ta' Schengen ikomplu jużaw sistema
eVisitor, għalkemm l-applikazzjonijiet mingħand
iċ-ċittadini ta’ xi Stati Membri huma prinċipalment pproċessati
manwalment sabiex ikunu jistgħu jiġu eżaminati ulterjorment
mill-awtoritajiet Awstraljani. L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet
għall-eVisitor L-Awstralja pprovdiet lill-Kummissjoni
rapporti regolari kull tliet xhur dwar l-istatistika tal-applikazzjonijiet
għall-eVisitor li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2010
sat-30 ta’ Settembru 2011. Ir-rapporti ta' kull tliet xhur juru li
l-medja tar-rata tal-awtokonċessjoni tibqa' għolja ħafna (86,36 %).
L-awtokonċessjoni hija proċess awtomatizzat li permezz tiegħu tiġi
ċċekkjata applikazzjoni għall-eVisitor u, jekk ikunu sodisfatti
l-kontrolli awtomatizzati, tingħata l-awtorizzazzjoni għall-eVisitor,
normalment fi ftit minuti wara li tkun saret l-applikazzjoni. Ir-rati tal-awtokonċessjoni
għall-Bulgarija u r-Rumanija kienu l-anqas fost l-Istati Membri u wrew
tnaqqis fil-perjodu ta' rappurtar (minn 37 % għal kull wieħed
minnhom fir-rapport ta’ kull tliet xhur għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2010
sat-30 ta’ Settembru 2010, għal 18 % u 23 %,
rispettivament, fir-rapport ta’ kull tliet xhur għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2011
sat-30 ta’ Settembru 2011). Minħabba t-tħassib
iddikjarat dwar l-integrità fir-rigward tal-applikanti mill-Bulgarija u
mir-Rumanija, l-Awstralja kienet iddeċidiet li tipproċessa aktar minn
dawn l-applikazzjonijiet manwalment. B’konsegwenza ta’ dan, dawn
l-applikazzjonijiet qed jiġu eżaminati u l-awtorizzazzjoni eVisitor
qed tiġi mogħtija/rifjutata fi żmien jumejn sa 10 ijiem ta’
xogħol. Barra minn hekk, ir-rapporti wrew li l-Istati
Membri bl-ogħla rati ta’ Rata Modifikata ta’ Nuqqas ta’ Ritorn (MNRR)
kienu l-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija. L-MNRR hija kalkolu
tal-perċentwali ta' viżitaturi li jkunu waslu u li jkunu skadewlhom
il-viżi inizjali fi ħdan il-perjodu tar-rappurtar u li jkunu baqgħu
fl-Awstralja kontra l-liġi, li jkunu telqu mill-Awstralja b’viża
skaduta jew ikunu applikaw għal viża sussegwenti apparti l-viżi
li huma meqjusa li jkunu ta' benefiċċju għall-Awstralja.
L-ogħla rati ta’ MNRR jvarjaw b’mod konsiderevoli fost il-perjodi ta'
rappurtar ta’ kull tliet xhur (minn 9,84% għal-Latvja matul perjodu ta'
tliet xhur mill-1 ta’ Ottubru 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010,
għal 4,45% għal-Litwanja matul il-perjodu ta' tliet xhur mill-1 ta’ April 2011
sat-30 ta’ Ġunju 2011 u għar-Rumanija matul il-perjodu
ta' tliet xhur mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Settembru 2011,
filwaqt li r-rati medji tal-MNRR jvarjaw bejn 1,69% u 0,62%). Minbarra t-talba mill-awtoritajiet Awstraljani
waqt id-Djalogu bejn Uffiċjali Għolja tal-UE u tal-Awstralja dwar kwistjonijiet
ta’ migrazzjoni, asil u diversità fit-28 ta' Novembru 2011,
ġie miftiehem li fil-futur l-Awstralja tipprovdi rapporti ad-hoc
dwar l-istatistiki tal-applikazzjonijiet għall-eVisitor fuq talba
tal-Kummissjoni, sabiex tippermetti lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja
l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-eVisitor. Kif diġà ġie ddikjarat fis-sitt
rapport ta’ reċiproċità tal-viża, il-valutazzjoni ta’ jekk
l-eVisitor hijiex ekwivalenti għall-proċess tal-applikazzjoni
għall-viża ta’ Schengen se tinħareġ f'dokument separat,
b'mod parallel mal-valutazzjoni tar-Regola Finali dwar l-ESTA ("sistema
elettronika tal-awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar") (ara hawn isfel
taħt 2.6.), filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi simili. Valutazzjoni Fil-prinċipju, l-eVisitor tkompli
tipprovdi trattament ugwali taċ-ċittadini tal-Istati Membri u
tal-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen kollha. Barra minn hekk, il-medja
tal-perċentwal tal-awtokonċessjoni tibqa' konsistenti u għolja ħafna.
Is-sitwazzjoni attwali ma twassalx għal problemi
għaċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli
tissorvelja l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-eVisitor
bil-għan li tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-eVisitor hijiex
ekwivalenti għall-proċess tal-applikazzjoni għall-viża ta’
Schengen. 2.2. Il-Brażil Is-sitwazzjoni fiż-żmien tas-sitt
rapport ta’ reċiproċità Ftehimiet bejn l-UE u l-Brażil dwar
eżenzjonijiet mill-viża għal permanenzi qosra
għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' servizz jew
uffiċjali u għad-detenturi ta' passaporti ordinarji ġew
inizjalati miż-żewġ partijiet f'April 2010. Il-Kummissjoni
ppruvat tirratifika malajr kemm jista’ jkun iż-żewġ ftehimiet
mill-Unjoni Ewropea u impenjat ruħha biex tissorvelja r-ratifika
min-naħa Brażiljana, sabiex tiżgura l-ivjaġġar
ħieles mill-viża għall-Brażil miċ-ċittadini
tal-Istati Membri kollha. Is-sitwazzjoni attwali Il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Brażil dwar eżenzjonijiet mill-viża għal permanenzi qosra
għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' servizz jew
uffiċjali u għad-detenturi ta' passaporti ordinarji ġew
formalment iffirmati fit-8 ta' Novembru 2010. Fl-24 ta' Frar 2011, il-Kunsill
adotta d-Deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni
taż-żewġ ftehimiet dwar ir-rinunzja tal-viża għal
permanenzi qosra mal-Brażil, u n-naħa Brażiljana ġiet
innotifikata immedjatament. Il-Gvern Brażiljan approva l-ftehim dwar
ir-rinunzja għall-viża għal permanenzi qosra għad-detenturi
ta' passaporti diplomatiċi, ta' servizz jew uffiċjali fis-7 ta' Diċembru 2010.
Konsegwentement, dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2011
u għaldaqstant inkisbet reċiproċità sħiħa dwar
il-viża għal dawn il-kategoriji ta’ detenturi ta’ passaport. F'Ġunju 2011, il-Kummissjoni
bagħtet ittra lill-Ministru Brażiljan tal-Affarijiet Barranin, fejn staqsiet
dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċeduri ta' ratifika interna
tal-Brażil tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għal
permanenzi qosra għad-detenturi ta' passaporti ordinarji u
ħeġġet lill-awtoritajiet Brażiljani biex juru l-impenn
tal-pajjiż biex jagħti eżenzjoni mill-viża
liċ-ċittadini kollha tal-UE – inklużi ċ-ċittadini
tal-erba’ Stati Membri (Ċipru, l-Estonja, il-Latvja u Malta) li
għadhom jeħtieġu viża biex jidħlu fil-Brażil -
billi jirratifikaw dan mill-aktar fis possibbli. Ftehim għall-eżenzjoni
mill-viża għal permanenzi qosra għad-detenturi ta' passaporti
ordinarji tressqet quddiem il-Kungress Brażiljan għar-ratifika biss
fit-3 ta’ Ottubru 2011. Waqt is-Summit bejn l-UE u l-Brażil
fl-4 ta' Ottubru 2011 fi Brussell, iż-żewġ
partijiet saħqu dwar l-importanza tad-dħul fis-seħħ ta' dan
il-Ftehim malajr kemm jista’ jkun. Wara l-approvazzjoni ta' dan il-ftehim
mill-Kamra tad-Deputati fid-19 ta’ April 2012 u mis-Senat fis-27 ta' Ġunju 2012,
tlesta l-proċess ta' ratifika mill-Brażil. Barra n-notifika mibgħuta
min-naħa Brażiljana, il-ftehim bejn l-UE u l-Brażil dwar
l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir għad-detenturi ta'
passaporti ordinarji daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2012.
Valutazzjoni Il-Kummissjoni tilqa' d-dħul
fis-seħħ tal-ftehim bejn l-UE u l-Brażil dwar l-eżenzjoni
mill-viża għal perjodu qasir għad-detenturi ta' passaporti
diplomatiċi, ta' servizz jew uffiċjali fl-1 ta' April 2011.
Il-Kummissjoni tilqa' t-tlestija tal-proċess ta' ratifika min-naħa
Brażiljana, għalkemm b’dewmien sinifikanti, tal-ftehim dwar
l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir għad-detenturi ta'
passaporti ordinarji, wara l-approvazzjoni mogħtija mill-Kamra
tad-Deputati fid-19 ta’ April 2012 u mis-Senat fis-27 ta’ Ġunju 2012.
Il-Kummissjoni tilqa' l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim mill-1 ta’ Ottubru 2012,
li se tiżgura r-reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni
mill-visa mal-Brażil, inkluż għaċ-ċittadini mill-erba'
Stati Membri li kienu għadhom jeħtieġu viża sabiex
jivvjaġġaw lejn il-Brażil għal perjodu qasir. 2.3. Il-Brunej
Darussalam Is-sitwazzjoni fiż-żmien tas-sitt
rapport ta’ reċiproċità Iċ-ċittadini tal-Istati Membri
kollha bbenefikaw minn 30 jum ta' eżenzjoni mill-viża, li
setgħet tiġi estiża lokalment għal żewġ perjodi
ta' 30 jum kull wieħed, sa massimu ta’ perjodu mingħajr viża ta'
90 jum. Fl-24 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni formalment
talbet lill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam biex jagħtu
liċ-ċittadini tal-UE eżenzjoni mill-viża ta' 90 jum sabiex
tiġi żgurata r-reċiproċità sħiħa
tal-eżenzjoni mill-visa. Is-sitwazzjoni attwali Bi tweġiba għall-ittra
tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2010, l-awtoritajiet
tal-Brunej Darussalam infurmaw lill-Kummissjoni b'ittra tat-30 ta' Settembru 2011
li ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE issa jgawdu minn
perjodu mingħajr viża ta' 90 jum fil-Brunej Darussalam, u b’hekk
ġiet żgurata r-reċiproċità sħiħa
tal-eżenzjoni mill-visa. Fil-5 ta’ Jannar 2012
il-Kummissjoni formalment talbet lill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam biex
jestendu l-perjodu ta’ mawra mingħajr viża għal 90 jum anke
għaċ-ċittadini ta' pajjiżi assoċjati ma’ Schengen, li
diġà jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-viża sa 30 jum
fil-każ tal-Islanda u n-Norveġja u sa 14-il jum fil-każ ta’
Liechtenstein u l-Isvizzera. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2012,
l-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam infurmaw lill-Kummissjoni li
ċ-ċittadini tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvizzera issa wkoll
kienu jgawdu minn soġġorn mingħajr viża ta’ 90 jum
fil-Brunej Darussalam. Valutazzjoni Il-Kummissjoni tilqa’ l-estensjoni mill-Brunej
Darussalam tal-eżenzjoni mill-viża għal 90 jum
għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha mit-30 ta' Settembru 2011,
u b’hekk tiġi żgurata r-reċiproċità sħiħa
tal-eżenzjoni mill-visa. Hija tilqa’ wkoll l-estensjoni tal-eżenzjoni
mill-viża għal 90 jum għaċ-ċittadini tal-Islanda,
tan-Norveġja u tal-Isvizzera mill-15 ta’ Ottubru 2012. Issa
l-Kummissjoni beħsiebha titlob b’mod formali lill-awtoritajiet tal-Brunej
Darussalam biex jestendu l-perjodu tas-soġġorn mingħajr
viża għal 90 jum anke għaċ-ċittadini tal-Liechtenstein. 2.4. Il-Kanada Is-sitwazzjoni fiż-żmien tas-sitt
rapport ta’ reċiproċità Fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta' “numru
ta' miżuri”, miftiehma bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kanada fil-qafas
tar-Repubblika Ċeka – il-Grupp ta’ Ħidma Esperti (EWG – Experts
Working Group) tal-Kanada, il-Kanada impenjat ruħha li żżur
lir-Repubblika Ċeka bil-għan li tiġbor dejta qabel tmiem l-2010,
li jista’ jiftaħ prospetti konkreti għal deċiżjoni
mill-Kanada dwar ir-ritorn tal-eżenzjoni mill-viża
għaċ-ċittadini Ċeki. Barra minn hekk, il-Kanada tat
informazzjoni li għandhom jiġu adottati r-regolamenti implimentattivi
għall-“Att dwar miżuri ta’ riforma bbilanċjati rigward
ir-refuġjati” u l-Att għandu jidħol fis-seħħ qabel
tmiem l-2011. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li ssegwi
mill-qrib il-progress tal-implimentazzjoni tal-passi deskritti mill-Kanada,
b'mod partikulari, is-segwitu fil-pront u xieraq mill-Kanada tal-missjoni
tagħha li tiġbor id-dejta fir-Repubblika Ċeka. F’każ ta’
valutazzjoni pożittiva li tirriżulta minn dik il-missjoni,
il-Kummissjoni stenniet lill-Kanada biex fil-pront tneħħi l-obbligu
tal-viża għaċ-ċittadini Ċeki f'konformità mal-impenji
tagħha li saru preċedentement fil-kuntest tan-“numru ta’
miżuri”. Il-Kummissjoni nnutat li, skont il-minuti tat-tieni laqgħa
bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti (EWG)
tal-Kanada tal-15 ta’ Marzu 2010, li ġew maqbula bejn
ir-Repubblika Ċeka, il-Kanada u l-Kummissjoni, "l-adozzjoni
tal-leġiżlazzjoni l-ġdida Kanadiża dwar l-asil – li ma
tistax tiġi implimentata qabel l-2013 – ma għandiex tikkundizzjona
t-tneħħija tal-obbligu tal-viża; l-implimentazzjoni tas-serje
ta' miżuri oħra għandha tagħti l-possibbiltà lill-Kanada
biex tiddeċiedi li tneħħi l-obbligu tal-viża qabel id-data
tal-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni l-ġdida
Kanadiża dwar l-asil”. Il-Bulgarija u r-Rumanija għadhom ma
laħqux il-kriterji kollha għall-eżenzjoni mill-viża
stabbiliti mill-Kanada. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tissorvelja
mill-qrib is-sitwazzjoni u tkompli għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kanada
sabiex jinkiseb progress ħalli jitneħħew l-obbligi ta’ viża
għaċ-ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Is-sitwazzjoni attwali Il-Kanada wettqet żjara fir-Repubblika
Ċeka bil-għan li tiġbor dejta mill-31 ta' Jannar sal-4 ta' Frar 2011.
Il-Kummissjoni talbet lill-Kanada biex tipprovdilha r-rapport dwar
iż-żjara għall-ġbir ta’ dejta ta' kull okkażjoni u
fil-livelli kollha, inkluż f'laqgħa bejn il-Kummissarju Malmström u
l-Ministru Kanadiż tal-Immigrazzjoni, taċ-Ċittadinanza u
tal-Multikulturaliżmu, il-Ministru Kenney, fit-30 ta’ Awwissu 2011,
permezz ta' proċedura politika mwettqa mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Kanada
fit-23 ta' Novembru 2011 u waqt laqgħa tas-Servizz Ewropew
għall-Azzjoni Esterna mal-Viċi Ministru Yeates fis-17 ta’ Jannar 2012.
Fit-30 ta' Awwissu 2011,
l-awtoritajiet Kanadiżi infurmaw lill-Kummissjoni li l-implimentazzjoni
tal-“Att dwar miżuri ta’ riforma bbilanċjati rigward
ir-refuġjati” ġie pospost minn Diċembru 2011 għal
Ġunju 2012. Fis-16 ta’ Frar 2012, il-Gvern
Kanadiż – li issa huwa gvern b’maġġoranza wara l-elezzjonijiet
ġenerali li saru f'Mejju 2011 – introduċa abbozz ta' liġi
ġdid "Protecting Canada's Immigration System Act" sabiex,
fost l-oħrajn, jittratta l-kwistjoni ta' applikazzjonijiet għall-asil
bla bażi minn ċittadini tal-UE. L-għan tal-abbozz tal-Att
il-ġdid huwa li jipprevjeni l-abbuż tas-sistema tal-immigrazzjoni u
tar-rifuġjati tal-Kanada, ineħħi l-pressjoni imposta fuq
is-sistema minn talbiet tar-refuġjati foloz jew illeġittimi u jnaqqas
it-tul tal-ipproċessar u x-xogħol b'lura. L-abbozz tal-Att
jipprevedi, fost l-oħrajn, tnaqqis sinifikanti fiż-żmien
għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-asil mill-Pajjiżi
Ddenominati tal-oriġini (DCOs - Designated Countries of Origin). Huwa
mistenni li l-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jsiru DCOs. Fit-8 ta' Marzu 2012, il-Kanada
pprovdiet lill-Kummissjoni b’dokument ta’ kunċett dwar il-possibbiltà ta'
ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar il-ġestjoni tal-flussi tal-applikanti
għal asil, u l-Kanada tikkunsidra l-konklużjoni tiegħu
bħala pass fl-indirizzar tat-tħassib tagħha relatat
mal-għadd kbir ta' applikazzjonijiet għall-asil bla bażi
miċ-ċittadini tal-UE u li jkun jippermetti t-tneħħija
tal-obbligu tal-viża mill-Kanada għall-Bulgarija,
għar-Repubblika Ċeka u għar-Rumanija. Minn dakinhar,
il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet preliminari ma’ uffiċjali
għolja Kanadiżi fuq id-dokument ta’ kunċett, li tindika li
l-mekkaniżmu propost mill-Kanada ma jkunx possibbli minħabba
għadd ta’ raġunijiet legali u politiċi. B'mod partikulari,
ftehim bħal dan ikun f'kunflitt mal-prinċipju fundamentali mnaqqax
fit-Trattat UE ta' rikonoxximent reċiproku tal-Istati Membri bħala
pajjiżi ta' oriġini sikuri fir-rigward ta’ xulxin, u bil-funzjonament
tajjeb tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda
bażi legali fit-Trattati għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn
l-UE u pajjiż terz rigward ċittadini tal-UE li japplikaw
għall-asil f'dak il-pajjiż terz. Il-"Protecting Canada's Immigration
System Act" ġie adottat fit-28 ta’ Ġunju 2012.
L-Att se jiġi implimentat bis-sħiħ ladarba jiġu abbozzati
regolamenti addizzjonali u gwidi operattivi u jiġi rreklutat u
mħarreġ persunal addizzjonali. Daħlu fis-seħħ xi
miżuri tal-liġi l-ġdida immedjatament wara l-adozzjoni, filwaqt
li oħrajn se jidħlu fis-seħħ aktar tard din is-sena f’data
li se tiġi ddeterminata mill-Gvern Kanadiż[9]. Ġiet abbandunat il-"Balanced
Refugee Reform Act", li kien skedat li jidħol fis-seħħ
fid-29 ta’ Ġunju 2012. L-awtoritajiet Kanadiżi enfasizzaw li
l-liġi l-ġdida se tgħin biex jitnaqqsu l-pull factors, filwaqt
li l-fatturi ta' push factors li jwasslu għas-sitwazzjoni mhux
sodisfaċenti attwali jibqgħu. Għalhekk, huma jqisu li huma
meħtieġa miżuri addizzjonali li għandhom jittieħdu
flimkien mal-UE sabiex tiġi indirizzata l-problema. Il-Kummissjoni u
l-Kanada ddeċidew li jkollhom konsultazzjonijiet tekniċi informali
fuq livell espert sabiex jesploraw soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu
jikkontribwixxu biex tissolva l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil
bla bażi mill-UE. L-ewwel konsultazzjonijiet tekniċi saru fil-25 ta’ Ġunju 2012.
Il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet Kanadiżi b'informazzjoni
ddettaljata dwar il-prinċipji ewlenin li jikkontrollaw il-politiki
rilevanti tal-UE, bil-ħsieb li jiġu identifikati ideat possibbli
għal aktar segwitu. L-awtoritajiet Kanadiżi taw informazzjoni li
l-proċess ta' implimentazzjoni tal-"Protecting Canada's
Immigration System Act" se jitlesta qabel tmiem l-2012. Valutazzjoni Fir-rigward tal-kwistjoni tal-viża bejn
ir-Repubblika Ċeka u l-Kanada, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li sa
issa l-Kanada ma pprovdietx ir-rapport tagħha lill-Kummissjoni dwar
iż-żjara fir-Repubblika Ċeka bil-għan li tiġbor dejta
u lanqas bażi adegwata oħra għal kooperazzjoni bejn
ir-Repubblika Ċeka, il-Kanada u l-Kummissjoni fil-qafas tas-serje ta'
miżuri miftiehma. In-nuqqas kontinwu ta’ soluzzjoni għal
din il-kwistjoni jista’ jkollu ukoll impatt negattiv fuq l-approvazzjoni u
l-proċess ta’ ratifika ta’ diversi ftehimiet importanti bejn l-UE u
l-Kanada li qegħdin jiġu nnegozjati bħalissa. F’dan ir-rigward,
il-Kummissjoni tinnota d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-"Treġġigħ
lura tar-reċiproċità fis-sistema tal-viżi – solidarjetà
mal-istatus inugwali taċ-ċittadini Ċeki wara l-introduzzjoni
unilaterali ta’ viżi mill-Kanada" ta' Marzu 2011[10] fejn il-PE isejjaħ
għat-tneħħija mill-Kanada tal-obbligu tal-viża
għat-tliet Stati Membri kkonċernati mill-aktar fis possibbli u -
sakemm dan il-ksur ta’ reċiproċità ma jiġix riżolt malajr -
għal miżuri ta' ritaljazzjoni ekwivalenti li jiġu adottati
mill-UE, li jsemmu r-riskji għar-ratifika futura tal-Ftehim Ekonomiku u
Kummerċjali Komprensiv (CETA - Comprehensive Economic and Trade Agreement)
bejn l-UE u l-Kanada. Il-Kummissjoni tqis li
d-dispożizzjonijiet tal-liġi l-ġdida tal-"Protecting
Canada's Immigration System Act" tal-Kanada, adottati fit-28 ta’ Ġunju 2012,
u b'mod partikulari d-deċiżjoni li tinnomina lill-Istati Membri
tal-UE bħala pajjiżi ta' oriġini sikuri u li jittrattaw
l-applikazzjonijiet magħmula miċ-ċittadini tagħhom bi
proċedura aċċellerata, għandhom ikunu jistgħu
jaħdmu bħala deterrent għal applikazzjonijiet għall-asil
bla bażi mill-UE. Konsegwentement, il-Kummissjoni tistenna li l-Kanada
tneħħi l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini
Ċeki minn meta jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet
rilevanti tal-liġi l-ġdida. Fil-qafas ta’ konsultazzjonijiet tekniċi
informali fuq livell espert bejn il-Kummissjoni u l-Kanada li seħħew
fil-25 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni impenjat ruħha
li tfittex mezzi ta' kooperazzjoni eqreb u tesplora suġġerimenti
alternattivi possibbli flimkien mal-Kanada u b'koordinazzjoni sħiħa
mal-Istati Membri kkonċernati, bil-ħsieb li tiġi indirizzata
l-kwistjoni tal-għadd li qed jiżdied ta' persuni li jfittxu asil
fil-Kanada li joriġinaw mill-UE. Madankollu, tali miżuri ta'
kooperazzjoni eqreb ma għandhomx jikkostitwixxu prekundizzjonijiet
għat-tneħħija tal-obbligu tal-viża mill-Kanada. Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem il-kwistjoni
ta' nuqqas ta' reċiproċità fil-kuntatti tagħha mal-Kanada sabiex
tinkiseb reċiproċita sħiħa tal-viża li tkun
fis-seħħ kemm jista' jkun malajr. 2.5. Il-Ġappun Is-sitwazzjoni fiż-żmien tas-sitt
rapport ta’ reċiproċità L-Istati Membri kollha gawdew minn
vjaġġar mingħajr viża lejn il-Ġappun. Madankollu,
l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini
tar-Rumanija ngħata fuq bażi temporanja biss, mil-1 ta’ Settembru 2009
sal-31 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni esprimiet it-tama li
l-valutazzjoni tal-ewwel sena ta' eżenzjoni mill-viża temporanja
għaċ-ċittadini Rumeni mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni
Ġappuniż li tkopri l-perjodu bejn Settembru 2009 u Awwissu 2010
twassal għall-Ġappun li tikkonverti l-eżenzjoni mill-viża
temporanja f'waħda permanenti. Is-sitwazzjoni attwali L-Istati Membri kollha jkomplu jgawdu minn
vjaġġjar mingħajr viża lejn il-Ġappun. Madankollu,
iċ-ċittadini tar-Rumanija xorta jibbenefikaw biss minn eżenzjoni
temporanja mill-viża. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni
tal-ewwel perjodu ta' eżenzjoni temporanja mill-viża
għaċ-ċittadini Rumeni (minn Settembru 2009 sa Awwissu 2010),
il-Ġappun iddeċieda li jkompli l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni
temporanja mill-viża għat-tieni perjodu (minn Settembru 2010 sa
Diċembru 2011). Il-Ġappun innota ċertu tħassib
fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-dħul u/jew tal-perjodu
miċ-ċittadini Rumeni. Bi tweġiba għat-tħassib li
esprima l-Ġappun, il-Ministeru tal-Amministrazzjoni u tal-Intern
tar-Rumanija bagħat attaxè fl-Ambaxxata tar-Rumanija fil-Ġappun u
l-awtoritajiet Rumeni wettqu kampanja ta' qawmien ta' kuxjenza pubblika
fir-rigward tal-kundizzjonijiet għad-dħul u l-permanenza
fil-Ġappun, skont il-kundizzjonijiet għat-tneħħija
temporanja tal-obbligu tal-viża. Il-Kummissjoni organizzat laqgħat
bilaterali mal-awtoritajiet Ġappuniżi fis-26 ta' Lulju 2011
u fis-7 ta' Diċembru 2011, u laqgħa teknika
tripartitika mal-awtoritajiet Rumeni u Ġappuniżi fl-10 ta' Novembru 2011,
sabiex jiddiskutu t-tħassib imressaq mill-Ġappun fir-rigward
tan-numru ta' daħliet u/jew permanenzi irregolari ta' ċittadini
Rumeni fil-Ġappun. Il-Kummissjoni sejħet lill-awtoritajiet
Ġappuniżi, meta jwettqu l-valutazzjoni tagħhom
tal-eżenzjoni temporanja mill-viża, biex iqisu n-numru limitat
ħafna ta' daħliet u/jew permanenzi irregolari ta' ċittadini Rumeni
fil-Ġappun. Il-Kummissjoni pproponiet li torganizza laqgħa
tripartitika oħra mal-awtoritajiet Rumeni u Ġappuniżi sabiex
jidentifikaw miżuri speċifiċi li jistgħu jnaqqsu n-numru
ta' permanenzi irregolari. Fit-28 ta’ Diċembru 2011,
il-Ġappun iddeċieda li jestendi l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni
temporanja mill-viża sal-31 ta' Diċembru 2012,
bil-kundizzjoni li jibqa’ jintbagħat attaxè tal-Ministeru
tal-Amministrazzjoni u tal-Intern fl-Ambaxxata tar-Rumanija fil-Ġappun u
li l-awtoritajiet Rumeni jkomplu jwettqu attivitajiet biex iqajmu kuxjenza fir-rigward
tal-kundizzjonijiet għad-dħul u l-permanenzi fil-Ġappun u
r-riskji tat-traffikar tal-bnedmin. Valutazzjoni Il-Kummissjoni tilqa' d-deċiżjoni
mill-awtoritajiet Ġappuniżi li testendi l-eżenzjoni temporanja
mill-viża għaċ-ċittadini Rumeni sal-31 ta' Diċembru 2012.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tidentifika, b'kooperazzjoni mill-qrib
mal-awtoritajiet Rumeni, is-soluzzjonijiet xierqa sabiex tindirizza
t-tħassib imqajjem mill-awtoritajiet Ġappuniżi. Il-Kummissjoni
tittama li l-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa mir-Rumanija se jwasslu
lill-Ġappun sabiex jikkonverti l-eżenzjoni temporanja mill-viża
f'waħda permanenti. 2.6. L-Istati
Uniti tal-Amerika (US) Is-sitwazzjoni fiż-żmien tas-sitt
rapport ta’ reċiproċità Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li
l-Greċja daħlet fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża
(VWP - Visa Waiver Program) fil-5 ta' April 2010, u impenjat
ruħha li tkompli tqajjem il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità
għaċ-ċittadini tal-Bulgarija, ta’ Ċipru, tal-Polonja u
tar-Rumanija fil-kuntatti tagħha mal-US, sabiex tinkiseb
reċiproċità sħiħa tal-viża li tkun fis-seħħ
kemm jista’ jkun malajr. Il-Kummissjoni ddispjaċiha ħafna
minħabba l-adozzjoni mill-US tar-regola finali interim dwar it-tariffa
tal-ESTA ("sistema elettronika tal-awtorizzazzjoni
tal-ivvjaġġar"), filwaqt li fiehmet li din
id-deċiżjoni ttieħdet f’konformità mal-obbligi tal-Att dwar
il-Promozzjoni tal-Ivvjaġġar. Il-Kummissjoni kienet bagħtet
kummenti bil-miktub dwar ir-regola finali interim dwar il-miżata
għall-ESTA lill-US fis-7 ta’ Ottubru 2010 fil-qafas
tal-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika stabblita minnhom. Il-Kummissjoni stenniet il-pubblikazzjoni
mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tar-Regola Finali dwar l-ESTA sabiex tlesti
l-valutazzjoni tagħha tal-ESTA bil-għan li tiddetermina jekk hijiex
ekwivalenti għall-proċess tal-applikazzjoni għall-viża ta’
Schengen; ma kien hemm l-ebda dubju li t-talba għal ħlas kienet
element importanti f'din il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li
tħares iktar mill-qrib lejn "l-approċċ fuq żewġ
binarji", kif miftiehem mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti
(Coreper) fit-12 ta’ Marzu 2008, b’rabta mal-eżekuzzjoni
tal-kompetenzi esterni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta'
Lisbona. Is-sitwazzjoni attwali L-awtoritajiet tal-Istati Uniti għadhom
ma ppubblikawx ir-Regola Finali dwar l-ESTA, u lanqas ma pprovdew tweġiba
għall-kummenti tal-Kummissjoni dwar ir-Regola Finali interim dwar
il-miżata tal-ESTA. Malli r-Regola Finali dwar l-ESTA tiġi
ppubblikata, il-Kummissjoni se toħroġ valutazzjoni finali li tqis
kwalunkwe bidla possibbli, inkluża l-introduzzjoni ta’ miżata
għall-ESTA. Il-Kummissjoni kompliet tqajjem il-kwistjoni
ta’ nuqqas ta’ reċiproċità u t-tħassib marbut mal-introduzzjoni
tal-miżata tal-ESTA mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fuq il-livelli
politiċi u tekniċi.[11]
F’dikjarazzjoni magħmula matul
iż-żjara tal-President Pollakk Komorowski f'Diċembru 2010
f’Washington DC, il-President Obama impenja ruħu li jagħmel
l-adeżjoni tal-Istati Membri fil-VWP prijorità, li għandha tiġi
solvuta matul il-presidenza tiegħu. F'Marzu 2011, ġie introdott abbozz
ta' liġi ġdida "Secure Travel and Counterterrorism
Partnership Program Act of 2011" (S. 497 u H.R. 959)
fil-Kungress u rċieva l-appoġġ mill-President Obama. Fost
affarijiet oħrajn, għandu l-għan li jaġġorna
l-kriterji ta' eliġibbiltà għas-sħubija fil-VWP billi
jissostitwixxi r-rata ta’ rifjut tal-viża bir-rata ta’ mawra mtawla li
mgħandiex taqbeż it-3 %. L-abbozz tal-liġi jipprevedi wkoll
possibbiltà li jeżenta l-obbligu ta’ rata ta’ mawra mtawla taħt
ċerti kundizzjonijiet. F’Jannar 2012, ġie introdott abbozz
ta' leġiżlazzjoni ġdida "Visa Waiver Program Enhanced
Security and Reform Act" (S. 2046 u H.R. 3855) fil-Kungress,
li jissostitwixxi l-abbozz ta' liġi preċedenti "Secure Travel
and Counterterrorism Partnership Program Act of 2011". L-abbozz ta’
leġiżlazzjoni ġdida jeħtieġ li l-pajjiżi
applikanti jżommu rata ta’ soġġorn itwal minn dak awtorizzat li
ma taqbiżx it-3 %, apparti l-obbligu eżistenti li tinżamm
rata medja ta’ rifjut tal-viża ta’ mhux aktar minn 3 %. Barra minn
hekk, l-abbozz jistabbilixxi mill-ġdid l-awtorità ta’ eżenzjoni
għas-Segretarju tas-Sigurtà Interna biex jippermetti pajjiż li
jiġi nnominat fil-VWP taħt ċerti kundizzjonijiet, inkluż li
jkollu rata ta’ rifjut tal-viża taħt l-10%, u joħloq perjodu ta'
prova għall-pajjiżi tal-VWP jekk dawn ma jżommux rata ta’
soġġorn itwal minn dak awtorizzat taħt it-3 % jew jonqsu
milli jikkonformaw ma' xi obbligi oħrajn tal-VWP. Barra minn hekk,
l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni ġdida jibdel il-metodu
għall-kalkolu tar-rati ta’ rifjut tal-viża. F’Jannar 2012, il-President Obama
ħareġ Ordni Eżekuttiva biex itejjeb l-ipproċessar
tal-viża u tal-viżitaturi barranin u l-promozzjoni
tal-ivvjaġġar sabiex jinħolqu l-impjiegi u tingħata spinta
lit-tkabbir ekonomiku fl-Istati Uniti, filwaqt li tkompli titħares
is-sigurtà nazzjonali. Fost affarijiet oħra, dan jitlob għal aktar
sforzi biex jikber il-VWP. Ġie introdott abbozz ta’
leġiżlazzjoni oħra "Jobs Originated through Launching
Travel Act" (l-Att JOLT) (S. 2233) minn grupp ta' żewġ
partiti fis-Senat f’Marzu 2012, li għandu l-għan li jespandi
l-VWP u jinkludi ċertu lingwaġġ mill-"Visa Waiver
Program Enhanced Security and Reform Act". L-abbozz tal-Att JOLT
jirrifletti l-approċċ segwit fl-Ordni Eżekuttiva biex jittejjeb
l-ipproċessar tal-viża u tal-viżitaturi barranin u l-promozzjoni
tal-ivvjaġġar. L-abbozz tal-leġiżlazzjoni
ġdida tal-VWP għadha qed tiġi meqjusa mill-Kungress tal-Istati
Uniti[12].
Mit-13 ta’ April 2012, id-Dipartiment
tal-Istat tal-Istati Uniti żied il-miżati tal-ipproċessar
tal-viża għal ħafna mill-applikazzjonijiet għall-viża
mhux għal skopijiet ta’ immigrazzjoni, inkluża żieda għal
viżi applikati għal skopijiet ta’ negozju jew ta’ turiżmu minn 140 USD
għal 160 USD. Il-Kummissjoni wettqet analiżi legali
tal-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq
l-"approċċ fuq żewġ binarji", u fit-12 ta' Marzu 2008
il-Coreper qabel ma’ din l-analiżi għan-negozjati mal-Istati Uniti
fil-kuntest tan-negozjati tal-VWP[13].
B’riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
l-Istati Membri jistgħu, fil-prinċipju, ikomplu jinnegozjaw u
jikkonkludu ftehimiet ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali –
li issa huma oqsma ta' kompetenza kondiviża - sakemm l-UE ma tkunx
ikkonkludiet ftehimiet bħal dawn ma’ dawn il-pajjiżi terzi.
Madankollu, din il-kompetenza tal-Istati Membri mhix illimitata: L-Istati
Membri ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jaffettwaw l-acquis
tal-UE, inklużi l-istrumenti fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u
l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, jew jibdlu l-kamp
ta’ applikazzjoni tiegħu. Minħabba l-eżerċizzju
eżawrjenti mill-Unjoni tal-kompetenza tagħha fil-qasam tal-politika
dwar il-viżi, u l-fatt li l-ftehimiet bilaterali jikkostitwixxu de
facto prekundizzjoni għall-aċċess tal-VWP,
fil-prinċipju, għandu jiġi nnegozjat u konkluż ftehim
ewlieni bejn l-UE ul-Istati Uniti li jkopri l-kundizzjonijiet kollha relatati
mal-aċċess għall-VWP. Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni
preżenti, fejn numru sinifikanti ta' Stati Membri diġà kkonkludew
ftehimiet mal-Istati Uniti dwar l-iskrining terroristiku u ftehimiet dwar
it-titjib tal-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
l-kriminalità serja, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jinnegozjaw u
japplikaw tali ftehimiet bilaterali, bil-kundizzjoni li dawn il-ftehimiet ma
jaffettwawx jew jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta' regoli komuni tal-Unjoni
fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi
kwistjonijiet kriminali, b’mod partikulari fir-rigward tal-iskambju ta'
informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, u fil-qasam tal-protezzjoni
tad-dejta f'dan il-kuntest. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri
jipprovdu t-testi tal-ftehimiet bilaterali tagħhom mal-Istati Uniti li
ġew konklużi taħt il-VWP, jew biex jipprovdu informazzjoni dwar
negozjati li għaddejjin, sabiex tkun ivverifikata l-konformità mar-regoli
komuni tal-Unjoni. Ir-riżultat tal-iskrutinju
tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi huwa li
l-“Ftehimiet dwar it-Tkattir tal-Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni u t-Taqbida
kontra d-Delitti Serji" u l-“Ftehimiet dwar l-Iskambju ta' Informazzjoni
għall-Analiżi dwar Terroristi Magħrufa jew Suspettati”
konklużi bilateralment li kienu pprovduti mill-Istati Membri huma
kompatibbli mar-regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u ma
jbiddlux il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (ara l-Anness għal
ħarsa ġenerali tan-notifiki rċevuti mill-Istati Membri u
valutazzjoni dettaljata). Fir-rigward tal-konformità mal-acquis
tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni tinnota li referenza
ġenerali għall-applikabbiltà tal-liġi nazzjonali ta’ kull
Partit, li jistgħu jinstabu f’ħafna ftehimiet bilaterali
konklużi taħt il-VWP, mhux dejjem tista’ tkun biżżejjed
biex tiżgura l-livell ta' protezzjoni meħtieġ
mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008
dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas
tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja u f’materji kriminali[14] ("Deċiżjoni
Qafas"). Barra minn hekk, uħud mill-ftehimiet bilaterali bejn
l-Istati Membri u l-Istati Uniti ibatu minn limitazzjoni ta’ skop ċar u
kriterji stretti li jikkwalifikaw il-każijiet għal aktar
ipproċessar tad-dejta trasferita. Dan jista’ jqajjem kwistjonijiet
tal-konformità ta' dawn il-ftehimiet mal-acquis tal-UE u, b'mod partikulari,
ir-regoli tiegħu li jillimitaw aktar ipproċessar għal skopijiet
differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-dejta[15]. Il-Kummissjoni bħalissa qed tinnegozja
ftehim mal-Istati Uniti għall-iskambju ta' dejta personali
pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f'materji kriminali. Dan il-ftehim eventwalment se
jikkomplementa l-ftehimiet eżistenti u futuri fil-qasam tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali bis-salvagwardji
meħtieġa mil-lat tal-protezzjoni tad-dejta. Valutazzjoni Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li
l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma weġbux għall-kummenti bil-miktub
tagħha dwar ir-regola finali interim dwar il-miżata tal-ESTA, li
ntbagħtulhom f'Ottubru 2010. Il-Kummissjoni għadha ma lestietx
il-valutazzjoni tagħha tal-ESTA sabiex tiddetermina jekk din tammontax
għall-proċedura ta’ applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen
peress li r-Regola Finali dwar l-ESTA għad trid tiġi ppubblikata
fir-Reġistru Federali. tal-Istati Uniti. Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem il-kwistjoni
tan-nuqqas ta’ reċiproċità fil-kuntatti tagħha mal-Istati Uniti
sabiex ikun hemm reċiproċità sħiħa tal-viża
fis-seħħ mill-iktar fis possibli. Bħalissa l-limitu massimu permess
għar-rata tar-rifjut tal-viża għal pajjiżi applikanti
għall-VWP hija ta' 3 %. Abbażi taċ-ċifri
għall-2011 tal-erba' Stati Membri li għadhom ma jipparteċipawx
fil-VWP, Ċipru biss tissodisfa dan il-limitu; ir-rati tar-rifjut
tal-viża fl-2011 kienu 15,7% għall-Bulgarija, 10,2%
għall-Polonja u 22,4% għar-Rumanija. It-twaqqif ta’ sistema
ta’ ħruġ bijometriku mill-ajruporti mill-awtoritajiet tal-Istati
Uniti jippermettilhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istati
Uniti, li jżidu l-limitu massimu għar-rata tar-rifjut tal-viża
għal 10 %. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja
mill-qrib l-iżviluppi marbutin mat-twaqqif tas-sistema ta’ ħruġ
mill-ajruporti mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, biex tiżgura, fost
l-oħrajn, li soġġorni itwal minn dawk awtorizzati jiġu
ssorveljati u kkalkulati b'mod preċiż u biex tagħmel possibbli żieda
tal-limitu tar-rata tar-rifjut tal-viża għal 10 %. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha
għaż-żieda tal-miżati tal-ipproċessar tal-viża
milll-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li għandhom konsegwenzi negattivi
ulterjuri, b'mod partikulari, għaċ-ċittadini tal-erba’ Stati
Membri li għadhom ma jipparteċipawx fil-VWP u li jixtiequ
jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Il-Kummissjoni tilqa' l-abbozz
tal-leġiżlazzjoni ġdida tal-VWP li huwa appoġġjat
mill-amministrazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li abbozz ta'
leġiżlazzjoni ġdida jista’ jwitti t-triq għal Stati Membri
addizzjonali biex jissieħbu fil-VWP u qed tistenna bil-ħerqa
l-adozzjoni tiegħu mill-aktar fis possibbli. 3. Konklużjoni Il-Kummissjoni tinsab kuntenta li fil-kuntest
tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għar-reċiproċità
tal-viża attwali, inkisbet reċiproċità sħiħa, jew
kważi inkisbet, ma' pajjiżi terzi oħrajn: –
inkisbet reċiproċità sħiħa
tal-viża għall-Istati Membri kollha mal-Brunej Darussalam, wara
d-deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam biex jestendu
l-eżenzjoni mill-viża għal 90 jum; mill-15 ta’ Ottubru 2012,
iċ-ċittadini tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvizzera wkoll
igawdu minn soġġorn mingħajr viża għal 90 jum
fil-Brunej Darussalam. Issa l-Kummissjoni se titlob lill-awtoritajiet
tal-Brunej Darussalam biex jestendu l-eżenzjoni mill-viża għal 90
jum anke għaċ-ċittadini tal-Liechtenstein; –
il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża
għal soġġorni qosra għad-detenturi ta' passaporti ordinarji
bejn l-UE u l-Brażil daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2012,
u jippermettu liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha li
jivvjaġġaw mingħajr viża lejn il-Brażil; –
il-Kummissjoni tilqa' d-deċiżjoni
mill-awtoritajiet Ġappuniżi biex jestendu l-eżenzjoni temporanja
mill-viża għaċ-ċittadini Rumeni sal-31 ta' Diċembru 2012
u tistenna li, wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi li
għandhom jiġu miftiehma bejn ir-Rumanija u l-Ġappun,
l-eżenzjoni temporanja mill-viża tiġi kkonvertita
mill-Ġappun f’waħda permanenti. Fir-rigward tal-Istati Uniti, abbozz ta’
leġiżlazzjoni ġdida dwar l-VWP propost, jekk jiġi adottat,
jista’ jwitti t-triq għal Stati Membri addizzjonali biex jissieħbu
fil-VWP u b'hekk jinkiseb aktar progress sostanzjali lejn
ir-reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Istati Uniti. Fir-rigward tal-introduzzjoni mill-ġdid
mill-Kanada ta’ rekwiżit għall-viża
għaċ-ċittadini Ċeki, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li
s’issa l-Kanada għadha ma pprovdietx lill-Kummissjoni r-rapport
tagħha dwar iż-żjara fir-Repubblika Ċeka bil-għan li
tinġabar dejta u b’hekk de facto fixklet il-kooperazzjoni fil-qafas
tal-grupp ta' ħidma tal-esperti Ċeki-Kanadiżi. Il-Kummissjoni
qed tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni sħiħa qabel tmiem l-2012
tal-leġiżlazzjoni ġdid dwar l-asil tal-Kanada li għandha
tneħħi l-pull factors importanti u b'hekk tnaqqas b’mod konsiderevoli
n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-asil bla bażi tal-UE. Ladarba
dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi ġdida jidħlu
fis-seħħ, għandhom jippermettu lill-awtoritajiet Kanadiżi
biex jiddeċiedu li jneħħu mill-ġdid l-obbligu tal-viża
għaċ-ċittadini Ċeki. Il-Kummissjoni hija impenjata sabiex
tesplora mal-Kanada u b'koordinazzjoni sħiħa mal-Istati Membri
kkonċernati, mezzi ta' kooperazzjoni politikament u legalment vijabbli
fir-rigward tal-kwistjoni ta’ applikazzjonijiet għall-asil bla bażi
li joriġinaw mill-UE; madankollu, forom ta' kooperazzjoni bħal dawn
ma għandhomx ikunu prerekwiżit għat-tneħħija
tal-obbligu tal-viża mill-Kanada għaċ-ċittadini mit-tliet
Stati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni
qed tistenna bil-ħerqa l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill
tal-abbozz tar-Regolament li jemenda r-Regolament 539/2001, li għandu
l-għan, fost l-oħrajn, li jwaqqaf mekkaniżmu ta’
reċiproċità ġdid u aktar effiċjenti. Ladarba jiġi
adottat, kemm il-ftit każijiet li baqa’ u kwalunkwe każ ġdid ta’
nuqqas ta’ reċiproċità se jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u
taġixxi dwarhom f’konformità ma’ dan il-mekkaniżmu ta’
reċiproċità rivedut. ANNESS Ħarsa
ġenerali u valutazzjoni tal-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri
mal-Istati Uniti fil-kuntest tal-analiżi legali tal-konsegwenzi
tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona
għall-"approċċ fuq żewġ binarji"
tan-negozjati tal-VWP mal-Istati Uniti –
Ħarsa ġenerali tal-ftehimiet
bilaterali Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex
jipprovdu t-testijiet tal-“Ftehimiet dwar it-Tkattir tal-Kooperazzjoni
fil-Prevenzjoni u t-Taqbida kontra d-Delitti Serji" u l-“Ftehimiet dwar
l-Iskambju ta' Informazzjoni għall-Analiżi dwar Terroristi
Magħrufa jew Suspettati”, li ġew konklużi mal-Istati Uniti fil-kuntest
tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża (VWP), jew informazzjoni
dwar in-negozjati li għaddejjin, sabiex tivvaluta jekk dawn il-ftehimiet
jaffettwawx l-acquis tal-UE jew jibdlu l-kamp tal-applikazzjoni
tiegħu. Ħmistax-il Stat Membru (ir-Repubblika
Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja,
il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija,
il-Portugall, is-Slovakkja u l-Finlandja) issottomettew testi tal-ftehimiet
bilaterali tagħhom mal-Istati Uniti dwar il-Ftehimiet dwar it-Tkattir
tal-Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni u t-Taqbida kontra d-Delitti Serji.
Fir-rigward tal-Ftehimiet dwar l-Iskambju ta' Informazzjoni
għall-Analiżi dwar Terroristi Magħrufa jew Suspettati, sitt
Stati Membri (l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, l-Ungerija, is-Slovakkja u
s-Slovenja) ipprovdew it-testi ta' dawn il-ftehimiet bilaterali mal-Istati
Uniti. It-tabella ta' hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn
it-tweġibiet riċevuti mingħand l-Istati Membri[16]: SM || MtQ[17] || Dikjarazzjoni[18] || Ftehim TSC[19] || Ftehim bħal ta’ Prüm (Ftehim PCSC)[20] BE || || || - || In-negozjati għadhom għaddejin BG || - || X || - (il-kummenti tal-bidu dwar l-abbozz tal-ftehim intbagħtu lill-Istati Uniti) || - (il-kummenti tal-bidu dwar l-abbozz tal-ftehim intbagħtu lill-Istati Uniti) CZ || X || || X (it-test ikklassifikat; mhux ipprovdut) || X DK || - || || - (stennija għall-abbozz tal-ftehim mill-Istati Uniti) || X DE || - || || - || X EE || X || || X || X EL || X || || X || X ES || || || L-ebda informazzjoni pprovduta || L-ebda informazzjoni pprovduta FR || || || In-negozjati mal-Istati Uniti għaddejjin (test mhux ipprovdut) || In-negozjati mal-Istati Uniti għaddejjin (test mhux ipprovdut) IT || || || Il-memorandum għall-iskambju ta’ informazzjoni t-TSC tal-Istati Uniti tal-2007 u t-test ta' arranġamenti ta' implimentazzjoni mill-2009 mhux ipprovdut; Il-ftehim bilaterali tal-1986 pprovdut || X CY || - || || - in-negozjati għadhom ma bdewx; l-awtoritajiet qed jiskrutinaw it-test tal-ftehim) || - in-negozjati għadhom ma bdewx; l-awtoritajiet qed jiskrutinaw it-test tal-ftehim) LV || X || || X || X LT || L-ebda informazzjoni pprovduta || || L-ebda informazzjoni pprovduta || X LU || || || L-ebda informazzjoni pprovduta || L-ebda informazzjoni pprovduta Hu || L-ebda informazzjoni pprovduta || || X || X MT || X || || - || X[21] NL || L-ebda informazzjoni pprovduta || || L-ebda informazzjoni pprovduta || X AT || - || || - || X PL || || || X (it-test ikklassifikat; mhux ipprovdut) || - PT || - || || In-negozjati għadhom għaddejin || X[22] RO || || X || fażi inizjali ta' konsultazzjonijiet mal-Istati Uniti || fażi inizjali ta' konsultazzjonijiet mal-Istati Uniti SI || - || || X || Tħejjija biex jitniedu n-negozjati SK || X || || X || X FI || || || - || X[23] SE || - || || - || - –
Ir-riżultati tal-iskrutinju tal-Kummissjoni
tal-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri mal-Istati Uniti konkluż
taħt il-VWP L-għan tat-talba tal-Kummissjoni kien li
tivverifika li l-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri mal-Istati Uniti
konklużi taħt il-VWP jikkonformaw mar-regoli eżistenti tal-UE
fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji
kriminali, b’mod partikulari fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni dwar
l-infurzar tal-liġi, inklużi: –
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI
tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u
l-kooperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi; –
Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI
tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni
tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-“Inizjattiva
Svediża”) –
Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI
tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni
transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u
l-kriminalità transkonfinali (id-Deċiżjoni “Prüm”); –
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI
tas- 27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta
personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f’materji kriminali Skont ir-riżultati tal-iskrutinju
tal-Kummissjoni, il-“Ftehimiet dwar it-Tkattir tal-Kooperazzjoni
fil-Prevenzjoni u t-Taqbida kontra d-Delitti Serji” u l-“Ftehimiet dwar
l-Iskambju ta' Informazzjoni għall-Analiżi dwar Terroristi
Magħrufa jew Suspettati” konklużi bilateralment huma kompatibbli mal-acquis
tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja
f'materji kriminali u ma jbiddlux il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
Id-Deċiżjoni “Prüm” (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI)
ma taffettwax il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri u
pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 35(6)
tad-Deċiżjoni. Bl-istess mod, l-hekk imsejħa "Inizjattiva
Svediża" (id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI)
hija mingħajr ħsara għall-ftehimiet bilaterali jew multilaterali
bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 1(2)
tad-Deċiżjoni Kwadru. Il-Ftehimiet huma kompatibbli wkoll
mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI u ma jbiddlux
il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, peress li d-Deċiżjoni
tal-Kunsill hija limitata għat-trasferiment ta’ informazzjoni mill-Istati
Membri għall-Europol, l-Eurojust u l-Istati Membri l-oħra. Aktar
preċiżament, id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija limitata
għat-trasferiment tal-informazzjoni kollha rilevanti għall-Europol u
l-Istati Membri interessati li tikkonċerna u tirriżulta
mill-investigazzjonijiet kriminali fir-rigward tal-offiżi
terroristiċi, kif stipulat fl-Artikoli 2(1) u 2(6)
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, u għat-trasferiment tal-informazzjoni
kollha rilevanti għall-Eurojust u l-Istati Membri interessati li
tikkonċerna prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati
terroristiċi, kif stipulat fl-Artikoli 2(2) u 2(6)
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI
ma tirregolax it-trasferiment ta’ informazzjoni lejn pajjiżi terzi. Fir-rigward tal-iskambju ta’ dejta
mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR - passenger name
record), il-Kummissjoni żgurat mill-bidu tal-"approċċ fuq
żewġ binarji" li l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u
l-Istati Uniti ma jinkludux dejta mill-PNR. L-ebda wieħed mill-ftehimiet
bilaterali kkomunikati lill-Kummissjoni ma ppreveda l-iskambju ta’ dejta
mill-PNR. Kooperazzjoni eqreb bejn il-pulizija u dik
ġudizzjarja f’materji kriminali trid tmur id f'id mar-rispett
għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikulari d-dritt għar-rispett
tal-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan id-dritt irid
jiġi ggarantit permezz ta’ arranġamenti speċjali tal-protezzjoni
tad-dejta[24].
Skambju ta’ informazzjoni mtejjeb fl-Unjoni Ewropea spiss jimplika kollaborazzjoni
bejn l-Istati Membri, minħabba n-natura transkonfinali fil-ġlieda
kontra l-kriminalità u kwistjonijiet ta' sigurtà. F’każijiet fejn id-dejta
personali tkun trażmessa jew saret disponibbli bejn l-awtoritajiet
tal-Istati Membri jew minn awtoritajiet bħal dawn lil awtoritajiet jew
sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tat-Titolu VI
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel it-Trattat ta’ Lisbona
(bħall-Eurojust, l-Europol, eċċ.), tapplika d-Deċiżjoni
Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008
dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċċessata fil-qafas
tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[25] ("Deċiżjoni
Qafas"). Id-Deċiżjoni Qafas tapplika wkoll fejn id-dejta
personali tkun trażmessa jew saret disponibbli lill-awtoritajiet
tal-Istati Membri minn awtoritajiet jew sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti
fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (qabel
Lisbona)[26]. L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni
Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI jistabbilixxi r-regoli applikabbli
meta l-awtoritajiet kompetenti jittrasferixxu dejta personali lejn pajjiżi
terzi, fosthom l-obbligu li l-Istat terz jiżgura livell xieraq ta'
protezzjoni għall-ipproċessar maħsub tad-dejta[27]. Skont l-Artikolu 13,
paragrafu 4, tad-Deċiżjoni Qafas, l-adegwatezza tal-livell ta'
protezzjoni hija valutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha relatati
mal-operazzjoni(jiet) ta' trasferiment tad-dejta. B'mod partikulari,
għandhom jiġu evalwati n-natura tad-dejta, l-iskop u t-tul
tal-ipproċessar, kif ukoll il-qafas legali tal-Istat terz. B'deroga minn
dan l-obbligu, id-dejta personali tista’ tiġi ttrasferita biss taħt
kundizzjonijiet stretti bħal, fost l-oħrajn, il-fatt li l-pajjiż
terz joffri salvagwardji xierqa u effettivi[28]. Għaldaqstant, il-ftehimiet bilaterali
bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti li jikkonċernaw it-trasferimenti
tad-dejta li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni
Qafas għandhom jissodisfaw dawn il-kriterji. F’dan l-isfond, referenza ġenerali
għall-applikabbiltà tal-liġi nazzjonali ta’ kull Parti, li tista’
tinstab f’ħafna ftehimiet bilaterali konklużi taħt il-VWP, mhux
dejjem tista’ tkun biżżejjed biex tiżgura l-livell ta'
protezzjoni meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk,
uħud mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti jbatu
minn limitazzjoni ta’ skop ċar u kriterji stretti li jikkwalifikaw
il-każijiet għal aktar ipproċessar tad-dejta trasferita. Dan
jista’ jqajjem kwistjonijiet tal-konformità ta' dawn il-ftehimiet mal-acquis
tal-UE u, b'mod partikulari, ir-regoli tiegħu li jillimitaw aktar
ipproċessar għal skopijiet differenti minn dak li għalih tkun
inġabret id-dejta[29].
Il-Kummissjoni bħalissa qed tinnegozja
ftehim mal-Istati Uniti għall-iskambju ta' dejta personali
pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f'materji kriminali. Dan il-ftehim eventwalment se
jikkomplementa l-ftehimiet eżistenti u futuri fil-qasam tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali bis-salvagwardji meħtieġa
mil-lat tal-protezzjoni tad-dejta. [1] ĠU L 81, 21.3.2001. [2] ĠU L 164M, 16.6.2006. [3] COM(2006) 3 finali tal-10.1.2006, COM(2006) 568
finali tat-2.10.2006, COM(2007) 533 finali tat-13.9.2007, COM(2008) 486
finali/2 tad-9.9.2008, COM(2009) 560 finali tad-19.10.2009, COM(2010) 620
fnali tal-5.11.2010. [4] ĠU L 157, 21.6.2005. [5] COM(2009) 562 finali tad-19.10.2009. [6] Dikjarazzjoni bil-miktub 0089/2010
“It-treġġigħ lura tar-reċiproċità fis-sistema
tal-viżi – solidarjetà mal-istatus inugwali taċ-ċittadini
Ċeki wara l-introduzzjoni unilaterali ta’ viżi mill-Kanada”, fit-8 ta’ Marzu 2011. [7] COM (2011) 290 finali. [8] “eVisitor” hija awtorizzazzjoni
biex wieħed iżur l-Awstralja għal finijiet turistiċi jew
kummerċjali, għal perjodu massimu ta’ tliet xhur għal kull
dħul. eVisitor hija valida
għal tnax-il xahar mid-data meta tingħata. [9] Xi miżuri ġodda relatati
mad-dejta bijometrika se jidħlu fis-seħħ fl-2013. [10] ĠU C 199E, 7.7.2012,
p. 89. [11] Notevolment fis-Summits bejn l-UE u
l-Istati Uniti fl-20 ta’ Novembru 2010 u t-28 ta’ Novembru 2011,
matul iż-żjara tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat
Ġenerali għall-Affarijiet Interni ta’ Washington DC f’Novembru 2010,
waqt il-laqgħat Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni
bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Diċembru 2010, f’April 2011, f’Novembru 2011
u f’Ġunju 2012, u l-laqgħat tal-Uffiċjali Għolja
tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Istati Uniti
f’Jannar 2011, f’Lulju 2011, f’Jannar 2012 u f’Lulju 2012. [12] Fl-aħħar laqgħa
tal-Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti (25-26 ta' Lulju 2012),
id-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) enfasizza li
l-Kungress rabat l-adozzjoni ta' kriterji ġodda ta’ eliġibbiltà
mal-implimentazzjoni ta' “sistema ta' dħul/ħruġ” effettiva – li
hija meħtieġa biex tikkalkula rata ta’ soġġorn itwal minn
dak awtorizzat affidabbli għal kull pajjiż ta' oriġini. Minkejja l-isforzi importanti, id-DHS esperjenza
diffikultajiet biex jimplementa “sistema ta’ ħruġ” affidabbli u qed
jantiċipa li l-ksib ta’ dan l-objettiv se jieħu x-xhur. [13] Għal aktar tagħrif dwar
l-"approċċ fuq żewġ binarji", ara r-raba' rapport
ta’ reċiproċità tal-Kummissjoni (COM(2008) 486 finali/2, 9.9.2008)
u l-ħames rapport ta’ reċiproċità (COM(2009) 560 finali). In-negozjati dwar l-iskambju ta' ittri bejn l-UE
u l-Istati Uniti rigward ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess
tal-VWP li waqgħu taħt il-kompetenza tal-KE għad-dħul jew
il-parteċipazzjoni kontinwa fil-VWP ma ġewx segwiti b'mod attiv
mal-Istati Uniti mill-2009: l-Istati
Uniti ma jeħtieġx li l-Istati Membri jidħlu fi ftehimiet
bilaterali mal-Istati Uniti fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti. [14] ĠU L 350, 30.12.2008 [15] Art. 3, par. 2,
tad-Deċiżjoni Qafas. [16] Nota ta’ spjegazzjoni: "X" tfisser "ftehim
konkluż" u "-" tfisser "l-ebda ftehim
konkluż". [17] Memorandum ta’ Qbil fir-rigward tal-Programm
tal-Eżenzjoni mill-Viża (VWP) tal-Istati Uniti u miżuri relatati
tas-sigurtà msaħħa [18] Dikjarazzjoni fir-rigward
tal-prinċipji ta' kooperazzjoni dwar miżuri bilaterali ta’ sigurtà
mtejba għall-ivvjaġġar internazzjonali u l-obbligi tal-VWP tal-Istati
Uniti [19] Ftehim dwar l-Iskambju ta'
Informazzjoni għall-Analiżi dwar Terroristi Magħrufa jew
Suspettati [20] Il-Ftehim dwar it-Titjib
tal-Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Serja [21] Għadu mhux ratifikat. [22] Għaddej mill-proċedura ta'
ratifika. [23] Sakemm ikun hemm proċess
approvat mill-Parlament. [24] Premessa 17
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008
dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari
fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali [25] ĠU L 350, 30.12.2008. [26] Art. 1, par. 2,
tad-Deċiżjoni Qafas. [27] Art. 13, par. 1(d),
tad-Deċiżjoni Qafas. [28] Art. 13, par. 3,
tad-Deċiżjoni Qafas. [29] Art. 3, par. 2,
tad-Deċiżjoni Qafas.