52012DC0672

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet /* COM/2012/0672 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet

1.           Introduzzjoni

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, it-tħassib dwar episodji ta' nixfiet u skarsezza tal-ilma żdied fl-Ewropa, speċjalment fir-rigward tal-iżbilanci bejn it-terminu twil tad-domanda għall-ilma u d-disponibiltà tal-ilma fl-Ewropa.

Wara waħda mill-akbar nixfiet li seħħet fl-2003 u li affettwat 'l fuq minn 100 miljun persuna, terz tat-territorju tal-UE, bi spiża ta' mill-inqas EUR 8.7 biljun, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-isfidi tal-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet (SI&N) fl-UE.

Il-Kummissjoni wieġbet għal din is-sejħa permezz tal-Komunikazzjoni dwar l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea[1], li stabbiliet ġerarkija tal-ilma li bis-saħħa tagħha l-ġestjoni tad-domanda tal-ilma tiġi l-ewwel u l-opzjonijiet alternattivi tal-provvista jitqiesu biss ladarba l-potenzjal għall-effiċjenza tal-ilma jkun ġie eżawrit. Il-Komunikazzjoni identifikat 7 għażliet prinċipali ta' politika biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-SI&N. Kull waħda minn dawn hija vvalutata fis-sezzjonijiet 3.1.1 sa 3.1.7 hawn taħt.

Il-Kummissjoni vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta' dawn l-għażliet ta' politika fir-rapporti annwali ta' segwitu tal-2008, l-2009 u l-2010. Dan ir-rapport iwieġeb għat-talba tal-Kunsill tal-2007 biex sal-2012 issir analiżi dwar jekk il-politika dwar l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet laħqitx l-għanijiet tagħha li tnaqqas l-iskarsezza tal-ilma u l-vulnerabbiltà tan-nixfiet. Ir-rapport janalizza wkoll jekk l-azzjoni meħuda fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD)[2] ikkontribwietx biex tindirizza l-SI&N. Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq għadd ta' studji[3] mnedija mill-Kummissjoni Ewropea u fuq il-valutazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-pjanijiet ta' mmaniġġar tal-baċini tax-xmajjar (RBMPs) Dan huwa wieħed mill-pilastri li jappoġġaw l-iżvilupp ta' Pjan Iddettaljat għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness.

2.           L-Iskarsezza tal-ilma u n-Nixfiet fl-Ewropa

Fl-2011 u l-2012, in-nixfiet affettwaw partijiet kbar tal-Ewropa tan-Nofsinhar, tal-Punent u wkoll tat-Tramuntana. In-nixfa tal-2011 ġiet meqjusa l-agħar nixfa li seħħet matul is-seklu kollu, l-inżul tax-xita kien inqas minn 40 fil-mija tal-ammont normali. Fis-sentejn li huma, id-disponibbiltà tal-ilma naqset b'mod sinifikanti fir-rebbiegħa u ġew implimentati restrizzjonijiet fuq l-użu tal-ilma f'diversi partijiet tal-UE. Matul dawn l-aħħar tletin sena, in-nixfiet żdiedu ġmielhom kemm fl-għadd kif ukoll fl-impatt. Bejn l-1976 u l-2006 l-għadd ta' żoni u ta' nies affettwati min-nixfiet żdied bi kważi 20 % u l-ispiża totali tan-nixfiet ammontat għal EUR 100 biljun.

Fl-2007, mill-inqas 11 % tal-popolazzjoni tal-UE u 17 % tat-territorju tagħha esperjenzaw l-iskarsezza tal-ilma u dan il-fenomenu qiegħed dejjem imur għall-agħar; attwalment, qed jiġi stmat li parti sostanzjali tal-baċini tax-xmajjar huma suġġetti għal stress tal-ilma matul is-sena kollha. Matul ix-xhur tas-sajf, l-iskarsezza tal-ilma hija iktar evidenti fl-Ewropa tan-Nofsinhar iżda qed tiżdied dejjem aktar fil-baċini tat-Tramuntana, inklużi r-Renju Unit u l-Ġermanja.

It-tendenzi jidhru li se jibqgħu stabbli. Lokalizzazzjoni mmudellata tal-baċini fejn l-ilma jkun skars fis-sajf u matul is-sena kollha għas-sena 2030 turi li l-għadd ta' baċini tax-xmajjar bi skarsezza tal-ilma huma mistennija jiżdiedu sa 50 %[4].

Kemm in-nixfiet kif ukoll l-iskarsezza tal-ilma jistgħu jikkawżaw telfiet ekonomiċi f'setturi ewlenin li jużaw l-ilma u jħallu impatti ambjentali fuq il-bijodiversità, il-kwalità tal-ilma, id-deterjorament u t-telf ta' artijiet mistgħadra, l-erożjoni tal-ħamrija, id-degradazzjoni tal-art u d-deżertifikazzjoni. Uħud mill-effetti huma għal terminu qasir ta' żmien u l-kundizzjonijiet malajr jerġgħu jmorru lura għan-normal filwaqt li effetti oħra jistgħu jkunu permanenti.

3.           Il-Politika dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet fl-Ewropa

L-istrumenti politiċi identifikati fil-Komunikazzjoni tal-2007 u fid-WFD huma t-tnejn għodod importanti biex jinbidlu t-tendenzi tal-iskarsezza tal-ilma u l-vulnerabbiltà tan-nixfiet fl-UE. Is-sezzjonijiet li ġejjin juru sa liema punt dan seħħ s'issa u jidentifikaw il-lakuni fil-politika attwali tal-SI&N.

3.1.        Implimentazzjoni tal-għażliet politiċi tal-2007

3.1.1.     Il-prezz tal-ilma kkalkulat sewwa

Ir-rekwiżiti tad-WFD fir-rigward tal-irkupru tal-ispejjeż u tal-ipprezzar inċentivanti ġew implimentati b'mod limitat. L-RBMPs jipprovdu tagħrif dwar it-tariffi attwali tas-servizzi tal-ilma, fejn id-definizzjoni ta' servizzi tal-ilma ta' spiss ma tkunx konformi mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, peress li din tillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-pjanijiet għall-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb u għat-trattament tal-ilma mormi filwaqt li teskludi l-astrazzjoni awtonoma, il-protezzjoni kontra l-għargħar, l-idroenerġija, in-navigazzjoni eċċ[5]. Anke meta tiġi użata definizzjoni usa' tas-servizzi tal-ilma, għadha mhix in-norma fl-Istati Membri kollha li jsir l-irkupru tal-ispejjeż finanzjarji għas-servizzi tal-ilma, filwaqt li ta' spiss, lanqas biss jiġu kkunsidrati l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi.

Jekk it-tariffi tal-ilma jiġu ffissati taħt il-livelli li jippermettu l-irkupru tal-ispejjeż, il-grad ta' sostituzzjoni ta' assi għas-sistemi tal-ilma tax-xorb jista' ma jkunx biżżejjed biex inaqqas it-tnixxija għal-livell sostenibbli, u l-fondi disponibbli għat-trattament jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali[6].

Fl-agrikoltura, l-aktar settur li jikkonsma ilma fl-UE, l-ispejjeż operazzjonali għall-provvista tal-ilma huma parzjalment irkuprati biss f'10 Stati Membri u l-ispejjeż kapitali ta' spiss jiġu ssussidjati. Sehem kbir mill-astrazzjoni tal-ilma għall-agrikoltura fl-UE mhuwiex ipprezzat, anke f'żoni li huma suġġetti għal stress tal-ilma, u ma hemm l-ebda mekkaniżmu finanzjarju għall-irkupru tal-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi ta' astrazzjoni individwali jew li jagħti inċentivi għal użu aktar effiċjenti tal-ilma. Il-kejl huwa prekundizzjoni għall-allokazzjoni u l-ipprezzar effettiv tal-ilma[7].

3.1.2.     Allokazzjoni tal-ilma u tal-fondi relatati mal-ilma b’mod iktar effiċjenti

Ġeneralment, il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għall-astrazzjoni jew għall-użu tal-ilma huma fis-seħħ fl-Istati Membri kollha, iżda l-proċeduri jvarjaw b'mod sinifikanti u l-astrazzjoni illegali jibqa' sfida importanti f'partijiet tal-Ewropa. Il-prattika li tillimita l-użu tal-ilma fi żminijiet ta' skarsezza jew ta' nixfiet hija inkluża f'ħafna politiki tal-Istati Membri dwar l-allokazzjoni tal-ilma.

F'xi Stati Membri, ir-restrizzjonijiet huma determinati mill-ġerarkija tal-utenti tal-ilma, li permezz tagħha l-ambjent xi drabi qed jiġi inkluż bħala settur separat. Ir-regoli ta' astrazzjoni xi kultant huma iktar stretti f'żoni li jbatu minn nuqqas kroniku ta' ilma.

L-iskemi ta' fluss ekoloġiku[8] qed jintużaw dejjem aktar bħala element ta' allokazzjoni tal-ilma biex jillimitaw l-użu tal-ilma, jiddefinixxu l-limiti massimi tal-bidliet fil-korpi tal-ilma, iżommu ċerta kundizzjoni bijoloġika u jgħinu fil-korrezzjoni tal-impatti tal-azzjonijiet preċedenti.

Fl-Ewropa, Spanja hija l-uniku pajjiż fejn mill-1999 huwa possibbli li jsir negozjar tad-drittijiet għall-użu tal-ilma tant li mill-2005 tfaċċaw swieq tal-ilma b'mekkaniżmi informali u formali differenti sabiex isir dan l-innegozjar. Fi Spanja, matul in-nixfa ta' bejn is-snin 2005 u 2008, l-innegozzjar fis-suq tal-ilma taffa l-kundizzjonijiet ħżiena ta' dawk il-baċini fejn kien hemm l-agħar skarsezza tal-ilma.

Sar progress kbir fl-integrazzjoni tal-aspetti kwantitattivi tal-ilma fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) u fid-dispożizzjonijiet tal-proposti tal-Kummissjoni sabiex il-PAK tinkludi d-WFD fil-kundizzjonalità u biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-użu ta' fondi għall-iżvilupp rurali għal proġetti ta' irrigazzjoni, li huma fundamentali sabiex din it-tendenza tibqa' għaddejja. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-2014-2020 stabbiliet li l-ġestjoni effiċjenti tal-provvista tal-ilma u d-domanda tal-ilma b'mod effiċjenti huma azzjonijiet ewlenin għall-investimenti tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni f'dak li jikkonċerna l-ġestjoni tal-ilma. Fl-istess waqt, Komunikazzjoni[9] fakkret lill-Istati Membri dwar il-bżonn li jiżdied l-appoġġ għall-effiċjenza tal-ilma meta jintuża l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni. L-użu tal-fondi tal-BEI għall-azzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-problemi tal-SI&N għadu limitat ħafna.

L-adattament tal-użu tal-art biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tar-riżorsi tal-ilma mhijiex proċedura komuni bejn l-Istati Membri u minflok qed jiġu promossi azzjonijiet u miżuri tekniċi ta' appoġġ li huma frammentati ħafna flok jiġi ppjanat b'mod integrat l-użu tal-art u tal-ilma.

L-Istati Membri rarament użaw l-analiżi tal-kosteffettività u tal-ispiża u benefiċċju biex jistabbilixxu l-prijorità tal-investimenti fil-proċess tal-RBMP; għalhekk, il-proċess ma pprovdiex mekkaniżmu sħiħ ta' koordinazzjoni għall-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' prijorità6.

3.1.3.     It-titjib tal-ġestjoni tar-riskju tan-nixfa

Sar progress fl-iżvilupp ta' Pjanijiet għall-Ġestjoni tan-Nixfa iżda l-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom mal-RBMPs u ma' dokumenti oħra ta' ppjanar għadhom limitati. Xi miżuri fl-RBMPs għandhom l-iskop li jnaqqsu l-astrazzjoni tal-ilma minn setturi differenti u jistgħu jagħtu kontribut għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tan-nixfa; madanakollu, dawn jiffukaw l-aktar fuq l-indirizzar tal-iskarsezza tal-ilma.

Ġie żviluppat prototip tal-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa (EDO) u ġew stabbiliti arranġamenti tal-interoperabbiltà ma' ċentri ewlenin tad-dejta fuq livell Ewropew, reġjonali u lokali. L-indikaturi tan-nixfa mferrxin mal-UE kollha huma disponibbli fuq bażi preliminari fir-rigward tal-preċipitazzjoni, l-umdità fil-ħamrija, ir-rispons mill-veġetazzjoni u wkoll indikatur magħmul għan-nixfa li huwa speċjalment immirat lejn in-nixfa agrikola. Huma meħtieġa aktar żviluppi sabiex jiġi ttestjat u imtejjeb is-sett ta' indikaturi, biex tiżdied id-dejta ulterjuri li ġejja mill-livell tal-baċini nazzjonali u tax-xmajjar, biex jiġi ttestjat u implimentat it-tbassir tan-nixfa fuq terminu medju u twil ta' żmien u biex titwettaq analiżi tal-periklu u tar-riskju.

Ftit sar proġress bl-użu tal-fondi Ewropej ta' solidarjetà fil-qasam tan-nixfiet. Il-mekkaniżmu ta' finanzjament kien attivat darba biss għan-nixfa tal-2008, f'Ċipru. Bħalissa, ir-regoli ta' applikazzjoni qed jiġu rriveduti.

3.1.4.     Il-kunsiderazzjoni ta' infrastrutturi addizzjonali tal-provvista tal-ilma

F'xi Stati Membri, ġew żviluppati infrastrutturi addizzjonali tal-provvista tal-ilma qabel ma jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-miżuri għall-iffrankar tal-ilma, minkejja l-ġerarkija tal-ilma. L-Istati Membri ma qisux b'mod sistematiku l-impatti ambjentali possibbli tal-pjanijiet relatati mal-infrastruttura l-ġdida tal-provvista tal-ilma.

F'madwar 30 % tal-RBMPs analizzati, l-iżvilupp jew it-titjib ta' riżervi u ta' infrastruttura oħra tal-ilma huma previsti li jżidu d-disponibbiltà tal-ilma u jnaqqsu l-impatti soċjoekonomiċi tan-nuqqas ta' disponibbiltà tal-ilma.

25 % tal-RBMPs jinkludi l-iżvilupp jew it-titjib tal-iskemi ta' trasferiment tal-ilma, iżda bi gradi differenti ta' relevanza, f'50 % tal-każijiet huwa previst l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi u fi 30 % tal-RBMPs hemm il-ħsieb li jkun hemm ġbir tal-ilma tax-xita.

L-iżvilupp jew it-titjib ta' impjanti ta' desalinizzazzjoni huwa ppreżentat biss fi ftit RBMPs iżda huwa ta' importanza kbira għall-baċini tax-xmajjar fl-Ewropa tan-Nofsinhar. Il-pjanijiet mhux dejjem iqisu biżżejjed l-effetti ambjentali negattivi tad-desalinizzazzjoni.

3.1.5.     It-trawwim ta' prassi u teknoloġiji effiċjenti fl-ilma

Għalkemm inkesb titjib sostanzjali fl-effiċjenza tal-ilma fl-agrikoltura li tuża l-irrigazzjoni, it-titjib fl-iskedi tal-irrigazzjoni u l-immodernizzar tat-teknoloġiji xorta jista' jipprovdi ffrankar sinifikanti ta' ilma. Madanakollu, tibqa' l-inċertezza dwar kif l-iffrankar tal-ilma fl-livell tal-għelieqi jista' jiġi tradott b'mod effettiv f'iffrankar ġenerali tal-ilma, jiġifieri fuq livell tal-azjenda agrikola u tal-baċin tax-xmara. F'xi każijiet, il-modernizzazzjoni wasslet għal intensifikazzjoni jew għal estensjoni taż-żona li qed tiġi kkultivata aktar milli għal tnaqqis fl-użu tal-ilma[10]. Għadhom importanti l-marġini ta' effiċjenza fil-bini, e.ż. fir-rigward tal-ekodisinn tal-viti u tal-bexxiexa tad-doċċa.

Fl-UE hemm differenza kbira bejn l-effiċjenza tas-sistemi ta' provvista tal-ilma tax-xorb. F'xi każijiet, is-sistemi ta' distribuzzjoni tal-ilma b'effiċjenza baxxa (b'rati għolja ta' tnixxija) jistgħu jkunu fil-livell massimu tal-effiċjenza ekonomika tagħhom, b'hekk dan ifisser li l-investimenti addizzjonali fit-tnaqqis tat-tnixxija jistgħu jirriżultaw fi spejjeż żejda għall-pubbliku mingħajr ma jwasslu għall-ebda benefiċċju għall-pubbliku jew għall-ambjent6.

Il-valutazzjoni tal-RBMPs turi li dawn ta' spiss ma kinux ikkoordinati adegwatament ma' pjanijiet oħra fiżiċi u soċjoekonimiċi e.ż. dwar l-użu tal-art. In-nuqqas ta' koordinazzjoni, flimkien man-nuqqas ta' pjanijiet ta' appoġġ finanzjarju, ifixklu b'mod serju l-implimentazzjoni tal-RBMPs inġenerali u b'mod partikolari tal-miżuri rilevanti għall-SI&N (inklużi l-miżuri għall-effiċjenza tal-ilma).

3.1.6.     It-trawwim tal-iżvilupp ta’ kultura li tiffavorixxi l-iffrankar tal-ilma fl-Ewropa

L-Istati Membri qed jimplimentaw firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jqajmu kuxjenza rigward it-trawwim tal-iffrankar tal-ilma, iżda għodod oħra bħall-ipprezzar inċentivanti, il-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-iffrankar tal-ilma u l-ekodisinn għall-apparati li jużaw l-ilma mhumiex dejjem preżenti biżżejjed.

Fil-qasam tal-konsum sostenibbli, qegħdin jiġu żviluppati żewġ tendenzi prinċipali fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni u tal-iskemi tat-tikkettar tal-prodotti agrikoli u tal-ikel: skemi li jiffukaw fuq il-provvista ta' tagħrif fuq l-impronta tal-ilma ta' prodott u skemi li huma ffukati biex iħeġġu l-amministrazzjoni tajba tal-ilma. Attwalment, it-tikkettar abbażi tal-impronta tal-ilma mhuwiex irrakomandat peress li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi ma għandhomx għarfien biżżejjed fuq is-suġġett biex jinterpretaw dan it-tagħrif u minħabba l-kwistjonijiet mhux solvuti dwar it-trasparenza u l-affidabilità tad-dejta li ssejjes l-impronta u li ma tqisx l-impatti tal-ilma kkunsmat[11].

Is-Sħubija Ewropea tal-Ilma żviluppat l-iskema tal-Amministrazzjoni Ewropea tal-Ilma (EWS – European Water Stewardship) bl-iskop li tippromwovi prattiki effiċjenti minn utenti ewlenin tal-ilma. Il-kriterji għaċ-ċertifikazzjoni huma marbuta mill-qrib mar-rekwiżiti prinċipali tad-WFD u għalhekk, il-EWS tista' tkun għodda utli biex tottimizza l-ġestjoni tal-ilma fuq livell ta' baċini tax-xmajjar.

3.1.7.     Titjib fl-għarfien u l-ġbir tad-dejta

Il-kopertura wiesgħa fuq livell tal-UE u s-serje ta' dejta fuq terminu twil ta' żmien dwar il-kwantità tal-ilma għadhom mhumiex disponibbli, għalhekk l-identifikazzjoni tal-baċini tax-xmajjar li huma skarsi fl-ilma tibqa' problematika. Hemm bżonn li jsir titjib fid-dejta ssimplifikata dwar l-istat u l-pressjonijiet, l-impatti u l-effettività tat-tweġibiet li għandhom l-għan li jindirizzaw il-problemi tal-SI&N.

Sar progress fl-applikazzjoni ta' indikaturi komuni tal-SI&N taħt l-Istrateġija Komuni ta' Implimentazzjoni għad-WFD. S'issa kien hemm qbil fuq tliet indikaturi:

· L-Indiċi dwar il-Preċipitazzjoni Standardizzata għat-tbassir tan-nixfa meteoroloġika.

· Il-frazzjoni Solari ta' Radjazzjoni fotosintetikament attiva assorbita(fAPAR) għall-impatti tan-nixfa fuq il-veġetazzjoni.

· L-Indiċi Aġġornat tal-Konsum tal-Ilma (WEI+) għall-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma mill-astrazzjoni tal-ilma.

Dawn l-indikaturi jistgħu jkunu kkalkulati abbażi tat-tagħrif, sew jekk ikun diġà disponibbli jew jekk ikun qed jiġi żviluppat (e.ż. bilanċi fiżiċi tal-ilma li qed jiġu żviluppati mill-EEA).

Ir-riċerka dwar l-iskarsezza tal-ilma u l-użu effiċjenti tal-ilma hija mifruxa fi ħdan is-sitt u s-seba' Programm Kwadru u huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-attivitajiet ta' riċerka tal-Istati Membri fosthom dwar l-iffrankar u l-effiċjenza tal-ilma u biex jiżguraw il-koordinazzjoni xierqa mal-bżonnijiet tal-politika. Dan qed jiġi implimentat bil-mod il-mod fi proġetti li ġew imnedija riċentement.

3.2.        Integrazzjoni ta' miżuri dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet fl-RBMPs

Saret analiżi li tikkonċerna l-pajjiżi kollha li ssottomettew l-RBMPs tagħhom dwar kif il-kwistjonijiet ta' skarsezza tal-ilma u n-nixfiet jiġu koperti mill-RBMPs (għalhekk ġew esklużi l-Portugall, il-Greċja u partijiet mir-reġjuni ta' Spanja u tal-Belġju)[12].

L-SI&N huma meqjusa bħala kwistjonijiet importanti mill-RBMPs ta' madwar l-UE. L-iskarsezza tal-ilma hija komuni fiż-żona kollha tal-Mediterran, u f''ċerti partijiet tal-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tat-Tramuntana. 41 % tal-RBMPs ma jqisux l-iskarsezza tal-ilma bħala kwistjoni ta' tħassib kbir. In-nixfa hija rraportata f'għadd ta' Distretti ta' Baċini tax-Xmajjar (RBD) madwar l-Ewropa, iżda 40 % tal-RBMPs ma jqisux in-nixfa bħala kwistjoni ta' tħassib kbir.

L-analiżi tal-aspetti kwantitattivi tal-ilma għandha nuqqas ta' sisien adegwati f'ħafna RBMPs: id-dejta kwantitattiva mhijiex biżżejjed u l-iskarsezza tal-ilma ta' spiss ma tiġix distinta b'mod ċar min-nixfiet u viċi versa. 35 % biss tal-RBMPs jippreżentaw xenarji ta' domanda tal-ilma, fil-fatt ix-xenarji ta' disponibbiltà tal-ilma huma preżenti f'inqas minn 25 % tal-pjanijiet. 80 % tal-pjanijiet ma jivvalutawx l-inċertezza tad-dejta u 90 % minnhom ma jispeċifikawx is-sorsi ta' finanzjamenti biex jiġu implimentati l-miżuri rilevanti.

Qed jiġu inklużi miżuri biex jiżguraw il-kisba tal-għanijiet tal-WFD permezz tat-titjib tar-reżiljenza tal-ekosistemi f'45 % tal-RBMPs. L-RBMPs jagħtu prijorità kbira lir-restrizzjonijiet tal-iżviluppi l-ġodda ta' konsum tal-ilma fi ftit baċini biss li jaffaċċaw din l-iskarsezza tal-ilma.

L-influwenza ta' politiki settorjali oħra fuq it-tnaqqis tal-iskarsezza tal-ilma u l-mitigazzjoni tal-effetti tan-nixfa mhijiex koperta biżżejjed: fi 12 % biss tal-RBMPs, huma identifikati l-pressjonijiet li ġejjin mis-setturi differenti fuq ir-riżorsi tal-ilma.

F'baċini internazzjonali, għad hemm lakuna kbira fit-trattament ta' kwistjonijiet kwantitattivi tal-ilma bl-għan li jnaqqsu r-riskju ta' kunflitti u jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tal-għanijiet tad-WFDs. 5 % biss tal-RBMPs internazzjonali analizzati jinkludu miżuri kkoordinati li jindirizzaw l-SI&N għall-RBD internazzjonali kollha.

3.3.        Lakuni fil-politika attwali tal-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfiet

Il-valutazzjoni ta' hawn fuq turi varjetà ta' lakuni interkonnessi fil-politiki li jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet fl-Ewropa. Dawn jinkludu:

· Lakuni kunċettwali: il-fehim tar-relazzjonijiet każwali bejn muturi, pressjonijiet, stati u impatti li jistgħu jkunu ta' għajnuna biex jidentifikaw l-aktar miżuri kosteffiċjenti għall-indirizzar tal-SI&N, għadu mhuwiex biżżejjed. L-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet ta' spiss mhumiex distinti u l-indikaturi biex juru dawn iż-żewġ fenomeni għadhom s'issa mhux suffiċjenti. L-indikaturi l-ġodda li kien hemm qbil dwarhom għandhom bżonn jiġu kkalkulati għall-UE kollha fuq skala ġeografika u temporali xierqa. Dan jeħtieġ sett ta' dejta koerenti fil-livell tal-UE.

· Lakuni fit-tagħrif: l-RBMPs jinkludu biss dejta limitata dwar id-domanda u d-disponibbiltà attwali u futura tal-ilma kif ukoll dwar miżuri li jimmiraw lill-SI&N, id-disponibbiltà tal-finanzjament u l-impatt mistenni tagħhom fuq l-SI&N. In-nuqqas ta' tagħrif konkret ifixkel il-valutazzjoni xierqa tal-effettività u tal-impatti soċjoekonomiċi tal-miżuri.

· Lakuni fil-politika, fil-governanza u fl-implimentazzjoni: b'mod ġenerali, ħafna mill-azzjonijiet u mill-miżuri ta' appoġġ proposti mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-SI & N jimmiraw il-pressjonijiet, l-istati u l-impatti, filwaqt li jagħtu prijorità lill-miżuri li jżidu l-provvista tal-ilma. Miżuri li jimmiraw il-muturi ewlenin li jinsabu fl-oriġini tal-SI&N, jew l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament bħall-kejl, l-ipprezzar/is-sussidji u r-restrizzjonijiet għal-konsum tal-ilma huma proposti biss fi ftit RBMPs. Ir-responsabbiltajiet u l-finanzjament tal-miżuri proposti mhumiex ċari. Il-koordinazzjoni adegwata ma' proċessi oħra ta' ppjanar u d-disponibbiltà ta' riżorsi finanzjarji mhumiex sodisfaċenti. Fl-aħħar nett, ir-rabtiet bejn l-iskarsezza tal-ilma u l-flussi ekoloġiċi mhumiex stabbiliti tajjeb.

4.           Indirizzar aħjar tal-kwistjonijiet kwantitattivi tal-ilma fil-futur

L-iskop prinċipali tal-SI&N huwa li jrodd lura jew isostni l-bilanċ tal-ilma fil-baċini tax-xmajjar Ewropej kollha filwaqt li jqis bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-ilma tal-ekosistemi akkwatiċi.

Filwaqt li r-rekwiżiti tad-WFD dwar il-kwantità tal-ilma mhumiex spjegati f'dettall kbir għall-ilma tal-wiċċ[13], huwa diffiċli li jintlaħaq Stat Ekoloġiku Tajjeb f'korp ta' ilma bi flussi mibdula b'mod sinifikanti minħabba, pereżempju, l-astrazzjoni żejda tal-ilma. Għalhekk, il-ġestjoni adegwata tal-kwantità tal-ilma hija rekwiżit impliċitu tad-WFD. Intlaħaq fehim komuni dwar l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet fil-qafas tal-proċess tal-Istrateġija Komuni ta' Implimentazzjoni. Hemm bżonn li dan jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-RBMPs li jmiss.

L-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma[14] jista' jkollha rwol sinifikanti fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi biex jindirizzaw il-kwistjonijiet kwantitattivi tal-ilma, filwaqt li l-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu[15] se tindirizza l-ġestjoni tal-ilma fil-livell ta' azjendi agrikoli, billi tikkontribwixxi għal użu aktar affiċjenti tal-ilma fl-agrikoltura. Barra minn hekk, huwa importanti li jkun hemm għadd ta' għodod biex itejbu l-ġestjoni tal-kwantità tal-ilma fl-RBMPs li jmiss. Dawk prinċipali huma enfasizzati hawn taħt:

4.1.        Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-flussi ekoloġiċi

L-istabbiliment u l-infurzar ta' flussi ekoloġiċi adegwati għall-korpi kollha tal-ilma fl-Ewropa huma essenzjali sabiex jiġu indirizzati b'mod effiċjenti kemm il-kwistjonijiet tal-SI&N u biex jinkiseb Stat Ekoloġiku Tajjeb kif inhu meħtieġ mid-WFD kif ukoll benefiċċji kollaterali sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija, mitigazzjoni u adattament tat-tibdil fil-klima, in-natura u l-bijodiversità. Għalhekk, jeħtieġ li l-allokazzjoni attwali tal-ilma tiġi adattata biex jiġu integrati l-bżonnijiet ekoloġiċi tal-ekosistemi li jiddependu mill-ilma. Jekk l-allokazzjonijiet tal-ilma jirriflettu r-rekwiżiti tal-fluss ekoloġiku, se jkun possibbli li jiġu evitati jew mitigati l-effetti tal-SI&N.

4.2.        Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miri f'termini ta' effiċjenza tal-ilma

Hemm bżonn li l-RBMPs jinkludu dejta kwantitattiva dwar id-domanda u d-disponibbiltà tal-ilma li tinkludi tbassir aħjar tad-disponibbiltà u l-konsum tal-ilma. Id-dejta għandha tkun ukoll aktar trasparenti, lu għandha tindika l-inċertezzi, il-perjodi ta' żmien u s-sorsi. Fiż-żoni li ta' spiss jintlaqtu min-nixfa, l-inċertezzi u l-varjazzjonijiet tan-nixfa (e.ż. tad-disponibbiltà tal-ilma) għandhom jitqiesu fix-xenarju bażi tal-RBMPs u ma jkunux interpretati bħala estremitajiet klimatiċi naturali mhux mistennija.

Għad hemm potenzjal kbir biex jiġu adottati miżuri għall-effiċjenza tal-ilma fis-setturi prinċipali li jużaw l-ilma: l-agrikoltura, l-industrija, in-netwerks ta' distribuzzjoni u l-produzzjoni tal-bini u tal-enerġija. Madanakollu, il-potenzjal għall-iffrankar tal-ilma jiddependi ħafna mill-kuntest u huwa aħjar li jiġu ffissati miri fuq livell lokali mill-partijiet interessati li għandhom għarfien sħiħ tas-setturi differenti li jużaw l-ilma u tal-komponenti taċ-ċiklu idroloġiku u li jistgħu jiżguraw li l-miri huma koerenti u li l-miżuri ta' effiċjenza jiġu implimentati bl-inqas spejjeż soċjoekonomiċi possibbli.

4.3.        Il-promozzjoni tal-inċentivi ekonomiċi għall-użu effiċjenti tal-ilma

L-implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 9 tad-WFD hija kruċjali sabiex jiġu indirizzati l-SI&N. Hemm bżonn li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrumenti ekonomiċi attwali biex jiġu żgurati inċentivi għall-astrazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-ilma: fejn attwalment ma hemmx tariffi, hemm bżonn li dawn jiġu implimentati; hemm bżonn li jiġu promossi t-tariffi tal-ilma bbażati fuq il-konsum; u l-irwol tal-imposti u tat-taxxi ta' astrazzjoni hemm bżonn li jkun jitkabbar sabiex l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi jiġu internalizzati fid-deċiżjonijiet tal-utenti tal-ilma.

Il-fatt li jiġi żgurat li l-istrumenti ekonomiċi jirriflettu aħjar il-valur ekonomiku tal-ilma jagħti wkoll inċentivi għal investimenti addizzjonali fil-kontroll tat-tnixxija minn fornituri tas-servizz tal-ilma, jikkontribwixxu kemm għall-irkupru tal-ispejjeż kollha u s-sostenibbiltà fuq perjodu twil kif ukoll għall-effiċjenza tal-provvista tas-servizzi tal-ilma. Fl-aħħar nett, il-miżuri relatati mal-assenjazzjoni tad-dħul finanzjarju għall-SI&N se jappoġġaw ukoll il-kisba tal-miri tal-SI&N.

L-istabbiliment ta' suq tal-ilma/mekkaniżmi ta' negozjar tal-ilma b'limitu massimu ddefinit għall-ambjent huwa mekkaniżmu li jista' jipprovdi l-opportunità ta' ħlas għal servizzi tal-ekosistemi biex b'hekk jinkiseb bilanċ sostenibbli għall-baċini tax-xmajjar li għandhom żbilanċ. Il-benefiċċji inċidentali jinkludu r-riallokazzjoni (temporanja jew permanenti) tad-drittijiet tal-użu tal-ilma fost l-utenti ekonomiċi li jistgħu jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi addizzjonali.

4.4.        Indikazzjonijiet biex l-art tibda tiġi użata għall-indirizzar tal-iskarsezza tal-ilma

Il-fatt li jiġi żgurat li l-iżvilupp ekonomiku l-ġdid huwa koerenti mad-disponibbiltà tal-ilma huwa l-bażi għas-sostenibbiltà fuq perjodu twil ta' żmien u jeħtieġ attenzjoni speċifika għall-użu tal-art. Dan jenfasizza mill-ġdid il-bżonn ta' integrazzjoni xierqa bejn l-RBMPs u l-proċessi l-oħra ta' ppjanar ekonomiku u fiżiku.

Sabiex dan jiġi żgurat, hemm bżonn li l-RBMPs ikunu kkoordinati b'mod adegwat ma' pjanijiet oħra fiżiċi u soċjoekonomiċi qabel ma dawn jiġu adottati sabiex jiġu identifikati riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Dan jiżgura li l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-azzjonijiet ikunu meqjusa b'mod xieraq u li l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-kosteffettività tad-WFD jiġi użat biex jinkisbu l-għanijiet tal-RBMP bl-inqas spiża possibbli.

4.5.        Titjib il-ġestjoni tan-nixfa fl-Ewropa

L-iżvilupp ulterjuri tal-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa (EDO) sabiex jopera bħala sistema ta' twissija bikrija se jkun għodda neċessarja sabiex jgħin lill-Istati Membri u lill-operaturi ekonomiċi jaġixxu mill-aktar fis possibbli u jħejju għan-nixfiet li ġejjin. Dan għandu jkun marbut ma' adattament effettiv tal-fond Ewropew ta' Solidarjetà f'każ ta' emerġenza kkawżata min-nixfiet sabiex jiġu affrontati ħsarat inevitabbli.

Jeħtieġ li jkun hemm aktar sforzi sabiex jiġi żviluppat u implimentat sett koerenti ta' azzjonijiet biex jindirizza n-nixfa fuq skala tal-baċini tax-xmajjar fi ħdan il-proċess ta' ppjanar tad-WFD. L-iżviluppi tal-użu tal-art għandhom ikunu koerenti mad-disponibbiltà tal-ilma fl-RBDs, li jinkludu wkoll il-varjabbiltà tagħhom. F'dan ir-rigward, l-infrastrutturi ambjentali bħall-miżuri ta' retenzjoni jista' jkollhom rwol pożittiv ħafna.

Barra minn hekk, ta' min joqgħod aktar fuq l-għażliet alternattivi tal-provvista tal-ilma b'impatt ambjentali baxx bħall-użu mill-ġdid tal-ilma.

4.6.        Il-promozzjoni tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima

Huwa mistenni li minħabba t-tibdil fil-klima l-impatti tal-istress tal-ilma diġà eżistenti jmorru għall-agħar. Il-bidliet fil-preċipitazzjoni flimkien mat-temperaturi li dejjem jogħlew se jikkawżaw bidliet sinifikanti fil-kwalità u d-disponibbiltà tar-riżorsi tal-ilma. Fit-tweġibiet politiċi għall-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa trid tiġi inkluża taħlita ta' miżuri ta' adattament.

5.           Konklużjoni

L-għan ġenerali tal-politika tal-SI&N – sabiex jinbidlu t-tendenzi tal-SI&N – għadu ma nkisibx, anke jekk sar progress fl-implimentazzjoni tas-7 strumenti politiċi identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007.

Il-politika tal-SI&N kienet sa ċertu punt meqjusa bħala awtonoma mill-Istati Membri u huwa ferm importanti li jkun hemm enfasi akbar fuq il-kwistjonijiet kwantitattivi fl-implimentazzjoni tad-WFD. Fiċ-ċikli li jmiss ta' implimentazzjoni tad-WFD dan għandu bżonn ikun żgurat flimkien ma' integrazzjoni ulterjuri tal-kwistjonijiet kwantitattivi tal-ilma fil-politiki settorjali.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri applikati mill-Istati Membri jindirizzaw il-pressjonijiet, l-istat u l-impatti u ftit miżuri biss jindirizzaw il-muturi ewlenin.

Il-lakuni politiċi identifikati u l-għażliet konkreti biex jindirizzawhom huma meqjusa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Pjan Iddettaljat għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa' bil-ħsieb li jiġu integrati aktar bis-sħiħ il-kwistjonijiet kwantitattivi tal-ilma fil-qafas politiku ġenerali. Fejn huwa rilevanti, jistgħu jiġu indirizzati miżuri politiċi ulterjuri fl-istrateġija ta' adattament għat-tibdil fil-klima mbassra għar-rebbiegħa 2013.

[1]               COM (2007) 414 finali

[2]               Id-Direttiva 2000/60/KE, ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1

[3]               http://ec.europa.eu/environment/water/quantity/building_blocks.htm

[4]                      L-immudellar sar skont il-proġett ClimWatAdapt.

[5]               Ġew imnedija proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni kontra 8 Stati Membri. Il-valutazzjoni kontinwa tal-RBMPs tal-Istati Membri turi li d-definizzjoni wiesgħa tas-servizzi tal-ilma ġiet irrappurtata biss f'6 Stati Membri mit-23 wieħed li ġie vvalutat.

[6]                      "Resource and economic efficiency of water distribution netwroks". Rapport finali mill-ERM lill-Kummissjoni Ewropea fl-2012

[7]                      "The role of water pricing and water allocation in agriculture". Rapport finali minn Arcadis et al lill-Kummissjoni Ewropea, 2012.

[8]                      Ir-reġimi ta' fluss li huma neċessarji biex jinżammu l-proċessi essenzjali tal-ekosistemi għal xmajjar b'saħħithom u status ekoloġiku tajjeb għall-korpi tal-ilma

[9]               COM(2011) 17 finali

[10]                    "Water saving potential in agriculture Europe", rapport finali minn Bio Intelligence Service lill-Kummissjoni Ewropea, 2012.

[11]                    "Water footprinting and product labelling", Rapport Finali mill-RPA lill-Kummissjoni Ewropea, 2011

[12]             Għaldaqstant, ir-rapport jista' jissottovaluta l-isfida tal-SI&N fl-Ewropa

[13]                    Ir-rekwiżiti kwantitattivi huma speċifikament dwar l-ilma ta' taħt l-art

[14]             COM(2012) 216

[15]             COM(2012) 79